Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE1289

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rifuġji fiskali u finanzjarji: theddida għas-suq intern tal-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 229, 31.7.2012, pp. 7–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rifuġji fiskali u finanzjarji: theddida għas-suq intern tal-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 229/02

Relatur: is-Sur IOZIA

Korelatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-rifuġji fiskali u finanzjarji: theddida għas-suq intern tal-UE.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tal-24 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'144 vot favur, 30 vot kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-Unjoni Ewropea għandha tuża l-mezzi kollha possibbli sabiex issaħħaħ l-azzjoni tagħha fil-G-20, l-OECD u l-FATF (Financial Act Task Force – Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja) sabiex tneħħi l-ġurisdizzjonijiet fiskali mhux trasparenti kemm jista' jkun malajr u tobbliga lill-Istati Membri tagħha biex jiġġieldu kontra l-kriminalità li toriġina minn ħafna minnhom.

1.2   Il-progressi li saru fil-qasam tal-governanza fiskali fil-fora internazzjonali, bħall-OECD u l-G-20, m'għandhomx jimpedixxu lill-Unjoni Ewropea milli tapplika regoli aktar stretti, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-irkupru ta’ kapital trasferit barra permezz ta’ attivitajiet illegali għad-detriment tas-suq intern.

1.3   Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw miżuri li jimpedixxu l-abbuż tal-“prinċipju ta’ residenza”, permezz ta’ sistemi ta’ residenza u proprjetà fittizji, fejn kumpaniji li ma jwettqu l-ebda attività jew kumpaniji fittizji jippermettu lill-proprjetarji tagħhom ma jħallsu l-ebda taxxa fil-pajjiżi fejn jgħixu. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta ġdida dwar ir-rifuġji fiskali u finanzjarji qabel l-aħħar tas-sena u jispera li jingħelbu r-reżistenzi minn xi Stati Membri għal risposta effikaċji u inċiżiva kontra l-użu ta’ attivitajiet li għandhom l-għan li jevitaw jew jevadu s-sistemi fiskali nazzjonali.

1.4   Il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal Direttiva, COM(2012) 85 final, fejn għall-ewwel darba tressqu regoli dwar l-iffriżar u l-ikkonfiskar tad-dħul finanzjarju mir-reati fl-Unjoni Ewropea. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu inklużi r-reati relatati mat-taxxa, marbutin mal-isfruttar tar-rifuġji fiskali fi ħdan l-ambitu tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Il-proposta hija parti minn inizjattiva politika usa' li għandha l-għan li tipproteġi l-ekonomija leċita mill-infiltrazzjoni kriminali, u hija bbażata fuq l-Artikoli 82(2) u 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

1.5   Kif inhu magħruf, hemm numru kbir ta’ territorji – 44 b'kollox– li huma jew marbutin ma’ stat sovran jew huma stess jikkostitwixxu stat sovran. Anke meta m'humiex stati sovrani, dawn igawdu minn awtonomija amministrattiva sostanzjali, japplikaw regoli dwar l-eżenzjoni jew it-tnaqqis fiskali, b'informazzjoni mhux ċara dwar il-pussess u s-sors tal-kapital, kif ukoll dwar il-funzjonament tal-entitajiet finanzjarji u tal-kumpaniji kummerċjali stabbiliti fit-territorju tagħhom.

1.6   Fil-fehma tal-Kumitat, huma partikolarment tat-tmaqdir u gravi l-prattiki tal-konsulenti fiskali u legali u ta’ xi kumpaniji ta’ konsultazzjoni, li anke permezz tal-informazzjoni mxandra, joffru li jwaqqfu entitajiet legali sabiex jużaw ir-rifuġji fiskali u finanzjarji bħala mezz kif jevitaw l-obbligi li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji li jaħdmu fl-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-obbligi relatati mat-taxxa fuq il-kumpanija u t-trasparenza fit-tranżazzjonijiet tal-kumpanija u l-iffinanzjar.

1.7   Ir-rifuġji fiskali jipprovokaw distorsjonijiet fis-suq intern: għal din ir-raġuni hemm bżonn ta’ azzjoni effettiva min-naħa tal-UE, li tista' tassigura ġustizzja fiskali, timpedixxi l-opaċità li tiddistabilizza, l-evażjoni fiskali u l-korruzzjoni permezz tar-rifuġji fiskali. M'għandux jiġi eskluż li titqies l-introduzzjoni tar-reati kriminali f'dan il-qasam.

1.8   Għandhom jitneħħew l-ostakli kollha għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni bankarja bil-għan li jiġu identifikati malajr dawk li jwettqu t-tranżazzjonijiet u t-titulari tal-kontijiet bankarji. Il-kumpaniji multinazzjonali għandhom jintalbu jħejju d-dikjarazzjonijiet finanzjarji għall-perjodu ta’ kontabilità, pajjiż b'pajjiż, fejn jiġi ddikjarat il-livell tal-attivitajiet tagħhom, in-numru ta’ impjegati u l-profitti li jsiru f'kull pajjiż.

1.9   Għandu jsir progress f'dawn l-oqsma kollha, soġġetti għal kwalunkwe avvanz li jista' jsir permezz ta’ inizjattivi globali minn organizzazzjonijiet internazzjonali multilaterali, speċjalment in-NU u l-OECD. Dan kollu għandu jinkiseb f'ambjent ta’ fiduċja waqt li titfittex l-ekwivalenza tal-liġijiet u standards ġodda u ogħla ta’ kooperazzjoni internazzjonali fir-rigward tar-rifuġji fiskali.

1.10   Il-KESE jixtieq jara strateġija kkoordinata mal-pajjiżi mexxejja, l-ewwel u qabel kollox mal-Istati Uniti, sabiex jiġi adottat approċċ globali kemm jista' jkun li jirregola dan il-qasam. Fl-istess ħin, madankollu l-KESE jenfasizza li d-diffikultà li jiġi stabbilit pjan ta’ azzjoni internazzjonali maqbul m'għandu fl-ebda każ iwaqqaf jew idewwem l-azzjoni mill-Unjoni Ewropea. L-istandards Ewropej, bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva Ewropea dwar it-Tfaddil, huma l-aħjar fid-dinja. L-Att dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (The Foreign Account Tax Compliance Act - FATCA) jirrappreżenta progress sinifikanti fl-isforzi tal-Istati Uniti sabiex iżidu l-konformità mar-regoli fiskali għaċ-ċittadini Amerikani li għandhom strumenti finanzjarji u kontijiet barranin. L-awtoritajiet fiskali Amerikani qegħdin jappellaw lill-istituzzjonijiet finanzjarji barranin sabiex jgħarrfuhom “awtomatikament” bl-identità taċ-ċittadini li għandhom negozju barra l-pajjiż.

1.11   Fost il-pajjiżi Ewropej, il-Belġju għandu leġislazzjoni avvanzata ħafna bbażata fuq il-prinċipju tal-kunfidenzjalità kontra l-politika kontra r-reati. Is-segretezza sservi ta’ alibi li twarrab l-aġenda fiskali u l-iżvilupp ta’ politika kontra l-evażjoni.

1.12   Jeħtieġ li jiġu żviluppati politiki integrati sabiex jintrabtu d-diversi oqsma ta’ ħidma. L-istandards internazzjonali tal-kontabilità tfasslu sabiex jiġu protetti l-interessi tal-investituri u s-swieq: l-attenzjoni issa trid tintefa' fuq l-interess taċ-ċittadini. Ir-rwol tal-IASB – korp privat – għandu jiġi rivedut, u l-istess jgħodd għall-funzjoni tiegħu li jistabbilixxi regoli tal-kontabilità, li għandhom ikun aktar sempliċi, aċċessibbli u bi kliem ċari u trasparenti.

1.13   Il-KESE jiddispjaċih li l-awtoritajiet kollha tal-pulizija, ġudizzjarji u ekonomiċi ilhom jafu li ser ikun impossibbli li jiġu implimentati l-maġġoranza tat-tranżazzjonijiet ta’ approprjazzjoni bla dritt tal-flus pubbliċi, ta’ frodi mwettqa fil-finanzi pubbliċi li jintbagħtu lejn rifuġji fiskali, ta’ ħabi ta’ proprjetà permezz ta’ rappreżentanti fittizji, ta’ ħasil tal-flus, ta’ korruzzjoni tal-uffiċjali pubbliċi, sakemm parti minn dawn in-netwerks ma jkunx qafas tekniku-legali li jkoprihom, li jikseb profitti kbar minnhom u li, xi drabi, jista' jkun involut fl-amministrazzjoni tagħhom. Għalhekk, hija meħtieġa azzjoni tal-Unjoni f'dan il-qasam.

1.14   Il-KESE jitlob li tiġi promossa strateġija koordinata li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fiskali, speċjalment kontra l-“prattiċi abbużivi”, u huwa favur li jiġu adottati regolamenti li jillimitaw id-dritt ta’ stabbiliment fil-każ ta’ negozji ġodda purament fittizju għal finijiet fiskali biss.

2.   Introduzzjoni

2.1   Iż-żoni magħrufa bħala “rifuġji fiskali” huma postijiet fejn l-ogħla uffiċjali eżekuttivi tal-korporazzjonijiet finanzjarji u industrijali l-aktar importanti fid-dinja jitħalltu ma’ personaġġi mill-“jet-set” artistiku jew soċjali, flimkien ma’ multimiljunarji li jgħaqqdu d-dħul finanzjarju tagħhom mad-divertiment. Dawn kollha jiltaqgħu ma’ individwi pjuttost ambigwi u jużaw l-istess riżorsi finanzjarji biex jaħslu u jużaw il-kapital miksub mhux biss billi tinkiser il-leġislazzjoni attwali, iżda permezz ta’ atti kriminali u reati ekonomiċi, u li bħala gravità jestendu minn qtil sa estorsjoni, traffikar tad-droga u tal-armi, falsifikazzjoni, frodi, ingann, traffikar tal-persuni jew logħob illegali. Dawn it-territorji huma kkaratterizzati minn numru ta’ rekwiżiti komuni, bħan-nuqqas ta’ trasparenza dwar kif jiffunzjonaw u l-livell baxx ta’ tassazzjoni għal dawk li mhumiex residenti li, fil-fatt, ma jwettqu l-ebda attività f'dak it-territorju. Dan iwassal għal kompetizzjoni li tagħmel ħsara permezz ta’ struttura sigrieta, li toħloq status legali totalment nieqes mit-trasparenza.

2.2   Il-kwistjoni tar-rifuġji fiskali għandha tiġi analizzata f'termini ta’ tliet dimensjonijiet prinċipali: ir-regoli fiskali u l-opportunitajiet b'riżultat ta’ dan għall-evażjoni fiskali; l-introduzzjoni ta’ ksur fl-istruttura tal-leġislazzjoni finanzjarja bit-theddida konsegwenti għall-istabbiltà finanzjarja; in-nuqqas ta’ informazzjoni ċara u trasparenti bil-possibbiltà ta’ attivitajiet kriminali li jużaw ir-rifuġji bħala pjattaforma. Id-denominatur komuni ta’ dawn id-dimensjonijiet, li huma rispettivament preseduti mill-OECD, l-FSB u l-FATF, huwa s-segretezza jew id-diffikultà fl-aċċess għall-informazzjoni. It-tneħħija jew it-tnaqqis ta’ din l-informazzjoni li mhix ċara għandhom jippermettu t-tnaqqis konsiderevoli tal-problemi u t-theddid tar-rifuġji fiskali. Id-dibattitu dwar l-istandards li huwa għaddej bħalissa fl-OECD għandu jitkompla, bil-għan li jitnaqqas il-piż minn fuq l-awtoritajiet fiskali u legali. Ir-riskju reali huwa li jintlaħaq ftehim dwar standards li huma wisq dgħajfa jew ikkumplikati, sempliċiment bħala mod kif tiġi sodisfatta l-opinjoni pubblika (window dressing). L-iktar soluzzjoni sempliċi sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi tkun l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni.

2.3   Il-fenomenu tar-rifuġji finanzjarji u fiskali huwa parti mill-istorja tal-kapitaliżmu u jeżistu eżempji li jmorru lura għat-tmiem il-Medju Evu. Ir-revoluzzjoni Franċiża u industrijali kienu punt kruċjali li aċċellera l-bidu u l-konsolidazzjoni tar-rifuġji fiskali.

2.4   Il-fenomenu issa kiber għal proporzjonijiet enormi wara t-Tieni Gwerra Dinjija u nxtered fil-partijiet kollha tad-dinja: il-Paċifiku, il-Karibew u l-gżejjer tal-Atlantiku, iżda wkoll fi Stati Ewropej żgħar u minuskoli. Fl-hekk imsejħa rifuġji fiskali, finanzjarji u korporattivi biss mxerrda mal-Ewropa, huwa kkalkulat li ġew stabbiliti miljun kumpanija u żewġ miljuni kumpaniji ta’ “trust”. Skont Raymond Baker, id-direttur tal-Global Finance Integrity, fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi biss hemm irreġistrati 619 916 kumpanija, ugwali għal 20 kull abitant.

2.5   Ix-xena ekonomika attwali hija kkaratterizzata mill-globalizzazzjoni tal-kummerċ fl-oġġetti u s-servizzi, il-moviment liberu tal-kapital u l-użu kbir tat-teknoloġiji ġodda applikati għat-tranżazzjonijiet finanzjarji internazzjonali u kummerċjali. Għalkemm ħafna istituzzjonijiet finanzjarji għandhom dipartimenti ta’ konformità, m'hemmx biżżejjed regoli li jirregolaw il-volum enormi ta’ tranżazzjonijiet li jsiru kuljum.

2.6   Is-suq intern Ewropew, il-funzjonament xieraq tas-swieq finanzjarji u kummerċjali u l-iżvilupp b'saħħtu ta’ ekonomija li tirrispetta r-regoli komuni adottati sabiex jiġi ssalvagwardjat l-interess ġenerali, iridu jiffaċċjaw ammonti enormi ta’ flus riżervati f'żoni u pajjiżi ta’ konvenjenza, protetti minn interessi enormi u huma kapaċi jikkorrompu u jgħawġu gvernijiet sħaħ għall-finijiet tagħhom.

2.7   Ir-rifuġji fiskali jintroduċu distorsjonijiet kemm fil-livell makroekonomiku kif ukoll f'dak mikroekonomiku. Kif indikat qabel, fil-livell makroekonomiku jistgħu jkunu ta’ theddida għall-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jkun hemm evażjoni jew li tiġi evitata t-taxxa fuq l-investimenti reali u/jew finanzjarji tnaqqas id-dħul tal-istat, li b'mod inevitabbli għandu jiġi rkuprat permezz tat-taxxa fuq id-dħul finanzjarju: b'konsegwenza r-rifuġji fiskali huma sors ta’ xkil għall-bilanċ tajjeb bejn it-taxxa fuq il-kapital u fuq l-impjieg. Fil-livell mikroekonomiku, id-distorsjoni sseħħ bejn l-intrapriżi kbar, żgħar u dawk mikro: għal dawn it-tliet tipi, fil-fatt, il-possibbiltà li jisfruttaw l-opportunitajiet li jipprovdu r-rifuġji fiskali għall-evażjoni – jew għall-inqas l-ippjanar fiskali aggressiv – hija żgħira ħafna.

2.8   Matul l-ewwel għaxar snin tas-Seklu XXI, minħabba ż-żewġ diżastri li laqtu lillIstati Uniti – l-attakki kriminali tal-11 ta’ Settembru 2001 fi New York u Washington u l-kriżi finanzjarja kkawżata mill-falliment tal-Lehman Brothers f'Settembru 2008 – il-komunità internazzjonali aġixxiet sabiex jiġi rregolat kif jaħdmu l-hekk imsejħa “rifuġji finanzjarji u fiskali”.

3.   Rifuġji finanzjarji u fiskali

3.1   Il-konsegwenzi dannużi li jirriżultaw minn dawn l-iskemi, f'ħafna każijiet, wasslu għal proċeduri kriminali b'rabta mal-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali u l-kriminalità organizzata, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, li ħolqu riskji sistemiċi fis-swieq finanzjarji u dgħajfu l-prinċipji fundamentali tal-kompetizzjoni ħielsa, fost oħrajn.

3.2   Konsegwentement, kif ġie msemmi hawn fuq, f'dawn l-aħħar snin ġew introdotti azzjonijiet fil-livell globali u ġie deċiż li jiġu stabbiliti strutturi u mekkaniżmi ta’ reazzjoni komuni għat-theddid għas-sigurtà tal-istati u l-benesseri taċ-ċittadini tagħhom.

Fost id-diversi deċiżjonijiet li ttieħdu fuq livell internazzjonali, il-ftehim li ntlaħaq fis-Summit ta’ Londra tal-G-20, tat-2 ta’ April 2009, jista' jirrappreżenta bidla sostanzjali mill-approċċi ta’ qabel.

3.3   Il-KESE huwa favur l-implimentazzjoni ta’ miżuri favur il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE u tal-Istati Membri, u li għandhom l-għan li jiżguraw il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet fiskali. Ikun utli li l-UE tiġi awtorizzata tibda negozjati sabiex jintlaħaq Ftehim bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera, dwar il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali diretta u dwar il-garanzija ta’ kooperazzjoni amministrattiva permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet fiskali.

3.4   Wara dan il-Ftehim tal-G-20, it-teknika tal-analiżi u r-rakkomandazzjoni – tipika tal-prattika preċedenti tal-korpi u l-forums li jindirizzaw din il-problema – qed titwarrab għal talbiet li jiġu kkundannati l-hekk imsejħa “ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx”, fejn huma inklużi r-rifuġji finanzjarji u fiskali kollha, inklużi t-tressiq ta’ proposti ta’ sanzjonijiet unilaterali, bilaterali u multilaterali, u t-tneħħija gradwali tas-segretezza bankarja flimkien ma’ pubblikazzjoni perjodika ta’ listi tat-territorji li ma jikkonformawx.

3.5   Minkejja dan, l-applikazzjoni sussegwenti ta’ dawn l-impenji meħuda mill-G-20 kienet ferm diżappuntanti. Jingħataw bosta raġunijiet għal dan.

3.6   Ħafna żoni ħarbu mili jiġu inklużi fil-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx sempliċiment billi ffirmaw mill-inqas tnax-il ftehim tat-taxxa bilaterali bejniethom (pereżempju, il-ftehim bejn il-Liechtenstein u l-Monako).

3.7   Fil-qosor, l-iskambju ta’ informazzjoni jista' jiġi garantit sempliċiment permezz ta’ talba mill-awtoritajiet li japplikaw il-miżuri rilevanti (fiskali, kriminali, eċċ.), iżda l-awtoritajiet tat-territorju kkonċernati ma jistgħux jirrifjutaw talba bħal din abbażi tal-interess nazzjonali, is-sigriet bankarju jew raġunijiet simili oħra.

3.8   F'dawn il-każijiet huwa ċar li l-mudell ta’ azzjoni bilaterali mhux effettiv, u għalhekk hemm bżonn li titjieb l-azzjoni internazzjonali (multilaterali) u sopranazzjonali.

Dan hu kkonfermat mir-Rapport ippubblikat min-Netwerk għall-Ġustizzja Fiskali (Tax Justice Network) fl-4 ta’ Ottubru 2011, li jqis li kważi l-ftehimiet bilaterali kollha ffirmati mill-2009 'l hawn huma inutli. Konsegwentement, din l-organizzazzjoni żviluppat indiċi ta’ opaċità fiskali abbażi ta’ żewġ kriterji: l-ostakli għat-talbiet ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż ieħor, u, r-rilevanza tal-ġurisdizzjonijiet suspettati minn opaċità fis-suq finanzjarju globali.

3.9   Barra minn hekk, kif ġie indikat f'diversi rapporti speċjalizzati (bħal dak imħejji mill-Global Financial Integrity), il-flussi tal-kapital illiċiti komplew jiżdiedu b'rata ta’ aktar minn 10 % kull sena, b'konsegwenzi devastanti li jaggravaw, pereżempju, il-kriżijiet kontinwi ta’ dejn sovran li jiffaċċjaw ħafna pajjiżi fil-komunità internazzjonali u, b'mod partikolari, xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

3.10   Madankollu, l-UE elaborat biss qafas kredibbli ta’ azzjonijiet f'dan il-qasam li, barra minn hekk, ma jiġix applikat biżżejjed.

3.11   Eżempju ċar huwa l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħaxx, li tkopri lil dawk mhux residenti (persuni fiżiċi).

3.12   Dan kollu huwa minkejja l-fatt li, mid-dħul fis-seħħ tagħha, ġew stabbiliti sistemi għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni fiskali bejn l-Istati Membri kollha u ġew konklużi ftehimiet ma’ erba' Stati Ewropej li qabel kienu meqjusa bħala rifuġji finanzjarji u fiskali: l-Andorra, il-Liechtenstein, il-Prinċipat ta’ Monako u San Marino.

3.13   Madankollu, dawn il-pajjiżi Ewropej, bħall-Isvizzera, għandhom rabtiet differenti mill-Unjoni, li jagħmlu l-applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet kumplessa ħafna. Pereżempju, il-Liechtenstein sar membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, iżda ma għandu l-ebda obbligu li jikkoopera mal-awtoritajiet amministrattivi ripsettivi fil-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, peress li mhuwiex parti kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, tat-30 ta’ Ottubru 2007, dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

3.14   Hija x-xewqa tagħna li din il-bidla fl-istatus legali twassal malajr għat-tibdil mixtieq, b'kunsiderazzjoni tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fejn l-Artikolu 8(2) tat-Trattat dwar l-UE u d-dikjarazzjoni annessa Nru 3 jappoġġja l-ħolqien ta’ relazzjonijiet strutturali mal-pajjiżi ġirien ta’ daqs territorjali żgħir.

3.15   Huwa ċar li l-istrument ideali biex tiġi rregolata l-kwistjoni jkun ftehim multilaterali biex, permezz ta’ mudell uniku, jintegra lil dawn il-pajjiżi u t-territorji li ma jikkooperawx fiż-żona ġeopolitika, ġuridika u ekonomika naturali.

3.16   Bl-istess mod, il-Kummissjoni Ewropea tellgħet erba' Stati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/60/KE dwar l-iffriżar tal-fondi.

3.17   Sabiex jippromovi azzjoni li jkollha impatt sovranazzjonali reali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jadotta l-istess pożizzjoni enerġetika meħuda milll-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta’ April 2011 (1) li, fost affarijiet oħra, tinkludi appoġġ għat-tisħiħ tal-ġlieda sabiex ikun hemm aktar trasparenza fl-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji transnazzjonali. Jista' jitwaqqaf ukoll strument ta’ żvelar simili għall-maħfra li tingħata fil-qasam tal-kompetizzjoni ħielsa sabiex jitħeġġeġ ir-rappurtar ta’ mġiba bħal din, waqt li dawk li jiżvelaw jiġu ppremjati bi tnaqqis fil-multi li kieku jkollhom iħallsu.

3.18   Barra minn hekk, flimkien mal-miżura preċedenti, huwa meħtieġ li jiġu adottati immedjatament mekkaniżmi miftiehma fil-G-20 sabiex jimtlew il-lakuni regolatorji relatati mal-attivitajiet “offshore”, li jippermettu li jkun hemm tidwir mal-liġijiet fis-seħħ fiċ-ċentri finanzjarji ewlenin tad-dinja.

3.19   Fil-qafas strett ta’ kompetenzi tal-Unjoni Ewropea, huwa urġenti li jiġu adottati regoli vinkolanti ad hoc fil-forma ta’ leġislazzjoni sekondarja li jinkludu, fost oħrajn, dispożizzjonijiet li jipprojbixxu li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tikkontrolla l-fondi jew entitajiet domiċiljati f'rifuġji fiskali u finanzjarji milli jirċievu fondi pubbliċi.

3.20   Fl-2009 l-OECD stmat bejn 1.7 u 11-il biljun dollaru l-kapital depożitat f'dawn ir-rifuġji u ħejjiet lista li ġiet aċċettata mill-G-20 bħala bażi biex isir konfront serju mal-pajjiżi li ma japplikawx jew japplikaw biss xi ftit mill-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tat-trasparenza bankarja u fiskali.

3.21   Ir-rapport tal-OECD wassal għal ħafna protesti, speċjalment fl-Isvizzera, il-Lussemburgu u, ovvjament, l-Urugwaj. Saru dibattiti imqanqla dwar il-każ tal-Istati Uniti rigward id-Delaware.

3.22   L-Amerikani jafu sew li Delaware huwa tip ta’ rifuġju fiskali: kważi nofs il-kumpaniji elenkati fuq Wall Street u Nasdaq huma bbażati fl-istat tal-Viċipresident tal-Istati Uniti, Joe Biden, sabiex iħallsu inqas taxxi lokali u l-profitti ma jiġux intaxxati. Min-naħa l-oħra, filwaqt li dawk li joperaw fis-settur huma konxji ta’ dan, hemm ferm inqas nies li jafu li l-istat żgħir fin-Nofsinhar tal-Pennsylvania joffri vantaġġi enormi lill-kumpaniji offshore u jirrappreżenta alternattiva għall-Gżejjer Cayman jew il-Bermuda. Il-profitti mill-kumpaniji stabbiliti f'Delaware, abbażi tat-trasparenza, huma attribwiti għall-proprjetarji li, jekk mhumiex ċittadini tal-Istati Uniti u jekk in-negozju tal-kumpanija jitwettaq bara l-Istati Uniti tal-Amerika, m'humiex soġġetti għat-taxxa fl-Istati Uniti.

3.23   Il-ħasil tal-flus, l-evażjoni fiskali u l-fondi għall-korruzzjoni jew biex jiġu ddevjati fondi lejn il-kumpaniji proprji huma l-prattiki l-aktar importanti u mifruxa ta’ dawn ir-rifuġji. Minn hawn jirriżultaw l-attakki fuq id-djun sovrani tal-Istati f'diffikultà u l-kampanji kbar sabiex jiġi protett il-moviment liberu tal-kapital maħsuba għall-mezzi ta’ komunikazzjoni, il-partiti politiċi u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet.

3.24   Governanza ħażina fi kwistjonijiet fiskali tinkoraġġixxi l-frodi u l-evażjoni fiskali u għandha konsegwenzi serji għall-baġits nazzjonali u għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea.

3.25   Ħafna mill-kumpaniji multinazzjonali huma strutturati b'mod li jkunu jistgħu jgawdu mill-evażjoni fiskali fil-ġurisdizzjonijiet differenti li joperaw fihom. L-arranġamenti fiskali differenti fil-ġurisdizzjonijiet differenti jiffavorixxu lill-kumpaniji l-kbar, internazzjonali u stabbiliti sew aktar milli l-kumpaniji ż-żgħar, domestiċi jew ġodda (fil-fażi tal-bidu). Dawn l-istrateġiji tal-evażjoni fiskali jmorru kontra l-prinċipju ta’ kompetizzjoni ġusta u r-responsabbiltà korporattiva. Barra minn hekk, dawn it-territorji qegħdin isiru bażi operattiva għall-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji li jpoġġu l-merkanzija fis-suq intern mingħajr ċertifikati adewgati ta’ oriġini u l-garanziji mitlubin mill-UE, li huwa ta’ detriment serju għall-interessi tal-konsumatur u xi kultant għas-saħħa pubblika. Sistema partikolari użata għal dan l-iskop hija l-abbuż tal-ipprezzar tat-trasferiment, fejn jiġu stabbiliti l-prezzijiet għat-tranżazzjonijiet fi ħdan grupp billi jiġu applikati kriterji ta’ valutazzjoni li jirriflettu l-bżonnijiet fiskali tal-grupp minflok il-kundizzjonijiet normali tas-suq.

3.26   L-intrapriżi multinazzjonali ċertament għandhom ir-riżorsi sabiex jipprovdu, mingħajr piż amministrattiv serju, rapporti pubbliċi pajjiż b'pajjiż dwar il-bejgħ, il-profitti operattivi, it-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp, il-profitti qabel it-taxxa u t-taxxi. Kieku din l-informazzjoni ssir pubblika, tkun iktar evidenti l-identità ta’ dawk li jabbużaw mill-ipprezzar tat-trasferiment jew li jużaw pjanar fiskali aggressiv.

3.27   In-nuqqas ta’ kontrolli fiskali jew l-eżistenza ta’ regoli dgħajfa ta’ sorveljanza raġonevoli, l-opaċità tal-informazzjoni sabiex jiġu identifikati l-persuni naturali u legali, jew kwalunkwe ċirkostanza oħra ta’ natura legali jew amministrattiva, jippermettu li l-kumpanniji li joperaw mnn dawn it-territorji li jgawdu minn impunità kważi totali u jkollhom vantaġġi kompetittivi intollerabbli, kif ukoll kopertura kontra l-azzjonijiet mill-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi ta’ pajjiżi terzi.

3.28   Il-KESE jikkundanna b'mod speċifiku r-rwol tar-rifuġji fiskali fl-inkoraġġiment u l-esplojtazzjoni tal-evitar tat-taxxa, l-evażjoni fiskali u ħruġ ta’ kapital mill-pajjiżi. L-UE għandha żżid l-azzjoni tagħha kontra dawn il-prattiki u tadotta miżuri ta’ sanzjonijiet konkreti.

3.29   Il-komunità internazzjonali, konxja tal-ħsara serja kkaġunata mill-eżistenza ta’ dawn it-territorji għall-kummerċ internazzjonali, għall-interessi tat-Teżori nazzjonali, għas-sigurtà u l-ordni pubblika u, kif muri mill-kriżi kkawżata fl-2008, għall-istabbiltà proprja tas-sistemi finanzjarji, ħadet passi żgħar sabiex tidentifikawhom u tipprova tneħħihom gradwalment.

3.30   L-isforzi konġunti tal-G-20 u tan-Nazzjonijiet Uniti, flimkien ma’ dawk imwettqa bħala parti mill-inizjattivi tal-OECD, wasslu għal riżultati li għadhom mhumiex biżżejjed biex jiġu ffaċċjati l-ostakli kkawżati mir-rifuġji fiskali u ċ-ċentri finanzjarji offshore u għandhom jiġu segwiti b'azzjonijiet deċiżivi, effikaċi u koerenti.

3.31   Madankollu, l-azzjonijiet tal-G-20, l-FATF u l-OECD, fost oħrajn, sa issa naqqsu biss il-piż tqil tal-ħsara kkawżata mir-rifuġji finanzjarji u fiskali.

3.32   Huwa neċessarju li jiġu identifikati l-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u l-progress li qiegħed isir sabiex jiġi evalwat kif il-miżuri ta’ deterrenti li jħeġġu l-konformità mar-regoli qegħdin jiġu kkonformati u infurzati. Il-KESE iqis, barra minn hekk, li l-qafas tal-OECD għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali mhuwiex sodisfaċenti, u jeħtieġ li jiġi mtejjeb l-indikatur li jistabbilixxi l-istatus tal-pajjiżi li qegħdin jikkooperaw, billi jingħata valur kwalitattiv. Huwa wkoll essenzjali li l-OECD ma tippermettix li l-gvernijiet jitneħħew mil-lista sewda tagħhom sempliċiment billi jwiegħdu li se jirrispettaw il-prinċipji ta’ skambju tal-informazzjoni, mingħajr ma jiżguraw li effettivament ser jinfurzawhom.

3.33   Hemm biżżejjed evidenza biex jiġi affermat li l-kriżi finanzjarja saret parzjalment minħabba tranżazzjonijiet kumplessi u ftit trasparenti li twettqu mill-operaturi finanzjarji domiċiljati f'ġurisdizzjonijiet li japplikaw is-segretezza tat-taxxa, u b'hekk joħolqu telf serju għall-investituri u x-xerrejja ta’ dawn il-prodotti finanzjarji. Ir-rifuġji fiskali jospitaw tranżazzjonijiet barra l-karta tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll prodotti finanzjarji kumplessi li ma taw l-ebda kontribut għall-innovazzjoni tas-settur finanzjarju u jikkawżaw instabbiltà finanzjarja. Hemm biżżejjed evidenza li ħafna mill-investiment dirett barrani, speċjalment fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, ġej mir-rifuġji fiskali.

3.34   L-Unjoni Ewropea, li hija konxja tas-sitwazzjoni, ta’ spiss ikkundannatdawn is-sistemi permezz ta’ diversi awtoritajiet istituzzjonali. Madankollu, ma kinitx kapaċi tippromovi qafas regolatorju sovranazzjonali u amministrattiv biex jgħin inaqqas din l-impunità.

3.35   L-azzjoni tal-UE ffukat fuq it-tneħħija ta’ madwar 100 sistema ta’ ħsara, fi ħdan il-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri tagħha permezz ta’ kontroll finanzjarju skars jew estern fi ħdan territorju ta’ pajjiżi terz. F'dan ir-rigward, fl-2009 u l-2010, il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ Komunikazzjonijiet dwar il-governanza fiskali tajba, kif ukoll Kodiċi ta’ Kondotta u, hemm fis-seħħ tliet Direttivi dwar il-benefiċċji tar-riżorsi rkuprati mill-evażjoni fiskali, il-koperazzjoni amministrattiva u t-tassazzjoni fuq it-tfaddil (li qed jiġu riveduti). Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ klawżoli li jeħtieġu konformità mal-aħjar prattika jew governanza tajba fil-qasam tat-taxxa hija mifruxa tajjeb fil-ftehimiet li l-UE tiffirma ma’ pajjiżi terzi dwar l-assoċjazzjoni, il-kummerċ u l-kooperazzjoni.

3.36   Madankollu, sar ftit progress peress li s-setgħat ta’ investigazzjoni u s-sanzjoni jinsabu f'idejn l-Istati Membri.

3.37   Skont il-kumpaniji bankarji il-leġislazzjoni tal-Istati Uniti msemmija wriet li l-adozzjoni unilaterali ta’ dan it-tip ta’ miżuri toħloq problemi għall-korpi finanzjarji minħabba li l-obbligi ta’ komunikazzjoni, tnaqqis u għeluq tal-kontijiet imposti mill-FACTA mhumiex kompatibbli mal-leġislazzjoni Komunitarja u/jew interna tal-pajjiż ta’ residenza tal-korp finanzjarju.

3.38   Fl-4 ta’ Marzu 2009, il-Prim Ministru Ingliż ta’ dak iż-żmien għamel diskors importanti quddiem il-Kungress Amerikan fejn ħeġġeġ lill-alleati tiegħu biex jieħdu impenn komuni għal sistema ekonomika dinjija rregolata fuq livell dinji u jiġġieldu kontra l-użu tas-sistemi finanzjarji għall-arrikkiment personali biss.

Brussell, 24 ta’ Mejju 2012

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tas-6 ta’ April 2011, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi – Rapport annwali 2009 (2010/2247(INI)


Top