Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IE0417

Opinjoni tal-Kumitati Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Dumping soċjali fis-settur Ewropew tal-avjazzjoni ċivili (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 13, 15.1.2016, p. 110–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/110


Opinjoni tal-Kumitati Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Dumping soċjali fis-settur Ewropew tal-avjazzjoni ċivili

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 013/17)

Relatur:

is-Sinjura Anne DEMELENNE

Nhar il-11 ta’ Diċembru 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Dumping soċjali fis-settur Ewropew tal-avjazzjoni ċivili.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Awwissu 2015.

Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru (seduta tas-16 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’200 vot favur, 3 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE japprova l-intenzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea li qal fid-diskors ta’ ftuħ tiegħu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu li “[s]e jkollna niġġieldu kontra d-dumping soċjali u hekk se nagħmlu”. Il-Kummissarju Ewropew għat-Trasport, Violeta Bulc, tenniet din l-istqarrija meta fis-seduta tal-Kummissarji nnominati f’Ottubru 2014 qalet: “Jien totalment kontra d-dumping soċjali. […] it-tfassil mill-ġdid tal-leġislazzjoni għandu jkopri wkoll il-leġislazzjoni soċjali”. Id-dumping soċjali joħloq kompetizzjoni inġusta. Madankollu, huwa diffiċli li jiġi definit peress li l-kawżi tiegħu huma kumplessi u l-partijiet interessati huma bosta. Fis-settur tal-avjazzjoni ċivili, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ir-rwol ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi fil-livelli differenti – il-linji tal-ajru, il-ħaddiema, il-passiġġieri u l-ambjent politiku, legali, ekonomiku u soċjali – kemm fi ħdan kif ukoll barra l-Unjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QtĠ-UE) irrikonoxxiet li l-ġlieda kontra d-dumping soċjali hija għan leġittimu, li jagħmilha possibbli li l-Istati Membri jiġġustifikaw ċerti restrizzjonijiet għal-libertà tal-moviment (1). Peress li l-KESE huwa mħasseb dwar l-iżviluppi reċenti fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili, huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni u tieħu passi jekk meħtieġ. Jeħtieġ li l-aspetti kollha indirizzati f’dan id-dokument jiġu kkunsidrati matul it-tħejjija tal-pakkett tal-avjazzjoni li tħabbar bħala parti mill-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2015. Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li DĠ MOVE u DĠ EMPL għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib.

1.2.

Abbażi tal-ħidma tagħha dwar mudelli ġodda tan-negozju, jeħtieġ li l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) tiskrutinizza l-iżviluppi biex tiżgura l-aqwa sikurezza possibbli tal-passiġġieri u l-persunal, ikun xi jkun il-mudell tan-negozju, b’enfasi partikolari fuq dawn il-mudelli ġodda sabiex jistabbilizzaw is-settur. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-monitoraġġ, min-naħa tal-amministrazzjonijiet ikkonċernati, tal-użu iżjed estensiv ta’ impjieg indipendenti falz u tal-aġenziji ta’ xogħol temporanju.

1.3.

Il-KESE jistenna li l-leġislazzjoni attwali tiġi infurzata kif imiss u li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiġi kkunsidrata wkoll. Dawn ikopru l-iżjed:

a)

is-sigurtà soċjali u l-liġi tax-xogħol:

il-Konvenzjoni ta’ Ruma I (1980) u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 (2);

Ir-Regolamenti (UE) Nru 465/2012 (3) u (UE) Nru 83/2014 (4), li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “bażi residenzjali”.

b)

ir-relazzjoni mal-istatus tal-persuni b’impjieg indipendenti:

Id-Direttiva 2014/67/UE (Għall-ewwel darba, il-kunċett ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni jiġi inkluż fid-Direttiva sabiex isir monitoraġġ tal-istatus tal-persuni b’impjieg indipendenti.) (5);

Is-sentenza C-413/13 FNV Kunsten Informatie en Medi vs Staat der Nederlanden tal-4 ta’ Diċembru 2014: “[I]d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi tariffi minimi għall-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom, imsieħba ma’ waħda mill-organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema bil-kuntratt, li jwettqu għal persuna li timpjega, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet, l-istess attività bħall-ħaddiema ta’ din il-persuna li timpjega, ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, biss jekk dawn il-fornituri jikkostitwixxu ‘persuni li ma jaħdmux għal rashom verament’, jiġifieri fornituri li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-ħaddiema msemmija. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni.”

1.4.

Il-KESE jirrikonoxxi l-pożizzjoni tal-imsieħba soċjali tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Ekwipaġġ tal-Ajru (Air Crew Working Group –ACWG) (ara l-punt 5.1) u jenfasizza li għandhom jiġu indirizzati l-lakuni li ġejjin sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt soċjali negattiv mhux mixtieq f’dan is-settur. Għal dan l-għan, għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

jiġu riveduti r-regoli komuni għall-operat tas-servizzi tal-ajru biex, fost affarijiet oħra, jiżguraw l-infurzar adatt tal-leġislazzjoni soċjali nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi tax-xogħol fi ħdan is-settur (Regolament (KE) Nru 1008/2008); fl-istess Regolament, ikun hemm definizzjoni aħjar tal-kunċett tal-“post prinċipali tan-negozju” sabiex il-liċenzja ta’ operat tingħata minn Stat jekk il-volum tat-trasport bl-ajru fi ħdanu jkun sostanzjali;

tiġi evitata kwalunkwe kompetizzjoni inġusta mill-pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea fil-konfront tat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità permezz ta’ sussidji, għajnuna mill-Istat u prattiki inġusti tal-ipprezzar (Regolament (KE) Nru 868/2004);

fil-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, jiġu definiti aħjar d-diversi bażijiet tas-servizz fis-settur tal-avjazzjoni ċivili (inklużi bażijiet temporanji) u l-perjodu tranżizzjonali ffissat għal 10 snin jitqassar (Regolament (UE) Nru 83/2014);

il-“permess uniku” jiġi estiż għall-ekwipaġġ tal-ajru sabiex jiġi żgurat trattament ugwali bejn il-ħaddiema kollha tas-settur (Direttiva 2011/98/UE).

1.5.

Barra minn hekk, il-KESE jissuġġerixxi li bħala parti mill-ħidma kkoordinata bejn id-DĠ MOVE u d-DĠ EMPL, il-Kummissjoni għandha tiskrutinizza l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar xogħol temporanju fis-settur tal-avjazzjoni. Il-KESE huwa tal-fehma li l-promozzjoni tal-impjieg dirett għandha tibqa’ l-forma abitwali tal-impjieg fl-avjazzjoni, u li għandha tkun possibbli r-restrizzjoni ta’ tali kuntratti temporanji li jistgħu jagħmlu ħsara lil-livelli ta’ sigurtà (2008/104/KE). Barra minn hekk, tinħtieġ definizzjoni komuni ta’ “persuna impjegata” u “persuna li taħdem għal rasha” fil-livell tal-UE.

1.6.

Il-KESE jappoġġja kwalunkwe inizjattiva li jistgħu jieħdu l-imsieħba soċjali tal-UE fil-qasam tal-avjazzjoni biex jinnegozjaw ftehim dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema fis-settur. Barra minn hekk, l-imsieħba soċjali jista’ jkollhom pożizzjonijiet komuni dwar ċerti strumenti leġislattivi li jistgħu jressqu quddiem il-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-imsieħba soċjali dwar kull strument leġislattiv u/jew inizjattiva tal-UE li jkollhom impatt soċjali (6).

1.7.

Minħabba li l-Proposta għal Regolament dwar is-servizzi tal-groundhandling ġiet irtirata mill-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni u m’hemm l-ebda standard soċjali fil-livell tal-UE f’dan il-qasam, jeħtieġ li tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-trasferiment tal-persunal fil-każ ta’ sejħiet għall-offerti u/jew telf parzjali tal-attivitajiet. Biex tindirizza din il-problema, il-Kummissjoni bħalissa qed tikkonsulta l-imsieħba soċjali Ewopej dwar il-possibbiltà li tressaq proposta kkonsolidata dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 (salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi) għall-aħħar tal-2015.

1.8.

Il-KESE ser iniedi ħidma interna separata biex jikkompleta l-kwistjonijiet soċjali mqajma f’din l-opinjoni.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tissorvelja b’mod kontinwu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-avjazzjoni ċivili fuq bażi permanenti.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fid-dawl tal-kontribut tagħha għall-ekonomija Ewropea mil-lat tal-impjieg u t-tkabbir, l-avjazzjoni hija industrija strateġika għall-Unjoni Ewropea. Huwa stmat li l-avjazzjoni tirrappreżenta 2,6 miljun impjieg dirett u indirett u tikkontribwixxi EUR 1 biljun kuljum għall-PDG Ewropew, u tippromovi l-kummerċ u t-turiżmu (7).

2.2.

Il-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fil-bidu tad-disgħinijiet mingħajr dubju ġabet benefiċċji għall-pubbliku li jivvjaġġja mil-lat tad-demokratizzazzjoni, prezzijiet iżjed baxxi tal-biljetti tal-ajru u għażla diversifikata. Iżda x’inhuma l-effetti fuq l-impjieg, is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’dan is-settur? Id-data tal-Eurostat turi li, minkejja tkabbir annwali medju ta’ madwar 5 % fil-perjodu bejn l-1998 u l-2010, sew l-impjieg dirett kif ukoll dak indirett fil-linji tal-ajru qiegħed jistaġna (8). Flimkien ma’ żviluppi oħrajn, dan wassal għal żieda sostanzjali fil-produttività. Barra minn hekk, l-impjiegi tal-linji tal-ajru għall-ekwipaġġ tal-kabina u l-bdoti ġew esternalizzati jew sostitwiti minn forom iżjed flessibbli ta’ impjieg (Fi studju reċenti tal-imsieħba soċjali Ewropej fis-settur tal-avjazzjoni ċivili, 52,6 % biss ta’ dawk li wieġbu li jaħdmu ma’ kumpaniji tal-ajru bi prezzijiet baxxi qalu li għandhom kuntratt ta’ impjieg dirett.). Ma teżistix data kompleta dwar is-salarji; madankollu, l-eżempju tar-Renju Unit juri tnaqqis viżibbli fir-remunerazzjoni għall-ekwipaġġ tal-kabina (9) f’dak il-pajjiż. Fi ftit kliem, l-impjiegi li kienu prestiġjużi u ta’ kwalità għolja ftit tas-snin ilu qed jisparixxu u qed jiġu esternalizzati jew sostitwiti minn produttività ogħla u manodopera inqas għalja.

2.3.

Fid-dawl tal-fatt li l-linji tal-ajru qed jiffaċċjaw kompetizzjoni ħarxa, il-marġnijiet ta’ profitt huma iżjed baxxi milli f’industriji oħra (skont l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA), il-profitt nett wara t-taxxi tal-industrija tal-linji tal-ajru fil-livell dinji kien ta’ 0,1 % tad-dħul medju f’dawn l-aħħar 40 sena) (10) u l-impjegaturi qed ifittxu modi li jnaqqsu l-ispejjeż sabiex jibqgħu kompetittivi. Filwaqt li xi spejjeż (bħall-karburant jew is-sjieda tal-inġenji tal-ajru) huma sa ċertu punt fissi, ċerti linji tal-ajru jemmnu li l-kost lavorattiv jista’ jitbaxxa kontinwament. Xi wħud minnhom skoprew ukoll li l-użu tal-libertà tal-istabbiliment fi ħdan l-UE huwa mod wieħed kif ikomplu bit-tnaqqis tal-ispejjeż u d-dumping soċjali.

2.4.

Fid-dawl ta’ kompetizzjoni dejjem aktar ħarxa mil-linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi, diversi linji tal-ajru tradizzjonali żviluppaw verżjoni orħos tal-linja prinċipali li ttir distanzi qosra jew integraw forza tax-xogħol bi spejjeż baxxi fl-operazzjonijiet tal-linji prinċipali. Xi wħud mil-linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi issa qegħdin jimmiraw lejn ajruporti ewlenin u passiġġieri fil-kategorija “business”, ħaġa li tqegħedhom f’iżjed kompetizzjoni diretta mal-linji tal-ajru tradizzjonali. Dan iwassal għal telf ta’ impjiegi deċenti (dħul ġust, sigurtà fil-post tax-xogħol, protezzjoni soċjali, il-libertà tal-espressjoni, l-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni; ugwaljanza) (11) fil-linji tal-ajru tradizzjonali (12). Madankollu, il-prattiki soċjali tal-linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi ma joħolqux dumping soċjali awtomatikament.

2.5.

L-iżvilupp tal-kompetizzjoni fil-livell dinji u tal-UE jqanqal tħassib dwar is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-avjazzjoni Ewropea, kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll soċjali. Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta, għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet iżjed ekwi. Il-linji tal-ajru għandhom jikkompetu fuq il-bażi ta’ prodotti innovattivi, kwalità u prezz, u mhux l-użu ta’ lakuni leġislattivi u/jew impjiegi bi spejjeż baxxi. Jeħtieġ li jittieħdu passi biex niggarantixxu l-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli tal-industrija Ewropea u l-preservazzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba fl-Ewropa.

2.6.

Id-dumping soċjali – meta dan jeżisti – joħloq ostakli għall-kompetizzjoni ġusta. Barra minn hekk, ma għandu jkollu l-ebda effett negattiv fuq is-sikurezza, li għandha tibqa’ l-prijorità ewlenija. L-approċċi bilaterali mhux koordinati tal-pajjiżi individwali għandhom jiġu sostitwiti minn politika esterna tal-UE komuni u ġenwina fis-settur tal-avjazzjoni, li għandha tkopri l-kwistjoni tal-investimenti barranin fil-linji tal-ajru Ewropej, il-proprjetà u l-kontroll, l-għajnuna mill-Istat, l-aċċess għas-suq u l-kompetizzjoni ġusta.

2.7.

Is-sikurezza hija fattur fundamentali fis-settur tal-avjazzjoni. Kif huwa enfasizzat fil-White Paper: “Is-sikurezza tal-avjazzjoni Ewropea hija għolja imma mhux l-aqwa fid-dinja. Il-mira tagħna għanda tkun li nkunu l-aktar reġjun sikur għall-avjazzjoni.” (13) Minkejja n-nuqqas ta’ statistika, l-EASA diġà indikat li l-frammentazzjoni u l-esternalizzazzjoni tal-impjiegi relatati mas-sikurezza, inklużi dawk tal-ekwipaġġ u tal-manutenzjoni, jista’ jkollhom effetti negattivi fuq is-sikurezza. L-hekk imsejħa mudelli ġodda tan-negozju jagħmlu l-aqwa użu possibbli mill-proċessi baġitarji, operazzjonali u soċjali. Jeħtieġ li l-EASA tiskrutinizza dawn il-mudelli kollha u tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li ma tiġix kompromessa s-sikurezza. Il-KESE jappoġġja l-ħidma tal-grupp speċjali ta’ ħidma li twaqqaf reċentement fi ħdan l-EASA b’tali kompiti. Ma għandu jittieħed l-ebda riskju jekk dan jaffettwa s-sikurezza tan-nies (14).

3.   Id-degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol f’ċerti sottosetturi tal-avjazzjoni

3.1.

Id-dumping soċjali fl-industrija tal-avjazzjoni jista’ jinqasam f’żewġ oqsma separati – is-suq intern u l-avjazzjoni esterna.

3.2.

Fis-suq intern, l-ixpruni ewlenin tad-dumping soċjali huma linji tal-ajru bbażati f’diversi lokazzjonijiet – fejn il-forza tax-xogħol tiġi impjegata fil-pajjiż X, taħdem fil-pajjiż Y, iżda b’kuntratt ta’ impjieg skont il-liġijiet ta’ pajjiż Z. Dan għandu l-effett li “jqaċċat” il-ħaddiem mill-“pajjiż ta’ oriġini” tiegħu jew tagħha (jiġifieri l-pajjiż tan-nazzjonalità u/jew tar-residenza). L-isfida ewlenija hija li tiġi rikonċiljata l-libertà tal-istabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi mal-għanijiet tal-impjieg ta’ kwalità u tal-progress soċjali. Filwaqt li l-bidliet introdotti taħt ir-Regolament Ruma I (15) u taħt il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (16) se jtaffu xi wħud mill-problemi li jiffaċċjaw il-ħaddiema mobbli, għad hemm kwistjonijiet li jridu jissolvew.

3.3.

Il-politika esterna tal-UE fil-qasam tal-avjazzjoni ma tipproteġix b’mod adegwat l-interessi tal-linji tal-ajru tal-UE u l-ħaddiema tagħhom f’dan l-ambjent globali li qed jinbidel b’ritmu mgħaġġel. Filwaqt li hemm għadd ta’ rekwiżiti li l-linji tal-ajru tal-UE jkollhom jikkonformaw magħhom sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta (it-trasparenza, l-għajnuna mill-Istat, l-ipprezzar, eċċ.), ir-rekwiżiti għal-linji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi biex joperaw lejn/minn ajruporti tal-UE jew mhumiex infurzabbli inkella ma jeżistux. Dawn il-linji tal-ajru mbagħad jikkompetu ras imb ras fuq l-istess rotot ma’ trasportaturi tal-UE filwaqt li jibbenefikaw minn vantaġġi inġusti.

3.4.

Hemm ukoll kwistjoni separata dwar l-użu ta’ membri tal-ekwipaġġ li mhumiex fl-UE abbord ajruplani rreġistrati fl-UE. Tradizzjonalment, intuża ekwipaġġ tal-kabina barrani abbord inġenji tal-ajru Ewropej għal raġunijiet lingwistiċi u/jew kulturali. Dan l-aħħar, xi linji tal-ajru ddeċidew li jużaw persuni ta’ nazzjonalità barranija biex joperaw titjiriet lejn/minn u anke fi ħdan (!) l-UE b’kundizzjonijiet tax-xogħol/salarji inferjuri. Madankollu, dawn il-linji tal-ajru jeħtiġilhom japplikaw ir-regoli nazzjonali tal-Istat Membru li joħroġ iċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru (AOC).

4.   Mudelli ġodda tan-negozju u s-suq tax-xogħol fl-industrija tal-linji tal-ajru

4.1.

L-istudji mwettqa mill-imsieħba soċjali (17) juru li d-degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol hija mifruxa fis-settur tal-avjazzjoni fl-Ewropa u tmur lil hinn mit-tibdil tas-suq minħabba l-kompetizzjoni, kemm f’dak li jirrigwarda l-linji tal-ajru tradizzjonali kif ukoll dawk bi prezzijiet baxxi.

4.2.

M’hemm l-ebda mudell uniformi ta’ linja tal-ajru bi prezzijiet baxxi: l-istrateġiji tagħhom ivarjaw minn prezzijiet estremament baxxi (mingħajr xinxilli) sa linji tal-ajru ibridi li jikkombinaw elementi mil-linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi u mil-linji tal-ajru tradizzjonali, permezz ta’ prattiki ta’ kumpaniji “konvenzjonali” bi prezzijiet baxxi li jagħmlu wegħdiet limitati u jwettquhom b’mod konsistenti. Għalhekk, ma hemm l-ebda mudell uniformi ta’ impjieg; ċerti linji tal-ajru jipprovdu impjiegi ta’ kwalità tajba abbażi ta’ kuntratti indefiniti, filwaqt li oħrajn jiddependu l-iżjed mill-esternalizzazzjoni, xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u, f’ċerti każijiet, impjieg indipendenti falz. L-istess jgħodd għar-rappreżentanza f’junjin; ċerti kumpaniji jippruvaw jevitaw it-trejdjunjins apposta, filwaqt li kumpaniji oħrajn jirrikonoxxuhom u jiffirmaw ftehimiet kollettivi. L-evoluzzjoni tal-linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi kellha wkoll impatt sinifikanti fuq is-servizzi tal-ground handling, prinċipalment mil-lat tal-ipproċessar tal-bagalji (politika aktar stretta marbuta mal-bagalji tal-idejn), ħinijiet iqsar għat-titjiriet lura u tnaqqis fit-taħriġ.

4.3.

L-impjegaturi u l-junjins tal-avjazzjoni issa jirrikonoxxu li l-istrateġiji tan-negozju u l-politiki marbutin mar-riżorsi umani/ir-relazzjonijiet industrijali ta’ ċerti linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi qed iwasslu “bil-mod il-mod għall-iżgħar denominatur komuni” (18). Il-linja diviżorja bejn il-linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi u l-linji tal-ajru tradizzjonali qiegħda bil-mod il-mod tisparixxi peress li ċerti linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi ssieħbu f’alleanzi dinjin jew ġew inkorporati fi gruppi ta’ linji tal-ajru (tradizzjonali); fl-istess ħin, linji tal-ajru oħrajn iddeċidew li jistabbilixxu linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi “in-house”. Xi wħud mit-trasportaturi tradizzjonali ingaġġaw forza tax-xogħol bi spejjeż baxxi u integrawha fl-operazzjonijiet tal-linja prinċipali tagħhom. Din l-organizzazzjoni ġdida ma tfissirx li s-servizzi huma l-istess bejn il-linji tal-ajru tradizzjonali u l-linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi.

4.4.

Madankollu, hemm differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri tal-UE mil-lat tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-trattament indaqs, is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali (li hija kkoordinata biss fil-livell tal-UE), eċċ., li joħolqu asimmetrija bejn ir-regolazzjoni ekonomika (suq uniku) u l-armonizzazzjoni u l-koeżjoni soċjali. Madankollu, xi Stati Membri adottaw “soluzzjonijiet nazzjonali” biex jiżguraw li l-persunal mobbli bbażat fit-territorju tagħhom igawdu kundizzjonijiet li jikkonformaw mal-liġijiet nazzjonali tax-xogħol u dawk soċjali u mal-ftehimiet kollettivi. Din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata fil-livell Ewropew.

4.5.

Il-qofol tal-leġislazzjoni tal-avjazzjoni relatata mal-impjieg għandu l-għeruq tiegħu fl-era ta’ qabel il-liberalizzazzjoni u għalhekk din il-leġislazzjoni ma għadhiex adatta għall-għan tagħha. Ir-regolamenti tas-sigurtà soċjali fir-rigward tal-ekwipaġġ tal-ajru tjiebu, iżda għad hemm ir-riskju tal-lakuni. Il-kunċett ta’ bażi residenzjali huwa problematiku għaliex dan huwa definit mill-operatur u fil-każ ta’ membri tal-ekwipaġġ tal-ajru li jaħdmu għal rashom, dawn ma jiġux kontrollati kif suppost. Fattur ieħor li jikkomplika l-affarijiet huwa n-nuqqas ta’ test Ewropew uniku b’definizzjoni pożittiva ta’ impjegat u ħaddiem għal rasu fil-leġislazzjoni tal-UE; id-definizzjonijiet ivarjaw fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u d-direttivi pereżempju dwar il-kriterji tas-“subordinazzjoni”. Jinħtieġu regoli speċifiċi għall-ħaddiema mobbli ħafna.

4.6.

Wieħed mit-tliet trasportaturi prinċipali tal-Golf ġie pubblikament ikkontestat għal prattiki li jiksru l-leġislazzjoni tal-UE, pereżempju t-tkeċċija minħabba tqala, l-obbligu li wieħed jikseb il-permess biex jiżżewweġ, eċċ. Madankollu, din il-linja tal-ajru għadha qed tagħmel titjiriet lejn l-UE u, reċentement, anke b’mod iżjed frekwenti lejn ċerti ajruporti. Minħabba r-rabtiet mill-qrib bejn il-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tal-Golf, hemm ukoll tħassib dwar il-possibbiltà li dawn il-kumpaniji jibbenefikaw minn vantaġġi inġusti. Jinħtieġ li r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jiġu sostitwiti minn politika esterna tal-avjazzjoni koordinata u ġenwina fil-livell tal-UE.

5.   Ir-rwol tal-imsieħba soċjali

5.1.

Il-KESE jappoġġja r-rwol ewlieni li jaqdu l-imsieħba soċjali Ewropej fl-avjazzjoni ċivili fil-konsulenza tal-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll fl-iskrutinju u l-iżvilupp tal-proposti proprji tagħhom. Fil-5 ta’ Ġunju 2014, l-imsieħba soċjali tal-ACWG qablu dwar dikjarazzjoni konġunta kontra bnadar ta’ konvenjenza bbażati fl-UE fis-settur tal-avjazzjoni li fiha ddenunzjaw żviluppi reċenti li jheddu serjament il-mudell soċjali Ewropew, l-impjieg u l-kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-avjazzjoni u pproponew bidliet leġislattivi konkreti (19).

5.2.

Fir-rigward tal-aġenda futura tad-djalogu soċjali, l-imsieħba soċjali tal-ACWG (AEA, ECA u ETF) adottaw dikjarazzjoni konġunta fit-13 ta’ Frar 2015 li tgħid li l-imsieħba soċjali huma disposti li jniedu diskussjonijiet dwar qafas għas-settur tal-avjazzjoni bil-għan li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni fil-livell dinji. Għandhom jiġu previsti azzjonijiet konġunti biex jintemm id-deterjorament tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u l-bnadar ta’ konvenjenza. Id-dikjarazzjoni tkompli tgħid li l-imsieħba soċjali qablu li jkomplu bil-ħidma tagħhom f’dan il-qasam. Huma ser jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jagħmlu kontribut attiv, flimkien mad-diversi istituzzjonijiet Ewropej u l-awtoritajiet nazzjonali, sabiex b’mod urġenti jifformulaw strateġija għall-avjazzjoni Ewropea bi prijoritajiet, skadenzi u għanijiet ċari.

5.3.

Jeħtieġ ukoll li l-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ il-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE li tistabbilixxi kumitati għad-djalogu soċjali settorjali tistipula li kull kumitat ta’ djalogu soċjali settorjali, għas-settur ta’ ħidma li għalih ikun stabbilit, għandu jkun ikkonsultat dwar żvilluppi fil-livell Komunitarju li jkollhom implikazzjonijiet soċjali. Dan l-obbligu ta’ spiss jiġi ttraskurat. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet soċjali tar-regoli relatati mas-sikurezza żviluppati mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

Brussell, is-16 ta’ Settembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Sentenza tal-QtĠ-UE tat-18 ta’ Diċembru 2007, C-341/05, Laval, p.I.11767, punt 103.

(2)  ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

(3)  ĠU L 149, 8.6.2012. p. 4.

(4)  ĠU L 28, 31.1.2014. p. 17.

(5)  ĠU L 159, 28.5.2014. p. 11.

(6)  ĠU L 225, 12.8.1998, p. 27.

(7)  Rapport tal-ATAG “Powering global economic growth, employment, trade links, tourism and support for sustainable development through air transport”, 2014.

(8)  Rapport finali “Study on the effects of the implementation of the EU aviation common market on employment and working conditions in the Air Transport Sector over the period 1997/2010”, Steer Davies Gleave, Londra, 2012, p. 74.

(9)  Rapport finali “Study on the effects of the implementation of the EU aviation common market on employment and working conditions in the Air Transport Sector over the period 1997/2010”, Steer Davies Gleave, Londra, 2012, p. vii.

(10)  IATA Report on Vision 2050, Singapore, 12.02.2011, p. 2.

(11)  Suġġett globali dwar “Xogħol Deċenti”, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

(12)  Ara l-istudji mwettqa mill-imsieħba soċjali: – Fl-2012: “The development of the low cost model in the European civil aviation industry” (L-iżvilupp tal-mudell ta’ linja tal-ajru bi prezzijiet baxxi fl-industrija Ewropea tal-avjazzjoni ċivili), il-Professur Peter Turnbull (l-Università ta’ Cardiff), Dr Geraint Harvey (l-Università ta’ Swansea), ikkummissjonat mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport. – Fl-2014: “Evolution of the Labour Market in the Airline Industry due to the Development of the Low Fares Airlines” (L-iżvilupp tas-suq tax-xogħol fl-industrija tal-linji tal-ajru minħabba l-iżvilupp tal-linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi), il-Professur Peter Turnbull (l-Università ta’ Cardiff), Dr Geraint Harvey (l-Università ta’ Swansea), ikkummissjonat mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport. – Fl-2015: “Atypical Employment in Aviation”, (Impjieg atipiku fl-avjazzjoni), l-Università ta’ Ghent, tim immexxi mill-Professur Yves Jorens, ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Bdoti, l-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport.

(13)  White Paper dwar “Pjan Direzzjonali għal Żona Ewropea Unika tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”, COM/2011/0144 final, p. 22.

(14)  Rapport dwar Mudelli ġodda tan-Negozju mill-Grupp Konsultattiv dwar it-Tfassil tar-Regoli fi ħdan l-EASA, 17.4.2015, p. 1, punt 2; p. 5, punt 9.3; p. 6, punt 9.5.1; p. 7, punt 9.5.2; u p. 7, punt 9.6.

(15)  ĠU L 177, 4.7.2008. p. 6

(16)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(17)  Suġġett globali dwar “Xogħol Deċenti”, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

(18)  Rapport dwar “Sottomissjoni bil-miktub minn Scandinavian Airlines (SAS) lir-regolaturi tal-Istati Uniti dwar l-applikazzjoni ta’ Norwegian Air International (NAI) għall-ksib ta’ permess mill-Istati Uniti ta’ trasportatur bl-ajru barrani”, Airline Business, April 2014.

(19)  Dikjarazzjoni konġunta kontra bnadar ta’ konvenjenza bbażati fl-UE fl-avjazzjoni, Grupp ta’ Ħidma tal-Ekwipaġġ tal-Ajru tal-Kumitat tad-Djalogu Soċjali Settorjali, 5.6.2014.


Top