Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IE0601

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Programmi tal-Iżvilupp rurali – L-ewwel għajnuna jew l-ewwel sinjali ta’ rkupru?” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 13, 15.1.2016, p. 89–96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 13/89


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Programmi tal-Iżvilupp rurali – L-ewwel għajnuna jew l-ewwel sinjali ta’ rkupru?”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2016/C 013/14)

    Relatur:

    is-Sur Tom JONES

    Relatur:

    is-Sinjura Joana AGUDO I BATALLER

    Nhar it-22 ta’ Jannar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    Il-Programmi tal-Iżvilupp Rurali – L-ewwel għajnuna jew l-ewwel sinjali ta’ rkupru?

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Lulju 2015.

    Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru (seduta tas-17 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’192 vot favur, 3 voti kontra u 10 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn kontinwu tal-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni biex jindirizzaw xi wħud mill-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żoni rurali permezz ta’ Programm tal-Iżvilupp Rurali (PŻR) li jvjarja ħafna. Jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-uffiċjali pubbliċi fl-adozzjoni u t-tfassil tal-programm il-ġdid. Madankollu, minħabba l-kriżi reali li ħafna żoni rurali żvantaġġati jiffaċċjaw, hemm diżappunt minħabba d-dewmien fil-preżentazzjoni, l-approvazzjoni u t-tnedija tal-programm madwar bosta stati u reġjuni. Għalhekk, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritajiet tal-istat u reġjonali, tikkommisjona analiżi indipendenti tal-proċess sabiex jiġi evitat dewmien fl-iskemi ġodda fil-futur.

    1.2.

    Is-suċċess tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali jiddependi mill-effettività tal-prinċipju tas-sħubija. Is-sjieda komuni tal-programm bejn is-settur pubbliku, privat, l-interlokuturi soċjali u l-NGOs interessati, b’konformità mal-obbligi tat-Trattat u impenji oħra hija essenzjali. Il-KESE jinnota li kien hemm titjib fl-impenn meta mqabbel mal-programmi preċedenti, iżda s-sħubija għadha tvarja madwar l-UE.

    1.3.

    Ir-rwol tal-kumitati ta’ monitoraġġ jeħtieġ li jkun trasparenti. Il-membri għandhom ikunu b’saħħithom fl-iskrutinju tal-miri, b’aċċess għal-linji gwida finanzjarji. Is-sħubija għandha tkun inklużiva b’kapaċità li tirrappreżenta gruppi ta’ interess fejn adatt.

    1.4.

    B’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu dwar is-sħubija u l-governanza, il-KESE jqis li l-Kummissjoni għandha timmonitorja kif jiġi applikat ir-regolament fit-tħejjija tal-ftehimiet ta’ sħubija u fl-implimentazzjoni tal-programmi, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni fil-kumitati ta’ monitoraġġ għall-programmi.

    1.5.

    Tintlaqa’ bi pjaċir il-firxa tal-programmi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet lokali, kif ukoll l-użu akbar tal-mudell tal-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) favur l-involviment tal-komunità. Għandu jkun hemm it-tixrid tal-aħjar prattiki għal proċessi effiċjenti fl-użu tal-mudell.

    1.6.

    Il-limitazzjonijiet baġitarji jimplikaw rwol komplementari u li ma jirduppjax ir-rwol tal-bqija tal-baġit tal-PAK. Nirrakkomandaw l-użu massimu tas-sorsi ta’ kofinanzjament governattivi, privati u volontarji, bi proċess semplifikat għall-applikanti. L-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u fondi ta’ investiment Ewropej oħra fejn il-proġetti jikkwalifikaw taħt kriterji iktar wiesa’.

    1.7.

    Kif diġà ġie nnotat mill-KESE (1), ħmistax-il Stat Membru trasferew fondi minn pagamenti diretti lill-PŻR, filwaqt li f’ħames Stati Membri oħra t-trasferimenti saru mit-tieni għall-ewwel pilastru. Iż-żewġ possibbiltajiet huma leġittimi – peress li huma permessi mill-koleġislaturi – iżda m’għandhomx l-istess valur: il-PŻR jaqdu l-għan ta’ żvilupp aktar ibbilanċjat fi ħdan kull reġjun tal-UE. Huwa rakkomandat li jsir studju tal-koerenza u tal-effettività ta’ din il-flessibbiltà, inkluż l-impatt tagħha fuq il-kompetizzjoni fis-Suq Uniku.

    1.8.

    L-istati u r-reġjuni jipprijoritizzaw l-infiq f’ħafna modi differenti. Din l-Opinjoni tenfasizza l-importanza tal-iżvilupp sostenibbli tal-attività ekonomika, l-ambjent u l-ġustizzja soċjali b’enfasi qawwija fuq iż-żieda fil-valur għal riżorsi bbażati fuq l-art. Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni twettaq analiżi ta’ nofs it-term tal-progress mqabbel mal-miri għall-prijoritajiet ta’ hawn fuq, waqt li tonora l-impenji eżistenti. L-awtoritajiet għandhom ikunu jistgħu jagħmlu aġġustamenti li jippermettu proġetti ġodda biex tinkiseb it-tlestija b’suċċess tal-programm u tislet tagħlimiet għal politika strutturali rurali sussegwenti.

    1.9.

    Hemm tħassib serju li l-PŻR mhux se jkunu jistgħu jwasslu għal koeżjoni territorjali mtejba. Iż-żoni l-aktar imbiegħda u ekonomikament marġinati, kemm fost l-istati u r-reġjuni kif ukoll fi ħdanhom, ma għandhomx il-kapaċità strutturali biex jikkapitalizzaw fuq il-fondi u l-appoġġ disponibbli. Jinħtieġu aktar riżorsi mmirati fuq perjodi itwal ta’ żmien, inklużi mentoring transkonfinali, ġemellaġġ, bini tal-kapaċità għal strutturi ta’ konsuklenza, u self u investimenti innovattivi privati u tal-intrapriża soċjali.

    1.10.

    Il-mudell tal-LEADER li ilu stabbilit għandu appoġġ qawwi u n-Netwerks tal-Iżvilupp Rurali ffinanzjati mill-KE huma mħeġġa biex ikomplu jxerrdu l-aħjar prattiki.

    1.11.

    L-enfasi qawwija fil-programmi fuq iż-żamma tal-impjiegi u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ impjieg fiż-żoni rurali hija ċara, bħalma hi l-importanza tal-investiment, l-iskambju tal-għarfien, it-taħriġ, il-mentoring u rabtiet aktar mill-qrib mal-istabbilimenti tar-riċerka. Il-miżuri biex jinċentivaw iż-żgħażagħ biex ifittxu futur fiż-żoni rurali, flimkien ma’ miżuri li jgħinu fl-integrazzjoni ta’ dawk il-persuni li għandhom diffikultajiet speċjali jew diżabbiltà fiżika jew mentali, huma importanti. L-inċentivi finanzjarji li jappoġġjaw it-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet huma kruċjali. Barra minn dan, l-iskejjel u l-kulleġġi rurali jeħtieġ li jkunu marbutin aktar mill-qrib mal-ħtiġijiet tradizzjonali u tat-tibdil fil-ħiliet taż-żoni tagħhom.

    1.12.

    Hemm ħtieġa reali biex jiġu indirizzati l-ippjanar tas-suċċessjoni, filwaqt li l-opportunitajiet tal-PŻR għall-ittestjar ta’ mudelli tan-negozju jiġu integrati mar-regoli nazzjonali, reġjonali dwar it-trasferimenti tal-assi. Il-mobbiltà tax-xogħol tiġi mħeġġa bl-appoġġ minn taħriġ ta’ kwalità u bil-konformità mad-drittijiet tax-xogħol.

    1.13.

    Il-kontribut tan-nisa għas-suċċess tal-Programm għandu jkun immirat u appoġġat b’mod speċifiku. Ir-rwol tagħhom huwa kruċjali biex jiġi garantit li n-nies jibqgħu jgħixu fiż-żoni rurali, mhux biss permezz tad-diversifikazzjoni u t-trasformazzjoni tal-prodotti agrikoli iżda wkoll permezz tal-kontribut tagħhom għall-iżvilupp territorjali lokali billi jipprovdu opportunitajiet għal attivitajiet artiġjanali u ta’ agrituriżmu, minbarra bħala element essenzjali għall-innovazzjoni.

    1.14.

    Il-miżuri biex jittejbu l-ambjent, l-ekosistemi tiegħu u l-pajsaġġi kulturali, huma milqugħa. L-appoġġ għall-prodotti lokali, tikkettjati b’mod preċiż, għat-turiżmu rurali u skemi tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira li tkun proprjetà tal-komunità għandhom iġibu benefiċċji ekonomiċi u komunitarji sostenibbli. Ir-riġenerazzjoni rurali tista’ sseħħ biss jekk tkun sostnuta minn negozji agrikoli u rurali u dawk fil-qasam tal-foresti li jkunu effiċjenti u profitabbli. Hemm bżonn sforz akbar biex jiżdied il-fehim bejn il-bdiewa u s-sidien tal-foresti bħala produtturi tal-ikel jew tal-materja prima rinnovabbli, il-beni ambjentali u ta’ rikreazzjoni u l-konsumaturi minn ċittadinanza Ewropea li qed tkun dejjem aktar diversa.

    1.15.

    L-indirizzar tal-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-agrikoltura u l-forestrija, u viċi versa, huma prijoritajiet fil-programmi. Il-proġetti għall-qbid tal-karbonju, it-titjib tal-kwalità tal-ilma u tal-ħamrija, it-tnaqqis fl-emissjonijiet, it-tisħiħ tal-ekosistemi kif ukoll l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari, huma milqugħa b’sodisfazzjon. It-titjib għandu jkun proċess fit-tul u għandu jitkejjel b’mod xjentifiku fuq firxa ta’ skemi agroambjentali u oħrajn, inkluża l-produzzjoni integrata.

    1.16.

    L-indirizzar tal-inġustizzja soċjali jiddependi minn impenji usa’ ta’ fondi u politiki tal-gvern u tal-UE inklużi l-għoti ta’ aċċess aħjar għas-servizzi tal-Internet, it-trasport u l-edukazzjoni.

    1.17.

    Ir-riġenerazzjoni ekonomika u tal-komunità rurali hija essenzjali u l-PŻR għandhom jiġu ttestjati wkoll għall-isforzi tagħhom biex jinkludu liċ-ċittadini rurali kollha. L-involviment tas-soċejtà ċivili u l-intraprenditorija huma essenzjali għas-sostenibilità taż-żoni rurali.

    2.   Introduzzjoni

    2.1.

    L-Ewropa rurali hija essenzjali għall-ħajja taċ-ċittadini Ewropej kollha, mhux biss dawk li jgħixu u jaħdmu hemm. Din tipprovdi provvisti siguri tal-ikel, l-injam, il-minerali u l-ilma. Tipprovdi diversità ta’ ħabitats, enerġija rinnovabbli, spazji għar-rikreazzjoni, pajsaġġi storiċi, artiġjanat, u fuq kollox, persuni b’ħiliet u kulturi diversi. Madwar 115-il miljun (23 %) taċ-ċittadini tal-UE huma kategorizzati bħala residenti f’żoni rurali.

    2.2.

    Madankollu, hemm varjazzjoni kbira bejn iż-żoni rurali f’termini ta’ prosperità ekonomika u koeżjoni soċjali. Xi wħud huma affluwenti u dinamiċi, oħrajn fraġli, għandhom populazzjoni li qed tonqos u huma dgħajfa. Bosta għandhom diversi assi iżda huma foqra, ikkaratterizzati minn lokalitajiet abitati b’densità baxxa u b’aċċess limitat għas-servizzi pubbliċi. Dan jgħodd speċjalment għar-reġjuni aktar remoti u muntanjużi u għall-gżejjer. L-attraenza tal-attività ekonomika u soċjali moderna lejn il-ibliet hija kontinwa. Dan jagħmilha diffiċli ferm għall-gvernijiet, speċjalment fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet urbani mhux adatti, biex jiżguraw li l-komunitajiet rurali jkunu sostenibbli. Il-mobbiltà u l-moviment liberu tal-persuni huma prinċipji essenzjali għall-Unjoni Ewropea. Madankollu dawn għandhom konsegwenzi mhux intenzjonati għall-ifqar reġjuni rurali peress li numru kbir wisq ta’ nies, speċjalment żgħażagħ, jitilqu bit-tama ta’ prospetti ta’ ħajja aħjar mingħajr ma jirritornaw.

    2.3.

    L-Ewropa teħtieġ viżjoni biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fil-benesseri taż-żoni rurali, abbażi ta’ tkabbir ekoloġiku li jippromovi l-ekonomija ċirkolari, fehim akbar tal-ħtiġijiet komunitarji u servizzi ta’ appoġġ aktar intelliġenti. Din l-Opinjoni tfittex li tindirizza għaliex hemm varjabilità fir-rati ta’ suċċess u x’inhuma l-prospetti ta’ titjib reali matul il-programm ta’ finanzjament ġdid. Hemm tagħlim għat-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli, tal-ġustizzja ekonomika, ambjentali u soċjali? Hemm sens ta’ sjieda u sħubija bejn il-partijiet interessati kollha?

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-miżuri biex jibbilanċjaw mill-ġdid l-opportunitajiet ekonomiċi rurali-urbani u biex jistabbilizzaw il-koeżjoni soċjali mill-Istati Membri u r-reġjuni huma bosta u l-UE, permezz tal-ewwel (ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013) u t-tieni pilastru (ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013) tal-PAK, kif ukoll il-Fondi Strutturali/ta’ Koeżjoni tagħha, għamlet sforzi kontinwi sabiex treġġa’ lura t-tendenza negattiva, għalkemm b’suċċess limitat u li jvarja. L-appoġġ attwali tal-UE għall-iżvilupp rurali, iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, huwa stmat għal EUR 95,6 biljuni qabel it-trasferiment bejn il-pilastri, li jirrappreżenta 23 % tal-baġit tal-PAK.

    3.2.

    Il-programmi tal-2014-2020 jibnu fuq snin ta’ esperjenza ta’ x’inhu u x’mhux effettiv. Il-Kummissjoni tappoġġja n-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (ENRD) u s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni: produttività u sostenibbiltà fil-qasam agrikolu (EIP-agri) għall-promozzjoni ta’ prattiki tajba u soluzzjonijiet innovattivi u l-KESE jirrakkomanda li din il-ħidma tissaħħaħ fil-livell lokali. Jista’ wkoll jinkiseb tagħlim mill-aħjar prattiki ta’ fornituri oħra ta’ finanzjament.

    3.3.

    Minkejja li l-baġits huma iżgħar minn xi baġits oħra tal-UE, dawn jistgħu jkunu intelliġenti u estiżi permezz ta’ sorsi oħra tal-gvern u ta’ kofinanzjament. Il-programmi għandhom ikunu komplementari għal riżorsi tal-ewwel pilastru u marbuta ma’ flussi oħra ta’ finanzjament, fejn ikun xieraq, permezz ta’ infrastruttura burokratika effiċjenti, li tippermetti reazzjoni rapida, u appoġġ ta’ mentoring minn aġenziji konsultattivi u awtoritajiet tal-ippjanar lokali.

    3.4.

    Il-komponenti tal-Programmi huma flessibbli u lokali biżżejjed biex jibnu fuq il-ħtiġijiet reali tal-komunitajiet. Il-mudell tal-Leader flimkien mal-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali iġibu sjieda kondiviża u riżultati pożittivi, fejn huma jkunu l-aktar effiċjenti u ta’ suċċess. L-appoġġ tekniku għal dawk kollha interessati, flimkien mal-mentoring u t-taħriġ huma vitali għall-proġetti u l-inizjattivi kollha.

    3.5.

    Madankollu, l-iktar żoni żvantaġġjati jitħabtu biex jisiltu titjib reali mill-programmi ta’ terminu qasir, minħabba nuqqas ta’ riżorsi ta’ kummerċ, infrastruttura fqira, tmexxija komunitarja mingħajr esperjenza u aċċess inqas għal investimenti oħrajn Biex ikun hemm koeżjoni territorjali aħjar għandha tingħata aktar attenzjoni lil dawn iż-żoni bħalma jiġri taħt l-Objettiv 1 preċedenti tal-Programmi tal-Fondi Strutturali/ta’ Koeżjoni.

    3.6.

    Il-Kummissjoni ħarġet regolamenti finanzjarji ġodda għal dan il-perjodu 2014-2020, li għandhom jinftiehmu b’mod ċar u jiġu implimentati mill-awtoritajiet ta’ ġestjoni kif ukoll mill-kumitati ta’ monitoraġġ, mingħajr ma jiżdied il-piż burokratiku fuq l-applikanti tal-proġetti. F’dan ir-rigward il-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-rapporti tagħha (2) dwar il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 u l-qafas legali l-ġdid 2014-2020 għamlet diversi proposti biex jiġi żgurat valur ikbar għall-flus.

    3.7.

    Kien hemm dewmien sinifikanti fil-preparazzjoni u l-proċess ta’ approvazzjoni tal-programmi ġodda, minkejja l-wegħdiet ta’ semplifikazzjoni. Dan huwa ta’ dispjaċir minħabba l-istat imwiegħer ta’ ħafna żoni rurali fqar u x-xewqa li dawn il-programmi jikkontribwixxu mill-aktar fis biex jindirizzaw id-dħul baxx, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, servizzi pubbliċi ta’ kwalità baxxa u l-impatt tat-tibdil fil-klima. Sa Mejju 2015 madwar 57 % (3) tal-programmi reġjonali u statali kienu għad iridu jiġu approvati, għalkemm huwa ttamat li l-proċess ikun tlesta sal-aħħar tas-sena.

    4.   Konsultazzjoni u involviment tal-partijiet interessati

    4.1.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. Huwa jirrimarka l-importanza partikolari tal-Artikolu 5 dwar is-sħubija u l-governanza f’diversi livelli li jistipula li għandhom jiġu inklużi awtoritajiet pubbliċi oħrajn, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, u organizzazzjonijiet oħra li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha timmonitorja kif jiġi applikat ir-regolament fit-tħejjija tal-ftehimiet ta’ sħubija u fl-implimentazzjoni tal-programmi, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni fil-kumitati ta’ monitoraġġ għall-programmi.

    4.2.

    Din l-Opinjoni teżamina l-livell ta’ impenn matul il-preparazzjoni tal-Programmi tal-Iżvilupp Rurali, għalkemm il-konklużjonijiet tagħha huma limitati minħabba n-nuqqas u l-firxa ġeografika limitata ta’ programmi approvati. Kienu organizzati tliet seduti (4) flimkien ma’ kwestjonarju ċċirkolat b’mod aktar wiesa’. Tweġibiet bikrin jindikaw proċess ta’ involviment bejn il-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jvarja skont it-territorji iżda li huwa aħjar, u aktar matur minn dak tal-programmi preċedenti. Madankollu, għandu jsir aktar sforz biex jixxerrdu l-prattiki tajba ta’ involviment, inkluż użu akbar ta’ teknoloġija tal-komunikazzjoni għal djalogu kontinwu. Id-djalogu jvarja ħafna ġewwa l-istati u r-reġjuni. Il-Ftehimiet ta’ Sħubija jistgħu jkunu simboliċi, l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità huwa adottat biss f’xi żoni, u l-konsultazzjoni inklużiva u ġenwina tispiċċa fil-bidu minflok lejn it-tmiem tal-proċess (5). Hemm eżempji ta’ prattika tajba disponibbli u dawn ta’ spiss jinstabu fejn impenn simili wassal għal riżultati aħjar flimkien ma’ inizjattivi ta’ politika oħra (6).

    4.3.

    Il-gvernijiet waħedhom ma jistgħux iwasslu għat-tibdil veru meħtieġ biex jagħti nifs ġdid liż-żoni rurali. Huma jistgħu jipprovdu l-qafas leġislattiv u tal-ippjanar, ir-responsabbiltà demokratika, servizzi pubbliċi aħjar u finanzjament katalitiku. Madankollu, huma fil-biċċa l-kbira n-negozji privati, l-impjegati b’ħiliet u l-impriżi soċjali u komunitarji li jagħtu kontribut lin-nies u lill-ambjent. Biex ikunu lesti li jinvestu ħin u riżorsi, in-nies iridu jkunu kunfidenti li viżjoni komuni għal futur rurali aħjar tista’ titwassal u mhux tiġi mfixkla minn proċessi burokratiċi eċċessivi.

    4.4.

    Biex jirnexxu, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali jeħtieġu riżorsi biex kontinwament jimpenjaw ruħhom mal-membri tagħhom u l-gvernijiet. Peress li l-pjani jvarjaw u jevolvu irid ikun hemm sens akbar ta’ sjieda kondiviża tal-politika u l-implimentazzjoni. Il-kumitati ta’ monitoraġġ jeħtieġ li jkollhom sħubija msejsa fuq bażi wiesgħa li tkun infurmata u f’pożizzjoni li twettaq analiżi bir-reqqa. Il-KESE huwa impenjat li jiffaċilita l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ sħubija aħjar mal-imsieħba ċivili u soċjali (7).

    5.   L-ewwel għajnuna jew irkupru fuq medda twila ta’ żmien?

    5.1.

    Is-seduti tagħna (8) fi Brussell u f’North Wales ikkonfermaw li l-programmi inkludew miri għar-riżultati. Dawn għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni, mill-kumitati ta’ monitoraġġ u mill-partijiet interessanti perjodikament għal progress reali u valur għall-flus. Għandu jkun hemm ukoll studju dwar jekk it-trasferiment ta’ fondi bejn il-pilastri kienx effettiv jew wassalsx għal distorsjoni usa’ ġeografika u tal-kompetizzjoni.

    5.2.

    Tliet temi ta’ ttestjar għall-iżvilupp sostenibbli huma identifikati: intraprenditorija u impjieg, ambjent u inklużjoni soċjali.

    L-intraprenditorija u l-impjieg

    5.3.

    Għalkemm il-baġit tal-PAK qed jonqos, ir-rekwiżiti żejda għall-konformità li qed isiru mill-Kummissjoni dwar pagamenti tal-ewwel pilastru qed jiżdiedu. Għalhekk, il-PŻR bilfors għandu jappoġġja l-investiment favur settur kompetittiv fil-qasam tal-agrikoltura u l-forestrija, anke permezz ta’ prodotti b’aktar valur miżjud, titjib tal-kummerċjalizzazzjoni, katini tal-provvista qosra u msaħħa, immarkar korporattiv u skambju tal-għarfien. l-universitajiet u l-kulleġġi għandhom rwol importanti fl-appoġġ tar-reġjuni tagħhom u fl-appoġġ tal-aktar reġjuni żvantaġġati permezz ta’ ġemellaġġ u mentoring. Dawn għandhom jikkollaboraw ma’ bdiewa u servizzi ta’ konsulenza rurali eżistenti biex jiġbdu fondi tar-riċerka tal-UE biex jindirizzaw ħtiġijiet lokali speċifiċi. Il-PŻR għandu jkun pont bejn l-applikanti u l-Fond Ewropew tal-Investiment u l-programm Orizzont 2020, filwaqt li jgħin biex ix-xjenza tiġi appikata fl-azjendi agrikoli u fiż-żoni rurali. Għalkemm mhumiex iffinanzjati direttament mill-PŻR, hemm rwol ċar għall-iskejjel, speċjalment f’żoni rurali biex jindirizzaw il-bżonnijiet rilevanti tal-ġenerazzjonijiet futuri. Ġranet għall-pubbliku fl-azjendi agrikoli, l-esperjenza ta’ xogħol u l-apprendistati minn skemi oħra ta’ finanzjament huma essenzjali biex jistimolaw forza tax-xogħol imħarrġa tajjeb (9). It-taħriġ, formali u informali, għandu jkun vokazzjonali, relatat man-negozju, u bbażat fuq il-post, fejn possibbli (10).

    5.4.

    L-industriji tal-agrikoltura u tal-forestrija jiżviluppaw f’ambjent ekonomiku dinamiku, ikkaratterizzat mill-globalizzazzjoni, progress teknoloġiku rapidu u talbiet soċjetali li qed jiżdiedu. L-innovazzjonijiet huma kruċjali għaż-żamma tal-effiċjenza u l-kompetittività tal-bdiewa u s-sidien tal-foresti. Is-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni (EIP-agri) li twaqqfu dan l-aħħar huma għodda siewja li teħtieġ tiġi implimentata malajr u b’mod wiesa’. Hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet simplifikati ta’ finanzjament sabiex jimmobilizzaw u jiffaċilitaw l-innovazzjoni.

    5.5.

    Fiż-żoni rurali, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u skemi simili jeħtieġ li jkunu marbuta mal-inizjattivi tal-PŻR sabiex ikun hemm tama għal progress u ambizzjoni. L-appoġġ għall-investiment u t-taħriġ għall-bdiewa żgħażagħ u operaturi ġodda huwa essenzjali. Il-proġetti biex jappoġġjaw u jżommu ż-żgħażagħ fiż-żoni rurali għandhom ikunu ta’ prijorità ewlenija. Iż-żgħażagħ għandhom jiġu inkoraġġuti li jieħdu l-pussess ta’ miżuri biex jgħinu lilhom infushom. Iż-żoni rurali għandhom bżonn qafas aħjar għall-ippjanar tas-suċċessjoni (11) li jkun legalment ekwu, aċċessibbli, u li jistimola trasferimenti interġenerazzjonali li jkunu sostenibbli fit-tlaqqigħ ta’ żgħażagħ b’esperjenza.

    5.6.

    Ir-rwol tan-nisa fl-agrikoltura huwa rikonoxxut bis-sħiħ. Il-kontribut tagħhom għad-disinn u l-implimentazzjoni ta’ proġetti rurali huwa imprezzabbli u, pereżempju fil-Finlandja, l-appoġġ ta’ konsulenza mmirat iwassal biex jintlaħaq il-potenzjal intraprenditorjali (12).

    5.7.

    L-agrituriżmu, il-produzzjoni tal-artiġjanat u t-tisħiħ tal-inizjattivi rikreazzjonali u tas-saħħa fiżika jistħoqqilhom appoġġ bħal fil-każ tal-ħidma promozzjonali tal-festivals u l-wirjiet bħar-Royal Welsh u l-Green Week ta’ Berlin. Għan-negozji u l-konsumaturi rurali hija essenzjali li terġa’ tinħoloq relazzjoni bejn il-belt u l-pajjiż, f’Ewropa pluralista li qed tinbidel, kif ukoll li jkun hemm aċċess aħjar għal servizzi tal-Internet bil-broadband. Il-ħolqien ta’ ktajjen tal-valur reġjonali jipprovdi opportunità ewlenija għall-artiġjanat, l-agrikoltura, it-turiżmu u l-kummerċ fiż-żoni rurali (13). Il-KESE jappoġġja l-proposta għal Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-impenn tiegħu biex jappoġġja proġetti rurali.

    Ambjent

    5.8.

    L-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-agrikoltura u l-forestrija ġie analizzat f’opinjoni (14). Waħda mis-soluzzjonijiet għaż-żieda tal-produzzjoni permezz ta’ anqas riżorsi u t-titjib tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima hija li tiġi appoġġjata l-intensifikazzjoni sostenibbli fis-settur tal-agrikoltura u tal-foresti. L-użu tal-art modern huwa mħeġġeġ jiżviluppa attivitajiet ta’ mitigazzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u sabiex tiżdied il-bijodiversità, speċjalment permezz ta’ skemi agroambjentali (15). Ir-riċiklaġġ u l-ekonomija ċirkolari għandhom jitħeġġu (16), filwaqt li l-enerġija rinnovabbli (17) hija assi rurali ta’ valur kbir li, jekk isir investiment fiha b’mod għaqli, tikkontribwixxi dejjem aktar f’termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Hemm tassew skop għal sjieda komunitarja u investiment jekk ikun jista’ jsir titjib teknoloġiku fil-ħażna, il-loġistika u l-infrastruttura.

    5.9.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ miżuri agroambjentali favur il-klima li jikkomplementaw l-ekoloġizzazzjoni tal-ewwel pilastru. Huwa ta’ benefiċċju li l-għajnuna tiġi mmirata lejn kriterji speċifiċi bħall-art fil-periklu tal-erożjoni, ir-raggruppament tal-ħabitats tal-art, il-baċiri tal-iskular u l-appoġġ għall-ispeċijiet li jitolbu prattiki partikolari ta’ ġestjoni. Madankollu, ir-rekwiżiti ta’ konformità m’għandhom isiru piżijiet addizzjonali. Hija meħtieġa bażi xjentifika preċiża biex jitkejjel il-progress filwaqt li jkun hemm fehim dwar it-tul ta’ żmien meħtieġ għal titjib reali (18).

    5.10.

    Il-pajsaġġ tal-Ewropa rurali huwar-riżultat tal-attivitajiet tal-bniedem u msawwar minn ġenerazzjonijiet ta’ xogħol marbut mal-produzzjoni tal-ikel, l-injam u l-kenn. Id-diversità tiegħu hija apprezzata miċ-ċittadini Ewropej. Il-programmi tal-iżvilupp rurali għandhom rwol x’jaqdu biex jiżguraw is-sostenibbiltà ta’ tali pajsaġġi kulturali billi jiżguraw it-trasferiment tal-ħiliet u l-attivitajiet ta’ biedja iffinanzjati b’mod trasparenti u li jikkontribwixxu għal xenarju prezzjuż bħal dan.

    Ġustizzja soċjali

    5.11.

    L-identifikazzjoni u l-azzjoni dwar l-inġustizzja f’kuntest rurali hija diffiċli. Kif imsemmi qabel, dan jikkonċerna żoni abitati mifruxin, b’popolazzjoni baxxa, bi żbilanċi fl-etajiet, u nuqqas ta’ servizzi pubbliċi fit-trasport, is-saħħa u s-servizzi soċjali. Dan jikkonċerna dħul baxx, iżolament u djar ta’ kwalità ħażina u servizzi teknoloġiċi limitati. Hemm problema partikolari ta’ trattament ħażin u sfruttament ta’ ħaddiema f’ċerti żoni (19), speċjalment il-migranti, li teħtieġ aktar sforzi biex jgħinu fl-integrazzjoni tagħhom u biex jippermettu l-aċċess għal taħriġ vokazzjonali adatt.

    5.12.

    L-Artikolu 39 tat-TFUE jistabbilixxi, li wieħed mill-aktar objettivi importanti tal-PAK huwa li jiġi żgurat standard ta’ għajxien ġust għall-komunità agrikola billi tiżdied il-produttività, jiġi inkoraġġit il-progress tekniku u jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni agrikola u l-aħjar utilizzazzjoni possibbli tal-fatturi ta’ produzzjoni. It-TFUE jipprevedi li, fit-tfassil tal-PAK, jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-attività agrikola, li jirriżultaw mill-istruttura soċjali tal-agrikoltura u mid-disparitajiet strutturali u naturali fost id-diversi reġjuni agrikoli.

    5.13.

    Il-programmi tal-iżvilupp rurali jgħinu sabiex joħolqu u jikkonsolidaw impjiegi diretti u indiretti fis-setturi agrikoli u agroalimentari u jikkontribwixxu wkoll sa ċertu punt għad-diversifikazzjoni ekonomika taż-żoni rurali. Madankollu, fir-realtà l-programmi tal-iżvilupp reġjonali jistgħu jagħtu biss kontribut limitat biex jindirizzaw il-problemi strutturali u n-nuqqasijiet fis-servizzi pubbliċi f’żoni rurali.

    5.14.

    Jinħtieġu baġits u politiki oħra tal-gvern li huma adatti jew, aħjar minn hekk, imfasslin speċifikament għal kwistjonijiet rurali, inklużi skemi ta’ trasport komunitarju, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fid-djar u l-opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid biex titħeġġeġ l-innovazzjoni. Madankollu, il-programmi tal-iżvilupp rurali għandhom jiġu vvalutati għall-kontribut tagħhom lejn il-ġustizzja soċjali bl-użu tal-indikaturi previsti fil-leġislazzjoni tal-UE u indikaturi oħra li għandhom jiġu inklużi għal valutazzjoni aktar effettiva, bħalma huma dawk li jinkoraġġixxu lill-intrapriżi soċjali u proġetti tal-agrikoltura soċjali li jittrattaw id-diżabilità, joħolqu l-impjiegi u li jagħmlu użu minn binjiet ta’ rziezet u artijiet abbandunati. Hemm bżonn ta’ ħafna aktar sforz biex jiġi appoġġjat u inkoraġġit l-involviment ta’ persuni rurali b’diżabilità biex ikollhom rwol aktar sħiħ fil-komunitajiet tagħhom.

    5.15.

    L-irħula huma ċentri vitali għas-solidarjetà tal-komunità. It-tiġdid tal-irħula, permezz tal-inkoraġġiment tan-negozji żgħar u tal-intrapriżi soċjali, appoġġjati mill-filantropija u l-volontarjat, għandhom ikunu prijorità ewlenija għat-tisħiħ tal-komunitajiet (20) kif muri fil-Finlandja u prijoritizzat, pereżempju, fil-PŻR ta’ Wales (21).

    Brussell, is-17 ta’ Settembru 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Rapport ta’ informazzjoni dwar “Proċeduri ta’ implimentazzjoni tar-Riforma tal-PAK”, EESC-2015-01409.

    (2)  Rapporti Speċjali 22/2014, 23/2014, 4/2015, 5/2015.

    (3)  Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa tas-26 ta’ Mejju 2015, L-adozzjoni ta’ iktar minn 24 programm tal-iżvilupp rurali biex jissaħħaħ is-settur tal-biedja tal-UE u l-kampanja tagħna.

    (4)  13 ta’ April fi Brussell, 21 ta’ Mejju f’Bangor f’North Wales, u 9 ta’ Ġunju 2015 f’Helsinki.

    (5)  Opinjoni dwar “Il-valutazzjoni tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati mill-Kummissjoni Ewropea” (ĠU C 383 du 17.11.2015, p. 57).

    (6)  F’Wales il-maturità fil-proċessi ta’ konsultazzjoni tagħha qed tikber minħabba l-impenn kostituzzjonali li jirriżulta mill-Att dwar id-devoluzzjoni tal-gvern (Devolved Governmental Act) li jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u l-ħidma fi sħubija ma’ dawk fis-settur volontarju.

    (7)  It-Trattat ta’ Lisbona, Artikolu 11; id-dikjarazzjoni ta’ Riga dwar Pjattaforma Soċjali ta’ Marzu 2015.

    (8)  idem in-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

    (9)  Il-Welsh Agri-Academy hija eżempju tajjeb ta’ taħriġ tat-tmexxija.

    (10)  Opinjoni dwar “L-iżvilupp u t-taħriġ vokazzjonali fiż-żoni rurali”, NAT/650 (għada mhux pubblikata fil-ĠU).

    (11)  Malcolm Thomas Review in Wales.

    (12)  Opinjoni dwar “Ir-rwol tan-nisa meħtieġ għal mudell ta’ żvilupp u ta’ innovazzjoni fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali” (Ġ.U. C 299, 4.10.2012, p. 29).

    (13)  Opinjoni dwar “L-agrikoltura u l-artiġjanat” (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 35).

    (14)  Opinjoni dwar “L-implikazzjonijiet tal-politika tal-klima u l-enerġija għas-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija” (ĠU C 291, 4.9.2015, p. 1).

    (15)  Glastir (Wales), Stewardship (Ingilterra), Glas (Irlanda), Kulep (Bavaria).

    (16)  Opinjonijiet dwar “L-ekonomija ekoloġika” (ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99) u dwar “Il-promozzjoni tal-kreattività, l-intraprenditorija u l-mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ” (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 20).

    (17)  Studju tal-KESE dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-Enerġija Rinnovabbli – Rapport Finali, EESC-2014-04780.

    (18)  Ara l-evidenza minn Bangor University (hearings in Bangor, il-21 ta’ Mejju 2015).

    (19)  Opinjoni dwar “Ix-xogħol agrikolu transkonfinali” (ĠU C 120, 16.5.2008, p. 19).

    (20)  Kunsill ta’ Wales għal Azzjoni Volontarja– Fond ta’ Inklużjoni Attiva u Village SOS – Big Lottery – Wales, WCVA.

    (21)  PŻR ta’ Wales (MO7).


    Top