Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0245

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport intermedju) (2012/2117(INI))

    ĠU C 65, 19.2.2016, p. 16–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 65/16


    P7_TA(2013)0245

    Il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport intermedju) (2012/2117(INI))

    (2016/C 065/03)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2012 dwar it-twaqqif, is-setgħat, l-għamla numerika u l-mandat tal-Kumitat Speċjali dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, adottata skont l-Artikolu 184 tar-Regoli tiegħu,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012 li testendi l-mandat tal-Kumitat Speċjali dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus sat-30 ta’ Settembru 2013,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 67, il-Kapitolu 4 (l-Artikoli 82-86) u l-Kapitolu 5 (l-Artikoli 87-89) tat-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 5, 6, 8, 32, 38, 41, u t-Titolu VI (l-Artikoli 47-50) u l-Artikolu 52,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ ċiklu ta’ politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja, li jistabbilixxi proċess pluriennali li għandu l-għan li jiffaċċja t-theddid kriminali l-aktar importanti b’mod koerenti permezz tal-aqwa kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-UE u l-pajjiżi terzi,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata bejn l-2011 u l-2013,

    wara li kkunsidra l-Programm ta’ Stokkolma dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja (1), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-kisba ta' żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma” (COM(2010)0171) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura” (COM(2010)0673),

    wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi (2005-2012) u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra d-Droga (2009-2012),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali, adottata mill-Assemblea Ġenerali fil-15 ta’ Novembru 2000 (Riżoluzzjoni 55/25) u miftuħa għall-firma f’Palermo fit-12 ta’ Diċembru 2000, u l-protokolli relatati,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), miftuħa għall-firma f’Merida fid-9 ta’ Diċembru 2003,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-traffikar illeċitu tad-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi, adottata mill-Assemblea Ġenerali fl-20 ta’ Diċembru 1988 (riżoluzzjoni 1988/8) u li nfetħet għall-firem fi Vjenna, mill-20 ta’ Diċembru 1988 sat-28 ta’ Frar 1989, u wara fi New York, sal-20 ta’ Diċembru 1989,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet penali u ċivili tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-korruzzjoni, miftuħa għall-firma fi Strasburgu rispettivament fis-27 ta’ Jannar u l-4 ta’ Novembru 1999, u r-Riżoluzzjonijiet (98)7 u (99)5, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa rispettivament fil-5 ta’ Mejju 1998 u l-1 ta’ Mejju 1999, stipulati mill-Grupp tal-Istati kontra l-Korruzzjoni (GRECO),

    wara li kkunsidra l-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 1997 li jfassal, fuq il-bażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (2),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni OECD dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali pubbliċi barranin fl-operazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali, miftuħa għall-firma f’Pariġi fis-17 ta’ Diċembru 1997, u s-supplimenti sussegwenti,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ir-riċiklaġġ, ir-riċerka, is-sekwestru u l-konfiska tal-qligħ minn reat u dwar il-finanzjament għat-terroriżmu, miftuħa għall-firma f’Varsavja fis-16 ta’ Mejju 2005, u r-Riżoluzzjoni CM/Res(2010)12 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, tat-13 ta’ Ottubru 2010, dwar l-istatut tal-Kumitat ta' Esperti Magħżula għall-Valutazzjoni ta' Miżuri kontra l-Money Laundering (MONEYVAL),

    wara li kkunsidra l-40 rakkomandazzjoni u d-9 rakkomandazzjonijiet speċjali tal-Grupp ta’ Azzjoni Finanzjarja FATF/GAFI għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament għat-terroriżmu u għat-tixrid,

    wara li kkunsidra x-xogħol tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (3),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tas-26 ta’ Ġunju 2001, dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (4), id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (5), id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (6), u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (7),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta' Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta' rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha (8), u wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni COM(2011)0176 ibbażat fuq l-Artikolu 8 ta' dik id-Deċiżjoni,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri (9), u l-atti ta' emenda sussegwenti,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti (10), u r-rapport tal-Kummissjoni fuq it-traspożizzjoni legali tad-Deċiżjoni Kwadru imsemmija (COM(2004)0858),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/902/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tistabbilixxi Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN) (11),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (12), u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012 – 2016)” (COM(2012)0286),

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-fatt li l-aħjar interessi tal-minuri involuti fit-traffikar u l-każijiet ta’ migrazzjoni għandhom dejjem ikunu preokkupazzjoni ewlenija,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (13),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament għat-terroriżmu (14), u r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija Direttiva (COM(2012)0168),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-kontrolli ta' flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità (15),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (16),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (17),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (18) u r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill ibbażat fuq l-Artikolu 9 tal-imsemmija Deċiżjoni Kwadru (COM(2007)0328),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (19), u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, kif emendata (20),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (21),

    wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea COM(2013)0045 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu,

    wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea COM(2012)0085 għal Direttiva dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea COM(2010)0517 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas 2005/222/ĠAI tal-Kunsill,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa (COM(2012)0722),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-ewwel Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE (COM(2011)0790),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Il-Ġlieda kontra l-Kriminalità f'din l-Era Diġitali: Il-Ħolqien ta’ Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (COM(2012)0140),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn qafas Ewropew komprensiv għal-logħob tal-azzard online (COM(2012)0596),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Il-kejl tal-Kriminalità fl-UE: Pjan ta’ Azzjoni tal-Istatistika 2011-2015 (COM(2011)0713),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar mezzi konkreti li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa inkluż f'dak li jirrigwarda lil pajjiżi terzi (COM(2012)0351),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta' implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali (COM(2011)0573),

    wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO) tas-6 ta’ Ġunju 2011 (COM(2011)0307),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Ir-rikavat mill-kriminalità organizzata: jiġi żgurat li “l-kriminalità ma tirrendix” (COM(2008)0766),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fis-settur finanzjarju (COM(2004)0262),

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/425/KE tat-13 ta’ Ġunju 2007, li tidentifika sensiela ta’ azzjonijiet għall-infurzar tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2011 bl-isem “It-Taxxa u l-Iżvilupp – kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa” (22),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE fil-ġlieda tagħha kontra l-korruzzjoni (23), tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea (24), u tat-22 ta’ Mejju 2012 tal-Parlament Ewropew dwar l-approċċ tal-UE għal-liġi kriminali (25),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2011 dwar il-ġlieda kontra s-sajd illegali fil-livell dinji – ir-rwol tal-UE (26),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar il-logħob mixtri u l-korruzzjoni fl-isport (27),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2013 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Liġi ta’ Proċedura Amministrattiva tal-Unjoni Ewropea (28),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ 7 Ġunju 2005 dwar proposta ta’ -Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu (29),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol tal-2013 dwar il-Valutazzjoni tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji tat-taxxa (30);

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-seduti pubbliċi, tad-diskussjonijiet dwar id-dokumenti tax-xogħol u tal-iskambji ta’ opinjonijiet ma’ persuni ta’ livell għoli, kif ukoll il-missjonijiet imwettqa mid-delegazzjonijiet tal-kumitat speċjali tiegħu dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus,

    wara li kkunsidra r-risposti għall-kwestjonarju mibgħut lill-Parlamenti nazzjonali dwar ir-rwol tagħhom u l-esperjenzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus,

    wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet tematiċi tal-Onorevoli Ayala Sender, Díaz de Mera García Consuegra, McClarkin u Mitchell dwar il-kriminalità organizzata,

    wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet tematiċi tal-Onorevoli de Jong, Gabriel, Skylakakis u Weiler dwar il-korruzzjoni,

    wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet tematiċi tal-Onorevoli Borghezio u Tavares dwar il-ħasil tal-flus,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport intermedju tal-Kumitat Speċjali dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus (A7-0175/2013),

    Kriminalità organizzata, korruzzjoni u ħasil tal-flus

    A.

    billi l-Kumitat Speċjali dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus (CRIM) ingħata mandat biex jinvestiga l-firxa tal-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus bl-appoġġ tal-aqwa valutazzjonijiet tat-theddid disponibbli u biex jipproponi miżuri xierqa lill-UE biex tipprevjeni u tindirizza dan it-theddid u biex tiġġieled kontra tiegħu fil-livell internazzjonali, Ewropew u nazzjonali;

    B.

    billi l-organizzazzjonijiet kriminali tradizzjonali wessgħu gradwalment il-firxa ta’ azzjoni tagħhom fuq skala internazzjonali, filwaqt li sfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-ftuħ tal-fruntieri internazzjonali tal-Unjoni Ewroepa, kif ukoll mill-globalizzazzjoni ekonomika u mit-teknoloġiji l-ġodda u għamlu alleanzi ma’ gruppi kriminali ta’ pajjiżi oħra (bħal fil-każijiet ta’ kartelli tal-Amerka t'Isfel tad-droga u l-kriminalità organizzata li titkellem bir-Russu) biex jaqsmu swieq u żoni ta’ influwenza; billi l-gruppi tal-kriminalità qegħdin dejjem aktar jiddiversifikaw l-operazzjonijiet tagħhom, u qed jikbru rabtiet bejn it-traffikar tad-drogi, it-traffikar tal-bnedmin, il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-armi; billi r-rabta bejn it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata kulma jmur qed issir aktar organika;

    C.

    billi l-kriżi ekonomika globali mhux biss toħloq il-kondizzjonijiet li jippermettu lill-attivitajiet illegali jikbru aktar min-naħa ta’ ċerti individwi, imma twassal ukoll għal tipi ġodda ta’ attività ta’ kriminalità organizzata, bħalma huma l-frodi u l-korruzzjoni fl-isport professjonista, il-kontraffazzjoni ta’ beni tal-konsum kwotidjan bħalma hu l-ikel u l-farmaċewtiċi, il-kummerċ illegali fix-xogħol bl-irħis, u fil-kummerċ tal-bnedmin; billi bl-infiltrazzjoni tal-ekonomija legali, il-kriminalità organizzata, il-frodi u r-riċiklaġġ tal-flus għandhom effett devastanti fuq l-Istati Membri;

    D.

    billi hu rari ħafna li grupp tal-kriminalità organizzata ma jkollux dimensjoni ta’ bejn il-fruntieri u din hi l-akbar theddid inviżibbli għas-sigurtà u l-prosperità taċ-ċittadini Ewropej, li ma ġewx mgħarrfin dwar iż-żieda splussiva fil-kriminalità ta’ bejn il-fruntieri jew l-inabilità tal-awtoritajiet nazzjonali tat-twettiq tal-liġi li jiqfulha għajr milli mill-fruntieri nazzjonali tagħhom ’il ġewwa;

    E.

    billi ilha tiġi nnutata żieda fil-propensità għall-appoġġ reċiproku bejn id-diversi organizzazzjonijiet kriminali, li jirnexxielhom għalhekk – anki permezz tal-istrutturi internazzjonali l-ġodda tagħhom u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tagħhom – jegħlbu l-problema tad-differenzi lingwistiċi, etniċi jew ta’ interess kummerċjali biex jikkonverġu fi traffiki komuni li jippermettu li jitnaqqsu l-ispejjeż u jiżdiedu l-profitti;

    F.

    billi s-SOCTA tal-2013 tal-Europol jgħodd tal-inqas 3 600 organizzazzjoni kriminali attiva fl-Unjoni Ewropea, fejn jagħraf fost il-karatteristiki l-aktar mifruxa l-approċċ ta' netwerk u kooperazzjoni bejn dawn l-organizzazzjonijiet, il-preżenza qawwija tagħhom fin-nisġa ekonomika legali fil-livell internazzjonali, it-tendenza li jimpenjaw ruħhom, speċjalment l-organizzazzjonijiet il-kbar, f'diversi attivitajiet kriminali b'mod kontemporanju u l-fatt li 70 % tal-organizzazzjonijiet eżistenti għandhom affiljati ta' diversi nazzjonalitajiet, li juri n-natura transnazzjonali ta' dan il-fenomenu;

    G.

    billi l-faqar jikkostitwixxi fattur li jiffaċilita l-kriminalità organizzata peress li l-faqar jiġi sfruttat mill-organizzazzjonijiet kriminali;

    H.

    billi huwa essenzjali li jiġi eliminat il-faqar u li jitjieb l-aċċess tal-pubbliku għall-impjieg u l-protezzjoni soċjali;

    I.

    billi l-fenomeni ta’ traffikar tal-bnedmin u l-organi umani, prostituzzjoni furzata, ta’ tnaqqis ta’ skjavitù tal-bnedmin u l-istabbiliment tal-kampijiet tax-xogħol furzat huma ta’ spiss ġestiti mill-organizzazzjonijiet kriminali transnazzjonali; billi jeħtieġ b'mod urġenti monitoraġġ kostanti fuq it-traffikar internazzjonali ta' organi u fuq ir-rabtiet mal-organizzazzjonijiet kriminali; billi l-kummerċ fil-bnedmin hu forma ta' kriminalità u fenomenu li qed jinbidel malajr li jiġġenera l-profitti f’ammont li jlaħħaq mal-EUR 25 biljun kull sena u jolqot lill-Istati Membri kollha;

    J.

    billi n-numru totali ta’ ħaddiema furzati fl-Istati Membri huwa stmat għal 880 000 li minnhom 30 % huma stmati vittmi ta’ sfruttament sesswali u 70 % huma vittmi ta’ sfruttament tax-xogħol furzat, bin-nisa jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-vittmi fl-UE; billi x-xogħol furzat iħalli kadanni kbar għall-kriminalità organizzata, iwassal għal dumping soċjali u jiddanneġġja lis-soċjetà fit-telf mit-taxxa evażi;

    K.

    billi l-vittmi tal-kummerċ fil-bnedmin joriġina kemm fl-UE kemm minn barra minnha;

    L.

    billi l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jiġu impjegati, trasportati jew miżmuma bil-forza, sfurzar jew frodi bil-għan ta’ sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, inklużi t-talb għall-karità, l-iskjavitù, is-servitù, l-attivitajiet kriminali, is-servizz domestiku, l-adozzjoni jew iż-żwieġ furzat, jew it-tneħħija tal-organi; billi dawn il-vittmi jiġu sfruttati u mjassra kompletament mit-traffikanti jew l-isfruttaturi tagħhom, obbligati li jħallsuhom lura djun kbar, ta’ spiss imċaħħda mid-dokumenti tal-identità tagħhom, imsakkra, iżolati u mhedda, huma jgħixu fil-biża’ u r-ritaljazzjoni, bla flus u mbeżża’ bl-awtoritajiet lokali, huma jitilfu kull tama li jaħarbu jew li jmorru lura għal ħajja normali;

    M.

    billi huwa impossibbli li jiġu ssiġillati l-konfini esterni tal-UE;

    N.

    billi 2 000 persuna jmutu kull sena fil-Mediterran waqt li jippruvaw jidħlu fl-UE;

    O.

    billi l-vittmi, għalkemm it-traffikar tal-bnedmin jevolvi mal-bidliet fiċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi, jiġu prinċipalment minn pajjiżi jew reġjuni li huma soġġetti għal diffikultajiet ekonomiċi u soċjali u l-fatturi ta’ vulnerabbiltà ma nbidlux għal snin sħaħ; billi l-kaġunijiet l-oħra tat-traffikar tal-bnedmin jinkludu l-industrija tas-sess li qed tikber kif ukoll id-domanda għal ħaddiema u prodotti bl-irħis u billi l-fattur komuni biex isiru vittmi tat-traffikar huwa, f’termini ġenerali, l-wegħda ta’ kwalità ta’ ħajja u eżistenza aħjar għalihom stess u/jew għall-familji tagħhom;

    P.

    billi t-traffikar illeċitu (bnedmin u organi, armamenti, drogi, inklużi s-sostanzi CBRN u l-prekursuri kif ukoll d-drogi li jinxtraw b’riċetta medika, speċijiet u partijiet tal-ġisem ta’ organiżmi selvaġġi, sigaretti u tabakk, arti u prodotti oħra) għandu oriġini differenti, jagħti saħħa lil swieq kriminali ġodda fl-Ewropa kollha, joffri opportunitajiet enormi ta’ profitt lill-organizzazzjonijiet kriminali u jirrappreżenta sfida għas-sigurtà tal-fruntieri, is-suq uniku u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

    Q.

    billi l-gruppi kriminali ddiversifikaw ir-rotot għat-traffikar tad-droga u miegħu żiedu serje ta’ traffikar ieħor; billi l-Internet jipprovdi għodda u rotta ġdida kemm għall-provvista ta’ prekursuri għall-produzzjoni ta’ drogi, kif ukoll għad-distribuzzjoni ta’ sustanzi psikotropiċi; billi l-kummerċ fil-prekursuri tad-drogi, bħalma huma l-efedrina, il-psewdoefedrina, u l-anidride aċetika, ma huwiex ikkontrollat kif għandu jkun fl-Unjoni u huwa ta’ periklu serju;

    R.

    billi l-kontroll tal-kimiċi prekursuri u t-tagħmir użat fil-manifattura tad-droga sintetika huwa element ewlieni fit-tnaqqis tal-provvista tad-droga;

    S.

    billi l-kimiċi użati għal għanijiet leċiti jistgħu jitneħħew mill-kummerċ leċitu mill-organizzazzjonijiet kriminali u jintużaw bħala prekursuri tad-droga; billi fl-2008, 75 % tas-sekwestru globali ta’ anidride aċetika, il-prekursur tad-droga prinċipali għall-erojina, seħħ fl-UE u billi r-rapporti annwali mill-Bord Internazzjonali tal-Kontroll tan-Narkotiċi tan-Nazzjonijiet Uniti jkomplu jagħmlu referenza għall-miżuri fis-seħħ fl-UE li mhumiex ħorox biżżejjed biex jevitaw li din il-kimika prekursura tintuża għal għanijiet illeċiti;

    T.

    billi ħafna ċittadini tal-Unjoni jgħixu fil-faqar u l-qgħad filwaqt li l-kriminalità bejn il-fruntieri tiżdied sena wara sena;

    U.

    billi l-għadd ta’ impjiegi leġittimi fl-Unjoni mitluf minħabba fl-attività illegali tal-ġgajtiet kriminali, ma jistax jiġi kkalkolat bir-reqqa, peress li l-kriminali ma jippubblikawx rapporti, imma jista’ jiġi stmat li jlaħħaq mal-għaxriet ta’ miljuni;

    V.

    billi t-telf ta’ dħul mit-taxxa min-naħa tal-gvernijiet nazzjonali u l-Unjoni jista’, b’mod simili, jiġi biss stmat imma probabbilment ilaħħaq mal-mijiet ta’ biljuni ta’ Euro kull sena u qiegħed jiżdied;

    W.

    billi t-traffikar illegali ta’ sigaretti jipproduċi kull sena telf fit-taxxi ta’ madwar EUR 10-il biljun; billi l-fatturat stimat ġenerat mit-traffikar globali tal-armi ż-żgħar ilaħħaq bejn 170 miljun u 320 miljun dollaru Amerikan fis-sena, filwaqt li jiċċirkolaw aktar minn 10 miljun arma illegali fl-Ewropa, li joħolqu theddida gravi għas-sigrutà taċ-ċittadini kif ukoll għall-eżekuzzjoni tal-liġi; billi t-traffikar imsemmi jista’ jirrappreżenta telf fit-taxxi u ħsara għall-kumpaniji li jimmanifatturaw u jiffaċilita l-firxa ta’ forom oħra ta’ kriminalità organizzata, li min-naħa tagħhom, joħolqu theddida soċjali serja, billi dan il-fenomenu jista’ faċilment ikun fonti ta’ finanzjament għat-terroristiċi;

    X.

    Billi d-dħul tat-traffikar ta’ speċijiet u partijiet tal-ġisem ta’ organiżmi selvaġġi huwa stmat għal EUR 18 sa 26 biljun fis-sena, bl-UE tkun is-suq ta’ destinazzjoni l-aktar importanti fid-dinja;

    Y.

    billi t-traffikar iwassal għal telf fid-dħul tal-Istat, jagħmel ħsara lill-kumpaniji li jimmanifatturaw u għandu effett ħażin fuq l-impjiegi, il-pubbliku u l-ambjent soċjali;

    Z.

    billi l-kapaċità ta’ infiltrazzjoni tal-organizzazzjonijiet kriminali evolviet għaliex huma issa saru attivi f’setturi bħax-xogħlijiet pubbliċi, it-trasport, id-distribuzzjoni, l-immaniġġjar tal-iskart, it-traffikar ta' speċi selvaġġi u riżorsi naturali, sikurezza privata, intratteniment għall-adulti u bosta setturi oħrajn, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma soġġetti għal kontroll u teħid ta’ deċiżjonijiet politiku; billi, għalhekk, il-kriminalità organizzata hija dejjem aktar simili għal suġġett ekonomiku globali, b’orjentament qawwi ta’ negozju li jippermettilha tforni varjetà ta’ prodotti u servizzi illegali – imma wkoll, kulma jmur dejjem aktar, legali – fl-istess waqt u jkollha impatt fuq l-ekonomija Ewropea u globali, b’kost għan-negozju ta’ 870 biljun dollaru Amerikan fis-sena;

    AA.

    billi l-attivitajiet kriminali tat-tip organizzati u mafjużi fil-qasam ambjentali – fid-diversi forom ta' traffikar u t-tneħħija illegali ta' skart, il-qerda tal-patrimonju ambjentali, tal-pajsaġġi, artistiku u kulturali – issa ħadu dimensjoni internazzjonali tant li jeħtieġu sforz konġunt mill-pajjiżi Ewropej kollha għal azzjoni komuni aktar effikaċi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ekomafji;

    AB.

    billi l-volum finanzjarju enormi ġġenerat mill-kriminalità organizzata u n-netwerks mafjużi jmantnu l-istabbilimenti bankarji u s-swieq finanzjarji anke fi ħdan l-UE, li fil-fatt sfaw kompliċi ta' ħasil tal-flus;

    AC.

    billi l-banek internazzjonali għandhom rwol sinifikanti li jistgħu jippermettu l-ħasil tal-flus u ġew involuti direttament fil-ħasil tad-dħul tal-kriminalità organizzata;

    AD.

    billi r-rapport SOCTA ppubblikat mill-Europol fl-2013 jindika li l-kontraffazzjoni tal-komoditajiet u l-kummerċ illeċitu fil-beni jikkostitwixxi suq kriminali emerġenti intensifikat mill-kriżi ekonomika; billi t-traffikar tad-drogi għadu l-akbar suq kriminali; billi l-kummerċ illeċitu fl-iskart u l-frodi fl-enerġija huma theddidet ġodda emerġenti li jitolbu attenzjoni partikolari;

    AE.

    billi jekk għandha ssir ġlieda effikaċi kontra l-kriminalità organizzata fil-forom kollha tagħha, huwa essenzjali li jiġi żviluppati u implementati miżuri li jnaqqru r-riżorsi finanzjarji tal-organizzazzjonijiet kriminali billi tiġi attakkata s-segretezza bankarja kull fejn neċessarju;

    AF.

    billi l-organizzazzjonijiet kriminali jistgħu jieħdu vantaġġ anke minn zona griża ta’ kollużjoni ma’ terzi, billi jingħaqdu għall-fini ta’ ċerti operazzjonijiet ma’ ħaddiema tal-moħħ (impriżi, uffiċjali pubbliċi fil-livelli kollha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, politiċi, banek, professjonisti, eċċ.), li għalkemm ma jkunx jagħmlu parti mill-istruttura tal-organizzazzjonijiet kriminali, ikollhom x’jaqsmu magħhom f’negozji li jħallu l-qligħ għat-tnejn li huma;

    AG.

    billi f’xi pajjiżi Ewropej li mhumiex Stati Membri tal-UE parti kbira tas-soċjetà tibqa’ f’żona griża, u ta’ spiss jgħixu minn fuq attivitajiet kriminali; billi prinċipalment dan jinvolvi liż-żgħażagħ;

    AH.

    billi l-kriminalità organizzata saret tqis mal-mezzi ta’ operazzjoni tipiċi tagħha, apparti l-vjolenza, l-intimidazzjoni u t-terroriżmu, anke l-korruzzjoni; billi l-ħasil tal-flus hu marbut mhux biss mal-attivitajiet tipiċi tal-kriminalità organizzata, iżda wkoll mal-korruzzjoni u mar-reati fiskali; billi l-kunflitti ta’ interess jistgħu jikkawżaw korruzzjoni u frodi; billi l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, għalkemm fenomeni distinti, huma ta’ spiss karatterizzati minn interrelazzjonijiet oġġettivi; billi l-kriminalità organizzata tista’ wkoll tuża l-organizzazzjonijiet mis-settur kemm pubbliku kemm privat, inklużi l-organizzazzjonijiet mhux bi skop ta' lukru, biex ikopru l-korruzzjoni u għal skopijiet ta' riċiklaġġ ta' flus;

    AI.

    billi l-ġurnalisti investigattivi għandhom rwol importanti fil-kxif tal-korruzzjoni, il-frodi u l-kriminalità organizzata u konsegwentement jiġu esposti għal theddid finanzjarju u ta’ sigurtà partikolari; billi, pereżempju, fuq perjodu ta’ ħames snin fi ħdan is-27 Stat Membru, ġie ppubblikat total ta’ 233 rapport investigattiv dwar każijiet ta’ frodi relatati mal-użu ħażin tal-fondi tal-UE (31); billi finanzjament addizzjonali, b’mod partikolari mill-Kummissjoni u istituzzjonijiet internazzjonali oħra, huwa indispensabbli għall-appoġġ u aktar tisħiħ tal-ġurnaliżmu investigattiv;

    AJ.

    billi l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata mwettqa minn atturi Ewropej jolqtu serjament il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jirrappreżentaw ostakolu għall-iżvilupp tagħhom billi jisirqu r-riżorsi naturali, jillimitaw ir-riżorsi fiskali u jżidu d-dejn pubbliku tagħhom;

    AK.

    billi l-internet jippermetti lill-organizzazzjonijiet kriminali jaġixxu b'mod aktar rapidu u fuq skala ferm akbar u għaldaqstant immodifika l-iskemi tal-attivitajiet kriminali; billi ċ-ċiberkriminalità, l-aktar fil-forom tal-frodi u l-isfruttament tat-tfal, hi theddida li kulma jmur qiegħda tikber, filwaqt li l-organizzazzjonijiet kriminali qed jużaw l-imħatri onlajn fuq l-isport bħala għodda għall-ġenerazzjoni tal-profitti u r-riċiklaġġ tal-flus madwar id-dinja kollha;

    AL.

    billi l-iffissar tar-riżultati huwa forma ġdida ta’ kriminalità bi dħul għoli, sentenzi baxxi u, minħabba r-rati ta’ identifikazzjoni baxxi, negozju li jħalli l-qligħ għall-kriminali;

    Għad-difiża taċ-ċittadini u tal-ekonomija leċitu

    AM.

    billi d-difiża taċ-ċittadini u tal-ekonomija legali u kompetittiva tiddependi mir-rieda politika fil-livelli kollha, kif ukoll minn miżuri sħaħ għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar fil-bnedmin, il-korruzzjoni u r-riċiklaġġ tal-flus, fenomeni li jikkawżaw ħsara serja lis-soċjetà u jikkostitwixxu, b’mod partikolari, theddida għas-sopravivenza tal-imprendituri li jimxu mal-liġi, għas-sigurtà taċ-ċittadini u tal-konsumaturi u għall-prinċipji demokratiċi fundamentali tal-Istat;

    AN.

    billi l-gruppi kriminali jisfruttaw it-teknoloġiji moderni, l-ambjenti u l-opportunitajiet li jirriflettu l-opportunitajiet u l-għanijiet tan-negozju leġittimu; billi l-gruppi kriminali għandhom livelli għolja ta’ għarfien speċjalizzat, organizzazzjoni, esperjenza u sofistikazzjoni, akkumpanjati minn mobilità, konnettività u faċilità għall-ivvjaġġar akbar; billi dan wassal biex il-kriminalità organizzata tkun anqas lokalizzata u aktar probabbli li tisfrutta aktar sistemi legali u ġurisdizzjonijiet legali nazzjonali differenti minn xulxin;

    AO.

    billi skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), il-qligħ minn attivitajiet illeċiti fuq livell planetarju jammontaw għal madwar 3,6 % tal-PDG globali u li llum il-flussi ta’ flus maħsula fid-dinja huma madwar 2,7 % tal-PDG globali; billi l-Kummissjoni Ewropea tikkalkula li l-ispiża marbuta mal-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea tammonta għal kważi 120 biljun euro fis-sena, jew 1 % tal-PDG tal-UE; billi dawn huma riżorsi sinifikattivi meħuda mill-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-finanzi pubbliċi u mill-benessri taċ-ċittadini;

    AP.

    billi l-introjtu tal-attivitajiet illegali u n-netwerks finanzjarji tal-ħasil tal-flus għandhom impatt negattiv fuq l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea peress li jsaħħu l-ispekulazzjoni u l-bżieżaq finanzjarji li huma ta' ħsara għall-ekonomija reali;

    AQ.

    billi f’xi pajjiżi, il-korruzzjoni hi theddida serja għad-demokrazija u hi ostaklu għall-governanza effikaċi u ġusta; billi tiskoraġġixxi l-investiment, tagħmel distorsjoni tal-operazzjoni tas-swieq domestiċi, timpedixxi l-kompetizzjoni ġusta bejn in-negozji, u, fl-aħħar mill-aħħar, tipperikola l-iżvilupp ekonomiku billi tqassam ħażin ir-riżorsi, l-aktar bi ħsara tas-servizzi pubbliċi b'mod ġenerali u s-servizzi soċjali b'mod partikolari; billi l-komplessità burokratika, imtaqqla bir-rekwiżiti multipli u mhux neċessarji ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, tista’ tiskoraġġixxi l-imprenditorija, ixxekkel l-attività ekonomika leġittima u tagħti inċentivi għat-tixħim tal-uffiċjali u twassal għal forom oħrajn ta’ korruzzjoni;

    AR.

    billi d-differenzi fil-leġiżlazzjoni u l-infurzar fir-rigward tat-tixħim tal-uffiċjali pubbliċi jolqtu ħażin lis-suq intern, mhux biss għax m'hemmx l-istess kundizzjonijiet għall-kumpaniji imma wkoll għax tali tixħim isir fi ħdan l-Unjoni Ewropea ukoll, meta kumpaniji bbażati f’wieħed mill-Istati Membri jxaħħmu uffiċjali pubbliċi barranin ta’ Stat Membru ieħor, għaldaqstant ixekklu l-funzjonament tas-swieq;

    AS.

    billi l-korruzzjoni hija perċepita minn 74 % taċ-ċittadini Ewropej bħala problema maġġuri nazzjonali u sovranazzjonali (32), u li fenomeni ta’ korruzzjoni jeżistu f’ħafna servizzi tas-settur pubbliku; billi l-korruzzjoni timmina l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet demokratiċi u l-effikaċja tal-gvernijiet eletti fil-preżervazzjoni tal-istat tad-dritt, billi toħloq il-privileġġi u b’hekk l-inġustizzja soċjali; billi n-nuqqas ta’ fiduċja fil-politikanti jiġi enfasizzat fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika serja;

    AT.

    billi l-oqsma li fihom tiġi rrapportata korruzzjoni żgħira ogħla, f’termini ta’ perċentwal ta’ każijiet ta’ tixħim għal kull kuntatt, huma bejn wieħed u ieħor: servizzi mediċi 6,2 %, servizzi tal-artijiet 5 %, dwana 4,8 %, ġudikatura 4,2 %, pulizija 3,8 %, servizzi ta’ reġistru u permess 3,8 %, sistema edukattiva 2,5 %, utilitajiet 2,5 %, dħul mit-taxxa 1,9 %;

    AU

    billi fiz-zoni b’livell għoli ta’ kriminalità, ir-riżorsi tal-ekonomija lokali huma konfiskati illegalment mill-kriminalità organizzata u li għalhekk tiġi skoraġġuta x-xewqa normali li jsiru rabtiet imprenditorjali, inklużi investimenti minn Stati oħra; billi f’zoni bħal dawn l-aċċess għall-kreditu għall-impriżi b’saħħithom huwa aktar diffiċli bl-ispejjeż ogħla u b’garanziji akbar mitluba mill-banek; billi n-negozji li jinsabu f’diffikultà ekonomika huma xi kultant mġiegħla jduru lejn l-organizzazzjonijiet kriminali biex jiksbu l-kreditu għall-investimenti;

    AV.

    billi l-kriminalità organizzata lokalizzata tieħu vantaġġ mid-diskrepenzi fl-ekonomija legali u tista’ ssir attur importanti fil-provvediment ta’ prodotti li jintużaw kuljum; billi, oltre l-estorsjoni u l-intimidazzjoni, li jikkostitwixxu theddidiet għall-komunitajiet lokali, dan jimmina l-ekonomika legali u l-komunità kollha kemm hi, f’termini ta’ sigurtà għan-negozji u ċ-ċittadini; billi ċ-ċiberkriminalità, il-kontraffazzjoni fil-kontenut kreattiv jew it-traffikar illegali onlajn, il-pedopornografija, il-prodotti farmaċewtiċi, is-sostanzi psikotropiċi legali u l-prekursuri tad-drogi, il-komponenti, l-ispare parts u prodotti oħrajn li jintużaw komunement ta’ kuljum kif ukoll kwestjonijiet marbutin mal-jeddijiet u l-liċenzji relevanti qed jipperikolaw is-saħħa pubblika, is-sigurtà, l-impjiegi u l-istabilità soċjali u jistgħu jinfliġġu ħsara massiċċa fuq in-negozji fis-setturi kkonċernati, sa punt li jipperikola l-eżistenza kontinwata tagħhom;

    AW.

    billi r-reati li l-aktar frekwenti mwettqin fil-konfronti tas-settur agroalimentari barra milli jipperikolaw saħħet iċ-ċittadini Ewropej jipprovokaw ukoll danni kbar lil dawk il-pajjiżi li mill-eċċellenza alimentari jkunu għamlu l-forte tagħhom;

    AX.

    billi l-isfruttament sesswali tat-tfal permezz tal-internet u l-pedopornografija huma theddida kbira; billi ċ-ċiberkriminalità, partikolarment dik immotivata mill-qligħ u l-aċċess mhux awtorizzat għas-sistemi ta’ informazzjoni huma ħafna drabi assoċjati ma’ reati ta’ frodi finanzjarji; billi ċ-Ċiberkriminalità bħala Servizz (CaaS) qed tiżdied u l-ammont ta’ malware qed jikber drammatikament; billi l-korpi Ewropej ikkonċernati b’dawn il-kwestjonijiet jeħtieġu aktar finanzjament;

    AY.

    billi r-riċiklaġġ tal-flus qed jieħu forom dejjem aktar kumplessi u li diffiċilment jiġu traċċati; billi, għall-ħasil tal-flus ta’ flus maħmuġa, l-organizzazzjonijiet kriminali jinqdew dejjem aktar miċ-ċirkwit legali u illegali tal-imħatri kif ukoll mill-“iffissar” tar-riżultati ta’ avvenimenti sportivi u banek f’pajjiżi fejn fil-prattika ma jiġux sorveljati b’mod suffiċjenti t-trasferimenti tal-flus għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa; billi x-xiri tal-partiti għandu jiġi perċepit bħala forma ta’ kriminalità organizzata li tħalli l-qligħ; billi l-imħatri legali, bħala espressjoni ta’ attività imprenditorjali, għandhom ikunu appoġġjati fuq il-bażi tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

    AZ

    billi l-falsifikazzjoni tar-rekords tal-kontijiet ta’ kumpanija huma ħafna drabi strumentali għall-ħolqien ta’ likwidità mhux uffiċjali, li tnaqqas id-dħul taxxabbli u tista’ tintuża għal skopijiet ta’ korruzzjoni jew ta’ ħasil tal-flus, waqt li tolqot il-kompetizzjoni leali u tnaqqas il-kapaċità tal-Istat li jwettaq il-funzjoni soċjali tiegħu;

    BA.

    billi fi żmien ta’ awsterità, il-frodi tat-taxxa huwa stmat li jiswa lill-Istati Membri EUR 1 triljun kull sena; billi l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa mhumiex limitati għas-suq iswed imma jinsabu fl-ekonomija reali fost korporazzjonijiet magħrufa sew;

    L-eżiġenza ta’ approċċ komuni fil-livell Ewropew

    BB.

    billi ġa sar xi xogħol fil-livell Ewropew bl-iskop li jinħoloq qafas regolatorju u legali armonizzat fil-qasam tal-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus;

    BC.

    billi, l-aktar fil-każijiet ta’ kriminalità transfronterjali, il-varjetà ta’ approċċi li l-Istati Membri japplikaw għall-kriminalità u d-differenzi fid-dritt kriminali sostanzjali u proċesswali jistgħu joħolqu lakuni u punt dgħajfin fl-ordinamenti ġuridiċi kriminali, ċivili u fiskali fl-Unjoni Ewropea kollha; billi r-rifuġji fiskali, il-pajjiżi li għandhom politiki bankarji laxki u l-pajjiżi seċessjonisti fejn ma jkunx hemm awtorità ċentrali f'saħħitha saru essenzjali għar-riċiklaġġ tal-flus mill-kriminalità organizzata;

    BD.

    billi l-gruppi kriminali ta’ spiss ikollhom struttura ta’ netwerk internazzjonali, għaldaqstant, din l-istruttura internazzjonali teħtieġ rispons transkonfinali, inklużi komunikazzjoni effettiva u komprensiva u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-aġenziji nazzjonali u internazzjonali ekwivalenti;

    BE.

    billi l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u tal-euro trid tkun prijorità f'termini ta' monitoraġġ tal-fenomenu kulma jmur qed jikber li bih l-organizzazzjonijiet kriminali qed jimmiżapproprijaw il-fondi Ewropej permezz ta’ dik li tissejjaħ “Frodi komunitarja” u l-kontraffazzjoni tal-euro;

    BF.

    billi programmi bħal Erkole, Fiscalis, Dwana u Pericles ġew żviluppati fil-livell Ewropew biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE u jiġġieldu kontra l-attivitajiet kriminali u illeċiti transnazzjonali u transkonfinali;

    BG.

    billi l-akbar għadu taz-Zona tal-Euro hija d-diverġenza fil-qligħ tal-produttività fost l-Istati Membri; billi dan joħloq, fuq terminu medju u twil, diverġenza f’termini ta’ kompetittività li ma tistax tiġi trattata bi żvalutar monetarju u twassal għal programmi ta’ awsterità ħorox u insostenibbli politikament bil-għan ta’ żvalutar intern; billi korruzzjoni sistematika fis-settur pubbliku, li tfixkel bil-kbir l-effiċjenza, l-investiment dirett barrani u l-innovazzjoni, mhux qiegħda għaldaqstant tħalli funzjonament adegwat tal-unjoni monetarja;

    BH.

    billi hemm minn tal-anqas 20 miljun każ ta’ korruzzjoni żgħira fis-setturi pubbliċi fl-UE u huwa ovvju li l-fenomenu għandu wkoll effett konsekwenzjali fil-partijiet tal-amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri (u l-persuni politiċi korrespondenti) li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE u interessi finanzjarji oħra;

    BI.

    billi hemm diskrepanza sostanzjali ħafna fit-taxxa fl-Ewropa, huwa stmat li EUR 1 triljun ta’ dħul pubbliku jintilef kull sena fl-UE minħabba frodi u evitar tat-taxxa, li jirrappreżenta spiża annwali ta’ madwar EUR 2 000 għal kull ċittadin tal-Unjoni;

    BJ.

    billi, sabiex tkun ikkumbattuta l-kriminalità organizzata, il-leġiżlaturi fl-Istati Membri jridu jkunu jistgħu jirreaġixxu minnufih u effikaċement għall-istrutturi kulma jmur jinbidlu u l-forom ġodda tal-kriminalità, u aktar minn hekk billi skont it-Trattat ta' Lisbona, l-Istati Membri kollha għandhom l-obbligu jiffaċilitaw Unjoni ta' libertà sigurtà u ġustizzja;

    BK.

    billi l-approċċ Ewropew fi kwestjonijiet marbuta mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, korruzzjoni u ħasil tal-flus ma jistax ikun separat, fost l-oħrajn, mit-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija anke mal-pajjiżi terzi, mid-definizzjoni komuni ta’ tipi kriminali bħar-reat assoċjattiv ta’ marka mafjuża jew l-awtoħasil tal-flus, mill-inkriminazzjoni tal-forom kollha ta’ korruzzjoni, mir-reviżjoni ta’ ċerti mekkaniżmi b’rilevanza proċesswali bħall-preskrizzjoni, mill-previżjoni ta’ forom effikaċi ta’ konfiska tal-oġġetti tal-gruppi kriminali, mir-responsabbilizzazzjoni tal-Amministrazzjoni Pubblika, tal-politika, tal-avukati, tan-nutara, tal-aġenti immobiljari u tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni, mill-formazzjoni tal-maġistrati u tal-forzi tal-pulizija kif ukoll mill-predispożizzjoni ta’ strumenti ta’ prevenzjoni adegwati;

    BL.

    billi r-rikonoxximent reċiproku huwa rikonuxxut bħala prinċipju fundamentali li jsaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni;

    BM.

    billi l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin hija prijorità għall-UE, mis-snin 90 ’l hawn ġew żviluppati ħafna inizjattivi, miżuri u programmi ta’ finanzjament u qafas legali; u billi l-Artikolu 5 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi b’mod speċifiku t-traffikar tal-bnedmin;

    BN.

    billi, sabiex l-Istati Membri jikkooperaw biex jiffaċċjaw il-kriminalità u jaraw li s-sistemi ġudizzjarji jibdew jaħdmu tajjeb, hemm il-ħtieġa ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-UE; billi l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeħtieġ li jiġu stabbiliti standards ta’ protezzjoni minimi fl-ogħla livell possibbli;

    BO.

    billi l-liġi kriminali u s-sistemi ta’ proċedimenti kriminali tal-Istati Membri evolvew matul is-sekli; billi kull Stat Membru għandu l-karatteristiċi u l-fatturi speċjali tiegħu u billi, konsegwentement, oqsma ewlenin tal-liġi kriminali għandhom jitħallew f’idejn l-Istati Membri;

    BP.

    billi d-differenza sostanzjali bejn ix-xhieda tal-ġustizzja u l-kollaboraturi tal-ġustizzja; billi hemm id-dmir tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea li jipproteġu u jiggarantixxu lil dawk li għażlu li jieħdu pożizzjoni kontra l-kriminalità organizzata u mafjuża, billi jqegħdu ħajjithom u ħajjet l-għeżież tagħhom fil-periklu;

    BQ.

    billi, għalkemm l-offerti għall-akkwist pubbliku huma immonitorjati ferm, l-infiq ta’ wara mhuwa xejn trasparenti u hemm varjetà wiesa’ fost l-Istati Membri għad-dikjarazzjoni tal-interessi;

    Għal qafas legali omoġenu u koerenti

    1.

    Iqis li hu meħtieġ li titħejja risposta politika adegwata kontra l-preżenza tal-organizzazzjonijiet kriminali u tal-mafji fil-livell Ewropew permezz ta' pjan ta' azzjoni dettaljat u fil-ħin li jipprevedi miżuri leġiżlattivi u le, bl-għan li jitkissru dawn l-organizzazzjonijiet u li jiġu identifikati u rkuprati kull forma ta' ġid (dirett jew indirett) li tkun attribwita lilhom;

    2.

    Huwa konvint li biex tingħeleb il-kriminalità organizzata u mafjuża u jinqerdu fenomeni bħall-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus li, fil-kumplessità tagħhom, jiġġeneraw limitu għal-libertà, għad-drittijiet u s-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej u l-ġenerazzjoni futuri, jeħtieġ ukoll, minbarra l-isforz reattiv, sforz kbir tat-tip preventiv;

    3.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi standards ġuridiċi komuni u mudelli ta’ integrazzjoni u ta’ kooperazzjoni fost l-Istati Membri; jistedinha, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ rapport ta’ valutazzjoni dwar l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas dwar it-taqbida kontra l-kriminalità organizzata u l-bini fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni l-aktar avvanzata tal-Istati Membri, tressaq proposta leġiżlattiva li tiddelinea definizzjoni komuni tal-kriminalità organizzata, li għandhom jinkludu, inter alia, ir-reat tal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni ta' għamla mafjuża, tkun tissottolinja l-fatt li l-gruppi kriminali ta' din ix-xorta huma orjentati lejn in-negozju u jeżerċitaw poter ta' intimidazzjoni, filwaqt li jitqies id-dispost tal-Artikolu 2(a) tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali; jisħaq li l-proposti għal dispożizzjonijiet tal-UE għal dritt kriminali sostanzjali jridu jirrispettaw il-jeddijiet fundamentali u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, kif ukoll il-pożizzjonijiet tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar l-approċċ tal-UE rigward id-dritt kriminali;

    4.

    Jistieden lill-Kummissjoni tfassal definizzjoni komuni ta’ korruzzjoni ħalli tiżviluppa politika globali koerenti kontra l-korruzzjoni; jirrakkomanda li, meta tkun qed tfassal ir-rapport tagħha dwar l-azzjoni meħuda mill-Istati Membri kontra l-korruzzjoni, li għandu jiġi ppubblikat fl-2013, il-Kummissjoni għandha tkopri l-forom kollha ta’ korruzzjoni, kemm fis-settur pubbliku kemm f’dak privat, inklużi l-organizzazzjonijiet li m'għandhomx skop ta' lukru, billi jiġu aċċentwati l-aqwa esperjenzi nazzjonali fit-taqbida kontra tagħha, u għandhom jinkludu mod preċiż ta' kejl tal-fenomenu, ħalli tkun inkluża prospettiva sħiħa tal-oqsma vulnerabbli tal-korruzzjoni fuq bażi minn pajjiż għal pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament kif ukoll lill-Konferenza tal-Istati li huma Parti għall-UNCAC dwar l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu kemm mill-Istati Membri kemm f’livell ta’ UE, u taġġorna l-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti b’konsegwenza ta' hekk;

    5.

    Isostni li qafas normattiv effikaċi dwar kwistjonijiet ta’ ħasil tal-flus għandu jqis l-interazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus u d-dritt fundamentali ta’ protezzjoni tad-dejta personali, ħalli r-riċiklaġġ tal-flus ikun indirizzat mingħajr ma jitbaxxew l-istandards stabbiliti tal-protezzjoni tad-dejta; f’dan ir-rigward, jilqa’ s-sistema għall-protezzjoni tad-dejta użata mill-Europol;

    6.

    Jitlob lill-Kummissjoni tiddisponi, fil-proposta tagħha għall-armonizzazzjoni tad-dritt kriminali f'dak li għandu x'jaqsam mar-riċiklaġġ tal-flus, li mistennija tkun imressqa fl-2013, definizzjoni tar-reat tal-awto-riċiklaġġ imsejsa fuq l-aqwa prattiki tal-Istati Membri, u tqis bħala reati relattivi dawk ir-reati li jitqiesu gravi bħala dawk li x’aktar jwasslu profitt lill-persuni li jwettquhom;

    7.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq prorposta li tiżviluppa l-Artikolu 18 tad-Direttiwa dwar it-Traffikar tal-Bnedmin (THB) li tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkrimalizzaw l-użu tas-servizzi tal-vittmi ta’ kull forma ta’ sfruttament tat-traffikar tal-bnedmin, li t-tnejn jikkonċernaw l-isfruttament sesswali u tax-xogħol;

    8.

    Iqis li l-kundizzjonijiet u l-konsegwenzi devastanti mġarrba mill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin mhumiex aċċettabbli u jikkostitwixxu ksur kriminali tad-Drittijiet tal-Bniedem; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex it-traffikar jagħmluh anatema soċjali permezz ta’ kampanji qawwija u sostnuti ta’ sensibilizzazzjoni b’miri ċari u skedati għal tnaqqis; dawn il-kampanji għandhom jiġu evalwati annwalment fil-qafas tal-Jum Ewropew Kontra t-Traffikar, fit-18 ta’ Ottubru ta’ kull sena, kif ukoll wara ħames snin, minn issa sas-Sena Ewropea Kontra t-Traffikar;

    9.

    Jirrakkomanda lill-Istati Membri f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Parlament Ewropew u bl-appoġġ tal-Europol, l-Eurojust u l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, jiżviluppaw indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi kemm jista’ jkun omoġeni u komuni fil-livell Ewropew għall-kejl, mill-anqas, tal-portata, l-ispejjeż u l-ħsara soċjali tal-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus li jsiru fl-UE;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta' lista Ewropea tal-organizzazzjonijiet kriminali bħal-lista Ewropea tal-organizzazzjonijiet meqjusa bħala terroristi;

    11.

    Jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta' netwerk Ewropew li jgħaqqad id-diversi universitajiet li jittrattaw il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus sabiex tiġi promossa r-riċerka universitarja f'dawn l-oqsma;

    12.

    Jenfasizza l-ħtieġa tal-implementazzjoni sħiħa tal-istrumenti eżistenti ta’ għarfien reċiproku u ta’ leġiżlazzjoni Ewropea li jiddisponu dwar l-eżegwibilità tas-sentenzi ta’ kundanna u dwar l-ordnijiet ta’ konfiska fit-territorju ta’ Stati Membri li ma jkunux dawk li fihom ikunu ngħataw dawk is-sentenzi jew inħarġu dawk l-istrumenti; iqis li l-assistenza legali reċiproka u l-aċċettabilità reċiproka tal-evidenza bejn l-Istati Membri għandha tittejjeb;

    13.

    Jemmen li l-azzjonijiet għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u x-xogħol furzat għandhom jiffokaw fuq l-kawżi bażiċi bħall-inugwaljanzi globali; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu sforz akbar fl-għajnuna għall-iżvilupp u l-impenji tal-GMD;

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-SEAE biex isaħħu d-dimensjoni esterna tal-miżuri u l-programmi, inklużi l-ftehimiet bilaterali, fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin permezz ta’ azzjonijiet preventivi fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu b’attenzjoni speċjali lejn il-minorenni u t-tfal mhux akkumpanjati;

    15.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema ta’ sorveljanza affidabbli madwar l-UE, biex tissorvelja b’mod aktar effettiv il-movimenti tat-traffikanti u l-vittmi tat-traffikar;

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, bħala kwistjoni ta’ urġenza, sistema mifruxa mal-Eukollha komparabbli u affidabbli għall-ġbir tad-dejta, ibbażata fuq indikaturi komuni solidi u maqbula, flimkien mal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet internazzjonali involuti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; sabiex tiżdied il-viżibilità u l-urġenza ta’ din is-sistema tad-dejta, jista’ jkun utli li jinħoloq Osservatorju Kontra t-Traffikar fuq il-websajt ta’ Kontra t-Traffikar tal-UE li diġà ġiet attivata, bl-obbligu għall-Istituzzjonijiet kollha tal-UE u s-seba’ Aġenziji involuti li jintroduċu d-dejta tagħhom bi stedina lill-NGOs u lil istituzzjonijiet oħra sabiex jagħmlu l-istess;

    17.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet deskritti fl-istrateġija tal-UE lejn l-eliminazzjoni tat-traffikar tal-Bnedmin għall-2012-2016;

    18.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tlestija tal-linja telefonika Ewropea għall-għajnuna tal-vittmi tat-traffikar, biex tgħin ixxerred l-għarfien dwar id-drittijiet tagħhom;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddedika aktar riżorsi għall-ġlieda kontra l-użu tan-netwerking soċjali u ċ-ċiberkriminalità fit-traffikar tal-bnedmin;

    20.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid il-kooperazzjoni transkonfinali ġudizzjarja u tal-pulizija bejn l-Istati Membri u l-Aġenziji tal-UE, peress li r-reat kriminali tat-traffikar tal-bnedmin mhuwiex limitat għal Stat Membru wieħed;

    21.

    Jistieden għal rinfurzar fis-sanzjonijiet kontra l-istabbilimenti bankarji u finanzjarji li jkunu kompliċi ta' ħabi u/jew ħasil tal-introjtu tal-attivitajiet tal-kriminalità organizzata;

    Il-ġlieda kontra l-attività tal-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u l-prevenzjoni tagħhom, b’attakk fuq il-qligħ u l-ġid li tiġġenera

    22.

    f’dak li għandu x’jaqsam mal-konfiska, jistieden lill-Istati Membri, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali l-aktar avvanzati, iqisu li jimplementaw il-mudelli ta' qbid ta’ beni bħal tal-ordinamenti tad-dritt ċivili, f’dawk il-każijiet fejn, meta jitqiesu l-probabilitajiet u soġġett għall-awtorizzazzjoni ta’ qorti, jista’ jkun stabbilit li l-beni jkunu jirriżultaw mill-attivitajiet kriminali, jew jintużaw għal attivitajiet kriminali; iqis li l-mudelli preventivi ta’ konfiska jistgħu jkunu kkontemplati wara li tingħata deċiżjoni ta’ qorti, skont il-garanziji kostituzzjonali nazzjonali u mingħajr preġudizzju għall-jedd tal-proprjetà u għall-jedd tad-difiża; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-użu tal-beni kriminali għal skopijiet soċjali; jissuġġerixxi li għandhom jitwettqu azzjonijiet u li għandhom jiġu rilaxxati fondi għall-finanzjament ta’ interventi ta’ sorveljanza tal-oġġetti bl-iskop li tkun preservata l-integrità tagħhom;

    23.

    Jirrakkomanda li operatur ekonomiku għandu jkun eskluż għal mill-anqas ħames snin milli jipparteċipa fi kwalunkwe kuntratt pubbliku fl-UE jekk dak l-operatur ikun ġie assoġġettat għal priġunerija b’deċiżjoni li tkun għaddiet f’ġudikat għall-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, riċiklaġġ ta’ flus jew finanzjament terroristiku, parteċipazzjoni fl-isfruttament tat-traffikar tal-bnedmin jew tħaddim it-tfal, korruzzjoni jew reat gravi ieħor kontra l-interess pubbliku kulfejn tali reat jikkawża tnaqqis fil-ġbir tat-taxxi jew ħsara soċjali, jew xi reat partikolarment serju ieħor b’dimensjoni transfronterjali kif ikkontemplat fl-Artikolu 83(1) TFUE (“Ewroreati”), u li d-dispożizzjoni msemmija għandha tapplika ukoll fejn il-kriterji għall-esklużjoni jissussistu fil-kors tal-proċedura ta’ aġġudikazzjoni; iqis li l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku jridu jkunu msejsin fuq il-prinċipju tal-legalità, u wkoll li, f’dak il-qafas, il-kriterju tal-offerta li tkun l-aktar waħda ekonomikament vantaġġjuża għandu jkun definit ħalli tkun żgurata t-trasparenza (li tinkiseb mhux lanqas permezz tal-e-akkwist pubbliku) u jkunu prevenuti l-frodi, il-korruzzjoni u irregolaritajiet gravi oħrajn; jistieden lis-servizzi tal-Kummissjoni, jipprevedu skemi ta’ struttura jew ta’ kooperazzjoni biex jiġi żgurat approċċ ħolistiku fil-ġlieda kontra r-reati ta’ korruzzjoni fir-rigward tal-akkwisti pubbliċi;

    24.

    Jinnota r-rabta bejn l-attivitajiet tan-negozju leġittimi u dawk illeċiti, f’xi każijiet l-interessi leġittimi jipprovdu r-riżorsi għall-attivitajiet illeċiti; jenfasizza li s-sorveljanza tal-fluss tal-interessi leġittimi jista’ jgħin jidentifika l-assi kriminali;

    25.

    Iqis li, biex ikun ikkumbattut it-traffikar tad-drogi, kif ukoll reati oħrajn li huma espressjonijiet ta' kriminalità organizzata, l-azzjoni mill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-pulizija, għandhom ikun jistgħu jibbenefikaw mhux biss mill-koperazzjoni mal-Eurojust u l-Europol, imma wkoll minn arranġament ta' koperazzjoni, mingħajr preġudizzju għal dmirijiethom ta' kunfidenzjalità, man-negozji fl-oqsma tat-trasport u tal-loġistika, l-industrija tal-kimika, il-fornituri ta’ servizzi tal-internet, il-banek u s-servizzi finanzjarji, kemm fl-Istati Membri kemm fil-pajjiżi li ma humiex tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-provvista tad-drogi permezz ta’ kontroll strett tal-prekursuri tad-droga u jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (KE) Nru 273/2004, li jistipula l-modi li bihom tista’ tittejjeb il-prevenzjoni tad-devjazzjoni mill-kummerċ intern ġewwa l-UE tal-anidride aċetiku, pereżempju, billi jiġi estiż ir-rekwiżit ta’ reġistrazzjoni tagħha għal dan il-prodott;

    26.

    Jesprimi tħassib dwar l-ineffikaċja tal-istrumenti investigattivi għad-dispożizzjoni tad-diversi sistemi finanzjarji, li ma jqisux kif xieraq il-ħtieġa ta' strumentazzjoni adegwata u speċifika għall-ġlieda kontra l-organizzazzjonijiet kriminali u mafjużi; itenni l-istedina lill-Kummissjoni Ewropea, diġà ppreżentata fir-riżoluzzjoni approvata tal-25 ta' Ottubru 2011, biex tiżviluppa studju komparattiv dwar it-tekniki speċjali ta' investigazzjoni li għadhom jintużaw fid-diversi Stati Membri li jista' jkun bażi għal intervent fil-livell Ewropew bl-għan li l-awtoritajiet kompetenti jiġu pprovduti bl-istrumenti ta' investigazzjoni meħtieġa, fuq il-bażi tal-aqwa prattiki eżistenti;

    27.

    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lin-negozji jieħdu passi prattiċi ħalli jtejbu t-traċċabilità tal-prodotti (eż. tikkettar li jindika l-pajjiż tal-oriġini għall-prodotti agro-alimentari, marki ta’ prova CIP fuq l-armi tan-nar, jew kodiċijiet diġitali għall-identifikazzjoni fiskali tas-sigaretti, ix-xorb alkoħoliku u d-drogi li jinxtraw bil-preskrizzjoni) ħalli tkun mħarsa saħħet il-konsumaturi, imtejba s-sigurtà taċ-ċittadini, skoraġġit u kkumbattut it-traffikar illeċitu aktar effikaċement; jesprimi dispjaċir li l-Istati Membri ma jixtiqux jintroduċu t-traċċabbiltà fil-modernizzazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni;

    28.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-kooperazzjoni marittima tagħhom, bħala strument ta’ ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-fluss tad-droga u prodotti illegali u falsifikati permezz tal-fruntieri marittimi interni u esterni tal-Unjoni; jagħraf illi l-ġestjoni tal-fruntieri timplika wkoll dimensjoni migratorju marbuta mal-jeddijiet fundamentali tal-migranti, li jinkludu, fejn ikun xieraq, il-jedd għall-ażil, kif ukoll il-protezzjoni lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew ix-xogħol furzat u l-assistenza lill-vittmi, l-aktar lill-minorenni;

    29.

    Iqis li għandu jiġi żviluppat mingħajr dewmien pjan ta’ azzjoni mmirat lejn qafas leġiżlattiv li jkun jgħodd għall-Ewropa kollha għall-ġustizzja kriminali u l-introduzzjoni ta' għodod operattiva għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, bl-iskp li jkun hemm aktar koperazzjoni internazzjonali u bl-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3), ħalli jkun żgurat livell għoli ta’ sigurtà għaċ-ċittadini – l-aktar għan-nies vulnerabbli – , in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi filwaqt li ma jkunux ippreġudikati l-libertà tal-informazzjoni u l-protezzjoni tad-dejta;

    30.

    Jinnota bi tħassib li hemm rabta sinifikattiva li ġiet aċċentwata mill-awtoritajiet ġudizzjarji u mill-pulizija bejn il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu f’termini ta' finanzjament tal-attivitajiet illegali tal-gruppi terroristiċi permezz tar-rikavat mit-traffikar illeċitu f'livell internazzjonali; jitlob lill-Istati Membri jsaħħu l-miżuri tagħhom ħalli jikkumbattu dawn l-attivitajiet;

    31.

    Minħabba li l-kriminalità organizzata tuża l-ispazju ċibernetiku u l-għodod illeġittimi tagħha b’mod dejjem aktar estensiv, jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom ta’ sigurtà ċibernetika mingħajr aktar dewmien;

    32.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa Karta tal-UE għall-Protezzjoni u l-Għajnuna tal-Vittmi tat-Traffikar sabiex tiġbor l-indikaturi, il-miżuri, il-programmi u r-riżorsi eżistenti b’mod aktar koerenti, effiċjenti u utli għall-partijiet interessati kollha involuti bl-għan li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-vittmi; jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf linja telefonika għall-għajnuna tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

    33.

    Ifakkar lill-Kummissjoni li għandu jingħata trattament speċjali lit-tfal li huma vittmi tat-traffikar, kif ukoll biex tittejjeb il-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati jew tfal traffikati mill-familji tagħhom stess (dawn il-każijiet għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni meta jiġi propost li t-tfal jittieħdu lura lejn il-pajjiżi ta’ oriġini, l-identifikazzjoni tal-kustodji, eċċ); jinsisti fuq il-ħtieġa li jittieħed kont mhux biss tal-approċċ speċifiku tas-sessi iżda anki tar-rwol tal-problemi tas-saħħa u d-diżabilitajiet;

    34.

    Jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-riżorsi allokati lill-NGOs speċjalizzati, il-midja u r-riċerka biex jiżdiedu l-appoġġ, il-protezzjoni u l-għajnuna għall-vittmi sabiex ix-xhieda tagħhom fil-qorti issir inqas meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ukoll l-aspetti ta’ viżibilità, sensibilizzazzjoni u l-bżonnijiet tal-vittmi, bl-għan li titnaqqas id-domanda u l-abbuż għall-vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin u l-promozzjoni ta’ “viżjoni żero” kontra l-isfruttar sesswali kif ukoll tax-xogħol;

    35.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema ta’ investigazzjoni finanzjarja aktar effiċjenti u proattiva, bħala kwistjoni ewlenija biex titnaqqas il-pressjoni fuq il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin bħala xhieda ewlenin fil-provi kontra t-traffikanti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tiddedika taħriġ speċjalizzat imtejjeb u riżorsi suffiċjenti lill-aġenziji tal-UE li jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin, inkluża l-kooperazzjoni transkonfinali u l-kooperazzjoni lil hinn mill-fruntieri; ifakkar lill-Kummissjoni li dawn l-azzjonijiet jeħtieġu approċċ olistiku, li jippromwovi l-kooperazzjoni multidixxiplinari fuq livell lokali, nazzjonali u transnazzjonali, li jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu, fost affarijiet oħra, unitajiet nazzjonali ddedikati tal-intelliġenza tal-pulizija u li tiġi stimulata l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi u ta’ infurzar tal-liġi;

    It-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fil-livell Ewropew u internazzjonali

    36.

    Jisħaq dwar l-importanza li tkun intensifikata l-koperazzjoni u tissaħħaħ it-trasparenza billi jiżviluppaw kondiviżjoni effettiva tal-informazzjoni bejn l-aġenziji ġudizzjarji u dawk li jinfurzaw il-liġi bejn l-Istati Membri, il-Europol, il-Eurojust, l-OLAF u l-ENISA, u l-awtoritajiet korrispondenti fil-pajjiżi li ma humiex tal-UE u b’mod speċjali l-pajjiżi ġirien tal-UE, biex jittejbu s-sistemi ta’ ġbir tal-provi u jkun żgurat it-trattament u l-iskambju effikaċi ta’ dejta u informazzjoni utli għall-aċċertament ta’ reati, inklużi dawk kontra l-interessi finanzjarji tal-UE, b’rispett sħiħ tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, kif ukoll tad-drittijiet fundamentali tal-UE; f’dan is-sens jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex japplikaw l-istrumenti adottati fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li huma għodod importanti biex tiġi żgurata ġlieda effettiva kontra l-kriminalità organizzata transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf pjan direzzjonali għal kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija saħansitra aktar mill-qrib, bil-ħolqien ta’ korp kriminali investigattiv li jkolha ġurisdizzjoni investigattiva fuq il-ksur u r-reati fl-UE;

    37.

    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprevedi klawżoli speċifiċi ta' kooperazzjoni fil-ftehimiet ta' assoċjazzjoni u l-ftehimiet kummerċjali mal-pajjiżi terzi fir-rigward tal-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus; jieħu nota tan-nuqqas ta’ koperazzjoni internazzjonali, l-aktar mal-pajjiżi li ma humiex tal-UE u li jservu ta’ tranżitu jew huma ta’ oriġini; jagħraf il-ħtieġa ta' azzjoni diplomatika f'saħħitha li tħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi jikkuntrattaw ftehimiet ta' koperazzjoni jew jaderixxu mal-ftehimiet li jkunu ffirmaw; jisħaq dwar l-importanza tal-mekkaniżmu tal-ittri rogatorji;

    38.

    Jenfasizza li n-netwerk eżistenti ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali kontra l-korruzzjoni għandu jissaħħaħ u jiġi megħjun mill-EUROPOL, l-EUROJUST u s-CEPOL; jenfasizza li għandu jservi mhux biss bħala post għall-iskambju ta’ informazzjoni, iżda li dawn il-punti ta’ kuntatt għandhom jintużaw ukoll biex tittejjeb il-kooperazzjoni bilaterali f’każijiet konkreti ta’ tixħim ta’ uffiċjali pubbliċi barranin; jirrakkomanda li l-punti ta’ kuntatt għandhom jindirizzaw id-differenzi fl-iffissar tal-prijoritajiet, ir-riżorsi u l-kompetenza u jissenjalaw kwalunkwe problemi li jirriżultaw minn dawn id-differenzi; jenfasizza li n-netwerk għandu jinkoraġġixxi azzjonijiet ikkoordinati jekk it-tixħim reali jkun seħħ fi Stat Membru partikolari fil-livell ta’ kumpanijia sussidjarja ta’ kumpanija azzjonarja jew ta’ kumpanija holding stabbilita fi Stat Membru ieħor;

    39.

    Jistieden lill-Istati Membri, sabiex jimplimentaw malajr u b’mod komprensiv ir-regolamenti eżistenti tal-UE sabiex jagħmlu possibbli l-ġlieda komuni kontra l-kriminalità fl-Unjoni;

    40.

    Jistieden lill-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom fil-valorizzazzjoni sħiħa tal-Aġenziji Europol u Eurojust li l-funzjonament u r-riżultati tagħhom, minkejja r-riformi attwali u t-titjib meħtieġ li għandu jiġi introdott, huma dipendenti ħafna fil-livell ta' parteċipazzjoni, fiduċja u kollaborazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji nazzjonali;

    41.

    Jenfasizza li, sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata, huwa essenzjali li jkun hemm approċċ kapillari lejn il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fuq livell Ewropew, inkluż it-taħriġ u l-involviment ta’ uffiċjali u Kapijiet tal-Pulizija, speċjalment fir-rigward tal-għarfien ta’ tipi ġodda u anqas viżibbli ta’ attività kriminali; jinnota li l-kriminalità lokali spiss tirriżulta fi kriminalità internazzjonali;

    42.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw linji gwida dwar l-infurzar fir-rigward tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus; jirrakkomanda li dawn il-linjigwida jkunu jikkonsistu mill-aħjar prattiki (eż. il-ħtieġa għal persunal speċjalizzat, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet investigattivi u l-ġudikatura, il-metodi biex jingħeleb il-ġbir ta’ spiss diffiċli tal-provi), ta’ indikazzjoni ta’ livell kritiku ta’ riżorsi umani u oħrajn meħtieġa għall-prosekuzzjoni effettiva u ta’ miżuri li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni internazzjonali;

    43.

    iqis li hu ta’ importanza fundamentali li jkun hemm il-valorizzazzjoni sħiħa tas-sinerġiji eżistenti bejn in-netwerk ġudizzjarja Ewropea u l-Eurojust, għall-fini li tinstab koperazzjoni ġudizzjarja intra-Ewropea ta’ livell għoli ħafna;

    44.

    Jenfasizza l-importanza ta’ konsultazzjoni ma’ korpi reġjonali u nazzjonali ta’ infurzar tal-liġi u tas-soċjetà ċivili meta jiġu żviluppati oqfsa leġiżlattivi u regolatorji;

    45.

    Jinnota l-importanza tal-Istati Membri fi sħubija mal-Unjoni Ewropea u ma’ atturi internazzjonali, li jkollhom pjan strateġiku qawwi u fit-tul f’materji lokali u globali relatati mal-kriminalità organizzata, sabiex jiġi identifikat t-theddid ġdid, il-vulnerabilitajiet tas-suq u l-fatturi ta’ riskju u biex tinħoloq strateġija tal-UE li hija bbażata fuq l-ippjanar u mhux biss fuq ir-rispons;

    46.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu r-rwol tal-imħallfin u tal-uffiċjali ta’ kollegament u biex jipprovdu taħriġ għall-prattikanti ġudizzjarji u l-forzi tal-pulizija sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw kull forma ta’ kriminalità organizzata, korruzzjoni u riċiklaġġ tal-flus, inklużi ċ-ċiberkriminalità, speċjalment permezz tal-użu tas-CEPOL u n-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju kif ukoll permezz tal-użu sħiħ ta’ strumenti finanzjarji bħall-Fond għas-Sigurtà Interna għall-kooperazzjoni tal-pulizija jew il-Programm Hercules III; jissuġġerixxi l-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi barranin fit-taħriġ tal-forzi tal-pulizija u tal-operaturi ġudizzjarji sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transnazzjonali; jistieden biex ikun promoss programm tal-aqwa prattiki ta' skambji u taħriġ Ewropew għall-imħallfin, uffiċjali prosekuturi u għall-forzi tal-pulizija;

    47.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex ikomplu l-isforzi komuni sabiex jiffinalizzaw in-negozjati tal-abbozz tad-direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, li tissimplifika l-provi f’każijiet transkonfinali u għalhekk huwa pass importanti fit-triq lejn żona unika ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja;

    48.

    Jistieden għal kollaborazzjoni intensa fir-rigward tad-dokumenti falsifikati u l-frodi, u jitlob riflessjoni konġunta sabiex titjieb l-affidabilità u l-awtentifikazzjoni ta' dokumenti sors;

    49.

    Jittama li jitwaqqfu strutturi fil-livell nazzjonali ddedikati għall-attività investigattiva u l-ġlieda kontra l-organizzazzjonijiet kriminali u mafjużi bil-possibilità li jiġi żviluppat, bl-appoġġ tal-Europol, “netwerk operattiv kontra l-mafja” ikkaratterizzat minn persunal limitat u minn informalità, għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-karatteristiċi strutturali tal-mafji fil-pajjiż, il-prospetti kriminali u finanzjarji, il-post tal-patrimonji u t-tentattivi ta' infiltrazzjoni fl-akkwist pubbliku;

    50.

    Jemmen li l-globalizzazzjoni tal-kriminalità organizzata teħtieġ kooperazzjoni aktar b’saħħitha fost l-Istati Membri u fuq il-livell tal-UE u dak internazzjonali; jinkoraġġixxi interazzjoni akbar bejn l-Unjoni Ewropea, in-NU, l-OECD u l-Kunsill tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus bil-għan li jkunu integrati l-politiki relatati u l-formulazzjoni ta’ definizzjonijiet operattivi komuni; jappoġġja l-isforzi tal-FATF fil-promozzjoni ta' politiki favur il-ġlieda kontra il-ħasil tal-flus; iħeġġeġ lill-istess Stati Membri biex jirratifikaw u jimplimentaw b’mod sħiħ l-istrumenti internazzjonali eżistenti kollha f’dawn il-kwistjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni, biex tassisti b’mod effettiv lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jirrakkomanda li l-UE taderixxi fil-GRECO bħala parteċipant sħiħ;

    51.

    Jirrakkomanda azzjoni konġunta għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra fenomeni ta' illegalità fir-rigward tal-ambjent li huma marbuta jew ġejjin minn attività kriminali tat-tip organizzat jew mafjuż, anke permezz tat-tisħiħ tal-korpi Ewropej bħall-Europol u l-Eurojust u internazzjonali bħall-Interpol u l-UNICRI, kif ukoll permezz tal-iskambju ta' metodoloġiji ta' ħidma u ta' informazzjoni li għandhom l-Istati Membri li ħadmu bis-sħiħ fil-ġlieda kontra dan it-tip ta' kriminalità bl-għan li jkun jista' jitfassal pjan ta' azzjoni komuni;

    52.

    Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri jirratifikaw u jimplimentaw b’mod sħiħ il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) dwar il-ġlieda kontra t-tixħim ta’ uffiċjali pubbliċi barranin fit-tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali; jenfasizza l-impatt negattiv li għandu t-tixħim ta’ uffiċjali barranin fuq id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, l-ambjent u l-politiki tal-iżvilupp;

    53.

    Jistieden biex jiġi introdott l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) u jissaħħu l-istrumenti ta’ ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali bħall-iskwadri investigattivi komuni; jitlob għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi ġirien tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata li tidħol fl-UE;

    54.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji globali xierqa ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni fis-servizzi tagħhom tal-intelligence u analiżijiet li jippruvaw jidentifikaw it-tendenzi emerġenti fil-kriminalità organizzata;

    55.

    Tissaħħaħ il-kooperazzjoni fuq il-frodi tal-UE bejn is-servizzi tal-UE f’kull livell tal-Istat, inkluż f’livell reġjonali u muniċipali li għandhom rwol ewlieni fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE;

    Għal Amministrazzjoni Pubblika effiċjenti u li tiflaħ għall-korruzzjoni

    56.

    Jemmen li ma jistax ikollna unjoni ekonomika u fiskali mingħajr Unjoni kontra l-korruzzjoni;

    57.

    Jenfasizza li t-trasparenza hija l-ghadu naturali tal-Korruzzjoni, li hija kif jibdew ir-reati, u huwa konvint li d-detenturi ta’ karigi għoljin jew ta’ ġid kbir bil-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom għandhom ikunu totalment trasparenti fl-attivitajiet tagħhom;

    58.

    Iqis li burokrazija ineffiċjenti u ’l bogħod miċ-ċittadini kif ukoll proċeduri kumplessi apparti li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-effikaċja tal-azzjoni amministrattiva, jikkompromettu t-trasparenza tal-proċessi ta’ deċiżjoni, jistgħu potenzjalment jirritaw lil dawk amministrati u joffru, għalhekk, art fertili għall-korruzzjoni; iqis li, bl-istess mod, is-segretezza impenetrabbli tal-banek u tan-negozji tista’ taħbi l-profitti illeċiti tal-korruzzjoni, tar-riċiklaġġ tal-flus u tal-kriminalità organizzata;

    59.

    Jirreferi għall-Konvenzjoni ta’ Mérida kontra l-korruzzjoni (2003), u jisħaq li d-detenturi ta’ karigi għoljin jew ta’ ġid kbir bi privileġġi u immunitajiet għandhom ikunu kkontrollati, inter alia mill-awtoritajiet tat-taxxa, u kontrolli bħal dawn għandhom ikunu eżegwiti ħalli jiżguraw servizzi ġusti u effikaċi lill-komunità u bħala miżuri kontra l-frodi fiskali; jirrakkomanda b’mod partikolari li d-detenturi ta’ kariga pubblika għandhom jippreżentaw dikjarazzjonijiet ta’ beni, dħul, passività u interessi; jitlob li jkun hemm miżuri għat-tisħiħ tat-trasparenza u l-prevenzjoni permezz ta’ sistema ta’ dritt amministrattiv li jiggverna l-infiq pubbliku u l-aċċess għad-dokumenti u t-twaqqif tar-reġistri neċessarji;

    60.

    Jirrakkomanda li jiddaħħlu sistemi aktar b’saħħithom biex ikun hemm trasparenza, u tiġi eliminata l-burokrazija (żejda) mid-dipartimenti tal-gvern u minn korpi pubbliċi oħrajn bil-garanzija tal-jedd taċ-ċittadini għall-aċċess tad-dokumenti (l-ewwel fil-qasam delikat tal-akkwist pubbliku); jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-kultura tal-legalità u tal-integrità fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, anke permezz ta’ mezzi xierqa ta’ protezzjoni għall-iżvelaturi;

    61.

    Jappoġġja l-azzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tagħraf ir-rwol tal-ġurnaliżmu investigattiv fl-iskoperta u d-denunzja ta' fatti marbuta mal-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus;

    62.

    Jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw ir-rwol tal-ħaddiema fil-prevenzjoni, l-informazzjoni u l-ġlieda kontra r-riskji ta' frodi u korruzzjoni;

    63.

    Jitlob li jkun hemm regoli ċari u proporzjonati, flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ eżekuzzjoni u monitoraġġ, li jkunu speċifikati f’kodiċi ta’ mġiba għall-prevenzjoni tal-fenomenu tal-“bibien ġirevoli” jew “pantouflage”, li skontu l-uffiċjali pubbliċi li jokkupaw ċertu livell ta’ responsabbiltà manaġerjali jew finanzjarja ma jitħallewx jiċċaqilqu għas-settur privat qabel ma jgħaddi ċerti żmien definit mit-tluq tagħhom mis-servizz jekk ikun hemm riskju ta’ kunflitt ta’ interess mal-funzjoni pubblika preċedenti tagħhom; iqis ukoll li kulmeta jkun hemm riskju ta’ kunflitt ta’ interess għandhom japplikaw restrizzjoni simili għan-nies li jiċċaqilqu mis-settur privat għal dak pubbliku;

    64.

    Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti proposta dwar il-liġi tal-proċedura amministrattiva tal-Unjoni Ewropea kemm jista’ jkun malajr, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2013;

    65.

    Jemmen li reġistru ta’ lobbying huwa strument utli għat-trasparenza; jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw din l-għodda fejn ma tkunx diġà teżisti; iħeġġeġ aktar gvernijiet u amministrazzjonijiet pubbliċi biex jagħmlu r-reġistrazzjoni f’reġistru ta’ lobbying prekondizzjoni għal laqgħa ma’ organizzazzjoni ta’ negozju, interess, jew lobbying;

    66.

    Jirrimarka li l-awtoregolazzjoni bħala l-mekkaniżmu normali għall-indirizzar tal-korruzzjoni fl-isports u l-imħatri sportivi ma kinitx effettiva; jaċċentwa l-fatt li l-gvernijiet, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, huma fost l-akbar finanzjaturi tal-isport; jitlob lill-Istati Membri joħolqu kollaborazzjonijiet trasparenti mal-komunità sportiva u jippreżentaw indaġni indipendenti kompleta, ikkummissjunata mill-organiżmi governattivi nazzjonali, fuq il-korruzzjoni fl-isport;

    67.

    Iqis it-trasparenza totali tal-atti amministrattivi kollha fil-livelli kollha tal-ambitu pubbliku fundamentali għall-ġlieda kontra l-fenomeni kriminali u għall-ħarsien taċ-ċittadini kontra kull forma ta' amministrazzjoni ħażina mir-res publica; jirrifjuta kull forma ta' reżistenza min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tal-kontroll totali min-naħa taċ-ċittadini u tal-istampa tal-attivitajiet li saru bil-flus pubbliċi u fl-interess tal-komunità; iqis li fil-livell Ewropew u tal-Istati Membri individwali għandu jiġi konkretizzat impenn tanġibbli fl-iżgurar ta' trasparenza totali u fl-iżvilupp ta' forom ta' open government b'mod effikaċi u abbażi tal-aqwa prattiki eżistenti;

    68.

    Jenfasizza li t-tixħim m’għandux jinħeba bl-użu ħażin tat-terminu “pagamenti ta’ faċilitazzjoni”, li l-Konvenzjoni tal-OECD tikkunsidra bħala aċċettabbli taħt ċerti ċirkustanzi speċifiċi (pagamenti żgħar, pereżempju biex jingħata l-permess għall-ħatt tal-merkanzija fil-port); jistieden lill-Istati Membri jaqblu li jiċħdu dan il-kunċett, jew li jużawh biss f’sitwazzjonijiet estremi, u jitlob li jkun hemm tfassil ta’ linji gwida li jinterpretaw il-kunċett b’mod uniformi fl-UE; jenfasizza li la t-tixħim u lanqas l-pagamenti ta’ faċilitazzjoni ma jistgħu jitnaqqsu mit-taxxa;

    69.

    Jappoġġja l-implementazzjoni ta’ verifiki regolari dwar l-aderenza għal regoli/kodiċijiet ta’ kondotta marbutin mal-integrità u t-tqassim ta’ riżorsi suffiċjenti għal taħriġ marbut mal-integrità tal-ħaddiema taċ-ċivil;

    Għal politika aktar responsabbli

    70.

    Ifakkar lill-partiti politiċi fir-responsabilità tagħhom sabiex jipproponu l-kandidati jew ifasslu listi elettorali fil-livelli kollha u l-kompitu tagħhom ta’ sorveljanza fuq il-kwalità tal-kandidati anke permezz tal-previżjoni ta’ kodiċi tal-etika strett li għandhom jikkonformaw miegħu, inkluż kodiċi ta’ mġiba li għandu wkoll ikopri regoli ċari u trasparenti dwar id-donazzjonijiet lill-partiti politiċi;

    71.

    Jiddefendi l-prinċipju tal-ineleġibilità fil-Parlament Ewropew jew għal servizz f’istituzzjonijiet u aġenziji oħra tal-UE ta’ dawk li ġew kundannati b’mod definittiv minħabba reati ta’ kriminalità organizzata, ħasil tal-flus, korruzzjoni u reati oħra ekonomiċi jew finanzjarji gravi kontra l-interess pubbliku; jistieden biex, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità, jintuża prinċipju simili għall-parlamenti nazzjonali u pożizzjonijiet oħra li jeħtieġu elezzjoni;

    72.

    Jirrakkomanda li l-Istati Membri jintroduċu u effikaċement japplikaw, bħala element tas-sistema ta’ sanzjonijiet, istanzi ta’ ineliġibilità għal dawk misjubin ħatja ta’ korruzzjoni; iqis li dan il-kastig għandu japplika għal mill-anqas ħames snin ħalli jkopri kull tip ta’ elezzjoni; jirrakkomanda wkoll li jkun previst għall-istess perjodu l-impossibilità għal aċċess għal pożizzjonijiet mal-gvern fil-livelli kollha, inkluż f’dak tal-UE;

    73.

    Jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ ipoteżi ta’ dekadenza mill-karigi politiċi (tal-gvern u oħrajn simili) u mill-pożizzjonijiet maniġerjali u amministrattivi bħala riżultat ta’ kundanna għal reati marbutin ma’ kriminalità organizzata, korruzzjoni jew ħasil tal-flus;

    74.

    Jirrikonoxxi li l-immunitajiet li jgawdu minnhom ċerti kategoriji ta’ detenturi ta’ karigi pubbliċi u r-rappreżentanti eletti huma ostaklu ewlieni għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex inaqqsu b’mod sinifikanti l-kategoriji ta’ dawk li jibbenefikaw mill-immunità;

    75.

    Huwa favur il-previżjoni ta’ kodiċijiet etiċi għall-partiti politiċi u t-tisħiħ tat-trasparenza fil-bilanċi tal-partiti; jipproponi li l-finanzjament pubbliku tal-partiti jkun ikkontrollat aħjar u li l-abbuż u l-ħala jkunu evitati, u li l-finanzjament privat għandu jkun immonitorjat u kkontollat aħjar, ħalli jiżgura r-responsabilità politika tal-partiti politiċi u ta' dawk li jagħtuhom id-donazzjonijiet;

    76.

    Jistieden lill-Istati Membri jipprojbixxu u jissanzjonaw il-vot tal-iskambju, b’mod partikolari permezz tal-previżjoni li d-data tal-utilità kontra l-wegħda tal-vot tista’ tikkonsisti mhux biss fi flus, iżda anke f’vantaġġi oħra, inklużi dawk mhux materjali u għal terzi persuni li mhumiex direttament implikati fil-ftehim illeċitu;

    77.

    Iqis li l-pubblikazzjoni tad-dħul u l-interessi finanzjarji tal-MPE hija prattika tajba li għandha tkun estiża għall-membri parlamentari u l-politiċi nazzjonali;

    Għal ġustizzja penali aktar kredibbli

    78.

    Jirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta' ġustizzja kriminali effikaċi, effiċjenti, b'responsabilità politika u ekwilibrati li jistgħu wkoll jiggarantixxu l-preservazzjoni tal-jeddijiet tad-difiża skont il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali; jirrakkomanda wkoll il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ sorveljanza fuq l-effiċjenza tas-sistemi tal-ġustizzja penali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livell Ewropew, it-twettiq ta’ evalwazzjonijiet regolari u l-pubblikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;

    79.

    Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw ukoll miżuri nonleġiżlattivi li jikkonsolidaw il-fiduċja fost l-ordinamenti ġuridiċi differenti fl-Istati Membri, itejbu l-koerenza, u jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ kultura ġuridika komuni fl-UE b’rabta mat-taqbida kontra l-kriminalità;

    80.

    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi r-responsabbiltà legali ta’ persuni ġuridiċi f’każijiet ta’ kriminalità finanzjarja u b’mod partikolari r-responsabbiltà ta’ azjendi u tal-kumpaniji prinċipali għas-sussidjarji tagħhom; jenfasizza li din il-proposta għandha tikkjarifika r-responsabbiltà ta’ persuni fiżiċi għal reati mwettqa mill-kumpanija, jew is-sussidjarji tagħha, li għalihom jistgħu jinżammu parzjalment jew kompletament responsabbli;

    81.

    Jemmen li l-miżuri ta’ approssimazzjoni dwar il-korruzzjoni għandhom jindirizzaw id-differenzi fit-termini tal-preskrizzjoni fost l-Istati Membri, bl-iskop li jitqiesu kemm il-ħtiġiet tad-difiża kemm il-ħtieġa għal prosekuzzjoni u sejbien ta’ ħtija effikaċi u effiċjenti, u li tali preskrizzjonijiet għandhom ikunu organizzati skont l-istadji tal-proċedimenti jew l-istanza li tkun, ħalli reat jiġi preskritt biss jekk l-istadju jew il-fażi inkwestjoni ma tkunx ġiet ikkompletata f'terminu prefiss; jemmen ukoll li, soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità u l-istat tad-dritt, il-każijiet ta' korruzzjoni ma għandhomx ikunu preskritti sakemm il-proċedimenti kriminali jkunu effettivament għadhom għaddejjin;

    82.

    Huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għandha tgħaqqad mekkaniżmi ta’ konfiska tal-assi kriminali li huma effikaċi u deterrenti, sforzi mmirati biex jiżguraw li l-fuġġaski li delibertament jaħarbu l-inkjesti jsir ħaqq minnhom, bil-għan li ma jkunx permess għall-kapijiet tal-mafja nkalzrati, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji bażilari ta' jeddijiet il-ħabsin, li jkomplu jmexxu l-organizzazzjoni tagħhom u jagħtu ordnijiet lill-membri tagħhom minkejja li huma maqfula fil-ħabs;

    83.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu pieni u sanzjonijiet deterrenti u effikaċi, kemm sentenzi kriminali kif ukoll multi, inklużi multi kbar, għat-tipi kollha ta’ reati gravi li jikkawżaw ħsara lis-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini, u jirrakkomanda l-armonizzazzjoni tal-kastigi;

    84.

    Jindika, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 80, l-importanza tal-prevenzjoni tal-kriminalità u l-kriminalità organizzata, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw u jintroduċu strumenti legali u kastigi effikaċi li joffru alternattiva għall-priġunerija, bħalma huma l-multi jew is-servizz fil-komunità, fil-każijiet fejn dan ikun permess u billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, inkluża n-natura mhux gravi tar-reat;

    Għal imprenditorija aktar b’saħħitha

    85.

    Iħeġġeġ l-awtoregolazzjoni u t-trasparenza tan-negozju permezz ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ verifika bħal fost l-oħrajn reġistru pubbliku tal-lobbyists li jkunu jaħdmu fid-diversi istituzzjonijiet, sabiex jiġu evitati fenomeni ta’ korruzzjoni u ta’ kollużjoni bejn is-settur pubbliku u s-settur privat u l-prevenzjoni tal-kompetizzjoni inġusta; jirrakkomanda wkoll it-trasparenza f’oqsma, miri u tagħrif finanzjarju, fil-livell kemm nazzjonali kemm tal-UE;

    86.

    Jitlob li jkun hemm il-ħolqien ta’ listi ta’ kumpaniji akkreditati għall-awtoritajiet pubbliċi u listi ta’ dawk li ġew esklużi; jemmen li dawn tal-aħħar ikunu japplikaw fejn il-kumpaniji jkunu wrew nuqqasijiet sinifikattivi fir-rekwiżiti kontrattwali jew fejn ikun hemm kunflitt ta’ interess, kemm fl-Istati Membri jew f’livell ta’ UE;

    87.

    Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol tal-kmamar tal-kummerċ billi jipprevjenu, jagħti informazzjoni dwar, jew irażżnu l-aktar riskji frekwenti ta' riċiklaġġ tal-flus fid-dinja tan-negozju, u jimplementaw bis-sħiħ l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali;

    88.

    Ifakkar li l-ġurnaliżmu investigattiv, kif ukoll l-NGOs u l-akkademiċi li jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-operazzjonijiet tal-amministrazzjoni pubblika u tal-impriżi korporattivi, iwettqu funzjoni ta’ benefiċċju ewlenija billi jidentifikaw każijiet ta’ frodi, korruzzjoni jew inkwiet ieħor;

    89.

    Jistieden lill-impriżi jiggarantixxu t-twettiq ta’ linji-gwida interni f’dak li għandu x’jaqsam mal-appalti, ħalli jkun hemm ir-rispett tal-liġi u l-akbar trasparenza possibbli fil-proċeduri tas-sejħa għall-offerti għall-applati pubbliċi, ħalli tkun evitata kull trattazzjoni ma’ kontraenti u fornituri li jkunu raġonevolment issuspettati li jxaħħmu jew magħrufin li jagħmlu dan; lill-impriżi jistedinhom jagħtu prova ta' dovuta diliġenza fil-valutazzjoni tal-appaltaturi u fornituri potenzjali għall-fini li jkun iggarantit li jkollhom programmi effikaċi ta' kontra l-korruzzjoni; li jwasslu lill-appaltaturi u lill-fornituri l-politiki ta' kontra l-korruzzjoni; li jimmonitorjaw lill-appaltaturi u lill-fornituri prinċipali fil-kwadru tar-reviżjoni perijodika tar-rapporti li l-impriża jkollha magħhom; u li jiddisponu minn jedd ta' reċess fil-każ li fih ixaħħmu jew jaġixxu b'mod mhux konformi mal-programm tal-impriża;

    Għal sistema tal-banek u tax-xogħlijiet aktar trasparenti

    90.

    Jistieden biex jkun hemm aktar trasparenza u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sistema bankarja u max-xogħlijiet, anke finanzjarji, fl-Istati Membri kollha u ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari bl-iskop li jkunu definiti l-istrumenti informatiċi u l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi għat-traċċabilità tal-flussi finanzjarji u l-aċċertament tal-fenomeni kriminali u li jkunu definiti l-mezzi ta’ senjalazzjoni ta’ reati potenzjali;

    91.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet l-oħrajn ta’ superviżjoni jiżguraw li jkun hemm dispożizzjonijiet dwar miżuri ta' diliġenza dovuta tal-konsumatur u profili ta' riskju relattivi mill-banek, kumpaniji ta’ assikurazzjoni u istituzzjonijiet tal-kreditu ħalli jkun żgurat li l-entitajiet legali jew kumpaniji fl-Istati Membri jingħataw u jkollhom informazzjoni xierqa, preċiża u kurrenti dwar is-sidien benfiċjarji tagħhom, inklużi minn rifuġji fiskali u li r-reġistri tan-negozju jkunu aġġornati u mmonitorjati regolarment għall-kwalità; iqis li t-trasparenza tal-informazzjoni – ukoll b'mezzi ta' pubblikazzjoni ta' reġistru pajjiż b'pajjiż tal-proprjetà vera u permezz tal-koperazzjoni transfronterjali – tista' tikkontribwixxi għat-taqbida kontra fenomeni bħalma huma r-riċiklaġġ tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-frodi fisakli u l-evitar fiskali;

    92.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu l-kunċett ta’ Proprjetà Benefiċjarja fir-reġistri tan-negozju tagħhom u biex jaħdmu lejn l-inklużjoni ta’ dan il-kunċett globalment kif ukoll mekkaniżmi għall-iskambju ta’ informazzjoni;

    93.

    Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sett komuni ta’ prinċipji u linji gwida amministrattivi għall-użu xieraq tal-Prezzijiet ta’ Trasferiment;

    94.

    Jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni biex b’mod espliċitu jissemmew ir-reati tat-taxxa bħala reati li jaffermaw il-ħasil tal-flus, f’konformità mar-rakkomandazzjoni 2012 tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja-FATF; iħeġġeġ lill-UE ssaħħaħ it-trasparenza tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi u l-proċeduri tad-diliġenza dovuta mal-klijent fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (AML); jaqbel ma’ armonizzazzjoni fl-UE kollha tar-reat tal-ħasil tal-flus u jitlob li jiġu implimentati b’mod sħiħ l-istandards tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF), permezz ta’ monitoraġġ effettiv, sanzjonijiet proporzjonali u bbażati fuq salvagwardji kredibbli;

    95.

    Jirrakkomanda li ssir valutazzjoni preċiża tar-riskji marbuta mal-prodotti bankarji u finanzjarji ġodda fil-każ li jippermettu l-anonimat jew it-tħaddim mill-bogħod; barra minn hekk, jitlob li jkun hemm definizzjoni komunit tar-rifuġji fiskali, billi ta’ spissa jintużaw mill-organizzazzjonijiet kriminali għall-ħruġ ta’ titoli minn kumpaniji privati jew mill-banek li l-proprjetà benfiċjarja tagħhom mhux lakemm tiġi aċċertata;

    96.

    Jittama li jkun hemm soluzzjonijiet operattivi li, b’rispett tar-regolament dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, jippermettu lill-operaturi finanzjarji u ta’ kreditu jiżguraw l-identità tas-suġġett li jitlob li jwettaq operazzjoni, mill-mument li l-frodi marbuta ma’ serq tal-identità huma kultant marbuta mal-ħasil tal-flus; għaldaqstant jilqa’ t-twaqqif ta' unjoni bankarja;

    97.

    Jirrakkomanda l-abolizzjoni tas-sigriet bankarju;

    Sabiex il-kriminalità ma tirrendix

    98.

    Jistieden lis-suġġetti interessati kollha, pubbliċi u privati, jimpenjaw ruħhom fi ġlieda deċiża kontra l-ħasil tal-flus; jistieden li ssir assigurazzjoni bis-sħiħ tat-twettiq tal-obbligi kontra l-ħasil tal-flus min-naħa tal-professjonisti, bil-promozzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ rappurtar tal-attivitajiet suspettużi u kodiċi ta’ kondotta li jinvolvu ordnijiet professjonali u assoċjazzjonijiet ta’ kategorija;

    99.

    Jindika r-rwol essenzjali ta’ unitajiet ta’ informazzjoni finanzjarja fil-garanzija ta’ standards internazzjonali għoljin fit-taqbida kontra r-riċiklaġġ tal-flus; jirrikonoxxi l-importanza tal-istrumenti Ewropej għat-traċċabilità tal-flussi finanzjarji ħalli jkunu kkumbattuti t-theddidiet bħalma huma ċ-ċiberkriminalità, ir-riċiklaġġ tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

    100.

    Jirrakkomanda l-identifikazzjoni u l-verifika sistematiċi ta' plejers, il-projbizzjoni tal-użu ta' mezzi ta' ħlas anonimi biex jiġu riżolti imħatri fuq logħob tal-azzard li jipprevjenu l-anonimat fil-logħob tal-azzard online, kif ukoll l-identifikazzjoni tas-servers li jospitawhom u biex jipproċessaw sistemi informattivi li jippermettu l-intraċċar sħiħ tal-movimenti tal-flus magħmula permezz tal-logħob online u offline;

    101.

    Jilqa’ l-estensjoni tal-ambitu ta’ applikazzjoni proposta fl-hekk imsejħa r-raba’ Direttiva ta’ kontra l-ħasil tal-flus fis-settur tal-logħob tal-azzard; jistieden lill-Istati Membri jistipulaw qafas leġiżlattiv u miżuri xierqa kontra l-fenomeni tal-ħasil tal-flus marbutin mal-imħatri, b’mod partikolari fuq kompetizzjonijiet sportivi, billi jispeċifikaw r-reati l-ġodda bħalma huma x-xiri tal-partit marbutin mal-imħatri u jiddefinixxu livelli ta’ sanzjonijiet adegwati u jappoġġjaw mekkaniżmi ta’ monitoraġġ li jinvolvu l-federazzjonijiet sportivi, l-assoċjazzjonijiet, l-operaturi online u offline, u fejn xieraq, l-awtoritajiet nazzjonali; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi jistabbilixxu kodiċi ta’ kondotta għall-impjegati bi projbizzjoni ċara fir-rigward tal-manipulazzjoni tal-logħbiet għall-imħatri jew għal għanijiet oħra, il-projbizzjoni ta’ logħob tal-azzard fuq il-logħbiet tagħhom stess u l-obbligu li jiġi rrappurtat kwalunkwe għarfien dwar l-iffissar tar-riżultati b’mekkaniżmu adegwat għall-protezzjoni ta’ żvelatur;

    102.

    Isib li l-ħasil tal-flus permezz ta’ imħatri organizzati fuq avvenimenti sportivi spiss hija riżultat ta’ kriminalità organizzata; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva li tinkludi definizzjoni komuni ta’ reati ta’ korruzzjoni u l-frodi fl-isport; jistieden lill-Istati Membri biex ma jawtorizzawx l-organizzazzjoni ta’ imħatri dwar il-logħob mingħajr l-isfida sportiva, u li jipprojbixxu l-forom ta’ imħatri tal-isport l-aktar perikolużi; jirrakkomanda wkoll l-istabbiliment ta’ sistemi nazzjonali għar-rappurtar ta’ suspetti ta’ korruzzjoni fl-isport, bħal dawk fil-ħasil tal-flus u li jkunu soġġetti għalihom l-operaturi tal-logħob tal-azzard online u offline u l-partijiet kollha fid-dinja sportiva;

    103.

    Jenfasizza li l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-korpi regolatorji tagħhom, il-Europol u l-Eurojust għandhom jissaħħew biex jiġu miġġielda attivitajiet kriminali fil-qasam tal-attivitajiet transkonfinali tal-logħob tal-azzard online;

    104.

    Jirrikonoxxi li l-logħob online huwa mod dejjem aktar komuni għall-ħasil tal-flus li fihom ir-rebħ huwa ħafna drabi ħieles mit-taxxa, il-volumi kbar ta’ tranżazzjonijiet jagħmluha diffiċli ħafna biex jinkixfu l-flus maħmuġin u l-proċessuri ta’ ħlas numerużi jkomplu jikkumplikaw aktar is-sistema; jitlob għall-ħolqien ta’ qafas regolatorju għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz ta’ kull tip ta’ logħob tal-azzard onlajn;

    105.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jdaħħlu fid-dritt kriminali definizzjoni armonizzata tal-“iffissar tar-riżultati” u joħolqu strument ġuridiku bħala għodda għall-ġlieda kontra dan il-fenomenu, u jistabbilixxu sanzjonijiet f’dan is-sens, inklużi ammendi u konfiski, u joħolqu fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti unità speċjalizzata għall-ġlieda kontra l-fenomenu tax-xiri tal-partiti li tkun pjattaforma għall-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin fid-dawl ta’ aktar indaġnijiet u tad-deferiment lejn l-awtoritajiet ġudizzjarji;

    106.

    Jitlob għal aktar kooperazzjoni fil-livell Ewropew – ikkoordinata mill-Kummissjoni – biex jiġu identifikati u pprojbiti operaturi tal-logħob tal-azzard online li huma involuti f’attivitajiet ta’ ffissar tar-riżultati u attivitajiet illegali oħra;

    107.

    Jistieden lill-korpi governattivi tal-isports, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jinvestu f’kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-iffissar tar-riżultati tal-logħob għall-atleti dwar il-konsegwenzi legali ta’ dan ir-reat kriminali u l-effetti ta’ ħsara fuq l-integrità tal-kompetizzjonijiet sportivi;

    108.

    Jistieden li ssir armonizzazzjoni tar-rwol u l-kompetenzi tal-unitajiet tal-informazzjoni finanzjarja tal-Istati Membri, għaż-żieda fis-setgħat tagħhom u t-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejniethom;

    109.

    Jipproponi li l-Istati Membri għandhom ikunu koerenti flimkien fl-għoti tas-sentenza u fil-pieni u fis-sistemi tal-ħabs u t-taħriġ tal-persunal tal-ħabs;

    110.

    Jirrakkomanda li fir-rigward tal-ħasil tal-flus isir tisħiħ tar-rwol ta’ sorveljanza fil-livell Ewropew min-naħa tal-Awtorità Bankarja Ewropea, tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Superviżjoni, anke fid-dawl ta’ sorveljanza bankarja fl-Unjoni Ewropea li tiġġieled b’mod effikaċi fenomeni ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus fuq il-bażi ta’ regoli armonizzati fuq il-kunflitti ta’ interess u s-sistemi ta' monitoraġġ; jinsisti li, sadanittant, il-kapaċitajiet ta’ sorveljanza, il-kompetenza u d-determinazzjoni għandhom jiġu msaħħa fil-livell nazzjonali, bl-iskop li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet nazzjonali;

    111.

    Jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ standards minimi ta’ governanza tajba f’affarijiet fiskali, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattivi konġunti tal-Istati Membri skont relazzjonijiet rispettivi ma’ territorji li għandhom natura ta’ rifuġji fiskali, u dan, fost l-oħrajn, bil-għan li jkun iffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni proprjetarja ta’ kumpaniji passivi li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom hemm; jinsisti dwar l-importanza tal-komunikazzjoni msemmija tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar it-tisħiħ tar-rabta bejn il-politika tal-UE kontra l-frodi u l-politiki ta’ żvilupp, fiskali u kemmerċjali;

    112.

    Jistieden lill-Unjoni Ewropea twettaq miżuri effettivi fl-arena internazzjonali, pereżempju fil-laqgħat tal-G8 u tal-G20, bil-għan li jinqerdu reati marbuta mar-rifuġji fiskali;

    113.

    Jenfasizza li l-prinċipji ta’ tassazzjoni għandhom jinġiebu f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-OECD fir-rapport “Nindirizzaw l-erożjoni tal-bażi u ċ-ċaqliq tal-profitt”, bil-għan li l-prinċipju ġenerali ta’ tassazzjoni jkun li t-tassazzjoni għandha titwettaq fejn seħħu l-attivitajiet ekonomiċi li jiġġeneraw id-dħul, il-prinċipju tal-“oriġini tal-ġid”;

    114.

    Iqis li l-prinċipju tal-oriġini tal-ġid jagħmilha aktar faċli għall-awtoritajiet tat-taxxa biex jintaxxaw b’mod effikaċi u biex tiġi evitata l-evażjoni tat-taxxa; iqis li sistema fiskali ġusta hija indispensabbli, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi, meta l-piż tat-taxxa b’mod inġust jintefa’ fuq in-negozji żgħar u d-djar, u li l-evażjoni tat-taxxa hija parzjalment maħluqa mir-rifuġji fiskali fl-UE;

    115.

    Jenfasizza li t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa huwa vitali biex jippromwovi tkabbir sostenibbli fl-UE; jenfasizza li livelli mnaqqsa ta’ frodi u evażjoni jsaħħu l-potenzjal għat-tkabbir fl-ekonomija billi jagħmlu l-finanzi pubbliċi aktar b’saħħithom u billi jġiegħlu lill-intrapriżi jikkompetu f’kundizzjonijiet ekwi u onesti;

    116.

    Jistieden lill-kumpaniji tal-verifika u l-konsulenti legali biex iwissu lill-awtoritajiet fiskali nazzjonali dwar kwalunkwe sinjali ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa tal-kumpanija awditjata jew mogħtija parir;

    117.

    Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippromwovi l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni; madankollu, għal darb’oħra jitlob, li jkun hemm ftehim multilaterali ta’ skambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar it-taxxa li jkun vinkolanti fil-livell internazzjonali, u li jkopri wkoll it-trusts u l-fondazzjonijiet, u jinkludi sanzjonijiet għall-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u għall-istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw mar-rifuġji fiskali; iħeġġeġ lill-UE tadotta miżuri simili għall-Att tal-Istati Uniti dwar il-Waqfien tal-Abbuż mir-Rifuġji Fiskali u tqis il-possibilità li l-liċenzji bankarji jitneħħew minn istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw mar-rifuġji fiskali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi lista sewda Ewropea tar-rifuġji fiskali bbażata fuq kriterji stretti u, jekk approċċ tal-UE ma jkunx possibbli, tipproponi reġimi ta’ sanzjonijiet Ewropej fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità jew ta’ kooperazzjoni msaħħa;

    118.

    Jistieden lill-Istati Membri u l-Parlament Ewropew jilħqu ftehim malajr dwar id-direttivi tal-UE fir-rigward tat-trasparenza u tal-kontabbiltà; jistieden li, fil-futur, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi, jitwessa’ biex ikopri l-impriżi kbar kollha, irrispettivament mis-settur;

    119.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji sodi dwar is-sustanza tan-negozju sabiex ittemm il-ħolqien ta’ kumpaniji passivi jew tal-hekk imsejħa letterbox companies li jgħinu fil-prattiki legali u illegali tal-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;

    120.

    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tat-trattati tat-taxxa attwali li hemm fis-seħħ bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li jistgħu jiġu kkunsidrati rifuġji fiskali; barra minn hekk jitlob lill-Kummissjoni tissottometti proposti, inkluża r-reviżjoni ta’ kull ftehim bħal dawn, biex tindirizza din il-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta s-sejbiet tagħha u l-proposti tagħha lill-Parlament Ewropew sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2013;

    It-teknoloġiji l-ġodda għas-servizz tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

    121.

    Iqis li s-sistemi satellitari Ewropej ta’ pożizzjonament u ta’ osservazzjoni terrestri jistgħu jikkontribwixxu biex jiskopru r-rotot tal-bastimenti li jwettqu operazzjonijiet klandestini ta’ trasport, ħatt jew trasbord ta’ merkanzija illegali; jistieden għalhekk lill-awtoritajiet ġudizzjarji sabiex issir żieda fl-użu tat-teknoloġiji ġodda, inkluż kejl satellitari, bħala għodda addizzjonali għall-infurzar tal-liġi għal fenomeni kriminali;

    122.

    Jinnota li t-tkabbir globali fl-użu tal-internet ipprovda opportunitajiet ġodda għall-kriminalità fuq l-internet, bħas-serq tal-proprjetà intellettwali, il-bejgħ u x-xiri ta’ prodotti ffalsifikati u s-serq tal-identità, li jheddu l-ekonomija, is-sikurezza u s-saħħa taċ-ċittadini Ewropej;

    123.

    Jinnota li kampanji ta’ edukazzjoni, ta’ sensibilizzazzjoni u dawk pubbliċi huma essenzjali sabiex tiġi indirizzata l-problema dejjem tikber taċ-Ċiberkriminalità; jenfasizza li n-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni u ħiliet issaħħaħ il-kapaċità tal-gruppi tal-kriminalità organizzata biex jisfruttaw l-internet u l-opportunitajiet tagħha;

    124.

    Jilqa’ l-ħolqien taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) tal-Europol u jinkoraġġixxi aktar żvilupp ta’ din l-aġenzija, b’mod partikolari ħalli tiġġieled kontra l-kriminalità organizzata, ukoll fuq bażi transfrontaljera u b’koperazzjoni ta’ pajjiżi terzi.

    125.

    Jenfasizza li hemm ħtieġa urġenti biex jiġi żviluppat il-kunċett miftiehem u preċiż tat-terminu “ċiberkriminalità” li jista’ jiġi applikat għall-Istati Membri kollha fl-UE;

    126.

    Iħeġġeġ il-promozzjoni tar-riċerka dwar l-użu ta’ teknoloġiji ġodda fid-diversi sistemi ta’ kontroll użati mill-Istati Membri u l-iffaċilitar tal-applikazzjoni tagħhom; dawn jistgħu jinkludu pereżempju l-osservazzjoni u r-reġistrazzjoni online ta’ taxxa, dwana u tipi oħra ta’ kontrolli fil-post minn unitajiet ċentralizzati kontra l-korruzzjoni;

    127.

    Jinkoraġġixxi l-ħolqien ta’ sistema ta’ rappurtar uniformi tal-każijiet kollha ta’ frodi u ta’ korruzzjoni li qed jiġu mħarrka (bi protezzjoni adegwata ta’ dejta personali u l-preżunzjoni tal-innoċenza);

    Rakkomandazzjonijiet finali

    128.

    Jitlob li tinħoloq Prokura Ewropea, b’implimentazzjoni tal-Artikolu 86 tat-TFUE, b’mod partikolari għall-ġlieda kontra r-reati, tressaq il-prosekuzzjoni tagħhom u twasal għas-sentenzjar ta’ dawn ir-reati li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u r-reati transkonfinali serji; jirrakkomanda li l-Prokura Ewropea futura jkollha struttura aġli, bil-funzjonijiet ta' koordinazzjoni u ta' impuls tal-awtoritajiet nazzjonali bil-għan li tkun garantita koerenza akbar fl-investigazzjonijiet u permezz ta’ regoli uniformi ta’ proċedura; iqis li hu kruċjali li l-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta qabel Settembru 2013 li fiha tiddefinixxi b’mod ċar l-istruttura tal-Uffiċċju tal-Prokuratur Ewropew, b’referenza partikolari għall-interazzjoni mal-Europol, il-Eurojust, l-OLAF u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u li l-EPPO huwa appoġġjat minn qafas ta’ drittijiet proċedurali ċari u r-reati li fuqhom l-EPPO se jkollu l-awtorità jkunu definiti b’mod ċar;

    129.

    Huwa tal-fehma li l-Eurojust jista’ jibqa’ jieħu ħsieb ir-reati msemmija fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE, u anke, fejn hu meħtieġ, ir-reati li għandhom natura kumplimentari mat-twettiq tal-politiki tal-Unjoni, kif previst fil-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, billi tissokta l-garanzija tal-rendikontabilità f’dak li għandu x’jaqsam mal-jeddijiet demokratiċi u fundamentali issa li daqt se jkun hemm ir-reviżjoni tiegħu;

    130.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jnaqqsux il-baġit tal-Unjoni għal raġunijiet ewlenin fuq terminu qasir iżda biex jipprovdu fondi addizzjonali għall-Europol, il-Eurojust, il-Frontex u l-EPPO futur, minħabba li s-suċċess tagħhom għandu effett multiplikatur biex jitnaqqas it-telf ta’ taxxi għall-Istati Membri;

    131.

    Jixtieq jara arranġament ma’ Liechtenstein għall-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali;

    132.

    Jitlob b’fermezza lill-Istati Membri biex jadottaw kemm jista’ jkun malajr id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja sabiex tkun ċerta li t-traspożizzjoni ssir b’mod tajjeb; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex ilestu l-Pjan Direzzjonali dwar id-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati b’reati, inkluża d-Direttiva dwar id-detenzjoni preventiva;

    133.

    Jitlob pieni aktar ħorox għal parteċipazzjoni fi gruppi kriminali organizzati u għal reati marbuta mat-traffikar tad-droga u t-traffikar tal-bnedmin u tal-organi tal-bniedem;

    134.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri, kif irrakkomandat mill-UNCAC, jadottaw miżuri leġiżlattivi u oħrajn biex jistabbilixxu bħala reat, l-arrikkiment illeċitu, meta jitwettaq intenzjonalment, jiġifieri, żieda sinifikanti fl-assi ta’ uffiċjal pubbliku li dan l-uffiċjal ma jistax jispjega b’mod raġonevoli fir-rigward tad-dħul legali tiegħu;

    135.

    Jesprimi tħassib dwar il-fatt li numru ta' hekk imsejħa reati “emerġenti” – bħat-traffikar illegali ta' skart, it-traffikar illegali ta' xogħlijiet ta' arti u ta' speċi protetti u l-falsifikazzjoni ta' beni – minkejja li jirrappreżentaw attività ta’ profitt qawwi għall-organizzazzjonijiet kriminali, b’impatt soċjoambjentali u ekonomiku partikolarment negattiv u b'natura qawwija transnazzjonali, m’humiex fost l-“ewrokrimini”; iqis li dawn ir-reati għandhom ikunu adegwatament ikkunsidrati fid-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew u jipproponi wkoll li l-Kunsill, bis-saħħa tad-drittijiet skont l-Art. 83.1 TFUE, jadotta deċiżjoni li tidentifika oqsma oħra ta’ kriminalità inklużi dawk imsemmija hawn fuq;

    136.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mill-aktar fis possibbli proposta leġiżlattiva dwar programm Ewropew ta' protezzjoni għall-iżvelaturi fir-rigward tal-interessi finanzjarji transkonfinali u tal-UE marbuta mal-korruzzjoni u kwistjonijiet ta’ protezzjoni tax-xhieda u tal-kollaboraturi tal-ġustizzja li toffri, b’mod partikolari, soluzzjoni għall-kundizzjonijiet ta’ ħajja diffiċli tagħhom, mir-riskji ta’ ritaljazzjoni għad-diżintegrazzjoni tar-rabtiet familjari, mill-eradikazzjoni territorjali għall-esklużjoni soċjali u professjonali;

    137.

    Iqis li l-amministrazzjoni tax-xhieda għall-ġustizzja u l-programmi ta' protezzjoni ma jistgħux jiddependu fuq limitazzjonijiet baġitarji li jiżguraw is-sikurezza taċ-ċittadini, b’mod partikolari dawk li jkunu qalbu ħajjithom biex ikunu fuq in-naħa tal-Istat, huwa dmir li għalih l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej ma jistgħux jonqsu; jistieden lill-Istati Membri kollha biex jieħdu l-miżuri meħtieġa (leġiżlattivi jew mod ieħor) sabiex jiġu garantiti lix-xhieda tal-qorti u lill-familja tagħhom kemm is-sikurezza fiżika kif ukoll id-dritt għat-tkomplija ta’ ħajja dinjituża soċjali, professjonali, relazzjonali u ekonomika flimkien mal-appoġġ adegwat mill-istituzzjonijiet (inkluż il-previżjoni tal-assunzjoni tax-xhieda tal-qorti fl-Amministrazzjoni Pubblika);

    138.

    Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta, mill-aktar fis possibbli, il-miżuri u l-istrumenti kollha ppreżentati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “L-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016” (COM(2012)0286);

    139.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar il-Europol, kif stipulat fl-Artikolu 88(2) tat-TFUE, bil-ħsieb li jittejbu l-effiċjenza u l-effikaċja operattiva tal-Europol fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata; jenfasizza li r-riforma futura tal-aġenzija m’għandhiex ixxekkel ir-rwol uniku tas-CEPOL fl-attivitajiet ta’ taħriġ tal-UE fil-qasam tal-infurzar tal-liġi;

    140.

    Jitlob lill-Istati Membri sabiex malajr kemm jista’ jkun, jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-istrumenti legali eżistenti Ewropej u internazzjonali kollha, b’mod partikolari billi jwieġbu d-diversi sejħiet magħmula mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tat-traspożizzjoni korretta tal-bosta deċiżjonijiet qafas fis-seħħ;

    141.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-kultura tal-legalità u biex jiżdied l-għarfien tal-fenomenu tal-mafja fost iċ-ċittadini; jirrikonoxxi, f’dan is-sens, ir-rwol essenzjali li jaqdu l-assoċjazzjonijiet kulturali, rikreattivi u sportivi fejn jissensibilizzaw lis-soċjetà ċivili dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-promozzjoni tal-legalità u tal-ġustizzja;

    142.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta’ azzjoni Ewropew kontra t-traffikar tal-annimali selvaġġi, li jenfasizza riżultati ċari, kemm interni kif ukoll esterni għall-UE, sabiex jitnaqqas il-kummerċ illegali fl-ispeċi selvaġġi u fil-partijiet tal-ġisem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jwieżnu l-istrumenti ta’ kummerċ u żvilupp tagħhom biex jiġu stabbiliti programmi dedikati, b’finanzjament sostanzjali, biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tas-CITES u jiġu pprovduti r-riżorsi għall-bini tal-kapaċità kontra kaċċa illegali u t-traffikar, b’mod partikolari bl-appoġġ, it-tisħiħ u l-espansjoni ta’ inizjattivi ta’ nfurzar bħal ASEAN-WEN u HA-WEN, li għandhom l-għan li jistabbilixxu ċentri reġjonali ta’ kompetenza u jipprovdu mudelli għall-kooperazzjoni kontra l-kriminalità fuq l-annimali selvaġġi;

    143.

    Jesiġi sanzjonijiet armonizzati u severi kontra l-kuntrabandu tal-annimali selvaġġi, u tal-partijiet tal-ġisem tagħhom u tal-pjanti u s-siġar rari fl-Unjoni;

    o

    o o

    144.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali, lis-CEPOL, lill-Europol, lill-Eurojust, lill-OLAF, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OECD, lill-Interpol, lill-UNODC, lill-Bank Dinji u lill-FATF/GAFI.


    (1)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

    (2)  ĠU C 195, 25.6.1997, p. 1.

    (3)  ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42.

    (4)  ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1.

    (5)  ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45..

    (6)  ĠU L 68, 15.3.2005, p. 49.

    (7)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59.

    (8)  ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103.

    (9)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

    (10)  ĠU L 162, 20.06.2002, p. 1.

    (11)  ĠU L 321, 8.12.2009, p. 44.

    (12)  ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

    (13)  ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

    (14)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

    (15)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 9.

    (16)  ĠU L 47 tat-18.2.2004, p. 1.

    (17)  ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1.

    (18)  ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54.

    (19)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

    (20)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

    (21)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

    (22)  ĠU C 199 E, 7.7.2012., p. 37.

    (23)  ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 121

    (24)  ĠU C 131 E8.5.2013, p. 66.

    (25)  Testi adottati, P7_TA(2012)0208.

    (26)  Testi adottati, P7_TA(2011)0516.

    (27)  Testi adottati, P7_TA(2013)0098.

    (28)  Testi adottati, P7_TA(2013)0004.

    (29)  ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 254.

    (30)  Testi adottati, P7_TA(2013)0205.

    (31)  Il-Parlament Ewropew, Studju dwar id-Deterrenza tal-frodi b’fondi tal-UE permezz tal-ġurnaliżmu investigattiv fl-UE-27 (PE 490.663), tas-17 Ottubru 2012.

    (32)  Wrobarometru Speċjali 374 dwar il-Korruzzjoni, Frar 2012


    Top