This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE2139
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Council Directive amending Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax as regards a quick reaction mechanism against VAT fraud’ COM(2012) 428 final — 2012/0205 (CNS)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT” COM(2012) 428 final — 2012/0205 (CNS)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT” COM(2012) 428 final — 2012/0205 (CNS)
ĠU C 11, 15.1.2013, p. 31–33
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.1.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 11/31 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT”
COM(2012) 428 final — 2012/0205 (CNS)
2013/C 11/07
Relatur Ġenerali: is-Sur PÁLENÍK
Nhar il-5 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT
COM(2012) 428 final – 2012/0205 (CNS).
Nhar is-17 ta’ Settembru 2012, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu ta1-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-15 ta’ Novembru) li jaħtar lis-Sur PÁLENÍK bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’ 112-il vot favur, l-ebda (0) vot kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Din l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) hija dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tintroduċi Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida (MRR) biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġġieldu b’mod aktar effettiv il-frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), l-aktar billi jitnaqqas iż-żmien meħtieġ għall-introduzzjoni ta’ deroga dwar min għandu jħallas il-VAT. Din il-miżura telimina wkoll ir-riskju li jiġu introdotti miżuri nazzjonali għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT li ma jkollhomx bażi legali fil-leġislazzjoni Ewropea. |
1.2 |
Il-KESE jappoġġja l-għan tal-Proposta, jiġifieri li l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT issir aktar effettiva, u jemmen li din il-Proposta hija avvanz fuq is-sitwazzjoni legali attwali. Mill-banda l-oħra, f’din l-Opinjoni l-KESE jinnota għadd ta’ nuqqasijiet fil-Proposta u jippreżenta xi kummenti u proposti alternattivi li jistgħu jgħinu biex ’il quddiem is-sitwazzjoni titjieb. |
1.3 |
Il-frodi tal-VAT tagħmel ħsara kbira immens għaliex minħabba fiha l-Istati Membri jitilfu ammonti sostanzjali mid-dħul tal-baġit, u b’hekk tmur kontra l-isforzi tagħhom biex jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi. Il-forom tal-frodi tal-VAT jevolvu b’mod relattivament rapidu; għalhekk il-leġislazzjoni li tgħin biex dawn l-attivitajiet jieqfu għalkollox għandha tiġi żviluppata b’mod kemm jista’ jkun effettiv. |
1.4 |
Il-KESE huwa kuntent li l-Proposta għal Direttiva tagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jirreaġixxu b’mod flessibbli għall-frodi f’settur partikolari u jintroduċu kważi mill-ewwel miżuri għall-prevenzjoni tat-telf potenzjali tad-dħul mit-taxxa. It-tnaqqis taż-żmien meħtieġ biex tingħata deroga mis-sistema komuni tal-VAT jgħin fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa. |
1.5 |
Il-KESE huwa mħasseb dwar l-introduzzjoni ta’ deroga mill-proċedura ta’ eżami stabbilita fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, speċjalment għaliex il-proċedura proposta tagħmilha prattikament impossibbli li applikazzjoni ta’ Stat Membru għal deroga mis-sistema komuni tal-VAT tiġi diskussa mill-esperti f’laqgħa tal-kumitat. |
1.6 |
Rigward il-bżonn ta’ ġlieda effettiva kontra l-frodi tal-VAT, li l-forom tagħha jevolvu b’mod relattivament rapidu, il-KESE jipproponi li meta jkunu qed jiġu mfassla u mfittxija miżuri effettivi oħra jiġi inkluż ukoll l-għarfien speċjalizzat tal-esperti, li ħafna minnhom jinsabu fis-soċjetà ċivili organizzata. Jinħtieġu laqgħat bejn gruppi ta’ esperti fejn din il-kwistjoni tkun tista’ tiġi diskussa bl-usa’ mod possibbli. |
1.7 |
Peress li l-frodi tal-VAT hija attività kriminali internazzjonali sofistikata li tagħmel ħsara lill-finanzi pubbliċi, il-KESE jinnota li l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri għandhom jikkollaboraw b’mod effettiv sabiex jeliminaw din l-attività. Għaldaqstant, huwa jilqa’ bi pjaċir li kieku l-istituzzjonijiet Ewropej jagħmlu sforz akbar biex jorganizzaw attivitajiet li jikkontribwixxu b’mod pożittiv għal din il-kollaborazzjoni. |
2. Raġunament
2.1 |
Fiż-żmien diffiċli ta’ bħalissa, meta l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea (UE) qed jagħmlu sforzi sostanzjali biex jikkonsolidaw b’mod effettiv il-finanzi pubbliċi, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ kull inizjattiva li tista’ tgħin f’dawn l-isforzi kemm min-naħa tad-dħul kif ukoll min-naħa tal-infiq tal-baġits pubbliċi. B’din il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, il-Kummissjoni Ewropea timmira li l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa ssir aktar effettiva, u b’hekk tgħin mil-lat tad-dħul tal-baġits. |
2.2 |
L-ekonomija tal-Unjoni Ewropea għaddejja mill-aktar perjodu diffiċli minn meta nħolqot, u bħalissa t-tassazzjoni effettiva hija fattur partikolarment importanti fl-isforzi biex il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri jiġu kkonsolidati b’mod rapidu. |
2.3 |
Skont l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012, il-konsolidazzjoni fiskali b’determinazzjoni hija l-mod kif jinkisbu r-riżultati u hi ta’ importanza fundamentali għall-irkupru tal-istabbiltà makrofinanzjarja, li hi l-bażi biex jinħoloq it-tkabbir u biex jiġi assigurat il-futur tal-mudell soċjali Ewropew. Il-ġbir aktar effettiv tat-taxxi u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa ser jgħinu biex jiżdied id-dħul tal-baġits nazzjonali ta’ diversi Stati Membri. L-applikazzjoni aktar effettiva tar-regoli dwar kull tip ta’ taxxa tista’ tgħin ukoll f’dan ir-rigward. |
2.4 |
Skont l-Anness IV tal-COM(2011) 815 final, il-koordinazzjoni tat-taxxa, li tikkonċerna l-aktar l-operazzjonijiet transkonfinali, tista’ tagħmel lis-suq uniku tal-UE aktar effiċjenti. Din l-istqarrija hija bbażata fuq l-ipotesi li l-parti l-kbira tal-ostakli li għad fadal għas-suq uniku ġejjin min-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni. L-introduzzjoni ta’ Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida tista’ tneħħi wħud minn dawn id-differenzi, iżda l-KESE jinnota li l-applikazzjoni tal-MRR tista’ tagħmel ukoll ħsara konsiderevoli lid-dħul mit-taxxa ta’ xi Stati Membri. |
2.5 |
Waħda mill-isfidi prinċipali relatati mat-taxxa li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri tal-UE hija l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. Il-miżuri effettivi għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa jistgħu jtejbu l-ġbir tat-taxxi u jaqdu rwol importanti biex iżidu d-dħul mit-taxxa, fejn il-ġbir aħjar tal-VAT hu waħda mill-miżuri possibbli għall-konsolidazzjoni fiskali. |
2.6 |
Skont l-istimi tal-Europol, fl-2008 u fl-2009 l-evażjoni u l-frodi tal-VAT b’rabta mal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra kkawżaw telf ta’ madwar EUR 5 biljun fil-baġits ta’ diversi Stati Membri tal-UE. Rob Wainwright, Direttur tal-Europol, qal li: “il-frodi organizzata tal-VAT għadha attività kriminali sinifikanti fl-Ewropa. Hija tikkawża t-telf ta’ ħafna riżorsi mid-dħul tal-gvern ċentrali u tikkomprometti l-għan li l-Ewropa ssir ekonomija kompetittiva u aktar ekoloġika.” |
2.7 |
Il-Green Paper dwar il-futur tal-VAT ikkonkludiet li fl-2006 l-ammont nieqes mit-total miġbur tal-VAT kien ta’ 12 % tad-dħul teoretiku mill-VAT, filwaqt li ġie stmat li t-telf f’ċerti Stati Membri kien ta’ aktar minn 20 %. Parti minn dan in-nuqqas ġejja mill-frodi li tirriżulta mid-dgħufijiet tas-sistema attwali, b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ xiri transkonfinali ta’ prodotti u servizzi mingħajr VAT. Mekkaniżmu effettiv li jelimina l-frodi tat-taxxa huwa mod kif tiġi miġġielda l-ħsara ekonomika enormi li ssir minn attivitajiet bħal dawn, u jgħin fil-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi. |
2.8 |
Il-miżuri speċjali adottati fl-Artikolu 395a ser jagħmlu l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT aktar operattiva u effettiva, peress li ser jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet tal-amministrazzjoni u s-sistema tal-VAT tal-pajjiż applikant. Il-miżuri ta’ dan it-tip ser jgħinu biex tinħoloq sistema effettiva li tfittex u tiskopri forom ġodda ta’ frodi u evażjoni tat-taxxa. Madankollu, hemm tħassib dwar il-possibbiltà li l-Istati Membri jitilfu setgħat sinifikanti fil-qasam tat-tassazzjoni. |
2.9 |
Abbażi tal-informazzjoni miġbura matul il-proċess tal-għoti tad-derogi mid-Direttiva dwar is-sistema komuni tal-VAT (id-Direttiva), il-Kummissjoni ser tikseb ideat u informazzjoni prattika importanti “minn isfel” li bihom tkun tista’ tkompli ttejjeb id-Direttiva. Din l-informazzjoni ser tintuża biex jiġu eliminati d-dgħufijiet u d-dispożizzjonijiet antiki, u biex jiġu aġġornati l-partijiet skaduti tad-Direttiva. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud iżżid is-setgħat tal-Kummissjoni rigward l-għoti ta’ derogi għall-prevenzjoni tal-frodi tal-VAT. Din ix-xorta ta’ frodi tikkawża telf baġitarju kbir u ttellef il-kompetizzjoni u l-operat tas-suq uniku. Il-KESE jilqa’ kull tentattiv biex is-suq uniku jaħdem aħjar u biex il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT issir aktar effettiva. |
3.2 |
Il-KESE jinnota li skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-miżuri maħsuba biex jissemplifikaw il-proċedura tal-ġbir tal-VAT m’għandhomx jaffettwaw, sakemm mhux b’mod insinifikanti, l-ammont globali tad-dħul tal-Istat Membru mit-taxxa li tinġabar fl-istadju tal-konsum finali. Fil-kuntest tal-Proposta, il-KESE huwa mħasseb li l-impatt tal-applikazzjonijiet fuq l-ammont globali ta’ taxxa miġbura mill-Istati Membri mhux ser jiġi eżaminat b’mod adegwat. |
3.3 |
Il-KESE jilqa’ l-effett li l-Proposta ser ikollha fuq it-tul ta’ żmien li jieħu l-proċess ta’ approvazzjoni ta’ miżuri speċjali applikati minn Stat Membru biex jiġġieled il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa; dan ser iżid il-probabbiltà li dawn l-attivitajiet jiġu indirizzati b’mod effettiv. |
3.4 |
Billi l-frodi tal-VAT issir l-aktar b’rabta mal-kummerċ transkonfinali (l-hekk imsejħa frodi tat-tip karużell u l-frodi tal-“kummerċjant nieqes”), il-possibbiltà li tittieħed azzjoni effettiva billi jiġu applikati d-derogi fi Stat Membru wieħed ser tkun limitata ħafna, u ser ikun hemm bżonn li jiġu kkoordinati aktar il-proċeduri tal-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri. |
3.5 |
Il-KESE jinnota wkoll li s-setgħat li ser tikseb il-Kummissjoni b’din il-Proposta huma kumplessi u speċjalizzati ħafna. Jinnota li l-esperti, b’mod partikolari dawk b’għarfien prattiku, għandhom ikunu fil-qalba tal-grupp involut fil-proposti futuri għal miżuri li jridu jsegwu l-proċedura stabbilita fl-artikoli l-ġodda proposti tad-Direttiva. Is-soċjetà ċivili organizzata toffri sors tajjeb għal dan l-għarfien espert prattiku. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 |
Fil-forma attwali tagħha, il-Proposta tippermetti l-approvazzjoni rapida (fi żmien xahar) tal-miżuri speċjali b’deroga mid-Direttiva 2006/112/KE biss f’każijiet meta l-Istat Membru jitlob deroga fir-rigward tan-nomina tar-riċevitur bħala persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT fuq fornituri speċifiċi ta’ prodotti u servizzi b’deroga mill-Artikolu 193 (li bħalissa jidher li hu strument effettiv għall-ġlieda kontra l-frodi), filwaqt li fil-każijiet l-oħra jinħtieġ qbil unanimu fil-Kunsill, u dan jista’ jdgħajjef b’mod konsiderevoli l-isforz biex il-frodi tal-VAT tiġi miġġielda b’mod effettiv. Il-KESE josserva wkoll li dawk li jwettqu l-frodi issa qed jaħdmu flimkien b’mod effettiv, u għalhekk ikun jaqbel li l-awtoritajiet fiskali u tal-pulizija ta’ għadd ta’ pajjiżi jiġu infurmati u involuti fl-għoti tad-derogi b’konformità mal-artikoli l-ġodda proposti tad-Direttiva. Dan japplika b’mod partikolari għall-pajjiżi li l-attivitajiet illegali jistgħu jiġu ttrasferiti fihom wara li tingħata deroga. |
4.2 |
Il-KESE jipproponi wkoll li l-proċess ta’ approvazzjoni fil-kumitat previst fl-Artikolu 395b(2) u (3) m’għandux jeskludi l-possibbiltà li membru tal-kumitat jitlob li l-proċedura bil-miktub tintemm mingħajr riżultat, l-aktar biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-interessi leġittimi tal-membru kkonċernat, li tista’ ssirlu l-ħsara minħabba t-talba ta’ Stat Membru ieħor għall-awtorizzazzjoni ta’ miżuri speċjali. Mod ieħor kif jiġi indirizzat dan in-nuqqas hu li jiddaħħal mekkaniżmu għall-konferma ulterjuri tal-miżura speċjali mill-Kunsill tal-Ministri, fejn il-miżura tieqaf tapplika jekk ma tiġix approvata. |
4.3 |
Bl-introduzzjoni tal-MRR, il-Proposta għal Direttiva ser tqassar b’mod sinifikanti iż-żmien meħtieġ għall-approvazzjoni ta’ miżuri speċjali biex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa: mit-tmien xhur li setgħu jinħtieġu qabel għal proposta pożittiva mill-Kummissjoni wara l-approvazzjoni unanima fil-Kunsill, dan iż-żmien ser jonqos għal xahar billi s-setgħa tal-approvazzjoni tiġi ttrasferita lill-Kummissjoni. Il-KESE jappoġġja din l-aċċellerazzjoni bħala mod kif tittejjeb il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa. Madankollu, l-Istati Membri jrid ikollhom l-opportunità, jekk ikun hemm bżonn, li l-abbozz ta’ applikazzjoni għal deroga jiġi diskuss minn qabel fil-kumitat konsultattiv u b’hekk jiġu evitati l-proċedimenti eventwali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
4.4 |
Il-KESE jemmen li l-“miżuri xierqa ta’ kontroll mill-Istati Membri” mhumiex definiti b’mod ċar biżżejjed fl-Artikolu 395a(1) tal-Proposta. Għalhekk jipproponi li l-Kunsill ineħħi din id-diskrepanza u jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom biex ikopru l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 395a(1)(b) tal-Proposta. |
4.5 |
Meta deroga mogħtija abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 395 turi, matul il-perjodu tal-validità tagħha, li tkun effettiva fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, il-KESE jipproponi li jiġi introdott mekkaniżmu li japplika din il-miżura – bħala mod kif jinxterdu l-prattiki tajba – fi Stati Membri oħra permezz ta’ proċedura semplifikata li tixbah lil dik tal-Proposta diskussa f’din l-Opinjoni. |
Brussell, 15 ta’ Novembru 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON