Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IE5526

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-diġitalizzazzjoni u l-mudelli tan-negozju innovattivi fis-settur finanzjarju Ewropew: l-impatt fuq l-impjieg u l-klijenti” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 246, 28.7.2017, p. 8–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 246/8


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-diġitalizzazzjoni u l-mudelli tan-negozju innovattivi fis-settur finanzjarju Ewropew: l-impatt fuq l-impjieg u l-klijenti”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2017/C 246/02)

    Relatur:TBL

    Carlos TRIAS PINTO

    Korelatur:TBL

    Pierre GENDRE

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    22.9.2016

    Bażi legali

    L-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

    Adottata fis-CCMI

    7.4.2017

    Adottata fis-sessjoni plenarja

    26.4.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    525

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    150/1/3

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    F’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin is-settur bankarju u tal-assigurazzjoni qed ikomplu jinħolqu mill-ġdid bit-tekonoloġija, ir-regolazzjoni, u l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-konsumaturi li dejjem qed jinbidlu. Mudelli ġodda ta’ investimenti, tfaddil, assigurazzjoni, u trasferiment ta’ fondi qed jippermettu firxa mill-aktar wiesgħa ta’ nies biex jipparteċipaw fi proġetti ta’ daqsijiet differenti.

    1.2

    FinTechs u InsurTechs huma katalisti u ta’ spiss l-imsieħba ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fil-modernizzazzjoni tas-servizzi tagħhom, f’li jġibu flimkien il-punti tajbin u l-punti dgħajfin u jiġġeneraw sinerġiji bejn xulxin. Fil-fehma tal-KESE, hemm potenzjal konsiderevoli li jinħoloq valur bit-trawwim ta’ ekosistema ta’ koopetizzjoni (1) innovattiva.

    1.3

    Żgur hemm bżonn li jinkisbu lura l-fiduċja u l-istabbiltà fis-settur finanzjarju, fejn il-ġestjoni tat-tranżizzjoni mit-teknoloġija l-qadima (is-sistema bankarja tradizzjonali) għas-sistema l-ġdida hija kruċjali. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob biex tiġi implimentata leġislazzjoni xierqa fil-kuntest tal-UE ta’ proċess ta’ integrazzjoni tal-Unjoni Bankarja u s-Suq Uniku Diġitali, li tippermetti t-tkabbir u l-innovazzjoni filwaqt li tiżgura l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-impjegati fl-industrija tal-finanzi.

    1.4

    Sabiex jinkiseb Suq Finanzjarju Uniku Ewropew tassew, il-politika tal-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja ambjent b’kundizzjonijiet ekwi f’termini ta’ innovazzjoni. Bħala prinċipju ġenerali, hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet analogi wesgħin f’termini ta’ regolamentazzjoni kif ukoll tad-drittijiet tal-konsumatur, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-obbligi ta’ superviżjoni kemm għall-industrija ta’ finanzjament tradizzjonali kif ukoll għall-kumpaniji FinTech, f’konformità mar-regola fejn attività ugwali tirrikjedi regolamentazzjoni ugwali u superviżjoni ugwali. B’mod partikolari:

    1.4.1

    Approċċ tar-regolamentazzjoni li jibbaża fuq ir-riskju għandu jkun konsistenti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-innovazzjoni, li jipprovdi qafas regolatorju proporzjonat u ssemplifikat kemm għall-operaturi diġà stabbiliti kif ukoll għall-parteċipanti ġodda biex jesperimentaw b’teknoloġiji u mudelli kummerċjali ġodda f’interazzjoni mar-regolaturi. Il-ħolqien ta’ qafas tal-UE għall-esperimentazzjoni, fejn ikun hemm ħidma mal-industrija u firxa usa’ ta’ partijiet interessati – inklużi r-rappreżentanti tal-konsumaturi u tal-ħaddiema – jipprovdi l-għodod għat-tħejjija biex tiġi appoġġjata l-innovazzjoni fil-firxa kollha tal-attivitajiet tagħha (“Sandbox” għal FinTech Innovation) (2).

    1.4.2

    Biex tqabbel il-kundizzjonijiet ma’ dawk ta’ partijiet terzi, huwa meħtieġ li wieħed iħares lejn it-trattament tas-software bħala assi intanġibbli, biex jiġi evitat li jitnaqqsu mill-kapital ta’ ekwità ewlieni l-investimenti kbar li l-entitajiet ibbażati fl-UE diġà jagħmlu fl-IT (isegwu l-eżempju tas-sistemi bankarji tal-Istati Uniti u tal-Isvizzera, jew is-settur tal-assigurazzjoni (3)).

    1.4.3

    Il-Kummissjoni Ewropea, l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Istati Membri jridu jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ għal implimentazzjoni tad-Direttiva Riveduta tas-Servizzi tal-Pagamenti (PSD2) armonizzata u effettiva li tintroduċi rekwiżiti stretti ħafna tas-sigurtà għall-inizjazzjoni u l-ipproċessar tal-pagamenti elettroniċi u l-protezzjoni ta’ data finanzjarja tal-utenti, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-kumpaniji kbar ħafna tal-midja soċjali teknoloġika u dawk kummerċjali.

    1.4.4

    L-isfidi u r-riskji tal-konsumatur marbuta mad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji għandhom jiġu eżaminati mill-qrib mill-Pjan ta’ Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji (4) għall-Konsumatur u t-Taskforce Fintech, filwaqt li tkun garantita koordinazzjoni mill-qrib bejn DĠ JUST u DĠ FISMA, partikolarment fir-rigward ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ħarsien tal-konsumaturi, pereżempju, li jiġi determinat liema tip ta’ data għandha tintuża biex tiġi vvalutata l-affidabbiltà kreditizja, kif jiġi żgurat il-fehim ta’ informazzjoni prekuntrattwali u kontrolli tal-identità effikaċi permezz ta’ proċess ta’ skrinjar.

    1.4.5

    Il-miżuri inklużi fl-emenda proposta għad-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD) għandhom jiġu immedjatament trasposti (5), partikolarment dawk li jindirizzaw riskji tal-finanzjament tat-terroriżmu marbuta ma’ muniti virtwali u r-riskji marbuta ma’ strumenti anonimi mħallsin minn qabel.

    1.4.6

    It-tisħiħ tal-finanzjament kollettiv u soluzzjonijiet oħra tal-ekonomija kollaborattiva billi jiġi esplorat il-potenzjal tat-twaqqif ta’ “tikketta ta’ kwalità” biex tinbena l-fiduċja mal-utenti sabiex jiġu żviluppati aħjar komunitajiet virtwali u tiġi ffaċilitata l-interazzjoni fost il-klijenti kooperattivi.

    1.4.7

    L-appoġġ għall-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ softwer ta’ sorsi miftuħin fis-settur finanzjarju sabiex tiżdied il-kompetizzjoni sana tas-suq, jitnaqqsu l-ispejjeż u jiġi evitat lock-in tal-bejjiegħa fis-settur.

    1.4.8

    Jeħtieġ li r-regolamenti ta’ self PtP jiġu indirizzati fl-istess ħin biex jitħeġġu karti tal-bilanċ iżgħar.

    1.4.9

    Jeħtieġ li s-self ibridu (immexxi mir-rekwiżiti ta’ kapital Basel 3) jiġi sostnut mill-Kummissjoni Ewropea.

    1.5

    Il-KESE jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni m’għandha qatt tieħu post parir personalizzat tajjeb minn konsulent kwalifikat uman (il-prossimità fil-qasam bankarju bl-għajnuna ta’ netwerk ta’ aġenziji adattati m’għandhiex tisparixxi!).

    1.6

    Il-fehim dwar FinTech jirrikjedi ħiliet ġodda minn kulħadd: regolaturi, superviżuri, partijiet interessati tal-ekosistema finanzjarja u l-popolazzjoni kollha kemm hi. Sabiex jittieħed vantaġġ minn xi wieħed mill-benefiċċji potenzjali ewlenin ta’ FinTech bħala mutur tal-inklużjoni finanzjarja, l-Istati Membri tal-UE jridu jsaħħu l-edukazzjoni finanzjarja u l-litteriżmu diġitali, filwaqt li jantiċipaw xenarji ġodda. Dan għandu jibda fl-iskejjel, u għandu jinkorpora informazzjoni dwar il-prodotti finanzjarji fil-kuntest ta’ kif dawn jiġu ppreżentati onlajn u r-relazzjoni tagħhom mal-iżvilupp tal-Internet tal-Oġġetti.

    1.7

    Id-diġitalizzazzjoni fis-settur finanzjarju jhedded ħafna impjiegi, u dan qed iġiegħel lill-impjegati biex jaġġornaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom. Il-KESE huwa favur li jiġi żgurat li t-taħriġ ta’ ħiliet u aktar edukazzjoni iseħħu f’żewġ livelli. Internament billi l-impjegati jkunu permessi jwettqu kompiti ġodda u joħolqu transizzjoni bejn l-impjegati finanzjarji attwali “minn istituzzjonijiet tradizzjonali” u kumpaniji FinTech/InsurTech, u esternament billi l-impjegati li ma jistgħux jibqgħu f’dan is-settur jitħejjew għal impjiegi f’setturi oħra.

    1.8

    Il-KESE jistieden il-Fond Soċjali Ewropew biex jipprovdi programmi ta’ taħriġ speċifiċi fi ħdan l-inizjattiva ewlenija “Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali” (6), biex jiġu appoġġati t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol tas-settur finanzjarju sabiex jitħejjew għal teknoloġiji diġitali ġodda.

    1.9

    Il-KESE jappella lill-intrapriżi biex jirriproduċu kodiċi ta’ kondotta u l-aħjar prattiki dwar ir-regoli interni billi jiġu limitati r-rekwiżiti għal impjegati li jkunu onlajn kull ħin tal-ġurnata u joħorġu linji gwida li jiskoraġġixxu lill-impjegati milli jaħdmu fi tmiem il-ġimgħa u fil-vaganzi. Jekk approċċi volontarji ma jaħdmux, il-KESE jappella għal regoli vinkolanti f’dan ir-rigward.

    1.10

    Informazzjoni u konsultazzjoni fil-ħin, b’konformità mad-Direttivi rilevanti tal-UE dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati huma ċ-ċavetta biex jintlaqgħu dawn l-isfidi kollha. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli u, b’mod partikolari, mad-drittijiet tar-rappreżentanti tal-impjegati biex ikunu involuti f’bidliet bejn kumpanija u oħra.

    1.11

    Il-KESE jitlob li l-proposta għal Direttiva dwar ir-ristrutturar preventiv u dwar it-tieni opportunità tissaħħaħ u titlesta, peress li din se tgħin biex jinkiseb aċċess għal proċeduri ta’ ristrutturar qabel tiġi kkonstatata kwalunkwe insolvenza ta’ negozju.

    2.   Settur konċentrat u diversifikat li għaddej minn trasformazzjoni rapida

    2.1

    Is-settur bankarju u dak tal-assigurazzjoni fl-Ewropa huwa immarkat bil-preżenza ta’ istituzzjonijiet Ewropej kbar u anki globali kif ukoll strutturi lokali u reġjonali bi gradi differenti ta’ indipendenza, u ċerti karatteristiċi speċifiċi għal pajjiżi individwali. Minkejja proċess ta’ konċentrazzjoni f’ħafna mill-Istati Membri, xorta huwa frammentat fil-livell Ewropew. Il-linji diviżorji antiki bejn gruppi bankarji u kumpaniji tal-assigurazzjoni kbar tista' tgħid sparixxew għal kollox minħabba l-istabbiliment ta’ konglomerati finanzjarji de facto.

    2.2

    Fix-xena l-ġdida ta’ swieq instabbli u rati baxxi tal-imgħax, il-pressjoni regolatorja, superviżjoni u sorveljanza b’saħħithom – imposti fuq is-sistema bankarja wara l-kriżi finanzjarja – flimkien ma’ trasformazzjoni diġitali u kompetizzjoni miżjuda (kumpaniji FinTech ġodda) kif ukoll tendenzi ġodda fil-konsum, qed ikomplu jitnaqqsu r-riżultati tas-settur bankarju. Bil-wasla ta’ mudelli ġodda mhux bankarji fl-ekonomija diġitali jeħtieġ li tiġi analizzata l-interazzjoni ta' erba’ elementi: il-banek tradizzjonali, l-atturi diġitali l-ġodda, l-awtoritajiet regolatorji u l-konsumaturi.

    2.3

    Hekk kif l-użu tal-internet ikompli jiżdied, il-banek qed jiżviluppaw sussidjarji onlajn u aġenziji virtwali li permezz tagħhom il-konsumaturi jistgħu jwettqu tranżazzjonijiet sempliċi u jikkuntattjaw konsulent. L-istrateġiji tal-kumpaniji immirati lejn it-tnaqqis radikali ta’ investiment fir-riżorsi umani kif ukoll id-deterjorament fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-klijenti wasslu għal inqas nies li jżuru l-fergħat tal-banek u bosta fergħat madwar l-Ewropa qed jagħlqu.

    2.4

    Fis-settur tal-assigurazzjoni, jikkoeżistu diversi modi ta’ distribuzzjoni: produtturi mħallsin, sensara, aġenti ġenerali, bankassigurazzjoni kif ukoll aġenti li jaħdmu għal rashom li jaġixxu għal kumpanija waħda. L-assigurazzjoni issa qed tinbiegħ onlajn u permezz ta’ smartphones. Il-predominanza ta’ kull wieħed minn dawn in-netwerks multikanali ta’ distribuzzjoni tvarja madwar l-Istati Membri tal-UE u minn prodott għall-ieħor. L-assigurazzjoni fuq il-ħajja, pereżempju, hija prinċipalment imqassma permezz ta’ netwerks ta’ banek (magħrufa bħala bankassigurazzjoni).

    2.5

    Il-metodi ta’ ħlas qed jevolvu kontinwament, u dan huwa mistenni li jiġi intensifikat. L-użu ta’ ċekkijiet u flus kontanti naqas b’mod sostanzjali sa mill-bidu tas-snin disgħin. Fl-istess ħin, kien hemm tendenza dejjem tiżdied lejn li jsir ħlas permezz ta’ kard, debitu dirett u ta’ trasferiment bankarju li jiżgura aktar traċċabilità, kontroll u sigurtà, u jfixkel l-ekonomija informali. Il-pagamenti elettroniċi għandhom il-kapaċità li jestendu aktar il-kamp ta’ applikazzjoni, jiġifieri għal trasferimenti ta’ flus bejn l-individwi u l-pagamenti tal-benefiċċji soċjali. Atturi ġodda ta’ flus elettroniku qed jingħaqdu mal-kummerċ elettroniku, filwaqt li teknoloġiji ġodda bħall-ħlasijiet mingħajr kuntatt qed jevolvu u qed jiżdiedu flimkien ma’ kards tal-bank. Barra minn hekk, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi segwit l-iżvilupp tas-swieq ta’ muniti kriptografiċi (bitcoin u oħrajn).

    3.   L-avvanzi teknoloġiċi fis-settur finanzjarju Ewropew u atturi ġodda

    3.1

    L-innovazzjoni fis-settur finanzjarju qed isseħħ fuq l-internet, bis-servizzi bankarji online, il-big data, l-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain, iċ-ċibersigurtà, eċċ. Id-data tiġi skambjata b’veloċità għolja, li tippermetti li jitwettqu valutazzjonijiet tar-riskju u teħid ta’ deċiżjonijiet finanzjarji abbażi ta’ algoritmi u big data.

    3.2

    Dan ix-xkiel teknoloġiku u d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-banek tradizzjonali fir-rigward ta’ problemi ta’ ekwità u ta’ nixfa temporanja tal-likwidità kif ukoll l-iżvilupp ta’ mezzi alternattivi ta’ kanali ta’ bejgħ li ma jkunux koperti minn obbligu regolatorju għall-industrija bankarja wittew it-triq għal FinTech, InsurTech, u blockchain, u fl-istess ħin fetħu opportunitajiet ġodda u ħolqu riskji ġodda għall-konsumaturi.

    3.3

    Il-kumpaniji FinTech u InsurTech, li jkomplu jiżdiedu fin-numru, jgħaqqdu l-kunċetti ta’ finanzi, assigurazzjoni u teknoloġija. Dawn il-kumpaniji qed jużaw it-teknoloġija biex ibigħu prodotti finanzjarji f’modi innovattivi. Qegħdin jikbru b’mod partikolari fl-oqsma ta’ ġestjoni ta’ tfaddil, self personali, finanzjament korporattiv u pagamenti onlajn. Qed ikollhom rwol dejjem akbar ta’ finanzjament parteċipattiv (crowdfunding u P2P), permezz ta’ pjattaformi dedikati u l-użu ta’ applikazzjonijiet għall-apparati mobbli, muniti virtwali u ħlas elettroniku permezz tal-internet jew smartphones. Huma jeżerċitaw pressjoni konsiderevoli fuq il-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni billi jikkompetu fit-territorju tradizzjonali tagħhom. L-akbar kumpaniji tal-internet, b’mod partikolari “GAFA” (Google, Apple, Facebook, Amazon) qegħdin jiżviluppaw ukoll proġetti marbuta mas-settur finanzjarju minħabba l-kontroll tagħhom fuq il-big data.

    3.4

    L-applikazzjonijiet abbażi tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit (DLT) jistgħu fil-fatt ikollhom il-kapaċità li jwettqu dat-tip ġdid ta’ fiduċja għal firxa wiesgħa ta’ servizzi. Il-blockchain topera mingħajr kontroll ċentrali, b’mod trasparenti u b’mod sikur. Kemm il-kumpaniji kif ukoll l-individwi jistgħu jużaw din is-sistema biex iwettqu ċerti tranżazzjonijiet u jaqbżu s-settur finanzjarju, b’mod partikolari billi jużaw muniti kriptografiċi.

    Bl-istess mod, PayPal joffri l-possibbiltà li jkun hemm ħlas għal oġġetti f’munita barranija mingħajr ma wieħed ikollu għalfejn jipprovdi d-dettalji tal-bank.

    3.5

    FinTech qed jippermetti lill-kumpaniji u lill-individwi biex ikollhom aċċess għal finanzjament kollettiv għal proġetti speċifiċi, billi juża pjattaformi dedikati biex jiġbor fondi f’forma ta’ donazzjonijiet jew għotjiet ta’ self jew investiment ta’ ekwità. Dawn il-pjattaformi jippermettu self bejn il-pari, inkluż self tal-konsumatur u self personali, mingħajr ma jkollhom jgħaddu mill-banek, u jippermettu lil individwi privati biex jiffinanzjaw direttament il-VSEs u l-SMEs. Pjattaformi jistgħu jissupplimentaw jew jippromovu l-kapital, partikolarment għal negozji innovattivi, u permezz tal-applikazzjonijiet mobbli tagħhom, jagħtu lill-konsumaturi, f’ħin reali, l-informazzjoni finanzjarja li jeħtieġu biex jamministraw l-infiq tagħhom jew l-għażliet ta’ investiment.

    3.6

    Dawn l-atturi ġodda qegħdin jikkompetu ma’ mudelli ta’ negozju tradizzjonali ta’ servizzi bankarji u ta’ assigurazzjoni, iżda kemm il-banek kif ukoll il-kumpaniji tal-assigurazzjoni qed jibdew jeżistu flimkien. Xi wħud diġà bdew proċess ta’ kooperazzjoni ma’ FinTech u InsurTech, filwaqt li oħrajn għandhom l-istrutturi sussidjarji tagħhom stess. Barra minn hekk, l-investiment fil-FinTech żdied b’mod rapidu f’dawn l-aħħar snin, u dan l-imgħax infirex għal InsurTech.

    4.   Il-klijenti huma r-rebbieħa hawnhekk?

    4.1

    Għall-kumpaniji l-kbar, dan l-aġġustament tad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji jinvolvi bidliet li huma jkunu kapaċi jinkludu fil-ġestjoni kwotidjana tagħhom. Iżda s-sitwazzjoni hija differenti għal ħafna SMEs tradizzjonali u speċjalment għal kumpaniji żgħar ħafna, li ma jkollhomx għarfien u riżorsi interni li jippermettulhom jagħmlu parti faċilment f’dinja finanzjarja li qed tinbidel b’mod rapidu.

    4.2

    Fl-era tal-internet u l-ismartphone, il-profili tal-konsumaturi ma għadhomx l-istess, iżda l-aptit tagħhom għal sistema bankarja u tal-assigurazzjoni diġitali jiddependi minn diversi fatturi bħall-età, il-livell tal-edukazzjoni u x-xogħol. Iżda meta niġu għal pariri finanzjarji, għad hemm ħtieġa għall-kuntatt uman fuq il-bażi tal-esperjenza tal-klijent, inkluż fost iż-żgħażagħ.

    4.3

    Fergħat virtwali, sussidjarji onlajn ta’ gruppi bankarji u tal-assigurazzjoni, qed joffru lill-konsumaturi aċċess għal kreditu, self u assigurazzjoni fuq l-internet u fuq smartphones, billi jużaw applikazzjonijiet ġodda. Dawn il-ftehimiet jiġu b’termini aktar favorevoli: kard tal-bank b’xejn, rati tal-imgħax issussidjati, bonus ta’ ftuħ ta’ kont, u skont ta’ diversi xhur ta’ kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni u l-mutwalitajiet. Dawn il-benefiċċji għall-konsumatur jiffurmaw parti mill-perjodu ta’ transizzjoni bejn il-mudell kummerċjali tradizzjonali tal-banek, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-impriżi mutwi, u l-mudell li qiegħed jirriżulta mid-diġitizzazzjoni.

    4.4

    Dan ix-xenarju ġdid jippreżenta kemm riskji kif ukoll opportunitajiet għall-konsumaturi:

    Aċċess aktar faċli għal prodotti, aktar għażla, għażla aħjar, possibilitajiet għal tqabbil tal-prezzijiet permezz ta’ websajts, aktar offerti mfasslin apposta, personalizzati, tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjoni (ħin u flus) u t-tisħiħ tas-sigurtà permezz ta’ sistemi ta’ awtentikazzjoni bijometriċi ġodda.

    Prodotti ġodda utli (pereżempju finanzjament kollettiv (crowdfunding)) iżda wkoll il-ħolqien ta’ prodotti ġodda, li huma kumplessi, opaki u riskjużi u li mhux faċli li wieħed jifhem: eż. self instantanju.

    L-isfidi possibbli fl-għoti ta’ tagħrif prekuntrattwali/żvelar permezz ta’ kanali ta’ bejgħ ġodda: eż. smartphones minħabba d-daqs żgħir tagħhom.

    Informazzjoni insuffiċjenti dwar ir-riskji assoċjati ma’ prodotti finanzjarji.

    Hemm nuqqas ta’ superviżjoni/infurzar tal-attivitajiet ta’ atturi ġodda fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

    F’uħud mill-każijiet, inċertezza legali rigward liema leġislazzjoni tapplika għal atturi ġodda.

    Oqsma mhux regolati (eż. pariri awtomatizzati).

    Diskriminazzjoni mhux iġġustifikata/esklużjoni possibbli marbuta mal-użu ta’ ammont kbir ta’ data u n-nuqqas ta’ ħiliet diġitali.

    Ċibersigurtà.

    4.5

    Id-diġitizzazzjoni għandha tagħmel it-tixrid ta’ prodotti finanzjarji aktar trasparenti, iżda s-semplifikazzjoni kif tidher tal-prodotti offerti tista’ taħbi nuqqas ta’ bilanċ fir-relazzjoni finanzjarja ġenerali. L-użu ta’ algoritmi ma jiggarantix in-nuqqas ta’ nuqqasijiet moħbija u lanqas il-konformità tal-prodotti ma’ standards Ewropej. L-edukazzjoni finanzjarja għandha għalhekk tinkorpora informazzjoni dwar il-prodotti finanzjarji fil-kuntest ta’ kif dawn jiġu ppreżentati onlajn.

    5.   Sorsi oħra ta’ finanzjament u l-post ta’ finanzjament etiku u responsabbli

    5.1

    Id-dipendenza għolja attwali tan-negozju fuq il-finanzjament bankarju (aktar minn 75 % fl-Ewropa, meta mqabbla ma’ 20 % fl-Istati Uniti) u n-nuqqas ta’ kultura ta’ ekwità fl-Ewropa, jagħmlu l-SMEs (aktar minn 98 % tal-intrapriżi kollha fl-Ewropa, li jimpjegaw 2 minn kull 3 impjegati u joħolqu 58 % tal-valur miżjud) potenzjalment vulnerabbli għar-riskju ta’ nuqqas ta’ kreditu bħal dawk li seħħew matul is-snin tal-kriżi finanzjarja globali. B’hekk, għandhom jiġu esplorati metodi ta’ finanzjament mhux bankarju komplementari, u r-riskji li dawn jinvolvu, b’mod partikolari fil-każ ta’ kriżi.

    5.2

    Meta jiġu ffinanzjati l-SMEs, hemm numru ta’ sorsi alternattivi li jgħinu biex itejbu l-iżvilupp tan-negozju u jnaqqsu r-riskji, minbarra l-għajnuna minn fondi Ewropej biex tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u lill-kompetittività tal-intrapriżi billi jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ finanzjament normali, kif previst fil-Komunikazzjoni tal-Pjan Juncker.

    5.3

    Għandu jkun hemm it-tisħiħ tal-mudell ta’ bank soċjalment responsabbli, trasparenti u sostenibbli kif ukoll ta’ sistema finanzjarja msejsa fl-ekonomija reali, li tipprovdi l-istabilità kif ukoll il-koeżjoni soċjali u territorjali. Il-banek sostenibbli jħaddnu approċċ intenzjonali għal negozju bil-prinċipju fundamentali triplu (li jinkludi miżuri ta’ prestazzjoni finanzjarji, soċjali u ambjentali bl-għan li jiffinanzjaw proġetti mingħajr esternalitajiet negattivi) billi jiffokaw fuq it-twaqqif ta’ relazzjonijiet sodi mal-klijenti tagħhom u mal-komunità estiża tal-partijiet interessati.

    5.4

    Il-banek u l-kooperattivi tal-assigurazzjoni u s-soċjetajiet mutwi ilhom jiffukaw fuq il-mudell tagħhom li joħloq valur għall-partijiet interessati kollha – il-mudell tal-“valur tal-partijiet interessati” – fl-iżvilupp tan-negozji tagħhom. Madankollu, huma adottaw ukoll il-prattiki tal-istituzzjonijiet kummerċjali konvenzjonali u ma rnexxielhomx jaħarbu d-diffikultajiet li rriżultaw mill-kriżi finanzjarja. Għalissa, id-diġitalizzazzjoni ma tidhirx li hija xprun ewlieni għal ritorn lejn prattiki aktar etiċi tan-negozju, li jwieġbu għall-bżonnijiet reali tas-soċjetà.

    6.   L-impatt fuq il-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol

    6.1

    Skont Bloomberg, il-banek naqqsu madwar 600 000 impjieg madwar id-dinja minħabba l-kriżi ekonomika tal-2008. Dan it-tnaqqis enormi fil-persunal ġej prinċipalment minħabba l-kriżi iżda rriżulta wkoll mill-proċess ta’ diġitizzazzjoni.

    6.2

    Fl-Ewropa, il-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni huma stmati li jammontaw għal kważi erba’ miljun impjieg, li minnhom tliet miljun huma fis-servizzi bankarji u kważi miljun fl-assigurazzjoni. Citigroup qed jipproġetta li s-settur bankarju se jnaqqas madwar 1,8 miljun impjieg fl-Ewropa u fl-Istati Uniti matul l-għaxar snin li ġejjin. Il-banek tal-Ewropa, li jimpjegaw kważi 2,9 miljun impjegat fuq bażi ekwivalenti għal full time, se jżommu biss 1,82 miljun fl-2025. Din it-tendenza hija ċċarata ħafna mit-tnaqqis fl-impjiegi li tħabbar dan l-aħħar minn diversi gruppi bankarji ewlenin Ewropej. F’għadd ta’ pajjiżi jistgħu jiġu osservati tendenza ta’ impjieg part-time u forom oħra ta’ impjieg fl-industrija tal-finanzi.

    6.3

    Hemm bżonn ta’ miżuri ta’ Politika tas-Suq tax-Xogħol Attiva sabiex jiġu indirizzati l-bidliet li għaddejjin bħalissa u li ġejjin għall-impjegati kkonċernati. L-imsieħba soċjali fil-livelli kollha għandhom rwol kruċjali sabiex jinstabu soluzzjonijiet xierqa. Eżempju tal-aħjar prattika f’dan ir-rigward huwa l-fond ġenerali għal taħriġ mill-ġdid tal-impjegati tal-banek kollha affettwati fl-Awstrija, stabbilit permezz ta’ negozjar kollettiv fil-livell settorjali u ffinanzjat kemm mill-industrija kif ukoll mill-pubbliku.

    6.4

    L-erożjoni kontinwa tan-netwerk tal-fergħat tal-bank kienet akkumpanjata b’taqliba tal-kunċett tal-fergħa skont in-natura tal-klijenti kkonċernati. Qabel l-għeluq tal-fergħat, l-għadd tal-persunal kien naqas minħabba l-awtomazzjoni ta’ transazzjonijiet. Fl-assigurazzjoni, in-netwerk tal-aġenti u s-sensara ġenerali huwa b’saħħtu minkejja tendenza ċara lejn tnaqqis fid-daqs. Il-produtturi bis-salarju se jonqsu.

    6.5

    Fis-swali tal-kummerċ, il-bejgħ u x-xiri ta’ ishma ta’ kumpaniji, is-swaps ta’ muniti u ta’ inadempjenza tal-kreditu (derivattivi finanzjarji li fihom il-bejjiegħ jikkompensa x-xerrej fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas minn parti terza) qegħdin kull ma jmur jiġu mwettqa minn kompjuters.

    6.6

    Derivata mill-big data, il-pjattaforma konjittiva, ittestjata minn grupp bankarju importanti, hija kapaċi twieġeb id-domandi magħmula f’lingwaġġ naturali f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, u tipproponi tweġibiet ppakkjati minn qabel lill-klijenti konsulenti. Din it-teknoloġija tista’ tintuża bħala assistent virtwali kemm fis-sistema bankarja kif ukoll fl-assigurazzjoni. Il-forza tal-bejgħ tista’ tkun fost l-ewwel li tiġi milquta minn tali miżura.

    6.7

    Il-kundizzjonijiet tax-xogħol saru instabbli u r-rekwiżiti ta’ taħriġ żdiedu b’mod sinifikanti, kemm biex il-ħaddiema jiksbu l-ħiliet diġitali meħtieġa kif ukoll biex dawn ikunu jistgħu jibdlu l-impjieg jekk tfeġġ il-ħtieġa għall-mobilità professjonali.

    6.8

    Peress li l-iżviluppi diġitali se jirrikjedu bidla enormi fl-għodod, il-ħiliet u l-kompetenzi li l-impjegati jeħtieġu, il-kumpaniji għandhom ikunu lesti li jinvestu fl-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet u l-kwalifiki. In-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali għandu jiffoka fuq l-importanza li t-taħriġ vokazzjonali jiġi aġġustat għall-ħtiġijiet tal-ġejjieni u biex dan it-taħriġ ikun possibbli, kif ukoll jiġu pprovdut dettalji dwar kif it-teknoloġija l-ġdida diġà qed tintuża f’dan is-settur. Għandu jiġi eżaminat każ b’każ liema ħiliet huma meħtieġa għal finanzjament attwali biex l-impjegati jibqgħu rilevanti fil-ġejjieni u kif dawn il-ħiliet jistgħu jiġu mgħallma.

    6.9

    Hemm dejjem aktar tħassib dwar is-sigħat tax-xogħol b’konnessjoni mat-tnedija ta’ ħidma onlajn u l-ħafna impjiegi li diġà qed jonqsu. Huwa diġà ċar li aktar attivitajiet finanzjarji se jiġu rilokati fi ħdan l-UE u barra mill-Ewropa lejn pajjiżi bi spejjeż baxxi ta’ xogħol u livelli baxxi ta’ protezzjoni soċjali.

    6.10

    Huwa importanti li s-soluzzjonijiet diġitali dejjem iservu lin-nies u jgħinu biex jitjiebu l-istandards soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Djalogu soċjali settorjali jeħtieġ li jiġi intensifikat fil-livelli kollha, inkluż fil-livell Ewropew biex jiġu identifikati l-aħjar soluzzjonijiet u b’hekk jiġi evitat taqlib soċjali. F’livell settorjali u f’kull kumpanija, min iħaddem għandu jagħmel ħiltu biex jidħol f’negozjati ma’ rappreżentanti tat-trejdjunjins biex jiżgura li jittieħdu miżuri effettivi f’termini ta’ dħul, kundizzjonijiet tax-xogħol, protezzjoni soċjali, taħriġ u appoġġ għal mobbiltà interna ġeografika u okkupazzjonali, u r-rikollokament. Dawn il-miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibbli fl-antiċipazzjoni tal-proċessi tar-ristrutturazzjoni, mhux biss meta l-impjiegi jibdew jintilfu.

    6.11

    Id-diġitizzazzjoni kkontrollata tas-settur finanzjarju għandha żżomm impjiegi ta’ kwalità u ttejjeb ir-relazzjonijiet mal-klijenti, filwaqt li żżomm biżżejjed aċċess għal pariri finanzjarji personalizzati. Għandha tiżgura sigurtà effettiva tat-tranżazzjonijiet u protezzjoni effiċjenti tad-data personali kemm għall-klijenti kif ukoll għall-ħaddiema. L-impjegati u l-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji għandhom ikunu involuti, permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, sabiex l-għarfien prattiku tagħhom fil-qasam ikun jista’ jiġi kkunsidrat.

    7.   Ir-Regolazzjoni u s-superviżjoni

    7.1

    Il-kumplessità dejjem tikber tal-prodotti finanzjarji u l-ħeffa li biha tiġi trattata d-data – flimkien ma’ servizzi awtomatizzati u anonimi ta’ kummerċjalizzazzjoni, konsulenza u għoti ta’ pariri – joħolqu sitwazzjonijiet ta’ riskju għoli li spiss ma jistgħux jiġu ġġudikati jew ikkontrollati minn sid il-fondi mqiegħda jew investiti. Il-KESE josserva bi tħassib l-inadegwatezza ta’ mudelli ta’ riskju u l-kapaċità tagħhom biex jivvalutaw kif xieraq il-profili tar-riskju ta’ kategoriji differenti ta’ investimenti mhux garantiti.

    7.2

    Skont il-gvernatur tal-Bank ta’ Franza, il-ħolqien ta’ finanzjament diġitali għandu jseħħ id f’id ma’ regolamentazzjoni li trid tadatta ruħha sabiex ma tiġix imfixkla l-innovazzjoni u tkompli tiżgura livell għoli ta’ sigurtà tat-tranżazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur. Il-KESE jemmen li standards għoljin bl-istess mod iridu jkopru kemm il-finanzjament tradizzjonali tal-industrija kif ukoll il-kumpaniji FinTech/il-mudelli ta’ negozju ġodda.

    7.3

    Il-MiFID II hija waħda mill-inizjattivi regolatorji ewlenin li se tbiddel l-istruttura tas-suq u l-mudelli tan-negozju. Il-kumpaniji għandhom jamministraw ir-rekwiżiti regolatorji bħala opportunità strateġika.

    7.4

    Regolamenti ġodda dwar il-ħlasijiet diġitali (PSD2) għandhom l-għan li jżidu l-livelli ta’ sigurtà tat-transazzjonijiet onlajn bl-għan li jnaqqsu l-frodi attwali fil-kanal.

    7.5

    Direttiva ġdida tal-UE kontra l-ħasil tal-flus ser iddaħħal fis-seħħ rekwiżiti ġodda għall-ivverifikar ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, flimkien ma’ obbligi ġodda li jiġu rrapportati tranżazzjonijiet suspettużi u jinżammu r-rekords tal-pagamenti.

    7.6

    Il-qafas aġġornat ta’ Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi (ir-Regolament CPC) se jagħti aktar setgħat lill-awtoritajiet nazzjonali biex jinfurzaw il-liġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u se jtejjeb il-koordinament meħtieġ fost l-Istati Membri.

    7.7

    Bl-applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar is-Solvibbiltà II għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-arranġamenti Basel 3/CRD IV għall-banek, titqajjem il-mistoqsija dwar kif l-approċċ regolatorju supplimentari jista’ jqis ir-riskji mġarrba mill-membri ġodda għas-sistema finanzjarja u l-impatt tagħhom fuq dan is-settur kollu kemm hu.

    7.8

    Wara t-testijiet tal-istress imwettqa mill-Awtorità Bankarja Ewropea fl-2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposti li jirriflettu d-dibattitu li qed jitmexxa mill-Kumitat ta’ Basel dwar it-tisħiħ tar-rekwiżiti kapitali. L-istandards universali adottati għandhom ikunu proporzjonati għad-daqs u n-natura tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji ġodda. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħħar pakkett ta’ proposti tal-Kummissjoni (7).

    7.9

    Il-kriżi finanzjarja fissret negozju kbir għal fondi ta’ investiment dirett – sistema bankarja parallela – f’dawn l-aħħar snin. L-impatt tad-diġitizzazzjoni fuq dawn il-fondi m’għandux jiġġenera nuqqas regolatorju ta’ detriment għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

    7.10

    Minħabba n-nuqqas ta’ mudelli ta’ valutazzjoni tar-riskju tradizzjonali li mhumiex kapaċi jevalwaw sewwa mudelli ta’ finanzjament fuq bażi mhux kollaterali, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom jintensifikaw il-kuntatti mal-istart-ups tal-FinTech, fuq il-fehim li FinTech tirrikjedi ħiliet ġodda min-naħa tas-superviżuri.

    Brussell, is-26 ta’ April 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Mhux biss kompetizzjoni, imma wkoll kollaborazzjoni u sħubija.

    (2)  Il-Kummissjoni qed tikkunsidra liċenzja unika għall-UE kollha li tippermetti l-kumpaniji tat-teknoloġija fis-settur tas-servizzi finanzjarji biex joperaw madwar l-Ewropa u l-ħolqien ta’ suq pan-Ewropew “sandbox”, jew “qafas regolatorju speċjali, għall-Unjoni kollha.

    (3)  Ara r-rekwiżiti ta’ Solvibbiltà II.

    (4)  Imnedija fit-23 ta’ Marzu, COM (2017) 139 final, Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur u Konsultazzjoni Pubblika dwar Fintech.

    (5)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 121.

    (6)  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/digital-skills-jobs-coalitionbargaining and soc

    (7)  Opinjoni tal-KESE (ECO/424) dwar Emenda għar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRR) biex jinkorpora modifiki għall-qafas ta’ Basel (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).


    Glossarju ta’ termini

    L-intelliġenza artifiċjali Magna li kapaċi titgħallem. “Roboadvisor” hija magna li kapaċi tagħti parir finanzjarju, u taħdem bl-istess mod bħall-moħħ uman.

    Bankassigurazzjoni. Il-bejgħ ta’ prodotti tal-assigurazzjoni permezz tan-netwerks ta’ uffiċċji bankarji. Dan it-tip ta’ sħubija strateġika jgħaqqad in-netwerks flimkien u joħloq sinerġiji tan-negozju.

    Big data. Il-ħażna u l-ipproċessar ta’ ħafna biċċiet ta’ data li hija trasmessa b’veloċità għolja. “Analytics” jirreferi għall-konverżjoni ta’ data f’informazzjoni permezz ta’ metodi ta’ statistika u matematika għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fis-settur finanzjarju.

    Bigtech. Ġganti teknoloġiċi bħal Google, Apple, Facebook u Amazon (GAFA) li qegħdin jibdew jestendu b’mod konsiderevoli l-attività tagħhom b’mod konsiderevoli fis-settur bankarju.

    Bitcoin. Munita virtwali f’fażi sperimentali li qiegħda tiġi aċċettata dejjem aktar fis-suq.

    Blockchain. Pjattaforma teknoloġika li tappoġġja l-bitcoin. Għandha bażi tad-data effiċjenti ħafna, li tista’ tintuża fis-settur finanzjarju jew f’applikazzjonijiet multipli.

    Cloud. Mudelli għall-provvista ta’ servizzi bbażati fuq l-internet.

    Konnettività. B’riżultat tal-avvanzi teknoloġiċi, issa nistgħu nkunu konnessi kull ħin, kullimkien. Dan jippermetti lill-impjegati jaħdmu b’mod aktar flessibbli, għax jistgħu jaħdmu mid-dar jew post ieħor (teleħidma, ħidma intelliġenti) kif ukoll part-time. Iż-żgħażagħ diġà huma mdorrijin għal dan il-mod ta’ ħidma, u jista’ jintuża tajjeb il-valur li jkun hemm firxa ta’ għażliet.

    Finanzjament parteċipattiv Il-finanzjament huwa pprovdut permezz ta’ pjattaformi tal-internet li jikkollegaw l-intraprendituri mal-investituri. Hemm pjattaformi li jobbligaw lill-intraprendituri joffru sehem min-negozju tagħhom bi skambju għal investiment (finanzjament kollettiv tal-ekwità).

    Self kollettiv. Il-finanzjament permezz tal-internet għall-intraprendituri li jirċievu self minn grupp ta’ nies, li jrid jitħallas lura abbażi ta’ rata tal-imgħax fissa.

    Esperjenza tal-konsumatur. L-iżvilupp ta’ għarfien dettaljat ta’ kull klijent individwalment, waqt li tiġi personalizzata l-esperjenza tagħhom fl-oqsma kollha ta’ interazzjoni mal-bank. In-netwerks soċjali u l-pjattaformi tal-internet huma elementi essenzjali.

    Ċibersigurtà. Tkopri r-riskji ta’ attakki ċibernetiċi u s-serq tad-data, kif ukoll iżżid u tiggarantixxi l-fiduċja tal-konsumatur.

    Diġitalizzazzjoni. Dan jikkonċerna t-teknoloġija kollha kemm hi (l-internet, it-teknoloġiji mobbli, il-big data, blockchains, l-intelliġenza artifiċjali, il-cloud computing, ir-robotika, iċ-ċibersigurtà) meta dan jiġi applikat għal mudelli ġodda tar-relazzjoni mal-klijenti u għall-ġestjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ banek u kumpaniji ta’ assigurazzjoni. It-teknoloġija hija mezz biex tinkiseb id-diġitalizzazzjoni milli għan fiha nnifisha.

    Tfixkil. It-trasformazzjoni diġitali mhijiex possibbli mingħajr mudell organizzattiv u kulturali ġdid. L-innovazzjoni hija l-muftieħ għall-kompetittività f’dan il-proċess bankarju komprensiv. Il-bidla tibda min-nies.

    Ibbankjar esponenzjali. Juża teknoloġiji esponenzjali (li tfaċċaw b’riżultat tar-rivoluzzjoni diġitali) sabiex iżid il-firxa u l-kwalità tas-servizzi finanzjarji kif ukoll biex inaqqas l-ispejjeż.

    Fin Tech/Insur Tech. Negozji ġodda innovattivi, li joffru soluzzjonijiet ġodda għall-ibbankjar jew l-assigurazzjoni bi prezz baxx.

    Self ibridu. Huwa taħlita ta’ self minn banek u klijenti bankarji privati. Dan jippermetti li l-banek iżommu aktar negozju mingħajr ma tiżdied b’mod sinifikanti l-karta tal-bilanċ tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jissodisfa l-klijenti tagħhom u investituri oħra.

    Knowmad . Professjonisti ġodda li jħossu li l-kontribut tagħhom huwa l-għarfien tagħhom, u li għalhekk jagħtu prijorità lil-libertà li jiġġestixxu l-ħidma tagħhom u ħinhom.

    Millennials. L-ewwel ġenerazzjoni ta’ “nativi diġitali”, dawk li twieldu bejn l-1980 u l-2000, u li ser jirrappreżentaw 75 % tal-forza tax-xogħol fl-2025. Tipikament, dawn ma jmorrux fil-fergħat tal-bank.

    Multi-channelling . Taħlita effiċjenti tal-possibbiltà li jintużaw is-servizzi bankarji diġitali u s-servizzi personali. Il-klijent huwa l-fokus tan-negozju.

    Neobanks . Dawn ma jeħtieġux liċenzja finanzjarja biex joperaw: li jagħmlu hu li jiżviluppaw softwer abbażi tal-infrastruttura ta’ bank eżistenti.

    Metodi ta’ pagamenti. Xejra tal-kummerċ elettroniku, il-pagament b’terminali POS huwa l-aktar forma estensiva ta’ pagament permezz tal-mowbajl fid-dinja kollha. Din l-ekosistema tinkludi wkoll l-għażla PayPal u l-operaturi teknoloġiċi Samsung Pay, Apple Pay, eċċ. Servizzi ta’ pagament minn persuna għal persuna (P2P) huma alternattivi ġenwini għal dawk li jgħixu f’pajjiżi fejn is-sistema bankarja hija inqas żviluppata. Illum il-ġurnata, l-“apps” tas-servizzi bankarji bil-mowbajls huma fatt tal-ħajja.

    RegTech. Teknoloġiji innovattivi li jintużaw biex tiġi ffaċilitata l-konformità regolatorja, u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż u r-riżorsi meħtieġa għal dawn il-kompiti. Ir-regolamentazzjoni u s-sorveljanza diġitali huma sfida għas-settur finanzjarju (għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi).

    STEM . L-istudju tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. Il-professjonijiet li attwalment huma l-aktar imfittxija huwa dawk relatati ma’ dawn is-setturi, u l-ħiliet diġitali huma vitali fis-setturi kollha. It-taħriġ huwa għalhekk prijorità.


    Top