This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AE4135
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions Green Infrastructure (GI) — Enhancing Europe’s Natural Capital’ COM(2013) 249 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa” COM(2013) 249 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa” COM(2013) 249 final
ĠU C 67, 6.3.2014, p. 153–156
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 67/153 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa”
COM(2013) 249 final
2014/C 67/31
Relatur: is-Sur KIENLE
Nhar it-3 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) — Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa
COM(2013) 249 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ottubru 2013.
Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'134 vot favur, u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-infrastruttura ekoloġika (IE) u l-għan tagħha li tippromovi l-proġetti tal-IE permezz ta' għadd ta' miżuri. |
1.2 |
Il-Kumitat jirrakkomanda li l-esperjenzi bl-implimentazzjoni ta' dan il-pakkett ta' miżuri jintużaw biex tiġi żviluppata l-istrateġija għall-IE mħabbra fl-Istrateġija għall-Bijodiversità sal-2020. |
1.3 |
Il-KESE jappoġġja l-għan li fil-proġetti tal-IE l-benefiċċju ekoloġiku jintrabat ma' dak ekonomiku u soċjali. L-għan hu li tinħoloq infrastruttura bi strutturi tal-pajsaġġ naturali, seminaturali, użati jew urbani li tikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u fatturi ambjentali oħra u fl-istess ħin tipprovdi servizzi rħas u sostenibbli għas-soċjetà. B'kuntrast man-netwerk Natura 2000, il-promozzjoni tal-IE ma timplikax strument legali; l-għan tal-inizjattiva tal-IE mhux li toħloq netwerk ieħor ta' protezzjoni tan-natura lil hinn min-netwerk Natura 2000. |
1.4 |
Il-KESE jinnota li r-responsabbiltà ewlenija għall-proġetti tal-IE hi f'idejn l-Istati Membri, l-aktar l-awtoritajiet tal-ippjanar reġjonali u lokali. Ir-rwol tal-UE hu l-ewwel u qabel kollox li tappoġġja l-promozzjoni tal-IE. Il-kunċett tal-IE għandu jiġi integrat minnufih u b'mod effettiv partikolarment f'oqsma ta' politika bħall-agrikoltura u l-forestrija, il-ħarsien tan-natura, il-politika tal-ilma, marittima, tas-sajd, reġjonali u ta' koeżjoni, l-ippjanar urban, il-politika dwar it-tibdil fil-klima, il-politika tat-trasport u tal-enerġija, il-protezzjoni ċivili u l-użu tal-art kif ukoll fl-istrumenti finanzjarji korrispondenti tal-UE. |
1.5 |
L-UE għandha terfa' r-responsabbiltà diretta għall-proġetti tal-IE ta' importanza Ewropea. Il-KESE jappoġġja l-proposta li, bl-istess mod bħan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni, jiġi introdott TEN-G għall-finanzjament tal-infrastruttura ekoloġika, b'lista kartografika tal-proġetti tal-IE ta' importanza Ewropea. |
1.6 |
Fil-proġetti tal-IE fil-livell reġjonali u lokali, l-atturi ewlenin huma dawk responsabbli għall-ippjanar reġjonali u lokali, il-bliet u l-muniċipalitajiet, dawk responsabbli għall-proġetti infrastrutturali f'oqsma bħall-bini tat-toroq, tal-ferroviji, tal-istrutturi idrawliċi u tal-protezzjoni mill-għargħar, il-bdiewa u l-forestiera, l-intrapriżi u l-bennejja, l-organizzazzjonijiet ambjentali tas-soċjetà ċivili u t-trejdjunjins. Dawn l-atturi għandhom jiġu msaħħa, għaliex is-suċċess tal-proġetti tal-IE jiddependi b'mod kruċjali minn jekk huma jkunux mibdija, aċċettati u appoġġjati minn dawn l-atturi. |
1.7 |
Il-KESE jemmen li hu indispensabbli li tingħata ferm aktar attenzjoni lill-parteċipazzjoni bikrija tas-soċjetà ċivili fil-proġetti tal-IE minn kif inhu l-każ fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Il-proċessi parteċipattivi tal-ippjanar bil-parteċipazzjoni bikrija taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma importanti immens. |
1.8 |
Hawnhekk wieħed irid jikkunsidra li l-proġetti tal-IE jistgħu joħolqu wkoll kunflitti bejn l-interessi leġittimi tad-diversi parteċipanti, u għalhekk iridu jiġu previsti mekkaniżmi adatti għas-soluzzjoni tal-kunflitti, għall-ibbilanċjar tal-interessi u għat-titjib tal-proġetti. Jekk tiġi mmaniġġjata b'mod tajjeb, l-IE tista' tgħin biex tnaqqas jew tegħleb il-kunflitti tradizzjonali bejn il-ħarsien u l-użu tan-natura. Il-KESE jenfasizza li għandhom jinħolqu biżżejjed inċentivi sabiex jinkoraġġixxu l-investiment privat meħtieġ. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Fid-dawl tal-valur intrinsiku tal-bijodiversità u tas-servizzi li din tipprovdi bħala kapital naturali, il-preservazzjoni u l-irkupru tad-diversità bijoloġika huma ta' importanza fundamentali għall-benesseri tal-bniedem, il-prosperità ekonomika u l-kundizzjonijiet tal-għajxien umani. Għaldaqstant, fl-Istrateġija għall-Bijodiversità sal-2020 (1) il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet l-għan li sal-2020 twaqqaf it-telf tad-diversità bijoloġika u d-deterjorazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE u li tirkupra kemm jista' jkun minnhom. L-istrateġija Ewropea għall-IE għandha, b'mod partikolari, tippromovi l-infrastrutturi ekoloġiċi. |
2.2 |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2013 "L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa" tinkludi l-punti ewlenin li ġejjin:
|
2.3 |
Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-Istrateġija għall-Bijodiversità tas-26 ta' Ottubru 2011 (2), il-KESE laqa' fil-prinċipju l-Istrateġija għall-Bijodiversità iżda kkritika n-nuqqas ta' analiżi tal-fatturi li wasslu biex l-għanijiet tal-bijodiversità ma jintlaħqux. Kien partikolarment in-nuqqas ta' rieda politika fl-Istati Membri li xekkel l-implimentazzjoni effettiva tagħhom. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
David Rose, fi Green Infrastructure. A Landscape Approach, ifisser tajjeb ferm x'inhi l-IE: l-infrastruttura ekoloġika tirreferi għall-elementi li jgħaqqdu l-ambjenti naturali u mibnija u jagħmlu l-bliet aktar abitabbli, bħal pereżempju parks, mogħdijiet, soqfa ekoloġiċi, toroq ekoloġiċi u s-siġar imħawlin fil-bliet (urban tree canopy). Fil-livell reġjonali, l-infrastruttura ekoloġika tinkludi n-netwerk ta' żoni naturali, spazji ekoloġiċi, mogħdijiet ekoloġiċi, art maħduma (agrikola u tal-foresti), u elementi oħra li jipprovdu diversi benefiċċji għas-saħħa u l-benesseri tal-bniedem u l-ekosistemi. |
3.2 |
Xi eżempji ta' IE huma:
|
3.3 |
82 % tal-art fl-UE tinsab barra min-netwerk Natura 2000. Għalhekk, huwa ċar li l-preservazzjoni u l-irkupru tad-diversità bijoloġika permezz tal-promozzjoni tal-infrastruttura ekoloġika anke lil hinn min-netwerk Natura 2000 huma b'mod ġenerali indispensabbli sew għall-effiċjenza tan-netwerk ta' żoni protetti u sew għall-provvista ta' servizzi tal-ekosistemi. B'kuntrast man-netwerk Natura 2000, il-promozzjoni tal-IE ma timplikax strument legali. Għalhekk hi ma tistax tieħu post l-implimentazzjoni tan-netwerk Natura 2000, iżda tikkomplementaha permezz ta' komponenti addizzjonali. Mill-banda l-oħra, l-għan tal-inizjattiva tal-IE mhux li toħloq netwerk ieħor ta' protezzjoni tan-natura lil hinn min-netwerk Natura 2000. Il-KESE jisħaq li l-inizjattiva tal-IE għandha sservi wkoll biex tinkoraġġixxi l-protezzjoni kooperattiva tan-natura u l-ambjent u tippromoviha fl-Istati Membri kollha. |
3.4 |
Il-KESE jenfasizza l-bżonn urġenti li s-soċjetà ċivili tipparteċipa minn kmieni u b'mod attiv fil-proġetti tal-IE, kif inhuwa previst ukoll fil-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-affarijiet ambjentali. Bosta eżempji juru kif is-suċċess tal-proġetti jiddependi ħafna minn jekk is-soċjetà ċivili tapprovahomx jew le. Għalhekk, l-approċċ minn isfel għal fuq (bottom up) u l-iżvilupp ta' sħubijiet mal-partijiet ikkonċernati fil-muniċipalitajiet, dawk responsabbli għall-proġetti infrastrutturali, l-ekonomija u t-trejdjunjins, l-agrikoltura u l-forestrija, il-politika tal-ilma u l-protezzjoni tal-kosti kif ukoll l-NGOs ambjentali għandhom ikunu ħafna aktar ċari fl-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea. |
3.5 |
Il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-IE mhijiex l-istrateġija Ewropea għall-IE mħabbra fl-Istrateġija għall-Bijodiversità sal-2020. Il-KESE jilqa' madankollu l-azzjonijiet imħabbra fil-Komunikazzjoni u jqishom bħala passi fid-direzzjoni t-tajba. L-esperjenzi bl-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri għandhom jintużaw biex tkompli tiġi żviluppata strateġija għall-IE. |
3.6 |
Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-implimentazzjoni tal-IE aktar milli jsir fil-Komunikazzjoni. Bħal fil-każ tal-Istrateġija għall-Bijodiversità, il-Komunikazzjoni ma tippreżentax analiżi ċara ta' għaliex l-infrastruttura ekoloġika ma tintużax biżżejjed. Il-gwida teknika prevista u t-titjib tal-bażi tal-informazzjoni u l-għarfien waħedhom mhux ser jeliminaw in-nuqqas ta' rieda politika f'ċerti Stati Membri rigward l-użu ta' dawn il-kunċetti. Fil-fehma tal-KESE, strateġija effikaċi tal-IE tirrikjedi monitoraġġ strett, analiżi kritika tal-miżuri fl-Istati Membri kif ukoll, jekk ikun hemm bżonn, miżuri ta' segwitu li jappoġġjaw lill-Istati Membri jew ir-reġjuni b'nuqqasijiet ċari. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni tal-IE
4.1.1 |
Ir-responsabbiltà ewlenija għall-proġetti tal-IE hi f'idejn l-Istati Membri, l-aktar l-awtoritajiet tal-ippjanar reġjonali u lokali. Ir-rwol tal-UE hawnhekk hu l-ewwel u qabel kollox wieħed ta' appoġġ billi xxandar b'mod pubbliku l-kunċett tal-IE u, kif previst fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, billi tipprovdi bażijiet adatti u aċċessibbli tal-informazzjoni u l-għarfien. Barra minn dan, l-istrumenti ta' finanzjament tal-UE għandhom influwenza qawwija fuq l-ippjanar reġjonali u lokali, u għalhekk l-integrazzjoni tal-kunċett tal-IE f'dawn l-istrumenti ta' finanzjament għandha tingħata prijorità għolja. |
4.1.2 |
L-UE għandha terfa' r-responsabbiltà diretta għal ċerti proġetti tal-IE ta' importanza Ewropea. Il-proġetti ta' dan it-tip normalment ikunu jikkonċernaw żoni transkonfinali bħall-ktajjen ta' muntanji, ix-xmajjar jew il-foresti. Il-Komunikazzjoni ssemmi l-inizjattiva Ewropea "Green Belt" bħala eżempju li rnexxa. Il-widien tax-xmajjar transkonfinali wkoll għandhom jingħataw attenzjoni speċjali bħala bażi għal IE Ewropea. Fil-każ ta' xmajjar bħad-Danubju jew l-Elbe, b'mod partikolari, li din is-sena reġgħu ġarrbu ħsarat serji minħabba l-għargħar, it-titjib tal-protezzjoni mill-għargħar permezz tal-kunċetti tal-IE jista' jwassal għall-konservazzjoni ta' żoni tal-ilma sensittivi u importanti għall-bijodiversità Ewropea kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku u turistiku. |
4.1.3 |
Il-KESE jappoġġja l-promozzjoni ta' netwerk Ewropew ta' proġetti tal-IE b'importanza Ewropea li jkun ippjanat b'mod strateġiku permezz ta' lista kartografika tal-proġetti inklużi. Fil-qafas tal-inizjattiva TEN-G, dan għandu jingħata l-istess importanza bħalma jingħataw l-inizjattivi infrastrutturali Ewropej fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni. |
4.2 It-tixrid tal-kunċett tal-IE
Il-KESE jemmen li wieħed mill-fatturi ewlenin għaliex l-IE mhix imxerrda u promossa biżżejjed hu n-nuqqas ta' għarfien dwar il-kunċett tal-IE u l-vantaġġi prattiċi tiegħu, inkluża l-possibbiltà li jitnaqqsu l-ispejjeż. Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament tistabbilixxi l-għan li tagħmel lill-partijiet interessati importanti aktar konxji tal-IE, tippromovi l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-prattiki tajbin u ttejjeb il-bażi tal-għarfien dwar l-IE. Il-midja soċjali, b'mod partikolari, toffri pjattaforma siewja għal dan il-għan. Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li f'dawn ir-relazzjonijiet pubbliċi tintuża definizzjoni ċara tal-IE li l-pubbliku jkun jista' jifhimha. Id-definizzjoni użata mill-Kummissjoni mhix adatta għal dan il-għan (3).
4.3 Il-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni speċifika fl-Istati Membri individwali
4.3.1 |
Id-disponibbiltà ta' żoni seminaturali jew urbani fi stat naturali tvarja ħafna bejn l-Istati Membri u r-reġjuni individwali. Filwaqt li f'xi reġjuni u bliet b'densità għolja ħafna mill-art hi okkupata minn "infrastruttura griża", reġjuni oħrajn għandhom żoni kbar fi stat naturali. Fil-miżuri Ewropej għall-promozzjoni tal-IE għandha ssir distinzjoni bejn ir-reġjuni fejn trid tinħoloq IE ġdida u żoni oħra fejn l-importanti hu pjuttost li jżommu u jieħdu ħsieb tal-pajsaġġi. |
4.4 L-integrazzjoni f'oqsma ta' politika ewlenin u l-istrumenti ta' finanzjament tagħhom
4.4.1 |
Il-Komunikazzjoni ġustament tagħti l-akbar prijorità lill-integrazzjoni effettiva tal-aspetti tal-IE f'firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika. |
4.4.2 |
Il-KESE jilqa' t-tħejjija ta' gwida teknika bi prinċipji u kundizzjonijiet qafas għall-inklużjoni tal-aspetti tal-IE fil-politika reġjonali u ta' koeżjoni, il-politika dwar it-tibdil fil-klima u ambjentali, il-politika tas-saħħa u tal-konsumatur kif ukoll il-Politika Agrikola Komuni, inklużi l-mekkaniżmi ta' finanzjament tagħhom. Din il-gwida għandha titlesta malajr sabiex l-Istati Membri li diġà qed jaħdmu fuq il-pjani operattivi jkunu jistgħu jużawha għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. |
4.4.3 |
L-IE ma tiddependix biss mill-investimenti pubbliċi, iżda wkoll minn dawk privati. Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn ta' inċentivi suffiċjenti għall-investimenti privati fl-IE. Il-KESE jilqa' l-proposta li tiġi stabbilita faċilità speċifika ta' finanzjament mill-UE flimkien mal-BEI. |
4.5 Il-parteċipazzjoni effettiva tas-soċjetà ċivili fl-ippjanar reġjonali u lokali
4.5.1 |
Minkejja li l-Komunikazzjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li l-IE tiġi integrata fil-ġestjoni tat-territorju reġjonali u l-ippjanar lokali, il-KESE jinnota n-nuqqas ta' miżuri konkreti fil-pjan ta' azzjoni f'dan ir-rigward. Il-ġestjoni tat-territorju, tal-pajsaġġi u tal-bini fil-livell lokali għandha impatt konsiderevoli fuq l-implimentazzjoni tal-IE, iżda minħabba l-prinċipju tas-sussidjarjetà hemm limitu fuq kemm tista' tiġi influwenzata mil-livell Ewropew. |
4.5.2 |
Il-KESE jitlob li tiġi garantita b'mod partikolari l-parteċipazzjoni bikrija tal-atturi reġjonali u lokali tas-soċjetà ċivili, li mingħajrhom il-proġetti tal-IE ma jkunux jistgħu jitwettqu jew inkella ma jirnexxux jekk ma jiġux aċċettati minnhom. Jinħtieġu proċessi tal-ippjanar parteċipattivi li jagħtu lil dawn l-atturi rwol attiv fit-tfassil. Ta' min jinnota li fil-qasam tal-IE mhux dejjem jittieħdu deċiżjonijiet li minnhom jirbaħ kulħadd, iżda kultant ċerti partijiet interessati jkollhom ibatu wkoll xi żvantaġġi (pereżempju meta l-preservazzjoni tal-IE fix-xtut tax-xmajjar jew tal-ibħra twassal għall-projbizzjoni tal-bini). L-għanijiet konfliġġenti li jirriżultaw mill-kompetizzjoni bejn it-talbiet differenti għall-użu tal-art (eż. produzzjoni tal-ikel, żoni residenzjali u infrastruttura, konnettività tal-bijotopi, bijodiversità) għandhom jiġu indirizzati b'mod ċar u jinsabu soluzzjonijiet għalihom. |
4.6 L-IE fiż-żoni urbani
4.6.1 |
Il-KESE jara potenzjal enormi għall-miżuri tal-IE fiż-żoni urbani. Hawnhekk dawn il-miżuri joħolqu vantaġġi relatati mas-saħħa, itejbu l-klima tal-bliet, joħolqu l-impjiegi u jżidu l-attraenza tal-bliet. Fil-bliet, b'mod partikolari, għandu jittejjeb l-għarfien – sa mill-iskejjel – dwar is-soluzzjonijiet tal-IE, u għandha tissaħħaħ il-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jemmen li l-interess kbir attwali fl-ortikoltura u l-agrikoltura urbani huwa sinjal ċar li ħafna ċittadini huma lesti jikkontribwixxu għal ekosistemi intatti u jipprovaw forom ġodda ta' komunitajiet u spirtu ta' komunità. |
4.7 L-integrazzjoni fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali
4.7.1 |
Hawnhekk it-tip u l-firxa tal-integrazzjoni tal-IE jiddependu ħafna mir-riżultati tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) u tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-UE għall-2014-2020. Fiż-żewġ oqsma ntlaħqu ftehimiet politiċi. Il-KESE kemm-il darba tkellem favur agrikoltura multifunzjonali u pagamenti diretti funzjonali. Sabiex l-agrikoltura Ewropea ssir aktar ekoloġika, fir-riforma agrikola li qed issir bħalissa l-pagamenti diretti ġew pereżempju marbuta ma' standards ambjentali ogħla u l-esklużjoni ta' żoni bi prijorità ekoloġika. Il-KESE ser jeżamina fil-fond id-deċiżjonijiet dwar ir-riforma tal-PAK u jikkomparahom mal-pożizzjonijiet tiegħu. |
4.7.2 |
Il-KESE jistenna li jkun hemm aktar servizzi għall-konnettività ekoloġika fil-qafas tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u b'mod partikolari fil-qafas tal-miżuri ambjentali agrikoli. Il-KESE kemm-il darba ġibed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna mill-bdiewa u l-forestiera għandhom livell għoli u pożittiv ta' affinità fejn jidħol il-ħarsien tan-natura u l-bijotopi. Ħafna proġetti pilota juru b'mod impressjonanti li bil-ħidma fi sħubija jistgħu jinkisbu riżultati pożittivi. Il-KESE jħeġġeġ li l-proġetti tal-IE jinkludu kemm iż-żoni agrikoli użati b'mod estensiv kif ukoll dawk użati b'mod intensiv li jiġu ġestiti b'użu effiċjenti tar-riżorsi. Hawnhekk għandha tingħata preferenza lill-miżuri volontarji u integrati fil-produzzjoni. Għandu jiġi sfruttat ukoll il-potenzjal tal-IE għall-iżvilupp rurali f'perspettiva soċjali u demografika. |
4.8 Ir-rabta tal-IE ma' oqsma ta' politika oħra
4.8.1 |
Il-ġestjoni integrata tal-ilmijiet u l-kosti għandha tuża b'mod kemm jista' jkun effettiv il-potenzjal tal-IE (4). |
4.8.2 |
L-ekosistemi qegħdin dejjem jeħżienu fl-UE, l-aktar għaliex qed tittieħed aktar art, qed tiġi frammentata l-art u qed jiżdied l-użu intensiv tal-art. L-IE tista' taħdem kontra dan l-iżvilupp. Hi għandha tiġi appoġġjata permezz ta' miżuri msaħħa fil-politika Ewropea dwar il-ħarsien tal-ħamrija sabiex jonqos l-użu tal-art, liema miżuri għandhom jinkludu wkoll azzjonijiet leġislattivi (5). |
4.8.3 |
L-IE sservi ta' bir tal-karbonju, l-aktar permezz tal-protezzjoni tal-ħamrija naturali. Fid-dawl tal-għan ġenerali tal-politika dwar it-tibdil fil-klima li l-ekonomija Ewropea ssir ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u b'bażi bijoloġika, huwa aktar importanti li l-ekosistemi jaħdmu sew. L-istrateġiji tal-Istati Membri dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima għandhom jikkunsidraw b'mod partikolari l-bosta użi differenti tal-IE. |
Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) COM(2011) 0244 final.
(2) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020", ĠU C 24, 28.1.2012, p. 111-116.
(3) COM(2013) 249 final, p. 3.
(4) Opinjoni tal-KESE dwar "Qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta", (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).
(5) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 'Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna' " (Punt 4.2.2) ĠU C 161, 6.6.2013, p. 77-81.