Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1689

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)” COM(2012) 209 final

    ĠU C 11, 15.1.2013, p. 49–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 11/49


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)”

    COM(2012) 209 final

    2013/C 11/11

    Relatur: is-Sinjura BUTAUD-STUBBS

    Nhar it-8 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)

    COM(2012) 209 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ottubru 2012.

    Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Diċembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'128 vot favur, l-ebda vot kontra u 5 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-politika Ewropea relatata mal-għajnuna mill-Istat hija ta’ importanza strateġika għall-UE f'ekonomija globalizzata kompetittiva ħafna.

    1.2

    Il-KESE jqis li r-riforma proposta mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha għandha tiġi appoġġjata fid-dawl tal-objettivi tal-istess riforma:

    li l-politika Ewropea relatata mal-għajnuna mill-Istat tikkontribwixxi għall-Istrateġija Ewropa 2020;

    li jkun hemm tqassim ġdid u aktar effiċjenti tar-responsabbiltajiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;

    li jinkiseb aktar titjib fil-proċeduri.

    1.3

    Il-KESE jikkondividi l-viżjoni espressa mill-Kummissjoni li hemm bżonn li tissaħħaħ ir-rabta pożittiva bejn l-għajnuna effikaċji mill-Istat u l-objettiv ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv. Politika speċifika ta’ għajnuna mill-Istat tippermetti li tiġi stimulata l-innovazzjoni (inkluża l-innovazzjoni soċjali), jintużaw it-teknoloġiji ekoloġiċi u jiġi żviluppat il-kapital uman, waqt li fl-istess ħin tiġi evitata l-ħsara ambjentali. Jekk tkun immirata tajjeb, politika dinamika tal-għajnuna pubblika tista' tikkontribwixxi b'mod attiv sabiex jintlaħqu livelli għoljin ta’ impjieg u ta’ koeżjoni soċjali.

    1.4

    Madankollu, din ir-riforma ambizzjuża fl-objettivi, il-metodi u l-iskeda tagħha għandha tkun aktar preċiża dwar ċertu għadd ta’ punti.

    1.5

    Il-KESE jappella li l-Kummissjoni tippreċiża xi kunċetti msemmija fil-Komunikazzjoni:

    1.5.1

    Il-kunċett prinċipali ta’ “nuqqasijiet tas-suq” kif applikat mill-Kummissjoni wkoll jidher li għandu bżonn definizzjoni aktar preċiża peress li t-tifsira tiegħu tvarja skont il-kuntesti: l-aċċess għall-kreditu, il-finanzjament tan-netwerks bi prestazzjoni għolja, l-iżvilupp tal-proprjetà kummerċjali, l-aċċess għall-innovazzjoni, it-taħriġ, l-iżvilupp tal-intraprenditorija fost in-nisa, eċċ. Barra minn hekk, dawn jistgħu jintrabtu ma’ numru ta’ kawżi: fatturi esterni negattivi, taħriġ mhux komplut, problemi ta’ koordinazzjoni, eżistenza ta’ poter tas-suq, eċċ.

    1.6

    Il-KESE jressaq numru ta’ mistoqsijiet dwar ir-riformi proposti:

    1.6.1

    Ir-riforma proposta mill-Kummissjoni tagħti aktar responsabbiltà lill-Istati Membri fir-rigward tal-għoti u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Liema huma l-mezzi legali u prattiċi li tipprevedi l-Kummissjoni sabiex tikkonvinċi lill-Istati Membri jikkooperaw bi sħiħ fl-applikazzjoni tal-liġi relatata mal-għajnuna mill-Istat?

    1.6.2

    Żieda fir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-kontroll tal-għajnuna tista' twassal għal applikazzjoni soġġettiva tar-regoli mill-Istati Membri, għal imġiba żleali bejn l-Istati u r-ritorn ta’ ċertu patrijottiżmu ekonomiku li fl-aħħar iwassal għal aktar insigurtà legali għall-intrapriżi.

    1.6.3

    Abbażi ta’ rapport mid-WTO, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-ammont tal-għajnuna mill-Istat li jagħtu l-kompetituri globali prinċipali tagħna huwa paragunabbli. Madankollu, il-politika Ewropea relatata mal-għajnuna mill-Istat tidher li toffri qafas aktar trasparenti mis-sistemi eżistenti fl-Istati Uniti, fl-Indja, fil-Korea jew saħansitra fil-Brażil. Din id-data hija antika u jeħtieġ li tiġi aġġornata sabiex il-Kummissjoni jkollha stampa kompleta u preċiża tas-sitwazzjoni eżistenti llum.

    1.6.4

    Il-Kummissjoni tanalizza l-karatteristiċi tas-sistema tal-UE meta mqabbla ma’ sistemi eżistenti oħra ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, iżda ma tislet l-ebda konklużjoni partikolari. Għal liema raġuni ma terġax tafferma, f'dan il-kuntest, il-bżonn ta’ approċċ ekonomiku għall-kondizzjonijiet indaqs fil-livell globali sabiex ikun hemm tqassim bilanċjat ta’ din l-għajnuna? Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn li, b'mod effikaċji, jiġu solvuti l-konsegwenzi speċifiċi tas-sussidji barranin illegali li jirriskjaw il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej meta mqabbla mal-kompetituri globali tagħhom.

    1.7

    Fl-aħħar, il-KESE jipproponi numru ta’ tibdil li jqis meħtieġa fir-rigward tal-bżonn li rikonoxxew il-Kummissjoni u l-Kunsill, li jiġu appoġġjati l-SMEs, b'mod partikolari billi dawn qegħdin jiffaċċjaw pressjoni kompetittiva minn intrapriżi ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw, direttament jew indirettament, minn għajnuna mill-Istat akbar u inqas trasparenti.

    1.7.1

    Fid-dawl tal-kwantità limitata tal-għajnuna mill-Istat, l-effetti pożittivi tagħha fuq l-SMEs u l-mikrointrapriżi u l-impatt limitat tagħha fuq is-suq intern, il-KESE jipproponi li l-limitu massimu tal-għajnuna “de minimis” jitla' b'mod perenni minn EUR 200 000 għal EUR 500 000 peress li dan jiġi valutat fuq perjodu ta’ tliet snin konsekuttivi għall kull intrapriża, bħalma ġie deċiż reċentement għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

    1.7.2

    Minħabba l-bżonn li l-SMEs Ewropej jiġu megħjuna jiżviluppaw is-suq internazzjonali tagħhom, il-KESE jipproponi modifika għall-Artikolu 27(3) tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni 800/2008 sabiex jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuniet intiżi għall-SMEs sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw f'fieri u eżibizzjonijiet matul perjodu limitat għal tliet snin konsekuttivi.

    1.8

    Fid-dawl tal-esperjenza tiegħu, il-KESE fassal tliet rakkomandazzjonijiet prattiċi għall-attenzjoni tal-Kummissjoni:

    1.8.1

    it-tfassil ta’ gwida prattika li tinfirex fuq skala wiesgħa li tagħti d-definizzjonijiet, il-projbizzjonijiet u l-proċeduri disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE sabiex jittejbu l-komprensjoni u l-użu korrett tal-għajnuna mill-Istat min-naħa tal-intrapriżi, il-qrati u l-awtoritajiet pubbliċi;

    1.8.2

    l-organizzazzjoni ta’ seminars addizzjonali ta’ taħriġ għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri sabiex jiġi assigurat li l-liġi tal-UE relatata mal-għajnuna mill-Istat tiġi applikata bl-aktar mod uniformi possibbli fl-Istati Membri kollha;

    1.8.3

    meta titqies l-importanza tal-modifiki previsti, il-KESE jitlob li jkun ikkonsultat dwar ir-reviżjoni tar-Regolament de minimis, tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni u tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni.

    2.   Il-kontenut tal-Komunikazzjoni

    2.1

    Il-Kummissjoni beħsiebha tirriforma l-politika Ewropea relatata mal-għajnuna mill-Istat fi tliet direzzjonijiet prinċipali:

    a)

    jiġi promoss tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv f'suq intern kompetittiv b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020;

    b)

    l-analiżi ex ante tal-Kummissjoni tiġi kkonċentrata fuq il-każijiet l-aktar sinifikanti, li jħallu impatt kbir fuq is-suq intern;

    c)

    jiġu ssemplifikati r-regoli ta’ proċedura u jiġi aċċellerat il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

    2.2

    Din ir-riforma tistrieħ fuq valutazzjoni mhux eċċessivament pożittiva tal-politika attwali:

    ir-regoli attwali huma diffiċli biex jinftiehmu, jiġu applikati u jiġu kkontrollati. Il-Kummissarju J. Almunia stess iddikjara quddiem il-KESE nhar it-23 ta’ Frar 2012 li jeżistu 37 att (regolamenti, komunikazzjonijiet u linji gwida) differenti;

    ir-riżultati attwali tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri soġġetti għal eżenzjoni ġenerali qed juru li spiss ikun hemm nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

    il-Kummissjoni m'għandhiex regoli li jippermettu li jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari fir-rigward tal-ġestjoni tal-ilmenti;

    il-kuntatti bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jaħdmu aħjar fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni u tal-kooperazzjoni fil-proċeduri ta’ notifika.

    2.3

    Sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni f'kuntest fejn huwa għaqli li jiġu sfruttati l-potenzjali kollha tas-suq uniku (enerġija, trasport, teknoloġiji diġitali), il-Kummissjoni tipproponi li tiġi adottata riforma ambizzjuża fl-objettivi, il-metodi u l-iskeda tagħha.

    2.4

    Ir-riforma proposta hija ambizzjuża fl-objettivi tagħha peress li, fuq naħa, tqiegħed għas-servizz tat-tkabbir Ewropew waħda mill-politiki tal-UE l-aktar antika u l-aktar integrata u, fuq in-naħa l-oħra, tintroduċi titjib proċedurali pjuttost radikali, anke jekk fil-Komunikazzjoni ma ngħatawx ċifri jew dettalji f'dan ir-rigward.

    2.5

    Ir-riforma proposta hija ambizzjuża fil-metodi tagħha peress li l-Kummissjoni tipproponi li twettaq għadd konkret ta’ reviżjonijiet f'daqqa, fil-qafas ta’ “strateġija integrata”:

    reviżjoni tar-Regolament de minimis;

    tibdil fir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni tal-Kunsill relatat mad-definizzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ għajnuna ddikjarati kompatibbli mas-suq intern u għalhekk ikunu eżenti mill-obbligu ta’ notifika;

    reviżjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa għall-kategoriji ta’ għajnuna koperti mir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni fis-seħħ;

    kjarifika legali tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat;

    modernizzazzjoni tar-Regolament ta’ proċedura relatat mal-għajnuna mill-Istat.

    2.6

    Ir-riforma proposta hija ambizzjuża fl-iskeda tagħha peress li l-Kummissjoni tipprevedi li l-proposti għar-reviżjonijiet tar-Regolamenti ta’ Proċedura u ta’ Awtorizzazzjoni jiġu adottati fil-ħarifa 2012 u li l-elementi l-oħra tal-“pakkett” jiġu adottati sal-aħħar tal-2013, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-perspettivi finanzjarji 2014-2020.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fil-kuntest usa' tal-liġi Ewropea tal-kompetizzjoni

    3.1.1

    Il-KESE japprova l-objettivi li ħabbret il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha, li għandhom l-għan li jiffaċilitaw “it-trattament ta’ għajnuna tajba li tkun imfassla tajjeb, immirata lejn nuqqasijiet identifikati tas-suq u għanijiet ta’ interess komuni”, billi l-kontrolli jiġu kkonċentrati fuq il-każijiet li għandhom l-akbar impatt fuq is-suq intern, billi jiġu ssemplifikati r-regoli u jittieħdu deċiżjonijiet aktar malajr.

    Dan l-approċċ jagħmel parti minn żvilupp aktar ġenerali tal-liġi tal-kompetizzjoni, fir-rigward kemm tal-liġi dwar il-prattiki kontra l-kompetizzjoni (ftehimiet u abbużi tal-pożizzjoni dominanti) kif ukoll tal-kontroll tal-mergers.

    3.1.2

    Prattiki antikompetittivi: il-“modernizzazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni” aġġornata mir-Regolament Nru 1/2003 (1) u t-testi ta’ akkumpanjament nedew applikazzjoni deċentralizzata tal-liġi tal-kompetizzjoni, permezz tat-tneħħija tas-sistema tan-notifika minn qabel. Il-Kummissjoni għalhekk tista' tikkonċentra l-azzjoni tagħha fuq il-ġlieda kontra r-restrizzjonijiet u l-abbużi l-aktar gravi, b'mod partikolari l-kartelli. Din il-modernizzazzjoni hija akkumpanjata minn kooperazzjoni msaħħa bejn in-netwerk tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, fuq naħa, u l-Kummissjoni, fuq in-naħa l-oħra.

    3.1.3

    Kontroll tal-mergers: il-Kummissarju Almunia reċentement ħabbar il-possibbiltà li dalwaqt ikun hemm riforma tas-sistema Ewropea tal-kontroll tal-mergers sabiex, b'mod partikolari, il-Kummissjoni tkun tista' tiffoka fuq il-mergers li l-iktar li jistgħu jolqtu lis-suq (2). Fuq perjodu qasir, dan ifisser li jiġi ssemplifikat it-trattament tal-każijiet l-inqas problematiċi billi tittejjeb il-“proċedura semplifikata” u tiġi riveduta l-proċedura ta’ notifika minn qabel. Fuq perjodu fit-tul, anke l-iskema tal-kontroll tal-mergers tista' tiġi riveduta permezz ta’ analiżi tal-akkwist tal-ishma minuri bla dritt ta’ kontroll u permezz ta’ koordinazzjoni aħjar bejn is-sistemi nazzjonali u Ewropej fir-rigward tal-limiti u r-rinviji.

    3.2   Il-kriterji li fuqhom għandu jiġi bbażat qafas ġenerali tal-għajnuna mill-Istat

    3.2.1

    Il-KESE jerġa' jirrepeti l-appoġġ tiegħu għal qafas ġenerali tal-għajnuna mill-Istat ibbażat fuq il-kriterji li ġejjin (3):

    iffukar u għażla tal-għajnuna;

    koerenza mal-istrateġiji relatati mat-tlestija tas-suq uniku;

    semplifikazzjoni, trasparenza u sigurtà legali fir-rigward tal-proċeduri u tar-regoli;

    djalogu msaħħaħ mal-Istati Membri fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ applikazzjoni, kif ukoll fil-fażijiet ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ tal-effikaċja;

    tisħiħ tal-informazzjoni destinata għall-intrapriżi dwar ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-għajnuna mill-Istat;

    responsabbiltajiet kondiviżi, permezz tal-ħolqien ta’ korpi nazzjonali ta’ koordinazzjoni;

    adattar tar-regoli Ewropej dwar l-għajnuna mill-Istat għall-istrateġiji tal-għajnuna implimentati mill-imsieħba kummerċjali prinċipali tagħna sabiex tiġi assigurata l-eżistenza ta’ kondizzjonijiet indaqs (“level-playing field”) fir-rigward tal-bqija tad-dinja (4).

    3.3   Aktar responsabbiltajiet għall-Istati Membri fl-applikazzjoni tar-regoli relatati mal-għajnuna mill-Istat

    3.3.1

    Il-KESE jifhem li sabiex il-Kummissjoni tiffoka l-infurzar fuq il-każijiet l-aktar problematiċi, hemm bżonn li jiżdied in-numru ta’ miżuri ta’ għajnuna eżenti mill-obbligu ta’ notifika. Dan jimplika neċessarjament żieda fir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Madankollu, il-KESE jinnota li jkun meħtieġ li jitqiesu l-fatturi speċifiċi tal-liġi relatata mal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-Istat u, b'mod aktar ġenerali, l-entitajiet Statali u pubbliċi kollha li jistgħu jagħtu l-għajnuna, b'xi mod jew ieħor huma ġudikanti fil-kawża tagħhom stess.

    3.3.2

    Żieda fir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-kontroll tal-għajnuna tista' twassal għal applikazzjoni soġġettiva tar-regoli mill-Istati Membri, għal imġiba żleali bejn l-Istati u r-ritorn ta’ ċertu patrijottiżmu ekonomiku li fl-aħħar iwassal għal aktar insigurtà legali għall-intrapriżi.

    3.3.3

    Sabiex dan it-tip ta’ riskju jitnaqqas għall-minimu, jistgħu jitqiesu l-approċċi li ġejjin:

    aktar trasparenza permezz tal-obbligu ta’ rappurtar min-naħa tal-Istati Membri. Jista' jiġi ppubblikat rapport annwali qasir aċċessibbli minn fuq il-websajt tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament de minimis u tar-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali;

    mil-lat finanzjarju, ir-riskju marbut ma’ illegalità/inkompatibbiltà jinġarr biss mill-benefiċjarju tal-għajnuna, li huwa obbligat li jrodd lura s-somma kkonċernata, flimkien mal-imgħax. Għalhekk, ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri tista' tiżdied, pereżempju billi tiġi imposta multa fuq l-“awtorità pubblika” li tat l-għajnuna inkwistjoni;

    jista' jiġi previst il-ħolqien ta’ aġenziji nazzjonali indipendenti responsabbli mill-politika tal-għajnuna mill-Istat. Dawn jistgħu jaġixxu bħala “punti ta’ kuntatt” kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-intrapriżi;

    il-Kummissjoni għandha twettaq kontrolli ex post aktar effikaċi u tippromovi b'mod attiv l-aħjar prattiki.

    3.4   Semplifikazzjoni u trasparenza tal-proċeduri

    3.4.1

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri wrew li kapaċi jirreaġixxu meta ffaċċjati bil-kriżi ekonomika u finanzjarja bejn l-2008 u l-2011 billi adottaw għadd ta’ testi speċifiċi (5). Permezz b'mod partikolari ta’ kooperazzjoni msaħħa min-naħa tal-Istati Membri u mobilizzazzjoni qawwija tas-servizzi tal-Kummissjoni, setgħu jittieħdu deċiżjonijiet fi żmien qasir fl-interess tal-Istati u l-intrapriżi.

    3.4.2

    B'mod ġenerali, madankollu, il-proċeduri jibqgħu twal u kumplessi wisq għall-partijiet interessati. Għalhekk, il-KESE jappoġġja r-rieda tal-Kummissjoni li tnaqqas l-iskadenzi tal-ipproċessar tal-każijiet, billi ttejjeb il-prattiki amministrattivi u tappella lill-Istati Membri sabiex jerfgħu r-responsabbiltà sabiex jiġu garantiti t-trasparenza u l-effiċjenza. Huwa neċessarju li l-iskadenzi jsegwu, kemm jista' jkun possibbli, ir-ritmu tal-attivitajiet ekonomiċi.

    3.4.3

    F'dan is-sens tista' tiġi estiża l-“proċedura ssemplifikata” għat-trattament ta’ ċerti tipi ta’ għajnuna (6) waqt li din tibqa' f'qafas konkret. Fid-dawl ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tivverifika jekk il-miżura ta’ għajnuna hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet u l-prattiki eżistenti.

    3.5   Applikazzjoni aħjar tal-liġi (“better enforcement”)

    3.5.1

    L-implimentazzjoni effettiva tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat hija essenzjali. Il-KESE josserva madankollu li, frekwentement, il-qrati nazzjonali ma jinsabux f'pożizzjoni li jassiguraw applikazzjoni effiċjenti tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-intrapriżi milqutin mill-konċessjoni ta’ għajnuna illegali għal entitajiet kompetituri. Jistgħu jissemmew diversi raġunijiet, fosthom l-għarfien insuffiċjenti mill-maġistrati tal-liġi Ewropea dwar il-kompetizzjoni u l-obbligi proċedurali marbutin ma’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja.

    3.5.2

    Huwa xieraq li jiġu żviluppati soluzzjonijiet li jippermettu li tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat fil-prattika. L-intrapriżi kif ukoll il-qrati nazzjonali għandu jkollhom għodod u proċeduri aktar effettivi.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1   Definizzjoni tal-kunċett ta’ “nuqqas tas-suq”

    4.1.1

    Il-KESE japprova l-objettiv li jiġu approvati biss il-miżuri ta’ għajnuna li (i) jikkontribwixxu għal tkabbir waqt li jippruvaw jirrimedjaw in-nuqqas tas-suq (l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fil-fatt m'għandux jissostitwixxi iżda għandu jikkompleta nefqa privata) u (ii) għandhom effett ta’ inċentiv, jiġifieri jimmotivaw lill-benefiċjarju sabiex jibda attività li kieku ma kienx iwettaq mingħajr l-għajnuna.

    4.1.2

    F'dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “nuqqas tas-suq” għandu jiġi assolutament preċiżat u muri b'eżempji f'oqsma differenti, abbażi, b'mod partikolari, tal-ġurisprudenza Ewropea eżistenti, sabiex kemm l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll l-intrapriżi jiġu megħjuna jifhmu dan il-kunċett b'mod uniformi u jintegrawh meta jkunu qegħdin joħolqu l-miżuri ta’ għajnuna.

    4.2   Napprofondixxu u naġġornaw il-paragun internazzjonali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

    4.2.1

    Fil-punti 16 u 17, il-Komunikazzjoni tirreferi għall-politika tal-kompetizzjoni li japplikaw il-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-UE għandha qafas aktar trasparenti li jippermetti xorta waħda li jintlaħqu livelli kumparabbli ta’ għajnuna. Din l-affirmazzjoni hija bbażata fuq analiżi kumparabbli li saret mid-WTO fl-2006. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni titlob lid-WTO twettaq studju aktar reċenti peress li, minħabba l-kriżi, diversi pajjiżi terzi tal-UE u membri tad-WTO rrikorrew għal sussidji kbar, b'mod partikolari fis-setturi tal-industrija tal-manifattura. Fil-fatt huwa mixtieq li l-politika futura tal-kompetizzjoni, li ser tiġi applikata mill-2013, tkun ibbażata fuq viżjoni reċenti u preċiża tas-sitwazzjoni li teżisti pereżempju fl-Istati Uniti, fiċ-Ċina, fl-Indja u fil-Brażil (inklużi l-għajnuna mogħtija mill-entitajiet federali) f'kuntest ta’ kompetizzjoni ekonomika li saret agħar bil-kriżi globali.

    4.2.2

    L-implimentazzjoni tar-regoli tal-għajnua mill-Istat għandha tippermetti li tissaħħaħ il-kompetittività fis-suq intern u f'dak internazzjonali. Iżda, l-intrapriżi Ewropej qegħdin jiffaċċjaw il-kompetizzjoni mill-intrapriżi stabbiliti f'pajjiżi terzi fejn il-leġislazzjoni xi kultant ma tipprevedi l-ebda limitu għall-għajnuna mill-Istat. Din is-sitwazzjoni tista' twassal għal xkiel gravi tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-intrapriżi Ewropej, kif tosserva l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni (7).

    4.2.3

    Fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-Kummissjoni qiegħda tmexxi xi inizjattivi bil-għan li tistabbilixxi kundizzjonijiet indaqs fil-livell globali, abbażi tal-kunċett tal-lealtà. Kwalunkwe riforma tal-liġi tal-għajnuna mill-Istat għalhekk trid tiġi kkoordinata mal-azzjonijiet li tmexxew mill-Kummissjoni fil-livell tal-istrumenti ta’ politika kummerċjali (regoli tad-WTO, ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles).

    4.3   Reviżjoni tal-approċċ relatat mal-għajnuna għall-esportazzjoni

    4.3.1

    Fil-proposta għal Regolament li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (2014-2020) (COM(2011) 834 final), il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-bżonn li l-SMEs jiġu megħjuna jesportaw fi ħdan l-UE u lejn id-dinja kollha sabiex isibu opportunitajiet għat-tkabbir. Huwa previst li l-intrapriżi li għandhom prospetti ta’ tkabbir jingħataw sostenn u servizzi ta’ appoġġ permezz tan-netwerk Enterprise Europe.

    4.3.2

    Madankollu, fl-istess ħin, id-duttrina tal-Kummissjoni tidher wisq restrittiva peress li, pereżempju, fil-qasam tal-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-fieri u l-eżibizzjonijiet, l-Artikolu 27 tar-Regolament 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 jimponi numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi: l-għajnuna għandha tirrappreżenta sa massimu ta’ 50 % tal-ispejjeż eliġibbli u tingħata lill-SMEs abbażi tal-liġi tal-UE u biss għall-ewwel parteċipazzjoni tagħhom f'fiera jew eżibizzjoni.

    4.3.3

    Dan il-kriterju tal-ewwel parteċipazzjoni huwa meqjus bħala inadegwat għal strateġija ta’ żvilupp fil-livell internazzjonali li timplika l-preżenza fl-istess suq matul mill-inqas 3 snin qabel ma tkun tista' tiġi żviluppata strateġija ta’ żvilupp (aġent, twaqqif, distribuzzjoni). Għalhekk, il-KESE jipproponi li l-kriterju fl-Artikolu 27(3) “għall-ewwel parteċipazzjoni” jinbidel bil-kriterju “għall-parteċipazzjoni f'fiera jew esibizzjoni sa massimu ta’ tliet snin wara xulxin”, waqt li it-tnejn l-oħra ma jinbidlux.

    4.4   Sabiex l-għajnuna mill-Istat twassal għal tkabbir sostenibbli u inklużiv

    4.4.1

    L-UE għandha tiggarantixxi li l-għajnuna mill-Istat tistimola l-innovazzjoni, inkluża fil-qasam soċjali permezz tal-għajnuna għall-innovazzjoni soċjali li diġà hija rikonoxxuta fl-“Unjoni għall-innovazzjoni”, tal-użu tat-teknoloġiji ekoloġiċi u tal-iżvilupp tal-kapital uman fi ħdan mudell ta’ żvilupp sostenibbli. Il-KESE jilqa' r-rikonoxximent gradwali tal-għajnuna għall-innovazzjoni soċjali bħala għajnuna kompatibbli mas-suq komuni (8) u jixtieq li dan il-moviment ikompli jikber fil-futur fil-kuntest tal-proċess tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

    4.4.2

    Il-KESE jappoġġja wkoll li tinħoloq għajnuna mill-Istat destinata għar-riċerka u l-iżvilupp li tinkludi l-ħolqien, it-twettiq u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, programmi u servizzi aċessibbli għal gruppi vulnerabbli (b'mod partikolari l-persuni b'diżabilità) fil-ħajja soċjali (9).

    Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

    (2)  http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=SPEECH/12/453&format=HTML&aged=0&language=EN (mhux disponibbli bil-Malti)

    (3)  (ĠU C 65, 17.3.2006, p. 1, punt 3.1) – mhux disponibbli bil-Malti.

    (4)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/intm/132797.pdf.

    (5)  Ara r-regoli temporanji għall-għajnuna mill-Istat stabbiliti b'risposta għall-kriżi ekonomika u finanzjarja.

    (6)  ĠU C 136, 16.6.2009, p. 3 – mhux disponibbli bil-Malti.

    (7)  Ara l-punt 17 tal-Komunikazzjoni.

    (8)  COM(2010) 546 final; COM(2011) 609 final; ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3.

    (9)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1.


    Top