Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0180

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive (2015/2662(RSP))

ĠU C 346, 21.9.2016, p. 60–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 346/60


P8_TA(2015)0180

Is-sitwazzjoni fil-Maldive

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive (2015/2662(RSP))

(2016/C 346/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Maldive,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali Konġunta tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżviluppi reċenti fil-Maldive, inkluż l-arrest ta' mħallef tal-qorti kriminali, tal-20 ta' Jannar 2012,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali Konġunta tal-Unjoni Ewropea rigward Theddid għas-Soċjetà Ċivili u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Maldive tat-30 ta' Settembru 2014,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali Konġunta tal-Unjoni Ewropea dwar l-istat tad-dritt fil-Maldive tal-24 ta' Frar 2015,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-attivazzjoni tal-piena tal-mewt fil-Maldive, tat-30 ta' April 2014,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-kundanna tal-eks President tal-Maldive Mohamed Nasheed, tal-14 ta' Marzu 2015,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra’ ad Al Hussein dwar il-proċess tal-eks President Mohamed Nasheed, tat-18 ta’ Marzu 2015,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati Gabriela Knaul, li l-ebda demokrazija mhi possibbli mingħajr ġustizzja ġusta u indipendenti fil-Maldive, tad-19 ta' Marzu 2015,

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-Elezzjonijiet Parlamentari fir-Repubblika tal-Maldive, tat-22 ta' Marzu 2014,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Maldive hija stat parti tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fit-13 ta' Marzu 2015, l-eks President tal-Maldive Mohamed Nasheed ingħata sentenza ta' 13-il sena ħabs fuq akkużi ta' terroriżmu minħabba l-arrest f'Jannar 2012 tal-Prim Imħallef tal-qorti kriminali ta' dak iż-żmien, arrest li l-UE kienet esprimiet tħassib dwaru;

B.

billi l-proċess kontroversjali naqas milli jissodisfa l-istandards nazzjonali u internazzjonali tal-ġustizzja, minkejja l-appell tan-Nazzjonijiet Uniti u l-UE għal ġustizzja u trasparenza fil-proċedimenti ġuridiċi kontra l-eks President Nasheed;

C.

billi Mohamed Nasheed, li għandu rekord twil personali ta' azzjoni mhux vjolenti għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija pluralistika, intefa' l-ħabs bosta drabi matul it-30 sena dittatorjat tal-President Maumoon Abdul Gayoon u ħalla l-poter f'ċirkostanzi kontroversjali erba' snin wara li sar l-ewwel president demokratikament elett tal-Maldive;

D.

billi n-nuqqas ta' indipendenza politika u taħriġ tal-ġudikatura tal-Maldive jimmina l-kredibilità domestika u internazzjonali tas-sistema tal-ġudikatura tal-pajjiż;

E.

billi l-eks Ministri tad-Difiża Tholhath Ibrahim u Mohamed Nazim reċentement weħlu sentenza ta' 10 snin u 11-il sena ħabs rispettivament, u l-eks Deputat Speaker tal-Majlis Ahmed Nazim ġie kkundannat 25 sena ħabs fil-Maldive; billi dawn il-proċessi wkoll kienu vizzjati bl-irregolaritajiet;

F.

billi l-politiċi fl-oppożizzjoni qed ikomplu jiġu intimidati fuq bażi regolari, u billi rapport reċenti tal-Kumitat tal-Unjoni Interparlamentari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Membri Parlamentari jidentifika lill-Maldive bħala wieħed mill-agħar pajjiżi fid-dinja għal attakki, tortura u intimidazzjoni kontra membri parlamentari tal-oppożizzjoni;

G.

billi fit-30 ta' Marzu 2015 il-Parlament tal-Maldive adotta emenda għall-Att tal-Maldive dwar il-Ħabs u l-Libertà Kondizzjonata, li jiskwalifika lil dawk li qed jiskontaw sentenza ta' ħabs milli jkunu membri f'partit politiku, u billi dan de facto se jneħħi lil Mohamed Nasheed mill-politika attiva u jżommu milli jikkontesta l-elezzjonijiet presidenzjali fl-2018;

H.

billi minn Frar 2015 'l hawn, ġew arrestati mill-inqas 140 dimostrant paċifiku, u dawn ġew meħlusa biss fuq kundizzjonijiet li jillimitaw bil-kbir id-dritt li jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet oħra;

I.

billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed iħabbtu wiċċhom dejjem aktar ma' fastidji, theddid u attakki, inkluża l-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Maldive (HRCM), li tressqet quddiem il-Qorti Suprema fuq akkużi ta' tradiment tal-pajjiż u li mminat il-kostituzzjoni talli ressqet rapport dwar l-istat tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldive lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għar-Rieżami Perjodiku Universali; billi l-NGOs ġew mhedda li jitneħħew mir-reġistru;

J.

billi l-libertà tal-istampa trażżnet bil-kbir f'dawn l-aħħar snin, ġew arrestati tliet ġurnalisti waqt li kienu qed jirrapurtaw dwar dimostrazzjonijiet politiċi għall-ħelsien ta' Mohamed Nasheed u Ahmed Rilwan, ġurnalist kritiku tal-gvern li għeb f'Awwissu 2014 u għadu ma nstabx u maħsub li mejjet;

K.

billi t-taqlib politiku qed ifeġġ fi żmien ta' tħassib dwar spirtu militanti Iżlamiku li qed jiżdied fil-Maldive u dwar l-għadd ta' żgħażagħ irġiel radikalizzati li allegatament issieħbu mal-ISIS;

L.

billi fis-27 ta' April 2014, il-Parlament tal-Maldive vvota sabiex itemm moratorju dwar il-piena kapitali stabbilita mill-1954, u b'hekk tippermetti s-sentenza ta' minuri fl-età żgħira ta' seba' snin, li jistgħu jinżammu responsabbli u jirċievu l-piena tal-mewt hekk kif jagħlqu t-18 u jinżammu mifnija fil-ħabs sa dak iż-żmien; billi dan imur kontra l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Maldive bħala stat parti tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

M.

billi l-ħaddiema immigranti jbatu minħabba xogħol furzat, il-konfiska tad-dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar, iż-żamma tas-salarji jew in-nuqqas ta' ħlas tagħhom u rbit ta' dejn, u ġew mhedda mill-awtoritajiet tal-Maldive li jitkeċċew minħabba li pprotestaw kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza wara sensiela ta' attakki fuq ħaddiema immigranti;

N.

billi għadd żgħir ta' nisa mis-Sri Lanka, it-Tajlandja, l-Indja, iċ-Ċina, il-Filippini, l-Ewropa tal-Lvant, il-pajjiżi tal-eks Unjoni Sovjetika, il-Bangladexx u l-Maldive huma soġġetti għal traffikar għal raġunijiet ta' sess fil-Maldive u xi tfal Maldivjani qed jiġu allegatament soġġetti għal abbuż sesswali u jistgħu jkunu vittmi ta' xogħol furzat;

1.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda fit-tendenza lejn tmexxija awtoritarja fil-Maldive, il-persekuzzjoni ta' opponenti politiċi u l-intimidazzjoni tal-midja u s-soċjetà ċivili, li jistgħu jipperikolaw il-kisbiet li saru f'dawn l-aħħar snin biex jiġu stabbiliti d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiż; jistieden lill-partijiet kollha biex iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista’ taggrava aktar il-kriżi, u biex jirrispettaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

2.

Jiddeplora l-irregolaritajiet serji fil-proċess tal-eks President Mohamed Nasheed; jinsisti li dan għandu jinħeles minnufih u li f'każ li s-sentenza tiegħu tiġi appellata, id-drittijietu għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ skont l-obbligi internazzjonali tal-Maldive, il-kostituzzjoni tagħha stess u l-garanziji kollha rikonoxxuti internazzjonalment għal proċess ġust; iħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE għas-Sri Lanka u l-Maldive tinsisti li tingħata permess issegwi mill-qrib il-proċess ta' appell;

3.

Jenfasizza l-fatt li r-rispett tal-istat tad-dritt, id-dritt ta' proċess ġust, proċess ġuridiku adegwat u l-indipendenza tal-ġudikatura, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ICCPR, huma elementi ċentrali tal-proċess demokratiku; jenfasizza li kull ċittadin tal-Maldive, inkluż l-eks President Nasheed, għandu jiġi ttrattat skont dawn il-prinċipji, li minnhom infushom huma importanti għal soċjetà pluralistika;

4.

Jitlob li jkun hemm proċess politiku kredibbli u inklużiv, bil-parteċipazzjoni tal-forzi demokratiċi kollha, bil-għan li tinġieb lura u tinżamm l-istabbiltà fil-Maldive u biex il-pajjiż jitpoġġa lura fit-triq tat-tranżizzjoni lejn id-demokrazija; jitlob li tintemm immedjatament l-intimidazzjoni ta’ avversarji politiċi; jistieden lill-Gvern tal-Maldive jieħu l-passi neċessarji kollha sabiex terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja fl-impenn tiegħu lejn id-demokrazija, l-indipendenza ġudizzjarja u l-istat tad-dritt, inkluż ir-rispett tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda, u r-rispett ta' proċess adegwat;

5.

Jitlob li jintemm immedjatament l-indħil politiku fis-sistema ġudizzjarja tal-Maldive, u jitlob li ma tibqax politiċizzata; jitlob li jsiru riformi urġenti biex tiġi żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura tal-Maldive bil-għan li terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja domestika u internazzjonali fil-funzjonament tagħha; jenfasizza li dawn ir-riformi għandhom jiġu approvati u implimentati mingħajr aktar dewmien;

6.

Ifakkar lill-Gvern tal-Maldive li l-kostituzzjoni tal-pajjiż tiggarantixxi d-dritt għal dimostrazzjoni, u li l-kundizzjonijiet ta' ħelsien li jżommu lill-persuni milli jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma illegali;

7.

Jitlob li jintemmu immedjatament il-forom kollha ta' vjolenza, inkluża l-vjolenza kontra d-dimostranti paċifiċi, u jfakkar lill-forzi tas-sigurtà fid-dmir li għandhom li jipproteġu lid-dimostranti paċifiċi kontra gruppi vjolenti; jistieden lill-Gvern tal-Maldive jtemm l-impunità għall-vigilantes li użaw il-vjolenza kontra persuni li jippromwovu t-tolleranza reliġjuża, id-dimostranti paċifiċi, il-midja kritika u s-soċjetà ċivili; jitlob li min iwettaq dan it-tip ta' attakki vjolenti jitressaq quddiem il-ġustizzja;

8.

Jistieden lill-Gvern tal-Maldive jippermetti li ssir investigazzjoni adegwata dwar l-għajbien ta' Ahmed Rilwan;

9.

Jikkundanna l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena kapitali fil-Maldive, u jħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament tal-Maldive jerġgħu jistabbilixxu moratorju għall-piena kapitali;

10.

Iħeġġeġ lill-atturi kollha fil-Maldive jaħdmu flimkien b'mod kostruttiv fl-oqsma kollha, speċjalment dwar is-suġġett tat-tibdil fil-klima li għandu l-potenzjal li jiddestabbilizza l-pajjiż;

11.

Jitlob lill-awtoritajiet lokali jikkonformaw kompletament mal-istandards minimi għall-eliminazzjoni tat-traffikar; ifaħħar l-isforzi li għaddejjin biex tiġi indirizzata l-problema u l-progress li sar, iżda jinsisti li d-dispożizzjonijiet tal-liġi kontra t-traffikar tal-bnedmin għandhom jiġu implimentati malajr peress li għad fadal problemi serji fl-infurzar ta' din il-liġi u l-protezzjoni tal-vittmi;

12.

Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri joħorġu twissijiet dwar ir-rekords tad-drittijiet tal-bniedem tal-Maldive fil-websajts tagħhom dwar il-pariri tal-ivvjaġġar;

13.

Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u s-SEAE jkomplu jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni politika fil-Maldive u jwettqu rwol proattiv fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiż u fil-fora multilaterali internazzjonali sabiex tinkiseb l-istabbiltà, jissaħħu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u jkun żgurat rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-pajjiż;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-parlament u l-gvern tar-Repubblika tal-Maldive.


Top