Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE3264

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta’ Lisbona” u dwar “L-evoluzzjonijiet u l-aġġustamenti possibbli tal-arranġament istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea”

    ĠU C 13, 15.1.2016, p. 183–191 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 13/183


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta’ Lisbona” u dwar “L-evoluzzjonijiet u l-aġġustamenti possibbli tal-arranġament istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea”

    (2016/C 013/27)

    Relatur:

    is-Sur Luca JAHIER

    Korelatur:

    is-Sur José Isaías RODRÍGUEZ GARCÍA-CARO

    Nhar id-19 ta’ Mejju 2015, il-Parlament Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

    “It-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta’ Lisbona”

    u dwar

    “L-evoluzzjonijiet u l-aġġustamenti possibbli tal-arranġament istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea”

    Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-16 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’185 vot favur, 4 voti kontra u 4 astensjonijiet.

    1.   Introduzzjoni

    1.1.

    Din l-opinjoni ġiet abbozzata fuq talba tal-Parlament Ewropew, fil-kuntest taż-żewġ rapporti tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, jiġifieri: “It-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta’ Lisbona” (relaturi: is-Sinjura BRESSO u s-Sur BROK) u “L-Evoluzzjonijiet u l-Aġġustamenti Possibbli tal-Arranġament Istituzzjonali Attwali tal-Unjoni Ewropea” (relatur: is-Sur VERHOFSTADT).

    1.2.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon din l-inizjattiva mill-Parlament Ewropew. Huwa mistenni li se tkun kontribut sinifikanti lejn it-tnedija mill-ġdid tad-dibattitu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea. Il-KESE diġà adotta bosta opinjonijiet dwar is-suġġett u huwa impenjat biex jikkontribwixxi iżjed għall-ħidma tal-Parlament Ewropew.

    1.3.

    Il-KESE huwa r-rappreżentant istituzzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata (1) fil-livell Ewropew u l-membri tiegħu huma “kompletament indipendenti fil-qadi ta’ dmirijiethom, fl-interess ġenerali tal-Unjoni”  (2). Bħala korp konsultattiv tal-istituzzjonijiet Ewropej, il-KESE, sa mill-ħolqien tiegħu, żgura l-parteċipazzjoni effettivi, wiesgħa u koerenti tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili Ewropea fit-tfassil tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Għalhekk, jikkontribwixxi biex jiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin (3), u b’hekk isir kontribut lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, li jirregolaw l-użu tal-kompetenzi tal-Unjoni (4).

    2.   L-Ewropa f’Salib it-Toroq: naħtfu l-opportunità

    2.1.

    Kważi sitt snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew qajjem il-kwistjoni dwar jekk l-Unjoni Ewropea tistax tegħleb l-isfidi tagħha permezz tal-użu bis-sħiħ tad-dispożizzjonijiet eżistenti fit-Trattat ta’ Lisbona, u/jew jekk ikunx meħtieġ li ssir reviżjoni ta’ ċerti oqsma ta’ politika u l-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea.

    2.2.

    Il-kriżi li bdiet fl-2008 żvelat nuqqasijiet serji fl-istruttura taż-Żona tal-Euro u fl-istruttura istituzzjonali tal-UE, li xprunat passi rapidi għall-adattament u l-innovazzjoni. Dawn il-bidliet urew ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet Ewropej u l-kapaċità tagħhom li jegħlbu t-theddida ta’ xoljiment taż-Żona tal-Euro. Barra minn hekk, ir-riżultat kien l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ solidarjetà u assistenza mingħajr preċedent fl-istorja tal-UE. Madankollu, jeħtieġ li l-UE tikseb mill-ġdid livell suffiċjenti ta’ tkabbir biex ittejjeb l-ambjent għal intrapriżi u biex jinżammu l-impjiegi, biex jonqos il-qgħad, l-inugwaljanzi soċjali u l-iżvilupp asimmetriku bejn l-Istati Membri u r-reġjuni. Sal-lum, il-miżuri li jappoġġjaw it-tkabbir ma kinux biżżejjed biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

    2.3.

    Madankollu, il-problemi ekonomiċi wasslu għal konċentrazzjoni ta’ inizjattivi ekonomiċi u fiskali urġenti maħsuba biex jindirizzaw il-kriżi finanzjarja u ekonomika profonda. Dawn il-miżuri ħolqu tħassib serju dwar ir-responsabbiltà demokratika u l-impatt soċjali tagħhom, li ma tqisux biżżejjed. Essenzjalment, ir-rispons għall-kriżi enfasizza t-tħassib dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u s-sostenibbiltà tat-teħid ta’ deċiżjonijiet Ewropej minħabba, fost oħrajn, ir-rikors ripetut għall-intergovermentaliżmu.

    2.4.

    Matul il-kriżi, il-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE rrikorrew għall-iffirmar ta’ trattati intergovernattivi, li huma strumenti legali konklużi barra mill-proċeduri tat-Trattati tal-UE. Dawn huma t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG) u t-Trattat dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (TMES). Dawn it-Trattati ġew promulgati mingħajr dibattitu trasparenti jew pubbliku sinifikanti. Tali approċċ intergovernattiv, rappreżentat mill-Kunsill Ewropew, jista’ jiġi spjegat bid-dimensjoni finanzjarja tal-kriżi u l-urġenza biex jimplimentaw malajr strumenti sinifikanti biex tingħeleb din il-kriżi. Dan iqajjem il-kwistjoni ta’ kunflitti potenzjali bejn in-natura intergovernattiva ta’ dawn it-Trattati u l-istat tad-dritt tal-UE stess.

    2.5.

    Illum, l-UE hija kostretta tegħleb il-frammentazzjoni dejjem tiżdied, il-kriżi ekonomika, soċjali u politika diviżiva ħafna, flimkien ma’ inkwiet ċivili dejjem jiżdied, li kollha qed joħolqu diverġenzi dejjem jikbru. L-Ewropa tal-lum hija waħda fejn reġgħu tfaċċaw il-preġudizzji, l-isterjotipi nazzjonali u diviżjonijiet dejjem jiżdiedu bejn il-persuni u l-pajjiżi, biż-żieda fil-popolarità ta’ movimenti populisti u anti-Ewropej. Għalhekk, hemm bżonn urġenti li jiġi promoss dak li jgħaqqad iċ-ċittadini tal-Ewropa għall-kuntrarju ta’ dak li jaqsamhom. Dan se jkun proċess twil u għandu jibda immedjatament.

    2.6.

    Hija wkoll Ewropa fejn iċ-ċittadini għandhom fiduċja limitata fl-Istituzzjonijiet Ewropej u fejn il-politika demokratika formali tinsab taħt skrutinju aħrax. Dan huwa rifless prinċipalment fil-livell nazzjonali, kif rajna mir-riżultati elettorali riċenti. Madankollu, l-impatt jinħass ferm fil-livell Ewropew. Fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014, madwar kwart tas-siġġijiet kollha ntrebħu mill-kandidati ta’ partiti li kienu xettiċi dwar il-proġett tal-UE, jew dwar xi politiki tal-UE. Għaliex minkejja r-responsabbiltajiet nazzjonali għall-kriżi, iċ-ċittadini jħossu li jew l-“Ewropa” hija responsabbli għall-problemi soċjo-ekonomiċi jew li l-istituzzjonijiet tal-UE mhux qed tagħmel biżżejjed biex ittejbu l-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Madankollu, għad hemm maġġoranza sinifikanti ta’ votanti li jiffavorixxu aktar integrazzjoni Ewropea.

    2.7.

    Ir-riskju ta’ rtirar Brittaniku mill-UE permezz ta’ referendum fl-2017 jew qabel u l-instabbiltà kontinwa fil-Greċja, ikomplu jsaħħu l-fatt li l-UE tinsab f’salib it-toroq politiku. Tabilħaqq, wieħed jista’ jargumenta li l-Ewropa tilfet is-sens ta’ direzzjoni tagħha fir-rigward tal-approfondiment tal-integrazzjoni Ewropea, u li hemm għadd konsiderevoli ta’ mistoqsijiet fir-rigward tal-evoluzzjoni u l-identità attwali u futura tagħha. Fejn fil-passat l-integrazzjoni Ewropea kienet immexxija minn viżjoni (il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, il-prosperità, eċċ.), illum għandna UE li hija “reazzjoni” għal theddid u sfidi, minflok mexxejja tal-proċess.

    2.8.

    B’kuntrast, kif intqal mis-Sur Van Rompuy, eks-President tal-Kunsill Ewropew, illum l-UE għandha taħdem għall-bilanċ ġust bejn Ewropa “abilitanti” li hija kapaċi tiftaħ opportunitajiet ġodda u Ewropa “li tagħti attenzjoni” kapaċi li tipproteġi liċ-ċittadini tagħha (5). Hija preċiżament din is-sinerġija, imsaħħa minn dimensjoni parteċipattiva ġdida, li ser tinkoraġġixxi liċ-ċittadini Ewropej u b’konsegwenza lill-politikanti, biex jerġa’ jkollhom fiduċja fil-proġett Ewropew, fl-ispirtu tal-Preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    2.9.

    Mad-diffikultajiet interni li qed tiffaċċja l-UE, għandhom jingħaddu numru dejjem jikber ta’ sfidi esterni kruċjali. Dawn jinkludu biżgħat u inċertezzi dejjem jikbru relatati mat-terroriżmu, pressjonijiet migratorji, sigurtà tal-enerġija u koeżjoni territorjali, flimkien mal-instabbiltà dejjem tikber tul il-fruntieri tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE.

    2.10.

    F’dan il-kuntest profond ta’ sfida kbira, issa hemm urġenza li jerġa’ jinfetaħ id-dibattitu dwar il-funzjonament effiċjenti tal-UE u dwar ir-rwol tat-Trattati f’dan il-proċess. Huwa mument opportun biex jiġi studjat kif inwasslu riżultati aħjar għaċ-ċittadini tal-Ewropa, u tissaħħaħ u tiġi addattata l-istruttura istituzzjonali attwali.

    2.11.

    Daqstant ieħor importanti hija l-ħtieġa li terġa’ tinbena l-fiduċja b’fokus akbar fuq l-ispgejazzjoni dwar il-vantaġġi tal-UE liċ-ċittadini u, ukoll, li nisimgħu liċ-ċittadini u lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-perċezzjoni prevalenti hija li l-UE ma rnexxietx la fit-tfassil u lanqas fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji sostenibbli, inklużivi u bilanċjati ffukati fuq l-investiment u t-tkabbir, u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi. Barra minn hekk, l-UE ma rnexxilhiex tagħti riżultati konkreti għaċ-ċittadini tagħha, u għal dan l-Istati Membri jerfgħu parti mir-responsabilità. Dan jirriżulta f’dejjem iktar nuqqas ta’ fiduċja taċ-ċittadini fl-UE, f’sens ta’ indħil mhux xieraq mill-istituzzjonijiet tal-UE f’affarijiet lokali u f’distakk dejjem jikber ta’ informazzjoni qarrieqa. Il-bini mill-ġdid tal-fiduċja u l-kunfidenza fl-UE hija kruċjali. L-UE tinsab f’salib it-toroq u l-aċċettazzjoni miċ-ċittadini tagħha se jkun kruċjali biex isir progress f’dan ir-rigward.

    3.   Sfruttament aħjar tat-Trattati Ewropej eżistenti

    3.1.

    Mingħajr dubju, it-Trattati Ewropej eżistenti jipprovdi opportunitajiet mhux sfruttati li jistgħu jintużaw għat-titjib tal-politiki u, għalhekk, għat-tisħiħ tal-UE internament u esternament. Fl-istħarriġ dwar azzjoni ta’ politika aktar profonda jew titjib fl-implimentazzjoni, hemm firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika u strumenti tekniċi li jistgħu jiġu sfruttati għal dan l-għan. Din għandha tkun il-prijorità attwali tal-Unjoni Ewropea u l-arkitettura istituzzjonali tagħha.

    3.2.

    Minkejja l-ħtieġa li ċerti elementi tal-qafas istituzzjonali eżistenti tal-Unjoni Ewropea jkunu riveduti, permezz ta’ bidliet speċifiċi tat-Trattat, għandu jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet biex dan isir mhumiex sodisfatti llum. Għalhekk, il-KESE ser jindirizza l-kwistjoni tal-bidliet u l-aġġustamenti fit-Trattati biss kif u meta jkun xieraq.

    3.3.

    Dak li huwa essenzjali biex terġa’ tinkiseb il-kunfidenza taċ-ċittadini fl-UE huwa l-ħtieġa li jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza bejn il-politiki u l-attivitajiet kollha tal-UE, kif stipulat fl-Artikolu 7 tat-TFUE, għalhekk tittejjeb l-implimentazzjoni tat-trattati eżistenti. Dan jimplika l-ibbilanċjar tal-koeżjoni territorjali mad-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali tat-Trattati. B’mod partikolari dan jitlob l-applikazzjoni bis-sħiħ tal-Artikolu 3 tat-TUE, li jgħid, fost oħrajn, li l-UE għandha tkun ibbażata fuq “… ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ mpjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità tal-ambjent … (li) għandha tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri”.

    3.4.

    Aktar eżempji ta’ dispożizzjonijiet eżistenti fit-Trattati li fil-fatt ma tanx jintużaw jinkludu il-ħames klawżoli orizzontali tat-TFUE, marbuta b’mod partikolari, mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (Artikolu 8), l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ impjieg, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali (Artikolu 9), il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni (Artikolu 10), il-ħarsien tal-ambjent (Artikolu 11) u l-protezzjoni tal-konsumatur (Artikolu 12). Fil-futur dawn il-klawżoli għandhom jintużaw għall-promozzjoni ta’ interkonnettività akbar bejn il-politiki Ewropej u aktar responsabbiltà fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE.

    3.5.

    Barra minn hekk, hemm firxa wiesgħa ta’ oqsma tal-politika li mhumiex sfruttati sew. L-istrument prinċipali għall-integrazzjoni tat-28 Stat Membru kien is-suq intern  (6). Dan għandu jiġu kkumplementat b’aktar integrazzjoni, biex jixpruna t-tkabbir, l-impjieg, il-kompetittività u l-benefiċċji għaċ-ċittadini u r-reġjuni kollha tal-UE. Sabiex jinkiseb dan, hemm bżonn ta’ inizjattivi sostanzjali tal-UE primarjament fis-swieq tal-prodotti, l-enerġija, it-trasport, is-servizzi, is-swieq tax-xogħol, l-akkwist pubbliku, il-proprjetà intellettwali u l-ekonomija diġitali. Barra minn hekk, ir-riformi nazzjonali għandhom ikunu aktar trasparenti fil-qasam tat-taxxa, jindirizzaw il-kompetizzjoni fiskali inġusta u jiġu kkumplementati minn ambitu usa’ ta’ azzjoni ta’ politika tal-UE (7).

    3.6.

    Iż-żewġ gruppi settorjali ewlenin li għandhom ikunu soġġetti għal politiki msaħħa għandhom ikunu l-Unjoni tal-Enerġijas-Suq Uniku Diġitali. Dan tal-aħħar huwa s-suġġett ta’ opinjoni tal-KESE li qed tiġi ppreparata u għalhekk mhux ser jiġi ttrattat fid-dettall f’din l-opinjoni.

    3.7.

    Sabiex tingħeleb it-theddida esterna tan-nuqqas ta’ sigurtà tal-enerġija, l-UE tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Artikolu 194 tat-TFUE u tersaq lejn Unjoni tal-Enerġija. Il-KESE ppromwova b’mod konsistenti “Aktar Ewropa” fil-politika tal-enerġija u talab biex is-solidarjetà issir il-forza li tmexxi l-iżvilupp tal-politika tal-enerġija Ewropea. L-Artikolu 194 jippermetti l-istabbiliment ta’ sistema ta’ governanza effettiva u trasparenti għall-Unjoni tal-Enerġija, li tagħmel il-politika tal-enerġija tal-UE aktar effiċjenti, tnaqqas l-ispejjeż, iġġib valur liċ-ċittadini u tgħolli l-profil tal-UE fir-rigward tal-imsieħba internazzjonali tagħha. Il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-appoġġ lin-negozji fit-tranżizzjoni tal-enerġija tagħhom huma integrali għal dan il-proċess.

    3.8.

    Barra minn hekk, il-progress reali li jistimula t-tkabbir inklużiv, il-kompetittività, l-impjiegi u l-benefiċċji għaċ-ċittadini u r-reġjuni kollha tal-UE jista’ jinkiseb permezz tar-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020. Dan ikun jeħtieġ riformi li jiffokaw fuq l-investimenti tal-UE, sabiex iżidu l-kompetittività fl-innovazzjoni, l-impjieg, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, riindustrijalizzazzjoni sostenibbli, aktar impjiegi diċenti, l-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol, il-koeżjoni soċjali u reġjonali, l-inklużjoni u suq intern li jiffunzjona tajjeb. Il-KESE jenfasizza li l-UE m’għandhiex bżonn strateġija kompletament ġdida, iżda għandha bżonn strateġija Ewropa 2020 ħafna aktar effettiva (8), inkluż Semestru Ewropew dejjem aktar effiċjenti, ibbilanċjat u mfassal b’mod demokratiku.

    3.9.

    Kontribuzzjoni biex jintlaħqu ekonomiji ta’ skala u jintlaħqu l-għanijiet politiċi tal-UE jistgħu jintlaħqu permezz tar-riforma tas-sistema tal-UE tar-riżorsi proprji, li tissimplifika s-sistema attwali tal-kontribuzzjonijiet u l-pagamenti għall-Istati Membri, u tippreżenta sistema tar-riżorsi proprji ġdida u r-riforma tas-sistema tal-korrezzjonijiet. Bidla fir-riżorsi proprji tfisser li l-Artikolu 201 oriġinali tat-Trattat ta’ Ruma, li issa huwa l-Artikolu 311 tat-TFUE, jiġi implimentat kif suppost u bis-sħiħ għall-ewwel darba. Għall-KESE, huwa essenzjali li s-sistema ta’ riżorsi proprji tissodisfa numru ta’ kriterji. Dawn għandhom jinkludu l-ekwità, l-effiċjenza, l-istabbiltà, it-trasparenza, is-sempliċità, ir-responsabbiltà, id-dixxiplina baġitarja, enfasi fuq il-valur miżjud Ewropew, is-sussidjarjetà u s-sovranità fiskali. Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, huwa ssuġġerit li tinħataf l-opportunità tar-reviżjoni ta’ nofs it-term li jmiss tal-baġit tal-UE, sabiex jiġu adottati l-proposti rilevanti tal-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Monti. L-għan prinċipali għandu jkun li tissaħħaħ l-awtonomija tal-baġit tal-UE, biex ikun jista’ jkollha effett ta’ lieva u kumplementarjetà akbar għall-baġits nazzjonali. Dan se jikkontribwixxi direttament sabiex jinkisbu ekonomiji ta’ skala u jitwettqu l-objettivi politiċi tal-UE (9).

    3.10.

    L-UE teħtieġ ukoll riformi biex issaħħaħ is-sens taċ-ċittadinanza komuni fil-livell Ewropew. Madankollu s-sens ta’ ċittadinanza Ewropea komuni mhux se jinħoloq mingħajr l-involviment taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew. Dan jimplika l-ħolqien ta’ sens ta’ parteċipazzjoni f’dan il-proċess konġunt għall-kawża komuni fl-Istati Membri kollha madwar l-Ewropa. Possibbiltà waħda biex jintlaħaq dan ikun li jagħtu liċ-ċittadini l-opportunità biex jeleġġu Membri tal-Parlament Ewropew minn listi transnazzjonali, jiġifieri minn bosta Stati Membri iżda minn partiti Ewropej, minflok bil-votazzjoni għall-partiti nazzjonali biss. Madankollu, dan jista’ jeħtieġ bidla fit-Trattat bl-emenda tal-Artikolu 223 tat-TFUE.

    3.11.

    F’dan il-kuntest, il-KESE enfasizza l-ħtieġa li tiġi implimentata b’mod effettiv il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, permezz ta’ inizjattivi ġodda għal dan il-għan (10). Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-ugwaljanza għal kulħadd, b’attenzjoni speċifika għal gruppi vulnerabbli. Huwa jenfasizza li, fil-livell tal-UE, l-obbligi tal-Karta japplikaw għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi kollha. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jibnu kultura tad-drittijiet fundamentali orjentata lejn il-protezzjoni u l-promozzjoni fil-livelli governattivi kollha u fl-oqsma leġislattivi u ta’ politika kollha. Barra minn hekk, għandu jeżamina u jidentifika l-impatt speċifiku fuq id-drittijiet fundamentali matul il-proċess ta’ traspożizzjoni. Il-KESE jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex taġixxi b’mod effettiv fir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati u biex tuża l-proċedura ta’ ksur mingħajr ma tqis kunsiderazzjonijiet politiċi. Barra minn hekk, il-KESE sejjaħ lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji, il-korpi kollha tal-UE u l-Istati Membri kollha involuti fil-promulgazzjoni tad-drittijiet fundamentali biex jippromovuhom bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Kwalunkwe regolament marbut mal-governanza ekonomika u l-funzjonament tas-suq intern għandu jikkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Karta tal-UE, permezz ta’ valutazzjoni speċifika (11).

    3.12.

    Fl-aħħarnett, matul l-aħħar għaxar snin, l-UE ta’ 28 Stat Membru ffaċċjat sfidi ewlenin u kwistjonijiet soċjalment diviżivi, li l-ebda Stat Membru individwali ma jista’ jiffaċċja waħdu b’mod effettiv. Huwa biss permezz ta’ politiki koordinati u azzjoni komuni fil-livell Ewropew li jistgħu jintlaħqu riżultati pożittivi. Dan huwa partikolarment il-każ fl-oqsma tal-politiki dwar il-migrazzjoni u tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK). F’dawn iż-żewġ oqsma ta’ politika, it-Trattati tal-UE eżistenti jipprovdu ambitu kbir għall-manuvra u ħafna dispożizzjonijiet ma ġewx sfruttati minħabba n-nuqqas ta’ rieda politika komuni u konverġenti (12). Għal dan l-għan, l-Artikoli 21 sa 46 tat-TUE u l-Artikoli 76 sa 81 tat-TFUE għandhom jiġu sfruttati aktar.

    3.13.

    Sabiex jintlaħaq progress għandu jkun hemm taħlita ta’ ambizzjoni, pragmatiżmu u innovazzjoni. Il-KESE huwa tal-fehma li llum hemm opportunità biex jittieħed vantaġġ mill-isfidi tal-UE u titwettaq ħidma lejn fażi ġdida fl-iżvilupp tal-UE. Din hija opportunità għat-tfassil ta’ Patt ġdid, bejn l-Istati Membri u bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha, għal Ewropa li se ssaħħaħ il-kooperazzjoni, il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku, l-integrazzjoni u s-solidarjetà.

    3.14.

    Bla dubju, għodda oħra mhux sfruttata biżżejjed hija l-“Kooperazzjoni Msaħħa” (definita fl-Artikolu 20 tat-TUE). Din il-proċedura ntużat għall-ewwel darba fil-qasam tad-divorzju u tas-separazzjoni legali u sussegwentement għall-ħolqien tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-UE, kif ukoll il-proposta għall-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji. Il-kwalżola “passarelle” (Artikolu 48(7) tat-TUE) tista’ tintuża. Madankollu, tali reviżjoni teħtieġ unanimità fost il-gvernijiet tal-Istati Membri, fil-Kunsill Ewropew jew il-Kunsill, li tista’ tkun diffiċli. Dawn iż-żewġ għodod jistgħu, fil-prinċipju, jissemplifikaw u jgħaġġlu t-teħid ta’ deċiżjonijiet Ewropej.

    3.15.

    Għalhekk huwa ta’ importanza kbira ħafna li nibnu fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li, fil-laqgħa tiegħu tas-26 u s-27 ta’ Ġunju 2014, qabel dwar: “… il-kunċett ta’ unjoni dejjem eqreb jippermetti toroq differenti ta’ integrazzjoni għal pajjiżi differenti, li jippermetti lil dawk li jridu japprofondixxu l-integrazzjoni jimxu ‘l quddiem, filwaqt li jirrispetta x-xewqa ta’ dawk li ma jridux japprofondixxu aktar”  (13). Din id-dikjarazzjoni hija l-bażi għal Unjoni Ewropea differenzjata fejn it-28 Stat Membru kollha jipparteċipaw, jekk meħtieġ sa punti li jvarjaw, u għaldaqstant tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni rinfurzata f’oqsma strateġiċi, li tħalli l-għażla tal-parteċipazzjoni bis-sħiħ f’idejn l-Istati Membri.

    3.16.

    Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-istrateġiji makroreġjonali għandhom rwol dejjem akbar fil-futur tal-UE. It-tisħiħ u l-estensjoni tagħhom jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta’ livell intermedjarju Ewropew li kapaċi jġib konverġenza tal-UE u jikseb l-involviment sistematiku tas-soċjetà ċivili organizzata, inklużi l-imsieħba ekonomiċi u soċjali.

    4.   It-tisħiħ taż-żona tal-euro u l-ikkompletar tal-UEM

    4.1.

    It-titjib fl-arkitettura dgħajfa tal-UEM u t-tisħiħ tal-governanza ekonomika kienu fil-qalba tal-istrateġija tal-kriżi tal-UE matul l-aħħar ftit snin. Miżuri ta’ urġenza biex l-UEM tinżamm għaddejja wasslu għal numru ta’ żviluppi iżda dawn irriżultaw minn proċess intergovernattiv ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Huwa issa importanti li jiġi żgurat li dawn is-soluzzjonijiet intergovernattivi ma jsirux qafas legali addizzjonali permanenti għat-Trattati tal-UE.

    4.2.

    F’dan il-kuntest, bilfors irridu nitbiegħdu malajr mis-sistema attwali, li hija bbażata fuq regoli li jiżguraw dixxiplina baġitarja, lejn proċess ta’ konverġenza akbar bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro.

    4.3.

    Fl-ewwel istanza, peress li l-euro hija l-munita tal-UE, l-Istati Membri li huma membri taż-żona tal-euro jeħtieġ jaċċelleraw u japprofondixxu l-integrazzjoni permezz tal-ikkompletar tal-UEM, proċess li għandu jibqa’ miftuħ għall-Istati Membri kollha tal-UE. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ governanza robusta u t-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali taż-żona tal-euro, fuq il-bażi ta’:

    pilastru monetarju u finanzjarju, li huwa l-aktar pilastru li hu stabbilit u li għandu jinkludi l-implimentazzjoni ta’ Unjoni Bankarja kompleta mmexxija mill-UE biex jintlaħaq suq kapitali pan-Ewropew, filwaqt li l-persuni taxxabbli jiġu protetti wkoll minn teħid ta’ riskju eċċessiv u inadempjenzi diżordinati;

    pilastru ekonomiku, biex jissaħħaħ il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-politika ekonomika, u b’hekk jitrawmu t-tkabbir, l-impjieg, il-kompetittività, il-konverġenza u s-solidarjetà Ewropea;

    pilastru soċjali, li huwa inseparabbli mill-progress ekonomiku u l-effiċjenza, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattati Ewropej, fid-dawl tal-Artikolu 3 tat-TUE u titjieb il-koeżjoni soċjali u territorjali;

    pilastru politiku, inkluż aktar responsabbiltà u leġittimità demokratika, biex jitrawmu l-kredibbiltà u l-kunfidenza.

    4.4.

    Barra minn hekk għandhom jittieħdu passi lejn l-introduzzjoni ta’ baġit għaż-Żona tal-Euro, li jikkontribwixxu għall-assorbiment tal-iskossi li jistgħu jseħħu fil-futur, sakemm din il-kapaċità fiskali hija mfassla bħala għajnuna kondizzjonali biex tistinka għar-riformi. Kif iddikjarat fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar L-Ikkompletar tal-UEM (14), tali baġit taż-żona tal-euro jista’ jiġi ffinanzjat permezz ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji li tkopri ż-Żona tal-Euro kollha kemm hi, taxxa tal-karbonju, imposta temporanja jew billi jinħarġu bonds konġunti. Madankollu, għadu meħtieġ qbil dwar kwalunkwe waħda minn dawn l-għażliet.

    4.5.

    Il-progress fil-governanza ekonomika Ewropea se jkun possibbli bit-titjib tad-dimensjoni soċjali tal-UE. Dan għandu jkun ibbażat fuq applikazzjoni aktar bilanċjata tal-Artikolu 3 tat-TUE, li jistipula li l-UE għandha ssib bilanċ bejn l-effiċjenza ekonomika, il-koeżjoni soċjali u dik territorjali. Barra minn hekk, l-Artikoli 151 u 153 tat-TFUE jimmiraw li jappoġġjaw l-armonizzazzjoni tas-sistemi soċjali tal-Istati Membri, kwistjoni li ġiet mistħarrġa mill-KESE fl-2013 (15).

    4.6.

    Fl-istess ħin, għandna bżonn insaħħu l-leġittimità demokratika tal-UE sabiex insaħħu l-qafas politiku tagħha, u b’mod partikolari r-rwol tal-Parlament Ewropew. Għal dak l-għan, jistgħu jittieħdu passi konkreti fil-qafas tat-Trattat u r-regoli attwali. Fi żmien medju u fit-tul, reviżjoni possibbli tat-Trattat għandha ġġib id-dispożizzjonijiet istituzzjonali f’konformità mar-rekwiżiti indispensabbli għal Unjoni politika ġenwina. Il-KESE diġà approva pjan direzzjonali dettaljat ħafna għat-twettiq ta’ pilastru politiku tal-UEM, li jiddeskrivi firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet possibbli (16).

    4.7.

    Il-KESE jieħu nota tar-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta’ Ġunju 2015 tal-Kunsill Ewropew dwar It-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa u jistenna li dan iservi bħala bażi għal azzjoni aktar deċiżiva, kif indikat hawn fuq (17).

    5.   Konsolidazzjoni tal-parteċipazzjoni, id-demokrazija u r-responsabbiltà ċivili: it-triq ‘il quddiem

    5.1.

    Iċ-ċittadin għandu jkun fiċ-ċentru tad-dibattitu kollu dwar il-futur tal-UE. Id-demokrazija u r-responsabbiltà huma kunċetti fundamentali taċ-ċittadinanza Ewropea. Sabiex jiġu implimentati dawn il-prinċipji, il-Kummissjoni Ewropea għandha taqdi rwol ewlieni, bħala l-gwardjan tat-Trattati. Il-Kummissjoni, bħala l-istituzzjoni li għandha l-monopolju ta’ inizjattiva leġislattiva, ukoll għandha rwol kruċjali biex tibbilanċja d-diversi forzi u interessi li jiffurmaw l-UE. Dan l-att ta’ bbilanċjar għandu jitwettaq b’mod parallel mal-implimentazzjoni aktar effettiva tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, lejn governanza aktar demokratika u parteċipattiva tal-UE.

    5.2.

    It-Trattat ta’ Lisbona jinvolvi rwol aktar sinifikanti għall-Parlament Ewropew u attitudni proattiva mill-Istati Membri permezz ta’ Kunsill imsaħħaħ. Madankollu, fil-futur, se jkun meħtieġ li l-kompetenzi tal-Parlament Ewropew ikunu estiżi aktar, pereżempju permezz ta’ rwol akbar fil-governanza ekonomika Ewropea u fis-Semestru Ewropew, u li jiġi implimentat sehem aktar bilanċjat tar-responsabbiltajiet u l-kooperazzjoni interistituzzjonali bejn it-tliet istituzzjonijiet, li jiżguraw Metodu tal-UE aktar robust. F’dan il-kuntest, kwistjoni ta’ interess partikolari hija l-użu estensiv ta’ “trilogi” għall-adozzjoni ta’ atti fl-ewwel u t-tieni qari tal-proċedura leġislattiva ordinarja (18). “It-trilogi”, sa ċertu punt saru n-norma, u b’hekk imorru kontra l-prinċipji tat-trasparenza u r-responsabilità demokratika u l-bilanċ li meħtieġ jinżamm bejn it-tliet istituzzjonijiet fil-qafas tal-proċedura leġislattiva ordinarja. Għalhekk, il-KESE jappoġġja ritorn lejn l-ispirtu, jekk mhux kif stipulat eżatt, tal-proċedura leġislattiva ordinarja, filwaqt li “t-trilogi” jibqgħu l-eċċezzjoni.

    5.3.

    Barra minn hekk, il-Metodu tal-UE jkun applikat ukoll b’mod aktar effettiv permezz tas-sussidjarjetà “orizzontali”. Dan it-terminu, kif ukoll dak tas-sussidjarjetà “vertikali”, mhuwiex definit b’mod espliċitu fit-Trattati. Madankollu, dan jagħti rikonoxximent għar-rwol pubbliku ta’ atturi privati, pereżempju ċittadini u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rappreżentattivi u għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi tat-tiswir tal-politika u t-teħid ta’ deċiżjonijiet, permezz tar-rwol konsultattiv speċifiku tagħhom, kif ukoll ir-rwol awtonomu leġislattiv tal-imsieħba soċjali fil-kuntest tad-djalogu soċjali Ewropew.

    5.4.

    Fil-fatt, dan il-kunċett ta’ sussidjarjetà orizzontali, xi kultant imsejjaħ ukoll sussidjarjetà funzjonali, diġà huwa rikonoxxut b’mod impliċitu mit-Trattati, kif jirriżulta mill-Artikoli 152, 154 u 155 tat-TFUE dwar id-djalogu soċjali u r-rwol tal-imsieħba soċjali.

    5.5.

    L-Artikolu 11 tat-TUE ukoll jinkorpora l-prinċipju tad-demokrazija parteċipattiva bħala komponent kumplementari ewlieni għad-demokrazija rappreżentattiva, kif espress fl-Artikoli 10 u 12 tat-TUE (19), li hija l-bażi fundamentali tad-demokrazija. L-Artikolu 11(1) u (2) tat-TUE (20), kif il-KESE enfasizza diversi drabi, jiftaħ prospetti konsiderevoli għall-iżvilupp tad-demokrazija Ewropea billi jħejji s-sisien għat-twaqqif ta’ djalogu ċivili fit-tul strutturat fil-livell Ewropew flimkien ma’ djalogu politiku bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri.

    5.6.

    Barra minn hekk, dan il-Metodu tal-UE għandu jkun ikkumplementat minn sussidjarjetà “vertikali” msaħħa bi rwol rinfurzat għall-parlamenti nazzjonali fit-tfassil tal-politika tal-UE u aktar kooperazzjoni bejn tal-ewwel u l-Parlament Ewropew.

    5.7.

    Dan kollu ta’ hawn fuq diġà jista’ jinkiseb fil-qafas tat-Trattati eżistenti. B’mod partikolari, fir-rigward tal-parteċipazzjoni ċivili, id-demokrazija u r-responsabbiltà, jistgħu jintlaħqu ħafna affarijiet billi jiġu żviluppati aktar il-politiki Ewropej, u billi jittejbu l-proċessi u l-implimentazzjoni. Madankollu, kif diġà ġie indikat f’żewġ opinjonijiet tal-KESE (21)  (22), sar progress limitat fl-implimentazzjoni b’mod effettiv tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 u biex jingħata sostenn sħiħ għall-kunċett ta’ demokrazija parteċipattiva.

    5.8.

    Dan huwa minnu wkoll fir-rigward tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) skont l-Artikolu 11(4). L-ECI għandha tkun strument kruċjali għad-demokrazija parteċipattiva u ċ-ċittadinanza attiva, iżda fil-format attwali tagħha ġeneralment mhijiex effettiva u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tagħha għandhom bżonn jiġu riveduti sew.

    5.9.

    Dan il-kunċett tas-sussidjarjetà “orizzontali” għandu jissaħħaħ u jiġi estiż għal oqsma ta’ politika usa’ fil-futur, permezz ta’ djalogu ċivili strutturat, pereżempju fl-oqsma tal-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur. Dan għandu jtejjeb ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rappreżentattivi fil-proċessi Ewropej billi jippermettilhom li jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-oqsma ta’ politika li jikkonċernawhom, għalhekk jagħti sustanza lill-prinċipju tad-demokrazija parteċipattiva. Sabiex jinkiseb dan l-għan u bħala l-istituzzjoni tal-UE li tirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata, il-KESE għandu rwol ewlieni fit-twettiq tal-potenzjal sħiħ tad-demokrazija parteċipattiva u fl-iżvilupp u t-tisħiħ tad-djalogu ċivili, fi sħubija mal-istituzzjonijiet tal-UE.

    5.10.

    Bħala rappreżentant istituzzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell Ewropew, ir-rwol tiegħu huwa maqsum fi tliet partijiet: (i) biex jiffaċilita u jappoġġja d-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili u mal-istituzzjonijiet Ewropej, (ii) biex tiġi żgurata parteċipazzjoni dejjiema tas-soċjetà ċivili organizzata fil-proċessi politiċi tal-UE, u (iii) biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tat-TUE.

    5.11.

    B’hekk u bħala korp konsultattiv lill-istituzzjonijiet tal-UE (23), il-KESE għandu l-opportunità biex jaġixxi bis-sħiħ bħala (i) katalist u koordinatur fi djalogu bejn u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, (ii) bħala intermedjarju ewlieni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, u (iii) bħala pont effettiv bejn il-livelli nazzjonali u Ewropej. Jekk it-Trattati jiġu riveduti, il-KESE jitlob li dan ir-rwol jiġi rikonoxxut b’mod espliċitu (24).

    5.12.

    It-tnedija mill-ġdid tal-aġenda dwar ir-Regolamentazzjoni aħjar tirrifletti x-xewqa tal-Kummissjoni li tpoġġi enfasi qawwija fuq il-ħidma ta’ valutazzjoni tagħha, bl-involviment tal-istituzzjonijiet l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali u s-soċjetà ċivili inġenerali fil-proċess. Bħala korp konsultattiv, l-involviment tal-KESE fil-valutazzjoni tal-politika huwa fundamentali għaliex huwa bbażat fuq ir-rwol leġittimu tiegħu fl-istruttura istituzzjonali tal-UE: (i) biex jipproteġi dak li kisbet l-UE biex tilħaq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini Ewropej, u (ii) biex iwissi dwar it-tfixkil jew nuqqasijiet possibbli għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-leġislazzjoni tal-UE.

    5.13.

    Bħala parti mir-rwol assenjat lilu skont l-Artikolu 13(4) tat-TUE, kemm il-Protokoll tal-KESE dwar il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea tat-22 ta’ Frar 2012 u l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-KESE mal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Frar 2014, jirrikonoxxu l-valur miżjud sinifikanti li l-KESE jista’ jġib għar-“Regolamentazzjoni aħjar”, billi jdaħħal il-fehma tas-soċjetà ċivili fiċ-ċiklu ta’ politika kollu tal-UE (25). Għalhekk, il-KESE jitlob li r-rwol istituzzjonali tiegħu jiġi rikonoxxut b’mod ċar fi kwalunkwe reviżjoni futura tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Regolamentazzjoni Aħjar (26).

    5.14.

    Sabiex jikkontribwixxu b’mod effettiv għal dan kollu, il-KESE nnifsu għandu juża b’mod sħiħ il-potenzjal tiegħu u jsaħħaħ ir-rwol tiegħu, il-metodi ta’ ħidma u operattivi tiegħu, u r-rabtiet operattivi ewlenin tiegħu mal-organizzazzjonijiet u n-netwerks Ewropej tas-soċjetà ċivili. Il-KESE qiegħed ukoll iżid ir-rilevanza tal-ħidma tiegħu billi jiffoka aktar fuq gruppi ta’ politiki prijoritarji tal-UE, fil-kuntest tal-funzjoni konsultattiva mogħtija lilu mit-Trattati.

    5.15.

    B’dan il-mod, il-KESE jista’ jagħti kontribut sinifikanti biex jibni fuq il-potenzjal tat-Trattat ta’ Lisbona f’oqsma ta’ politika li huma ta’ interess dirett għaċ-ċittadini u biex jidentifika n-nuqqasijiet possibbli li jeħtieġu bidliet u aġġustamenti għall-politiki kkonċernati sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom aħjar.

    Brussell, is-16 ta’ Settembru 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Is-soċjetà ċivili organizzata tista’ tiġi definiti bħala t-total tal-istrutturi organizzattivi kollha li l-membri tagħhom għandhom għanijiet u responsabbiltajiet ta’ interess ġenerali u li jaġixxu bħala medjaturi bejn l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini.

    Ara l-opinjonijiet dwar “Ir-rwol u l-kontribut tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-bini tal-Ewropa”tat-22 ta’ Settembru 1999 (ĠU C 329, 17.11.1999, p. 30) u dwar “Is-soċjetà ċivili organizzata u l-governanza Ewropea: il-kontribut tal-Kumitat għall-abbozzar tal-White Paper” tal-25 ta’ April 2001 (ĠU C 193, 10.7.2001, p. 117).

    (2)  Ara l-Artikolu 300(4) tat-TFUE.

    (3)  Ara l-Artikolu 1 tat-TUE.

    (4)  Ara l-Artikolu 5(1) tat-TUE.

    (5)  Diskors ta’ Herman Van Rompuy “Is there a need for a “New Pact for Europe?”, Brussell, 17 ta’ Ġunju 2015.

    http://www.newpactforeurope.eu/documents/eventsdocs/speech.vanrompuy.17june2015.pdf

    (6)  Titoli I sa IV tat-TFUE.

    (7)  Opinjoni dwar “L-ikkompletar tal-UEM – Ir-rwol tal-politika tat-tassazzjoni” tal-10 ta’ Diċembru 2014 (ĠU C 230, 14.7.2015, p. 24).

    (8)  Opinjoni dwar “Il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u kif jistgħu jinkisbu l-għanijiet tagħha sal-2020” tad-19 ta’ Frar 2015 (ĠU C 251, 31.7.2015, p. 19).

    (9)  Opinjoni dwar il-“Proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (COM/2011) 739 final – 2011/0183 (CNS) u l-Proposta emendata għal Regolament li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (COM(2011) 740 final – 2011/0184 (APP)” tad-29 ta’ Marzu 2012 (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 45).

    (10)  Opinjoni dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” tal-21 ta’ Settembru 2011 (ĠU C 376, 22.12.2011, p. 74).

    (11)  Fil-każ ta’ reviżjoni tat-Trattati, il-KESE diġà ssuġġerixxa li jiġi inkluż Protokoll tal-Progress Soċjali.

    Opinjoni dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea – Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid” tas-17 ta’ Jannar 2013 (ĠU C 76, 14.3.2013, p. 24).

    (12)  Opinjonijiet dwar “Il-politiki Ewropej tal-immigrazzjoni” tal-11 ta’ Settembru 2014 (ĠU C 458, 19.12.2014, p. 7), dwar “Il-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi” tad-9 ta’ Lulju 2014 (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 1), u dwar “Il-politika estera u ta’ sigurtà l-ġdida tal- UE u r-rwol tas-soċjetà ċivili” tas-27 ta’ Ottubru 2011 (ĠU C 24, 28.1.2012, p. 56).

    (13)  Paragrafu 27 tal-konklużjonijiet.

    (14)  Opinjoni dwar “L-ikkompletar tal-UEM Il-proposti tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġiżlatura Ewropea li jmiss” tad-9 ta’ Lulju 2014 (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10).

    (15)  L-Opinjonijiet “Għal dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea” tat-22 ta’ Mejju 2013 (ĠU C 271, 19.9.2013, p. 1) u dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – It-Tisħiħ tad-Dimensjoni Soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja” tas-17 ta’ Ottubru 2013 (ĠU C 67, 6.3.2014, p. 122).

    (16)  Opinjoni dwar “L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru politiku” tas-27 ta’ Mejju 2015 (ECO/376) (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8).

    (17)  http://ec.europa.eu/priorities/economic-monetary-union/docs/5-presidents-report_en.pdf

    (18)  “It-trilogi” huma stipulati fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tat-13 ta’ Ġunju 2007 dwar “Arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni (Artikolu 251 tat-Trattat KE)” (ĠU C 145, 30.6.2007, p. 5).

    (19)  Dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, rispettivament.

    (20)  Artikolu 11(1) u (2) jiddikjara li:

    “L-istituzzjonijiet għandhom, permezz ta’ mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta’ azzjoni kollha tal-Unjoni.”

    “L-istituzzjonijiet għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili.”

    (21)  Opinjoni dwar “Prinċipji, proċeduri u azzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat ta’ Lisbona” tal-14 ta’ Novembru 2012 (ĠU C 11, 15.1.2013, p. 8).

    (22)  Opinjoni dwar “Il-valutazzjoni tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati mill-Kummissjoni Ewropea” tat-2 ta’ Lulju 2015, ĠU C 383, 17.11.2015, p. 57.

    (23)  Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 13 tat-TUE dwar l-qafas istituzzjonali tal-Unjoni jipprevedi li Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu assistiti minn Kumitat Ekonomiku u Soċjali u minn Kumitat tar-Reġjuni, li jeżerċitaw funzjonijiet konsultattivi”.

    (24)  Din il-proposta kienet diġà saret mill-Kumitat lill-Kunsill Ewropew f’opinjoni fl-2006, matul il-perjodu ta’ riflessjoni li segwa n-nuqqas ta’ ratifika tat-Trattat Kostituzzjonali.

    Ara l-opinjoni dwar “Contribution to the European Council of 15–16 June 2006 – Period of reflection”, tas-17 ta’ Mejju 2006 (ĠU C 195, 18.8.2006, p. 64) (mhux disponibbli bil-Malti).

    (25)  Il-paragrafu 18 tal-Protokoll ta’ Kooperazzjoni mal-Kummissjoni jistipula li: “Il-Kumitat jikkontribwixxi għall-proċess tal-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari b’rabta mal-klawżoli orizzontali, kif previst fl-Artikoli 8 sa 12 tat-TFUE”.

    Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-2014 mal-Parlament Ewropew jistipula li l-KESE għandu sistematikament jipprovdi lill-Parlament b’“valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-leġislazzjoni Ewropea” flimkien ma’ “informazzjoni u materjali rilevanti mis-soċjetà ċivili dwar kif il-leġislazzjoni eżistenti u l-programmi ta’ finanzjament qed jaħdmu fil-prattika u x’inhuma n-nuqqasijiet li jridu jitqiesu fit-tfassil u r-reviżjoni tal-leġislazzjoni u l-politiki tal-UE”.

    (26)  Opinjoni dwar “Atti Delegati” tas-16 ta’ Settembru 2015 (INT/768) (ara l-paġna 145 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top