Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0937

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 260/2012 fir-rigward tal-migrazzjoni lejn trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti mal-Unjoni kollha

    /* COM/2013/0937 final - 2013/0449 (COD) */

    52013PC0937

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 260/2012 fir-rigward tal-migrazzjoni lejn trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti mal-Unjoni kollha /* COM/2013/0937 final - 2013/0449 (COD) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. Il-kuntest tal-proposta

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u bħala tali hu element importanti fil-bini għat-twettiq ta’ żona unika ta’ pagamenti bl-euro (SEPA). Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-1 ta’ Frar 2014 bħala d-data finali fiż-żona tal-euro għall-migrazzjoni ta’ trasferimenti ta’ kreditu domestiċi kif ukoll dawk intra-Ewropej u ta' debiti diretti bl-euro lejn trasferimenti ta' kreditu SEPA (SCT) u lejn debiti diretti SEPA (SDD) rispettivament.

    Skont l-aħħar statistika tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), ir-rata ta’ migrazzjoni globali fiż-żona tal-euro għal Trasferimenti ta' Kreditu tas-SEPA (SCT) żdiedet minn 59,87 % f’Ottubru 2013 għal 64,1 % f’Novembru, filwaqt li r-rata ta’ migrazzjoni globali għad-Debiti Diretti tas-SEPA (SDD) żdiedet minn 11,52 % f’Ottubru għal 26 % f'Novembru. Minkejja l-isforzi ripetuti tal-Kummissjoni biex tqajjem għarfien fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u l-isforzi ta' kampanja sinfikanti fir-rigward tal-migrazzjoni tas-SEPA meħudin mill-Bank Ċentrali Ewropew u f'ħafna Stati Membri, l-amministrazzjonijiet pubbliċi żgħar u l-awtoritajiet lokali jkomplu jkunu l-inqas imħejjija għall-migrazzjoni attwali. L-isforzi ta’ komunikazzjoni mill-industrija bankarja fir-rigward tal-SMEs u kampanji ta’ informazzjoni nazzjonali ma jidhrux li kellhom l-effetti mistennija jew tal-anqas mhux sal-punt mistenni.

    Jekk jiġi kkunsidrat ir-ritmu kajman tal-migrazzjoni f’xi Stati Membri għal SCT u f’ħafna Stati Membri għal SDD, jidher verament improbabbli li l-migrazzjoni lejn is-SEPA se titlesta għalkollox fl-1 ta’ Frar 2014. Madankollu, fid-dawl ta’ din id-data finali ġuridika, il-banek u l-fornituri oħrajn tas-servizzi ta’ pagamenti x’aktarx li jirrifjutaw li jipproċessaw pagamenti antiki li mhumiex konformi ma' SEPA. Fin-nuqqas ta’ migrazzjoni sħiħa lejn SCT/SDD, hemm ir-riskju li jinħolqu inċidenti tal-pagamenti li jwasslu għal dewmien fil-pagamenti jew għal problemi fis-suq. Dawn jistgħu jaffettwaw l-utenti kollha tas-servizzi ta’ pagamenti, u partikolarment l-SMEs kif ukoll il-konsumaturi.

    Minħabba li din hi problema ġuridika ewlenija u minħabba l-konsegwenzi severi potenzjali għal ċittadini u kumpaniji, il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 bl-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ anterjorità li tippermetti lill-banek u lill-fornituri oħrajn tas-servizzi ta’ pagamenti jkomplu, anke wara l-1 ta’ Frar 2014, għal perjodu limitat ta' sitt xhur, bl-ipproċessar ta’ pagamenti mhux konformi permezz tal-iskemi pagamenti antiki tagħhom flimkien ma' SCT u SDD. Komunikazzjoni ċara ta’ din l-emenda se tipprovdi ċertezza lill-utenti tas-servizzi ta’ pagamenti li l-pagamenti tagħhom se jibqgħu jiġu pproċessati wara l-1 ta’ Frar 2014, u se tippermetti lil dawk li għadhom ma emigrawx biex jagħmlu dan malajr kemm jista’ jkun. Id-data ta' skadenza nnifisha mhijiex emendata, u l-anterjorità hija miżura eċċezzjonali ta' darba. Taħt kull ċirkostanza, għandhom jitkomplew kampanji kontinwi ta’ informazzjoni dwar il-migrazzjoni lejn is-SEPA. Fi tmiem il-perjodu tal-anterjorità, il-Kummissjoni mhux se żżomm lura milli tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura l-applikazzjoni b'mod sħiħ tal-liġi tal-UE mill-Istati Membri.

    Parteċipanti fil-laqgħa ta' Livell Għoli tas-SEPA li tiġbor flimkien rappreżentanti ta' livell għoli mill-Bank Ċentrali Ewropew u membri tal-bordijiet tal-banek ċentrali tal-Eurosistema ġew ikkonsultati dwar din l-inizjattiva fid-19 ta' Diċembru 2013.

    Fid-dawl ta' dan li ntqal hawn fuq u minħabba li ftit li xejn baqa' żmien qabel l-1 ta' Frar 2014, dan ir-Regolament għandu jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill bħala kwistjoni ta' urġenza u jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien. Dan ir-Regolament hu meħtieġ sabiex tiġi evitata inċertezza ġuridika għall-banek u l-fornituri oħrajn tas-servizzi ta' pagamenti, kif ukoll għall-impriżi u l-konsumaturi, hekk kif ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 jobbliga lill-fornituri tas-servizzi ta' pagamenti biex jirrifjutaw, wara din id-data finali, li jipproċessaw il-pagamenti f'euro li mhumiex konformi mar-rekwiżiti SEPA. Jekk ir-Regolament propost ma jiġix adottat bħala kwistjoni ta’ urġenza, dan jista' jirriżulta f’riskji ġuridiċi u tekniċi serji fit-tranżazzjonijiet ta’ pagamenti mill-1 ta’ Frar 2014 ’il quddiem.

    Kuntest Ġenerali

    Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012, li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Marzu 2012, jagħti lill-parteċipanti fis-suq sentejn biex jadattaw il-proċessi tal-pagamenti tagħhom għar-rekwiżiti SCT u SDD tas-SEPA. Matul dawn is-sentejn, il-Kummissjoni u l-BĊE, flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali mmonitorjaw mill-qrib il-progress tal-migrazzjoni lejn is-SEPA. Il-BĊE regolarment ħareġ rapporti ta’ progress dwar il-progress tal-migrazzjoni lejn is-SEPA. Saru bosta laqgħat tal-Kunsill tas-SEPA, li fihom il-Kummissjoni ddiskutiet il-progress tal-migrazzjoni ma' rappreżentanti kemm min-naħa tal-provvista u tad-domanda tas-suq tal-pagamenti, b'insistenza fuq il-ħtieġa li tiġi intensifikata l-komunikazzjoni lejn fornituri tas-servizzi ta' pagamenti kif ukoll lejn il-kategoriji kollha tal-utenti tas-servizzi ta’ pagamenti (korporattivi inklużi l-SMEs, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, il-konsumaturi, eċċ.). Fit-30 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni organizzat sessjoni ta' ħidma ddedikata dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 ma' esperti tekniċi tal-Kunsill tas-SEPA, u għal darb’ oħra fit-12 ta’ Lulju 2013 ma' rappreżentanti tal-Istati Membri. Fis-17 ta’ April 2013, il-Kummissjoni organizzat ukoll grupp ta’ esperti tekniċi dwar is-SEPA. Il-Kummissjoni barra minn hekk iddiskutiet il-progress kemm fil-Forum tas-SEPA tal-UE li jsir darbtejn fis-sena, kif ukoll fil-Kumitat tal-Pagamenti ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-migrazzjoni lejn is-SEPA kienet regolarment fl-aġenda ta’ ħafna laqgħat tekniċi tal-BĊE ma’ rappreżentanti tal-banek ċentrali nazzjonali, kif ukoll f’xi fora mar-rappreżentanti mill-industrija bankarja.

    Minħabba r-rati ta’ migrazzjoni baxxi ppubblikati mill-BĊE fir-rapport tiegħu ta’ Marzu 2013 dwar il-migrazzjoni lejn is-SEPA, il-Kunsill tal-ECOFIN tal-14 ta’ Mejju 2013 adotta konklużjonijiet komprensivi tal-Kunsill li jenfasizzaw l-importanza tal-migrazzjoni lejn is-SEPA u li jitolbu lill-Istati Membri u lill-parteċipanti fis-suq biex jappoġġjaw b’mod attiv u jħaffu l-proċess ta’ migrazzjoni lejn is-SEPA billi jieħdu l-miżuri rilevanti. Wara l-konklużjonijiet tal-ECOFIN, ittra konġunta tal-Kummissjoni u tal-BĊE kienet mibgħuta lill-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali fil-15 ta’ Mejju 2013, fejn ġiet enfasizzata l-importanza ta’ migrazzjoni lejn is-SEPA u l-ħtieġa urġenti għal azzjoni fuq livell nazzjonali.

    2. Riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u l-valutazzjonijiet tal-impatt

    2.1. It-trażmissjoni ta' din il-proposta lill-parlamenti nazzjonali

    L-abbozzi tal-atti leġiżlattivi, inklużi proposti mingħand il-Kummissjoni, li ntbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandhom jintbagħtu lill-parlamenti nazzjonali skont il-Protokoll (Nru 1) dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, mehmuż mat-Trattati.

    Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll, għandhom jgħaddu tmien ġimgħat minn meta l-abbozz tal-att leġiżlattiv ikun sar disponibbli għall-Parlamenti nazzjonali sad-data ta' meta jitqiegħed fuq aġenda provviżorja għall-Kunsill biex dan jiġi adottat jew biex tiġi adottata pożizzjoni skont proċedura leġiżlattiva.

    Madankollu, skont l-Artikolu 4 għandu jkun possibbli li jsiru eċċezzjonijiet f'każijiet ta' urġenza, li r-raġunijiet għalihom għandhom jiġu ddikjarati fl-att jew fil-pożizzjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jikkunsidraw din il-proposta bħala każ ta' urġenza assoluta għar-raġunijiet spjegati hawn fuq.

    2.2. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati l-oħrajn u l-valutazzjoni tal-impatt

    Fid-dawl tar-rati ta’ migrazzjoni baxxi, ippubblikati mill-BĊE f’Diċembru 2013, il-Kummissjoni u l-BĊE analizzaw il-probabbiltà li l-migrazzjoni lejn is-SEPA titlesta għalkollox fl-1 ta’ Frar 2014. Ġie rikonoxxut li dan ikun improbabbli ħafna minkejja l-fatt li bosta utenti kbar tas-servizzi ta’ pagamenti, bħal kumpaniji li jipprovdu servizzi pubbliċi b’pagamenti kbar, indikaw li huma qed jippjanaw li jemigraw la toqrob id-data finali.

    Għalkemm huwa diffiċli li tingħata stima tal-għadd ta’ parteċipanti fis-suq li mhux se jkunu konformi mas-SEPA sad-data finali ġuridika, huwa ċar li, b’mod partikolari fil-qasam tal-SDD, ir-rati ta' migrazzjoni se jkun fadlilhom ħafna biex jilħqu l-100 %.

    Il-banek u l-fornituri oħrajn tas-servizzi ta’ pagamenti x’aktarx li jirrifjutaw li jipproċessaw pagamenti tas-SEPA mhux konformi mill-1 ta’ Frar 2014. L-akbar riskju ta' nonmigrazzjoni huwa relatat ma’ SMEs, li ħafna minnhom għadhom ma emigrawx. Fid-dawl ta’ dan ir-riskju, il-BĊE analizza xenarji possibbli u l-impatt tagħhom b’soluzzjonijiet possibbli bħala rimedju għas-sitwazzjoni. Teknikament, fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti għandhom ikunu jistgħu jkomplu bl-ipproċessar ta’ pagamenti mhux konformi permezz tal-użu ta’ skemi ta’ legat. Barra minn hekk, il-parteċipanti fis-suq li għadhom mhumiex konformi mas-SEPA jeħtieġu li jiġu identifikati u jiġu infurmati b’mod adegwat dwar kif jemigraw lejn is-SEPA b’mod effiċjenti.

    Għalkemm jista’ jkun teknikament fattibbli għall-parteċipanti fis-suq bl-appoġġ tas-superviżuri li jimplimentaw soluzzjonijiet intermedji biex jgħelbu kwistjonijiet potenzjali ta’ migrazzjoni wara l-1 ta’ Frar 2014, hemm riskju ġenwin li din is-sitwazzjoni mhux sodisfaċenti tista’ twassal għal konfużjoni kemm għall-konsumaturi u l-utenti tas-servizzi ta’ pagamenti oħra, u għal inċertezza ġuridika għall-fornituri tas-servizzi ta' pagamenti kkonfrontati minn parteċipanti fis-suq li (sa issa) għadhom ma implimentawx dawn is-soluzzjonijiet intermedji. Fost il-parteċipanti fis-suq mhux konformi hemm ħafna SMEs. Il-fatt li l-pagamenti antiki tagħhom ma jistgħux jiġu pproċessati mill-banek wara l-1 ta’ Frar 2014 jista’ wkoll jikkawża ħsara fir-reputazzjoni tas-sistema tal-Euro kollha kemm hi. Huwa improbabbli li soluzzjonijiet intermedji, anke jekk teknikament fattibbli, se jkunu implimentati fil-ħin.

    Biex jiġi evitat tfixkil ta’ pagamenti bla bżonn li jirriżulta minn nuqqas ta’ konformità mas-SEPA u biex tiġi żgurata ċertezza ġuridika għall-parteċipanti kollha tas-suq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jkun ġustifikat li tipproponi li tippermetti, wara l-1 ta’ Frar 2014, il-koeżistenza ta’ sistemi ta' legat nazzjonali flimkien ma' skemi SCT u SDD għal perjodu limitat ta’ sitt xhur. It-tul ta’ dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni għandu jkun proporzjonat. L-għan ikun li tinżamm il-pressjoni fuq il-parteċipanti fis-suq biex jemigraw kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li jkun hemm ċertezza ġuridika u li l-kostijiet għall-fornituri tas-servizzi ta' pagamenti ta’ żmien parallel kontinwu ta’ żewġ sistemi ta’ pagament ikunu limitati. Dawk il-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti li diġà emigraw lejn SCT u SDD jistgħu jikkunsidraw li jipprovdu servizzi ta’ konverżjoni lill-parteċipanti fis-suq li għadhom ma emigrawx. Matul il-perjodu tranżitorju, l-Istati Membri għandhom iżommu lura milli japplikaw penalitajiet għal fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti li jipproċessaw pagamenti mhux konformi u għal utenti tas-servizzi ta’ pagamenti li għadhom ma emigrawx (kompletament).

    L-introduzzjoni ta’ perjodu addizzjonali ta' darba u eċċezzjonali li matulu l-ipproċessar ta’ pagamenti antiki se jiġi ttollerat se jippermetti wkoll għal migrazzjoni gradwali. Fid-dawl tal-iskadenza li qed toqrob, bosta mill-akbar fornituri ta' utilitajiet indikaw li se jemigraw qrib id-data finali attwali tal-1 ta’ Frar 2014. Dan jista’ joħloq ċerti punti ta’ konġestjoni, partikolarment fil-livell tal-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti u tal-bejjiegħa ta' softwer, li jistgħu jiltaqgħu ma’ ċerti limitazzjonijiet ta’ kapaċità.

    Meta jitqiesu ċ-ċifri attwali tal-migrazzjoni u r-ritmu mistenni tal-migrazzjoni, perjodu ta’ anterjorità ta' sitt xhur, sal-1 ta’ Awwissu 2014, huwa meqjus xieraq. Matul dan il-perjodu, il-Kummissjoni u l-BĊE, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali se jkomplu jimmonitorjaw mill-qrib il-proċess ta’ migrazzjoni u se jkunu lesti li jieħdu miżuri addizzjonali, kif xieraq.

    Din il-proposta mhijiex akkumpanjata b'Valutazzjoni tal-Impatt separata, billi diġà saret valutazzjoni tal-impatt għar-Regolament (UE) Nru 260/2012. Din il-proposta ma tbiddilx ir-Regolament fis-sustanza u ma timponix obbligi ġodda fuq in-negozji. Hija għandha l-għan biss li tintroduċi perjodu tranżitorju wara d-data finali definita fl-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament biex tiġi evitata l-inċertezza ġuridika għal awtoritajiet ta’ superviżjoni, fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti, impriżi u konsumaturi.

    3. Elementi ġuridiċi tal-proposta

    Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 bl-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ "anterjorità" li tippermetti lill-banek u lill-fornituri oħrajn tas-servizzi ta’ pagamenti jkomplu, sal-1 ta’ Awwissu 2014, l-ipproċessar ta’ pagamenti mhux konformi permezz tal-iskemi ta' pagamenti antiki attwali tagħhom flimkien ma' SCT u SDD. Din l-emenda tiżgura li l-parteċipanti fis-suq li ma jkunux lesti għas-SEPA sal-1 ta’ Frar 2014 jistgħu jkomplu jagħmlu l-pagamenti tagħhom u jevitaw kwalunkwe inkonvenjenza għall-konsumaturi.

    Il-proposta tistipula li l-emenda tapplika mill-31 ta’ Jannar 2014. Din id-dispożizzjoni tippermetti wkoll l-applikazzjoni retroattiva fil-każ li l-proposta ma tiġix adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill qabel l-1 ta’ Frar iżda biss wara din id-data. Dan se jevita lakuna leġiżlattiva mill-1 ta’ Frar 2014 li toħloq inċertezza ġuridika.

    L-introduzzjoni ta’ dan il-perjodu tranżitorju għat-tneħħija gradwali ta’ sistemi qodma għandha titqies bħala miżura eċċezzjonali li mhux se tiġi estiża aktar. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet differenti stipulati fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 il-parteċipanti kollha tas-suq ikunu konformi mar-rekwiżiti SEPA sal-1 ta' Awwissu 2014.

    4. Implikazzjonijiet baġitarji

    Ir-regolament ma għandux impatt baġitarju għall-Kummissjoni.

    2013/0449 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 260/2012 fir-rigward tal-migrazzjoni lejn trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti mal-Unjoni kollha

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[2]

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[3],

    Billi:

    (1)       Flimkien mar-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4], ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5] jikkostitwixxi element importanti fit-tlestija ta’ żona unika ta’ pagamenti bl-euro (SEPA), fejn ma ssir l-ebda distinzjoni bejn pagamenti transfruntieri u pagamenti nazzjonali bl-euro. L-għan ewlieni tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 huwa l-migrazzjoni minn skemi nazzjonali ta' trasferiment ta’ kreditu u ta' debiti diretti għal skemi armonizzati ta' trasferimenti ta' kreditu tas-SEPA (SCT) u ta' debiti diretti tas-SEPA (SDD), fost l-oħrajn billi ċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu pprovduti b'numru tal-kont bankarju internazzjonali (IBAN) uniku li jista' jintuża għat-trasferimenti kollha ta’ kreditu tas-SEPA u għat-tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett denominati f’euro.

    (2)       Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 ipprovda għal migrazzjoni lejn is-SEPA li għandha ssir sal-1 ta’ Frar 2014 sabiex tippermetti lill-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti u lill-utenti ta’ servizzi ta’ pagament biżżejjed żmien biex jaddattaw il-proċessi tagħhom għar-rekwiżiti tekniċi involuti għall-migrazzjoni lejn SCT u SDD.

    (3)       Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew mmonitorjaw mill-qrib il-progress tal-migrazzjoni lejn is-SEPA. Saru bosta laqgħat mal-Istati Membri, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u l-parteċipanti fis-suq. Il-Bank Ċentrali Ewropew ippubblika b'mod regolari rapporti ta’ progress dwar il-migrazzjoni lejn is-SEPA fuq il-bażi ta’ dejta ta’ pagamenti miġbura mill-banek ċentrali nazzjonali. Dawn ir-rapporti jindikaw li għadd ta’ Stati Membri fiż-żona tal-euro huma fit-triq it-tajba b'rati ta’ migrazzjoni għal SCT attwalment qrib il-100 %. Il-maġġoranza l-kbira tal-fornituri tas-servizzi ta' pagamenti rrappurtaw li huma diġà konformi mas-SEPA. Madankollu, f’diversi Stati Membri oħra, ir-rati ta’ migrazzjoni għadhom lura mill-aspettattivi. Dan huwa l-każ partikolarment għall-SDD.

    (4)       F’Mejju 2013, il-Kunsill tal-ECOFIN fil-konklużjonijiet tiegħu[6] saħaq għal darb’ oħra dwar l-importanza tal-migrazzjoni lejn is-SEPA. Ġie nnutat li l-migrazzjoni lejn is-SEPA kien għad fadlilha biex tkun kompluta u li jkun meħtieġ li jsiru sforzi mmedjati mill-parteċipanti kollha fis-suq sabiex il-migrazzjoni lejn is-SEPA titlesta fil-ħin. Ġie adottat pjan ta’ azzjoni li fih negozjanti, korporattivi, SMEs u amministrazzjonijiet pubbliċi ġew mistiedna biex minnufih jieħdu l-passi konkreti interni meħtieġa sabiex jaddattaw il-proċessi tagħhom u jinfurmaw lill-klijenti tagħhom bid-dettalji tal-IBAN.

    (5)       Minkejja l-isforzi konsiderevoli magħmula mill-Bank Ċentrali Ewropew, l-Istati Membri, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali tagħhom u l-parteċipanti differenti tas-suq matul l-aħħar xhur, l-aħħar statistika tal-migrazzjoni turi li r-rata ta’ migrazzjoni globali fiż-żona tal-euro għal Trasferimenti ta' Kreditu tas-SEPA (SCT), li f’Ġunju kienet 40 %, żdiedet biss għal madwar 64 % f’Novembru, filwaqt li r-rata ta’ migrazzjoni globali lejn Debiti Diretti tas-SEPA (SDD) laħqet biss 26 %. Filwaqt li ċifri nazzjonali juru progress importanti f’bosta Stati Membri, għad hemm grupp sinifikanti ta' Stati Membri li għadhom lura b’mod konsiderevoli mir-rati ta’ migrazzjoni mistennija. Fid-dawl tar-ritmu kajman attwali ta' migrazzjoni f’dawn l-Istati Membri, huwa għalhekk improbabbli ħafna li l-parteċipanti kollha tas-suq se jkunu konformi mas-SEPA sal-1 ta’ Frar 2014.

    (6)       Mill-1 ta’ Frar 2014, il-banek u l-fornituri oħrajn tas-servizzi ta’ pagamenti se jkollhom jirrifjutaw li jaċċettaw l-ipproċessar ta' trasferimenti ta' kreditu jew debiti diretti li mhumiex konformi mas-SEPA minħabba l-obbligi ġuridiċi tagħhom, għalkemm, hekk kif attwalment huwa diġà l-każ, huma teknikament jistgħu jipproċessaw dawn il-pagamenti billi jkomplu jużaw skemi ta’ pagamenti antiki eżistenti flimkien ma’ SCT u SDD. Fin-nuqqas ta’ migrazzjoni sħiħa lejn SCT u SDD, ma jistgħux jiġu esklużi inċidenti li jinvolvu pagamenti li jwasslu għal dewmien f’dawn il-pagamenti. L-utenti kollha ta’ servizzi ta’ ħlas u partikolarment l-SMEs u l-konsumaturi jistgħu jkunu affettwati.

    (7)       Huwa essenzjali li jiġi evitat tfixkil żejjed ta’ pagamenti li jirriżulta mill-fatt li l-migrazzjoni lejn is-SEPA ma tkunx kompletament lesta sal-1 ta’ Frar 2014. Fornituri tas-servizzi ta' pagamenti għandhom għalhekk ikunu permessi, għal perjodu ta’ żmien limitat, biex ikomplu l-ipproċessar ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti permezz tal-iskemi ta' legat tagħhom, flimkien mal-iskemi tagħhom ta' SCT u SDD, kif qed jagħmlu attwalment. Għalhekk għandu jiġi introdott perjodu tranżitorju li jippermetti l-kontinwazzjoni ta’ tali pproċessar parallel ta’ pagamenti f’formati differenti. Meta jitqiesu ċ-ċifri attwali tal-migrazzjoni u r-ritmu mistenni tal-migrazzjoni, perjodu ta’ tranżizzjoni addizzjonali ta' darba ta' sitt xhur huwa meqjus xieraq. Din l-anterjorità tas-sistemi ta’ legat mhux konformi mas-SEPA għandha titqies bħala miżura eċċezzjonali u għalhekk tinżamm qasira kemm jista’ jkun, billi tenħtieġ migrazzjoni rapida u komprensiva sabiex jinkisbu l-benefiċċji kollha ta’ suq integrat tal-pagamenti. Huwa importanti wkoll li l-kostijiet għall-fornituri tas-servizzi ta' pagamenti jkunu limitati fiż-żmien għal użu kontinwu tal-iskemi tal-pagament ta' legat b’mod parallel mas-sistema SEPA. Fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti li diġà wettqu l-migrazzjoni sħiħa lejn is-SEPA jistgħu jikkunsidraw li jipprovdu lill-utenti ta’ servizzi ta’ pagament li għadhom ma emigrawx, servizzi ta' konverżjoni matul dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Matul il-perjodu tranżitorju, l-Istati Membri għandhom iżommu lura milli japplikaw penalitajiet għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti li jipproċessaw pagamenti mhux konformi u għall-utenti tas-servizzi ta’ pagamenti li għadhom ma emigrawx.

    (8)       Diversi utenti kbar ta’ strumenti ta’ debitu dirett diġà indikaw li qed jippjanaw li jemigraw qrib id-data finali. Kwalunkwe posponiment ta’ dawn il-proġetti ta’ migrazzjoni jista' jwassal għal stress temporanju fuq pagamenti dovuti u flussi tal-flus, u għalhekk fuq livelli tat-teżor tal-kumpaniji kkonċernati. Tali migrazzjoni tardiva fuq skala kbira tista’ toħloq ukoll ċerti punti ta’ konġestjoni, b’mod partikolari fil-livell tal-banek u l-bejjiegħa tas-softwer li jistgħu jiltaqgħu ma’ ċerti limitazzjonijiet ta’ kapaċità. Dan il-perjodu addizzjonali għall-introduzzjoni gradwali tas-sistema l-ġdida jippermetti li jkun hemm approċċ aktar gradwali. Il-parteċipanti fis-suq li għadhom ma bdewx jimplimentaw l-adattamenti meħtieġa għal konformità mas-SEPA huma mitluba biex jagħmlu dan malajr kemm jista’ jkun. Il-parteċipanti fis-suq li diġà bdew jadattaw il-proċessi tal-pagamenti għandhom xorta waħda jlestu l-migrazzjoni malajr kemm jista’ jkun.

    (9)       Fid-dawl tal-għan globali li ssir migrazzjoni koordinata u integrata, huwa xieraq li l-perjodu tranżitorju japplika kemm għal SCT u wkoll għal SDD. Perjodi tranżitorji differenti għal SCT u SDD jistgħu jikkawżaw konfużjoni għal konsumaturi, fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti, SMEs kif ukoll utenti tas-servizzi ta’ pagamenti.

    (10)     Għal raġunijiet ta’ ċertezza ġuridika u sabiex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ kontinwità għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 260/2012, huwa meħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u li jibda japplika mill-31 ta’ Jannar 2014.

    (11)     Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

    “1.Minkejja l-Artikolu 6(1) u (2), il-PSPs jistgħu jkomplu, sal-1 ta’ Awwissu 2014, jipproċessaw tranżazzjonjiet ta’ pagamenti f’euro f’formati li huma differenti minn dawk meħtieġa għat-trasferimenti ta’ kreditu SEPA u għad-debiti diretti SEPA.

    L-Istati Membri japplikaw ir-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tal-Artikolu 6(1) u (2), stabbiliti skont l-Artikolu 11, biss mit-2 ta’ Awwissu 2014.

    B’deroga mill-Artikoli 6(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu, sal-1 ta’ Frar 2016, iħallu lill-PSPs biex jipprovdu lill-PSUs, b’servizzi ta’ konverżjoni għall-pagamenti nazzjonali, li jippermettu lill-PSUs li jkunu konsumaturi jkomplu jużaw BBAN minflok l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness bil-kundizzjoni li l-interoperabilità tiġi żgurata billi jiġi konvertit il-BBAN ta’ min iħallas u tal-benefiċjarju b’mod tekniku u sikur fl-identifikatur tal-kont ta’ pagament rispettiv speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness. Dan l-identifikatur tal-kont ta’ pagament jingħata lill-PSU inizjali, meta jkun xieraq qabel ma jsir il-pagament. F’każ bħal dan, il-PSPs ma għandhom jimponu l-ebda imposta jew tariffa oħra fuq il-PSU marbuta direttament jew indirettament ma’ dawn is-servizzi ta’ konverżjoni."

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa jibda japplika mill-31 ta’ Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    [1]               ĠU C , , p. .

    [2]               ĠU C, , p. .

    [3]              

    [4]               Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-ħlas transfruntieri fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11).

    [5]               Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).

    [6]               http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ecofin/137122.pdf

    Top