Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0535

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Abbozz ta’ Regolament (UE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fil-gżejjer minuri fil-baħar Eġew” COM(2010) 767 finali – 2010/0370 (COD)

    ĠU C 132, 3.5.2011, p. 82–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 132/82


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Abbozz ta’ Regolament (UE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fil-gżejjer minuri fil-baħar Eġew”

    COM(2010) 767 finali – 2010/0370 (COD)

    2011/C 132/15

    Relatur uniku: Is-Sur POLYZOGOPOULOS

    Nhar it-18 u l-20 ta’ Jannar 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rispettivament iddeċiedew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    l-Abbozz ta’ Regolament (UE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fil-gżejjer minuri fil-baħar Eġew

    COM(2010) 767 finali – 2010/0370 (COD)

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Frar 2011.

    Matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2011 (seduta tal-15 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’174 vot favur, 6 voti kontra u 17-il astensjoni.

    Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.   Konklużjonijiet

    Il-KESE jilqa’ dan ir-regolament billi jikkostitwixxi abbozz ta’ proposta għal riformulazzjoni tar-regolament preċedenti (KE) nru 1405/2006, għar-raġunijiet imsemmija hawn taħt.

    1.1

    Ir-regolament preċedenti ġie emendat kemm-il darba parzjalment minħabba l-mod kif żviluppat il-leġislazzjoni Ewropea u parzjalment minħabba l-konformità mat-Trattat ta’ Lisbona. Hemm bżonn ukoll li tinbidel l-istruttura tat-test leġislattiv b’tali mod li fil-verżjoni l-ġdida tar-regolament jiġi ċċarat ir-rwol ċentrali tal-programm ta’ appoġġ u ssir enfasi fuq:

    a)

    l-arranġamenti speċifiċi tal-provvista u

    b)

    l-miżuri speċifiċi favur il-produzzjoni lokali.

    1.2

    It-test il-ġdid tar-regolament isemmi b’mod espliċitu l-elementi essenzjali tal-arranġamenti speċifiċi għall-prodotti agrikoli ta’ importanza għall-gżejjer minuri fil-baħar Eġew biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li jirriżultaw mill-iżolament, id-distanza, l-insularità, iċ-ċokon, il-muntanji, il-klima u d-dipendenza ekonomika tagħhom fir-rigward tal-għadd żgħir ta’ prodotti li jipproduċu.

    1.3

    L-Artikolu 2 tar-regolament il-ġdid jenfasizza l-miżuri li minn naħa jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet biex tiġi żgurata l-provvista lill-gżejjer minuri tal-prodotti li huma essenzjali għall-konsum tal-bniedem jew għall-ipproċessar jew bħala kontribut agrikolu b’enfasi fuq l-ispejjeż addizzjonali għad-distanzi twal, l-insularità u ċ-ċokon, u min-naħa l-oħra, għaż-żamma u l-iżvilupp tal-attività agrikola fil-gżejjer minuri, inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti lokali.

    1.4

    L-għan tar-regolament huwa li jiżgura li l-Greċja tapplika b’mod uniformi l-arranġament għall-gżejjer iż-żgħar fil-baħar Eġew bħalma jagħmlu arranġamenti oħrajn simili biex ikunu evitati d-distorzjonijiet kompetittivi jew diskriminatorji fost l-operaturi.

    1.5

    Ir-regolament jiżgura ġestjoni baġitarja tajba, billi fil-programm tagħha, il-Greċja għandha tindika l-lista ta’ għajnuniet li jikkostitwixxu pagamenti diretti għall-prodotti lokali fejn irid jissemma b’mod partikolari l-mod kif ġie definit l-ammont.

    1.6

    Ir-regolament jistabbilixxi li l-limitu għall-finanzjament tas-sistema speċifika ta’ allokazzjoni qiegħed jiżdied b’20 %.

    1.7

    Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li timplimenta l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-iskema taċ-ċertifikati u l-impenji tal-operaturi rigward l-arranġamenti speċifiċi tal-provvista, kif ukoll ta’ koordinazzjoni ġenerali tal-kontrolli li l-Greċja għandha tapplika.

    1.8

    B’konformità mal-Artikolu 11(2), il-Kummissjoni issa ilha li drat li tadotta, permezz ta’ att delegat, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-operaturi fir-reġistru taċ-ċertifikati, timponi r-rekwiżit ta’ garanzija għall-preżentazzjoni taċ-ċertifikati u tadotta l-miżuri marbuta mat-twaqqif tal-proċedura tal-adozzjoni tal-emendi għall-programm.

    Raġunijiet

    2.   Daħla

    2.1   B’konformità mar-Regolament (KE) nru 1782/2003, l-għanijiet tal-miżuri u l-prinċipji tal-programmazzjoni, tal-kompatibbiltà u tal-koerenza mal-politiki l-oħra tal-Unjoni stabbilixxew ir-regoli komuni għas-sistemi ta’ appoġġ dirett, fil-qafas tal-politika agrikola komuni.

    2.2   Skont l-Artikolu 291(2) tat-Trattat, il-Kummissjoni, mgħammra bis-setgħa tal-implimentazzjoni, tieħu d-dispożizzjonijiet regolamentari meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-Greċja tapplika b’mod uniformi l-arranġamenti għall-gżejjer minuri fil-baħar Eġew bl-istess mod ta’ arranġamenti oħrajn simili, biex ikunu evitati d-distorzjonijiet kompetittivi jew diskriminatorji fost l-operaturi.

    2.3   Ir-regolament jiżgura l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-iskema taċ-ċertifikati u l-impenn tal-operaturi rigward l-arranġamenti speċifiċi tal-provvista (Artikolu 11(3)).

    2.4   Ir-regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-programm (Artikolu 6(2), Artikolu 15(3) u Artikolu 18(3)) u qafas ġenerali tal-kontrolli li għandha tapplika l-Greċja (Artikolu 7(12), Artikolu 12(2) u Artikolu 14(1)).

    2.5   Il-KESE huwa tal-fehma li kemm fit-tisħiħ tal-kontenut tar-regolament li qiegħed jiġi adottat kif ukoll fit-tħejjija ta’ politika integrata fiż-żona mifruxa li jokkupaw il-gżejjer minuri fil-baħar Eġew, għandhom jintużaw id-dibattiti dwar il-pożizzjoni u l-proposti msemmija fil-punti 4, 5, 6 u 7 ta’ din l-opinjoni.

    3.   Ir-regolament propost fil-qosor

    3.1   Minħabba l-bosta modifiki u minħabba t-tħassib dwar l-armonizzazzjoni mat-Trattat ta’ Lisbona, ir-regolament il-ġdid jikkanċella r-regolament preċedenti (KE) nru 1405/2006 u jissostwixxih b’test ġdid.

    3.2   Il-kontenut tal-programm ta’ appoġġ għall-gżejjer minuri fil-baħar Eġew (Kapitolu II, Artikolu 5), li tħejja mill-Greċja u tressaq lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni, ġie ċċarat bl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u b’konformità miegħu. Bl-istess approċċ, il-Greċja, bis-saħħa tal-awtoritajiet li ħatret hi stess, għandha l-flessibbiltà kollha biex tbiddel il-programm (Kapitolu II, Artikoli 3 u 6) bl-emendi neċessarji.

    3.3   Ġew stabbiliti arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għall-prodotti agrikoli tal-Unjoni, li fil-gżejjer minuri fil-baħar Eġew, huma essenzjali għall-konsum tal-bniedem jew għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra jew bħala kontributi agrikoli (Artikolu 3). Ġie stabbilit ukoll li l-Greċja għandha tħejji rapport dwar il-provvista biex tkopri l-ħtiġiet ta’ provvista ta’ dawn il-gżejjer.

    3.4   Intlaħaq ftehim dwar l-appoġġ għal kull produzzjoni agrikola tal-gżejjer minuri skont il-kriterju tal-ispiża tal-kummerċjalizzazzjoni kkalkulat mill-portijiet tal-Greċja kontinentali li jwettqu l-provvista u l-ispejjeż supplimentari li jistgħu jinqalgħu b’riżultat tan-natura insulari u ċ-ċokon tagħhom.

    3.5   Is-sitwazzjoni ġeografika partikolari, l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport tal-prodotti u l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-iżolament iwasslu għal żvantaġġi li, biex jiġu kumpensati jfissru t-tnaqqis fil-prezz tal-prodotti konċernati, u għalhekk jinħtieġ arranġament speċifiku tal-provvista. Il-prodotti li ser ikunu soġġetti għall-arranġament speċjali tal-provvista għandhom ikunu ta’ kwalità għolja u adatti għas-suq, b’tali mod li tiġi evitata l-ispekulazzjoni.

    3.6   Sabiex tinżamm il-kompetittività tal-prodotti tal-Unjoni, għandhom jingħataw għajnuniet għall-provvista ta’ prodotti tal-Unjoni lill-gżejjer minuri fil-baħar Eġew, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport.

    3.7   F’każ li jinħoloq vantaġġ ekonomiku mill-arranġamenti speċjali tal-provvista, huwa projbit li l-prodotti jintbagħtu jew jiġu esportati. Madankollu, il-prodotti jistgħu jinbiegħu fis-swieq esterni sakemm il-vantaġġ ekonomiku li jinħoloq mill-arranġament speċifiku tal-provvista jiġi rimborżat. Barra minn hekk, il-prodotti konċernati mill-arranġament speċifiku tal-provvista huma soġġetti għal kontrolli amministrattivi (Artikolu 14).

    3.8   L-għajnuna tingħata meta l-operaturi jippreżentaw ċertifikat li juri r-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistri konċernati.

    3.9   Qed jitħeġġu l-kummerċ tal-prodotti pproċessati bejn il-gżejjer minuri fil-baħar Eġew u l-esportazzjoni tagħhom lejn il-bqija tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi.

    3.10   Qiegħed jingħata inċentiv għall-għajnuna lill-produzzjoni lokali, li ngħata bis-saħħa tal-programm ta’ appoġġ li stabbilixxa għall-ewwel darba r-Regolament KE nru 1405/2006 u li jħeġġeġ il-produzzjoni, il-kummerċ u l-ipproċessar ta’ sensiela sħiħa ta’ prodotti, billi hemm provi li l-miżuri stabbiliti mir-regolament kienu effettivi għall-attività agrikola.

    3.11   Qegħdin jiġu stabbiliti għadd ta’ miżuri għall-finanzjament tal-istudji, l-abbozzi ta’ demostrazzjoni, it-taħriġ u xi miżuri ta’ għajnuna teknika (Artikolu 15).

    3.12   Qegħdin jiġu stimulati l-produzzjoni agrikola u l-kummerċ tal-prodotti ta’ kwalità.

    3.13   Ir-regolament propost jiddetermina l-kompetenzi tal-Kummissjoni fl-adozzjoni tal-atti delegati, li għandhom jiġu notifikati lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

    4.   Rakkomandazzjonijiet

    Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiġu enfasizzati b’mod partikolari u adottati l-miżuri li ġejjin:

    4.1

    Il-prodotti agrikoli għandhom jiġu inkorporati fit-tħejjija ta’ qafas adatt għall-iżvilupp tat-turiżmu insulari, u, b’mod partikolari, biex dawn il-prodotti jsiru punt ta’ attrazzjoni Ewropew u internazzjonali għall-konsumaturi li japprezzaw il-valur nutrittiv speċifiku ta’ dieta Mediterranja u tal-prodotti organiċi lokali.

    4.2

    Bl-istess mod, għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-prodotti agrikoli tradizzjonali jintużaw b’mod iktar effettiv, billi hemm talba għalihom li qed tiżdied, anke f’setturi ekonomiċi oħra, l-iktar fl-industrija tal-farmaċija, tal-kosmetiċi, tal-omeopatija, billi dawn il-prodotti għandhom ukoll proprjetajiet terapewtiċi (il-gomma ta’ Chios, iż-żejt taż-żebbuġa, l-għasel, diversi ħwawar, eċċ.).

    4.3

    Huwa mument opportun biex il-poplu tal-gżejjer jiġi infurmat dwar il-valur nutrittiv u ekonomiku tal-prodotti tiegħu. Il-KESE jipproponi li, fuq gżira sitwata f’post strateġiku, titwaqqaf skola interreġjonali fuq l-istess linji ta’ “programm Erasmus għall-istudenti u l-ħaddiema tas-settur tal-agrituriżmu, jew tal-kultivazzjoni tal-prodotti agrikoli”.

    4.4

    Għandhom jiġu previsti miżuri biex jinħolqu programmi edukattivi bil-għan li l-universitajiet nazzjonali u internazzjonali jieħdu sehem fil-programmi ta’ taħriġ biex jitwettqu l-istudji u ssir riċerka xjentifika dwar l-iżvilupp tal-potenzjal tal-prodotti insulari u l-użu tagħhom.

    4.5

    Għandu jiġi implimentat, b’kawtela kbira, approċċ speċifiku favur il-popolazzjoni insulari vulnerabbli, immirat b’mod speċjali lejn ir-reġjuni iżolati, li jkollu linji gwida għaż-żamma tal-popolazzjoni fil-gżejjer u għall-għoti tal-inċentivi (essenzjalment dawk finanzjarji u b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ), bit-twaqqif ta’ programmi ta’ sussidji għall-iżvilupp tal-attività kummerċjali fir-reġjuni mbiegħda. Dawn il-programmi, li mhumiex sottomessi għall-ħlas lura tas-surpluses, għandhom jiffokaw fuq il-possibbiltajiet għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżejjer, filwaqt li jiġu kkunsidrati s-singularità u l-ispeċifiċità tagħhom, u b’konformità mal-karatteristiċi ġeografiċi u ġeoloġiċi tagħhom.

    4.6

    Għandha tiġi enfasizzata l-ħtieġa għaż-żieda fil-kwalità tal-prodotti agrikoli, li fl-istess ħin għandha tkun akkumpanjata minn tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni.

    4.7

    Għandhom jinħolqu diversi kriterji speċifiċi li jqisu l-ispeċifiċitajiet morfoloġiċi tal-art u l-kompożizzjoni ġeoloġika tagħha.

    5.   Kummenti ġenerali

    Huwa u jirrikonoxxi l-fatturi partikolari li jillimitaw l-iżvilupp agrikolu tal-gżejjer fil-baħar Eġew, il-KESE huwa tal-fehma li dan ir-regolament jista’ jittejjeb jekk iqis dawn l-elementi li ġejjin:

    5.1

    Billi huma limitati, ir-riżorsi essenzjali bħall-ilma, l-enerġija u l-materja prima, għandhom ikunu soġġetti għal ġestjoni rigoruża fil-gżejjer tal-baħar Eġew. Din l-osservazzjoni tgħodd b’mod partikolari għax-xhur tas-sajf minħabba l-fluss kbir ta’ turisti u nies li jmorru għall-vaganzi tas-sajf, meta r-reġjuni insulari jiffaċċjaw problemi ta’ disponibbiltà ta’ riżorsi tal-ilma, tal-enerġija, eċċ. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-problemi msemmija hawn fuq biex jiġu indirizzati b’tali mod li tiġi żgurata ġestjoni aħjar tar-riżorsi u r-rispett tal-bilanċ fl-ambjent naturali. Għal dan il-għan, ir-regolament jista’ jipprevedi politiki ta’ appoġġ biex jiġu indirizzati dawn il-problemi speċifiċi kbar.

    5.2

    Il-bidliet fl-użu tar-raba’ fil-gżejjer: l-artijiet agrikoli dejjem qed jonqsu fil-gżejjer minħabba li qed jintużaw għal attivitajiet oħra, billi jinbnew, jew, minħabba t-tnaqqis fl-attività agrikola, isiru artijiet mhux maħduma, sterili u abbandunati (hemm “iffriżar ta’ artijiet” permanenti). Għalhekk, għandu jitħeġġeġ użu aħjar tal-artijiet bis-saħħa tal-programmi ta’ appoġġ għall-produzzjoni agrikola. Ir-regolament jista’ joħloq qafas ta’ għajnuna.

    5.3

    It-tnaqqis fl-attività u l-abbandun tal-intrapriżi agrikoli, kif ukoll l-akkumulazzjoni ta’ bijomassa mejta (fergħat u ħaxix mejta) li qed titħalla fil-foresti u l-ġonna taż-żebbuġ qed iħeġġu n-nirien tal-foresti li jżommu l-artijiet milli jintużaw għal żmien twil.

    5.4

    Barra minn hekk, hemm bżonn li jerġa’ jinstab bilanċ bejn l-artijiet magħżula għall-iżvilupp tat-turiżmu u dawk dedikati għall-agrikoltura. Dawn iż-żewġ setturi għandhom ikunu kumplementari.

    5.5

    Għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-settur primarju, li qed jitlef ħafna impjiegi, filwaqt li fl-istess ħin l-impjieg fis-settur terzjarju qed jiżdied.

    6.   Kummenti speċifiċi

    6.1   Kreta u l-Euboea għandhom jiddaħħlu fir-regolament.

    6.2   Għandhom jitniedu inizjattivi mifruxa fuq sena bil-għan li jittejbu l-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-prodotti agrikoli. Dawn l-azzjonijiet huma mmirati speċifikament biex tiżdied il-produzzjoni, iżda fl-istess ħin anke biex tittejjeb il-kwalità.

    6.3   Għandha tiġi prevista għajnuna għal kull ettaru marbut mar-riabilitazzjoni u t-tqassim mill-ġdid taż-żoni rurali, għall-preservazzjoni tal-ġonna tradizzjonali taż-żebbuġ u tal-frott ċitriku tal-gżejjer minuri fil-baħar Eġew.

    6.4   Għandha tiġi allokata għajnuna finanzjarja addizzjonali għall-prodotti bħall-patata li tittiekel u li tinżara’, il-qaqoċċ ta’ Tinos, il-pruna ta’ Skopelos, it-tadam ċirasa ta’ Santorini, il-frott ċitriku, il-fażola tal-ispeċi Lathyrus sp. u l-fażola ħadra, ix-xgħir ta’ Lemnos, il-varjetà sħiħa ta’ ġobon tradizzjonali – pereżempju il-graviera ta’ Naxos jew il-ġobon kalathaki ta’ Lemnos (denominazzjoni protetta ta’ oriġini), il-likur tal-lumi, ir-rakomelo ta’ Amorgos, il-biskuttini tal-lewż manifatturati f’Sifnos jew f’Lesbos, is-sardin ta’ Kalloni, eċċ.

    L-għasel u ż-żejt jagħmlu parti mill-prodotti ewlenin għall-identità u l-kwalità tal-produzzjoni agrikola tal-gżejjer iż-żgħar.

    6.5   Għandha tiġi enfasizzata l-kultivazzjoni tradizzjonali tas-siġra tal-gomma tal-gżira ta’ Chios kif ukoll il-kultivazzjoni tad-dwieli għall-produzzjoni tal-inbejjed li jibbenefikaw mill-indikazzjoni ġeografika protetta, fiż-żoni tal-kultivazzjoni tradizzjonali tal-gżejjer minuri fil-baħar Eġew.

    6.5.1   Għandu jiġi previst appoġġ finanzjarju għall-artijiet kollha mikrija.

    6.5.2   Jeħtieġ li jiżdied l-appoġġ għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-ikel.

    6.5.3   Għandu jiġi previst appoġġ finanzjarju rigward il-mezzi biex jittejbu l-produzzjoni, il-ħażna, l-istandards u d-distribuzzjoni tal-inbejjed u ż-żjut taż-żebbuġa prodotti fil-gżejjer.

    Kundizzjonijiet:

    6.5.4   Il-limitu massimu ta’ redditu, li ġie stabbilit għall-kultivazzjoni, l-użu u l-produzzjoni għal kull ettaru, ma jistax jinqabeż.

    6.5.5   Għandhom jiġu implimentati t-tekniki tal-kultivazzjoni bħal dawk previsti fil-liġi nazzjonali.

    6.5.6   Il-produzzjoni għandha tinkludi d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew ta’ kwalità superjuri.

    6.5.7   Ser ikollhom jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi nazzjonali u l-liġi Ewropea.

    7.   Proposti

    7.1   Fil-fehma tal-KESE, ir-regolament għandu jiffaċilita l-ħolqien ta’ rabtiet ma’ setturi oħra tal-ekonomija lokali (it-turiżmu, l-artiġġjanat, il-kummerċ) filwaqt li jenfasizza wkoll il-bidla fl-orjentazzjoni tal-prodott turistiku.

    7.2   Il-KESE huwa tal-fehma li wieħed għandu jinsisti fuq it-taħriġ fil-metodi ta’ kultivazzjoni u l-proċeduri ta’ kif jinġabar il-frott, l-iskoperta ta’ siti ta’ interess ġeoloġiku, l-għarfien tal-ispeċi tal-annimali preżenti fl-ekosistemi agrikoli, id-dieta Mediterranja, l-ikel tajjeb għas-saħħa u l-prodotti organiċi.

    7.3   Il-KESE jemmen li l-esperjenza tas-sensazzjonijiet offruti mid-dell u s-sliem tal-ġonna taż-żebbuġ jew tal-agrumi, il-kuntatt mal-art, il-paċi u n-nuqqas ta’ storbju, il-vjaġġ f’qalb il-pajsaġġ rurali lokali, jew aħjar it-taħlita simultanja ta’ dawn id-doni, jikkorrispondu ma’ forom partikolari u oriġinali tat-turiżmu (it-turiżmu kulturali u ekoloġiku, l-agrituriżmu, it-turiżmu għat-titjib tas-saħħa, it-turiżmu tal-mixi, it-turiżmu gastronomiku, eċċ.).

    B’hekk jinħoloq ukoll prodott turistiku b’differenza, b’rabta diretta mal-prodotti agrikoli li huma stess huma marbuta u assoċjati mat-turiżmu ta’ kwalità, mal-gastronomija (id-dieta Mediterranja), mal-prodotti organiċi u mal-agrituriżmu. Jista’ jiġi evitat ukoll it-turiżmu tal-massa, jiġifieri l-formula tradizzjonali ta’ xemx u baħar. Ir-regolament ser jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ dawn l-għażliet.

    7.4   Fil-fehma tal-KESE, fil-qafas tal-politiki tal-UE, pereżempju dwar il-prodotti organiċi, il-prodotti kosmetiċi jew tal-parafarmaċija, u fid-dawl tal-promozzjoni tal-prodotti kultivati fil-Mediterran, ser ikun possibbli li fuq waħda mill-gżejjer fil-baħar Eġew jitwaqqaf servizz jew amministrazzjoni responsabbli għall-programmi ta’ taħriġ kontinwu dwar id-dieta Mediterranja tajba għas-saħħa jew il-gastronomija Mediterranja.

    7.5   Il-Kumitat jirrakkomanda li titfassal politika pilota bbażata fuq il-mudell ta’ għarfien tal-kooperattiva tal-Assoċjazzjoni tal-produtturi tal-gomma ta’ Chios, li għandha l-għan prinċipali li, fil-Greċja u fl-Ewropa kollha, tiżviluppa netwerk ta’ ħwienet (“mastihashop”), sabiex tiġi promossa u ssir sensibilizzazzjoni dwar il-gomma, id-diversi użi u proprjetajiet tagħha, ibda mill-prodotti li jitħejjew b’din is-sustanza f’Chios, fil-Greċja u fl-Unjoni Ewropea.

    7.6   Il-KESE diġà ppropona, pereżempju fid-dossiers ECO/213 (10 ta’ Lulju 2008) u ECO/262 (15 ta’ Lulju 2010), lill-assemblea plenarja tiegħu li tingħata prijorità lill-agrituriżmu, b’rabta mal-għajnuna għall-impjieg.

    7.6.1   Għalhekk, fil-fehma tiegħu, ir-regolament għandu jixpruna l-impjieg tal-abitanti tal-gżejjer fis-settur agrikolu, billi jappoġġjah b’mod konkret permezz tar-rikonoxximent tad-dritt tagħhom għall-investiment fl-agrituriżmu u d-dħul minnu. Wieħed mill-elementi essenzjali biex dawn iż-żewġ attivitajiet jgħinu lil xulxin huwa li jiġi adottat l-istatus doppju tal-artijiet, li għandu jkollhom skop agrikolu (jew ta’ forestrija) u agrituristiku fl-istess ħin. Madankollu, dan id-dritt m’għandux ikun marbut ma’ parti ta’ art, iżda mal-użu

    7.6.2   Għandhom jiġu garantiti l-kundizzjonijiet favorevoli għall-agrituriżmu, jiġifieri dawk li jikkonċernaw id-dritt li tinbena u tiġi użata ażjenda żgħira tat-turiżmu rurali fi ħdan l-agrikoltura, dritt li jingħata u jiġġedded bil-patt u l-kundizzjoni li tinżamm u tiġi segwita l-produzzjoni (taż-żebbuġ, tal-għeneb, tal-larinġ, tal-mandolin, tal-gomma, tal-għasel, tat-tin, eċċ.).

    7.6.3   Fiż-żoni żvantaġġati tal-gżejjer minuri, fejn il-popolazzjoni naqset jew fejn l-artijiet agrikoli huma abbandunati, l-iżvilupp tal-agrikoltura fuq bażi part-time joffri l-iktar soluzzjoni adatta u l-iktar waħda stabbli għaż-żamma tal-popolazzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent insulari.

    Għal dan il-għan, ir-regolament jista’ jagħti kontribut filwaqt li jservi bħala katalist għall-preservazzjoni tal-ħajja, tar-rikkezzi naturali u tal-ambjent, għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha li jżuru dawn ir-reġjuni insulari, u naturalment għall-abitanti tagħhom.

    7.7   Fl-aħħar nett, il-KESE jqis li s-setturi essenzjali għall-iżvilupp tal-gżejjer huma l-ewwel nett is-setturi tal-agrikoltura u tat-turiżmu. Fil-gżejjer hemm ukoll oqsma oħra ta’ attività, bħat-trobbija tal-annimali, is-sajd, in-navigazzjoni u s-settur kulturali. Dawn is-setturi jistgħu jiġu użati b’mod simultanju għall-promozzjoni u l-iżvilupp tal-prodotti agrikoli lokali fis-suq. Sabiex dan jitwettaq hemm bżonn ta’ appoġġ għar-riċerka, pereżempju bil-ħolqien ta’ skejjel tal-agrikoltura, bi tnedija ta’ strateġija ta’ tkabbir ibbażata fuq l-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-għoti ta’ vantaġġi kompetittivi ġodda u dinamiċi, jew bl-użu tal-potenzjal tal-gżejjer fl-Eġew fl-oqsma tal-edukazzjoni u r-riċerka. B’hekk jitfassal qafas integrat għal strateġija li tindirizza s-setturi kollha tal-ekonomija, li tmur lilhinn mill-iskema klassika tal-gżira-Stat, bħal Malta u Ċipru, jew il-mudell tal-gżejjer li għandhom identità reġjonali qawwija, bħal Sardinja u Korsika, li toħloq mudell kontemporanju ġdid ta’ tkabbir insulari li jiġi applikat għall-agrikultura iżda wkoll, b’mod ġenerali, għall-gżejjer iż-żgħar fil-baħar Eġew.

    Βrussell, 15 ta’ Marzu 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    Top