This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010IP0241
Floods in central European countries, in particular Poland, the Czech Republic, Slovakia, Hungary and Romania, and in France European Parliament resolution of 17 June 2010 on the floods in central European countries, in particular Poland, the Czech Republic, Slovakia, Hungary and Romania, and in France
L-għargħar fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, b'mod partikolari fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija u fi Franza Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-għargħar f'pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, b'mod partikolari l-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija, u fi Franza
L-għargħar fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, b'mod partikolari fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija u fi Franza Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-għargħar f'pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, b'mod partikolari l-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija, u fi Franza
ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 128–130
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
12.8.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 236/128 |
Il-Ħamis 17 ta’ Ġunju 2010
L-għargħar fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, b'mod partikolari fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija u fi Franza
P7_TA(2010)0241
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-għargħar f'pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, b'mod partikolari l-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija, u fi Franza
2011/C 236 E/22
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 191 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108) u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-18 ta’ Mejju 2006,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa (1), tat-8 ta’ Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (in-nirien u l-għargħar) fl-Ewropa (2), tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (in-nirien tal-foresti, n-nixfiet u l-għargħar) (3) u tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar in-nirien tal-foresti u l-għargħar (4),
wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2009)0147) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (COM(2009)0082),
wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Reġjuni 2020 - valutazzjoni ta’ sfidi tal-ġejjieni għar-reġjuni tal-UE” (SEC(2008)2868),
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-diżastru naturali kbir li seħħ fir-reġjun awtonomu ta’ Madejra fl-24 ta’ Frar 2010 u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2010 dwar id-diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta’ Madejra u l-effetti tal-maltempata “Xynthia” fl-Ewropa (5),
wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. |
billi seħħew diżastri naturali kbar, fil-forma ta’ għargħar f'diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, partikolarment fil-Polonja, fir-Repubblika Ċeka, fis-Slovakkja u fl-Ungerija u r-Rumanija, kif ukoll fil-Ġermanja u fl-Awstrija, u riċentament fi Franza, bir-riżultat li xi nies mietu u oħrajn indarbu u li nneċessita wkoll l-evakwazzjoni ta’ eluf ta’ persuni, |
B. |
billi dawk id-diżastri kkawżaw ħsarat gravi, inkluż fuq l-infrastruttura, l-impriżi u l-art agrikola, filwaqt li qerdu ukoll elementi tal-wirt naturali u kulturali, u possibbilment ħolqu riskji għas-saħħa pubblika, |
C. |
billi jeħtieġ li ssir rikostruzzjoni taż-żoni meqruda jew danneġġati mid-diżastri biex jitpatta għat-telf ekonomiku u soċjali tagħhom, |
D. |
billi l-frekwenza, is-severità, il-kumplessità u l-impatt tad-diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem madwar l-Ewropa tqawwew bil-ħeffa f'dawn l-aħħar snin, |
1. |
Jesprimi s-simpatija tiegħu mal-abitanti tar-reġjuni milquta mid-diżastri, jieħu nota tal-effetti ekonomiċi serji possibbli, u jesprimi r-rispett u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; |
2. |
Jirrikonoxxi l-isforzi ma jaqtgħu xejn tal-ekwipaġġi tat-tiftix u tas-salvataġġ biex isalvaw il-ħajjiet u jnaqqsu l-ħsarat fiż-żoni milquta; |
3. |
Jifraħ bl-azzjonijiet tal-Istati Membri li pprovdew għajnuna liż-żoni milquta, għax is-solidarjetà Ewropea tissarraf f'għajnuna reċiproka f'qagħdiet ħżiena; |
4. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrevedu l-ippjanar, il-politiki dwar l-użu sostenibbli tal-artijiet, il-kapaċitajiet ta’ assorbiment tal-ekosistemi u l-aqwa prattiki fid-dawl tar-riskji miżjuda ta’ għargħar li jirriżultaw mill-mod li bih jiġu ġestiti l-art, il-ħabitats u s-sistemi tal-iskular tal-ilma u biex iqawwu l-kapaċità tal-infrastruttura għall-kontroll tal-għargħar u għall-iskular tal-ilma ħalli jillimitaw il-ħsarat ikkawżati minn kwantitajiet estremi ta’ xita; |
5. |
Jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni milquta mid-diżastri biex jagħtu attenzjoni partikolari għas-sostenibbiltà tal-pjanijiet rispettivi ta’ rikostruzzjoni tagħhom u biex iqisu l-fattibbiltà ta’ investiment fit-tul fil-politiki tal-Istati Membri dwar il-prevenzjoni tad-diżastri u r-reazzjoni għalihom; |
6. |
Jistieden lill-Istati Membri biex jaqdu r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva tal-UE dwar l-Għargħar u biex jimplimentawha; iħeġġeġ li l-mapep tar-riskju tal-għargħar għandhom jitqiesu fil-ġestjoni tal-ippjanar territorjali; jenfasizza li l-prevenzjoni effikaċi tal-għargħar jeħtieġ li tkun ibbażata fuq strateġiji transkonfinali; jinkoraġġixxi lil Stati Membri ġirien biex jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom fit-trattament tal-prevenzjoni tad-diżastri naturali, biex b'hekk jiżguraw li jsir l-aħjar użu possibbli mill-fondi tal-UE allokati għal dan il-għan; |
7. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex bl-akbar ħeffa possibbli jagħtu appoġġ lil dawk milquta mill-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tad-diżastri; |
8. |
Itenni li huwa importanti ħafna li jkun hemm regolament ġdid dwar l-EUSF ibbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2005)0108) biex jiġu indirizzati l-problemi kkawżati mid-diżastri naturali b'mod aktar flessibbli u effikaċi; jikkritika l-fatt li l-Kunsill imblokka l-proposta, minkejja l-fatt li l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu b'maġġoranza kbira ħafna fl-ewwel qari f'Mejju 2006; iħeġġeġ lill-Presidenza Belġjana u lill-Kummissjoni biex ifittxu soluzzjoni bla dewmien għall-attivazzjoni mill-ġdid ta’ dan ir-Regolament, bil-għan li jinħoloq strument aktar qawwi u flessibbli li jkun kapaċi jirreaġixxi b'aktar effikaċja għall-isfidi l-ġodda tat-tibdil fil-klima; |
9. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex, wara li l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jressqu l-pjanijiet rispettivi tagħhom ta’ rikostruzzjoni, minnufih tieħu ġassi ħalli tiżgura li r-riżorsi finanzjarji meħtieġa jintefqu bl-akbar rapidità, effikaċja u flessibbiltà possibbli mill-EUSF; |
10. |
Iħeġġeġ lill-Kummisjsoni biex, minbarra li timmobilizza l-EUSF, tkun miftuħa u flessibbli meta tinnegozja mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali dwar ir-reviżjoni tal-programmi operazzjonali reġjonali għall-perjodu 2007-2013 ffinanzjati mill-ERDF, l-ESF u l-Fond ta’ Koeżjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel din ir-reviżjoni mill-aktar fis possibbli; |
11. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu kont tad-differenzi bejn ir-reġjuni milquta, li jinkludu fost l-oħrajn żoni muntanjużi u oħrajn max-xtut tax-xmajjar, biex tgħin lill-vittmi bl-aħjar mod possibbli; |
12. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fiż-żoni milquta. |
(1) ĠU C 272 E, 13.11.2003, p. 471.
(2) Testi adottati, P6_TA(2005)0334.
(3) Testi adottati, P6_TA(2006)0222, 0223 u 0224.
(4) Testi adottati, P6_TA(2006)0349.
(5) Testi adottati, P7_TA(2010)0065.