Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DP0429

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh (2016/2115(IMM))

ĠU C 224, 27.6.2018, p. 176–177 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/176


P8_TA(2016)0429

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh (2016/2115(IMM))

(2018/C 224/29)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh, imressqa fl-14 ta' April 2016 mill-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż, b'rabta ma' inkjesta ġudizzjarja (fajl Nru 14142000183) li nfetħet fil-konfront tas-Sur Jean-François Jalkh quddiem il-Qorti Reġjonali ta' Nanterre fuq ilment b'intervent ċivili mill-assoċjazzjoni “Maison des potes – Maison de l'égalité” bl-imputazzjoni ta' inċitament pubbliku għad-diskriminazzjoni razzjali jew reliġjuża, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-8 ta' Ġunju 2016,

wara li sema' lil Jean-François Jalkh skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, kif emendat bil-Liġi Kostituzzjonali tal-4 ta' Awwissu 1995 Nru 95-880,

wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0318/2016),

A.

billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta' Versailles talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Jean-François Jalkh, b'rabta ma' azzjoni legali għal reat allegat;

B.

billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh hija relatata mar-reat allegat ta' inċitament għad-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, ir-razza jew ir-reliġjon bil-kelma, bil-miktub, b'immaġni jew b'kommunikazzjoni elettronika pubblika minn persuna jew persuni mhux magħrufa, liema reat huwa previst fil-liġi Franċiża, b'mod speċifiku fl-Artikolu 24(8), l-Artikolu 23(1) u l-Artikolu 42 tal-Liġi tad-29 ta' Lulju 1881 u l-Artikolu 93(3) tal-Liġi Nru 82-652 tad-29 ta' Lulju 1982, u l-pieni għal dan ir-reat huma previsti fl-Artikolu 24(8), (10), (11) u (12), tal-Liġi tad-29 ta' Lulju 1881 u mill-Artikolu 131-26(2) u (3) tal-Kodiċi Kriminali;

C.

billi Jean-François Jalkh ġie akkużat mill-assoċjazzjoni “Maison des potes – Maison de l'égalité” f'ilment imressaq quddiem il-Qorti Reġjonali ta' Nanterre fit-22 ta' Mejju 2014;

D.

billi l-ilment ikkonċerna dikjarazzjonijiet magħmula f'fuljett intitolat “Petit guide pratique de l'élu municipal Front national” (Manwal għall-kunsilliera lokali tal-Front national), ippubblikat fid-19 ta' Settembru 2013 u mtella' fuq is-sit uffiċjali tal-Federazzjoni Front national fit-30 ta' Novembru 2013, li inkoraġġixxa lill-kunsillieri muniċipali futuri tal-Front national eletti fl-elezzjonijiet tat-23 u t-30 ta' Marzu 2014 jirrakkomandaw, fl-ewwel laqgħa tal-kunsill muniċipali l-ġdid tagħhom, li l-prijorità għandha tingħata lill-persuni Franċiżi (“prijorità nazzjonali”) għal dak li jikkonċerna l-allokazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali; billi Jean-François Jalkh kien id-direttur tal-pubblikazzjoni tal-Front national u kellu kontroll editorjali fuq is-siti kollha tal-federazzjoni;

E.

billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-Istat;

F.

billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża jipprevedi li l-ebda Membru tal-Parlament ma għandu jitressaq il-qorti, jiġi investigat, arrestat, detenut jew ipproċessat minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fil-qadi ta' dmirijietu;

G.

billi l-portata tal-immunità mogħtija lill-Membri tal-Parlament Franċiż tikkorrispondi fil-fatt għall-portata tal-immunità mogħtija lill-Membri fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; billi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex Membru tal-Parlament Ewropew ikun kopert bl-immunità, opinjoni trid tingħata mill-Membru fil-qadi ta' dmirijietu, u dan jimplika r-rekwiżit ta' rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari; billi tali rabta għandha tkun diretta u ovvja;

H.

billi Jean-François Jalkh ma kienx Membru tal-Parlament Ewropew meta r-reat allegat seħħ, jiġifieri fid-19 ta' Settembru u t-30 ta' Novembru 2013, iżda l-materjal allegatament offensiv kien għadu disponibbli għal qari minn kwalunkwe persuna li riedet aċċess għalih fit-23 ta' Ġunju u t-2 ta' Ottubru 2014;

I.

billi l-akkużi ma għandhom b'mod manifest l-ebda rabta mal-pożizzjoni ta' Jean-François Jalkh bħala Membru tal-Parlament Ewropew u jikkonċernaw minflok attivitajiet ta' natura purament nazzjonali jew reġjonali, fid-dawl tal-fatt li d-dikjarazzjonijiet saru lil membri potenzjali għall-kunsilli lokali fid-dawl tal-elezzjonijiet lokali fit-23 u fit-30 ta' Marzu 2014 u jikkonċernaw il-pożizzjoni tiegħu bħala direttur tal-pubblikazzjoni tal-Front national b'kontroll editorjali fuq is-siti tal-federazzjoni;

J.

billi l-azzjonijiet allegati ma jirreferux għal xi opinjoni espressa jew vot mitfugħ mill-Membru tal-Parlament Ewropew fil-qadi ta' dmirijietu, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

K.

billi ma hemmx is-suspett ta' tentattiv li jiġi ostakolat ix-xogħol parlamentari ta' Jean-François Jalkh (fumus persecutionis) f'din l-inkjesta ġudizzjarja mnedija insegwitu ta' ilment tal-assoċjazzjoni “Maison des potes – Maison de l'égalité”, imressaq qabel ma assuma l-kariga tiegħu fil-Parlament Ewropew;

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jean-François Jalkh;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Franċiża u lil Jean-François Jalkh.

(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


Top