EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0154

White Paper tal-Kummissjoni bit-titlu L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta' Mejju 2010 dwar il-White Paper tal-Kummissjoni bit-titlu “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” (2009/2152(INI))

ĠU C 81E, 15.3.2011, p. 115–128 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 81/115


Il-Ħamis, 6 ta' Mejju 2010
White Paper tal-Kummissjoni bit-titlu L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni

P7_TA(2010)0154

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-White Paper tal-Kummissjoni bit-titlu “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” (2009/2152(INI))

2011/C 81 E/21

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni bit-titlu “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2009)0147),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar “Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa — alternattivi għall-azzjoni tal-UE” (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 dwar l-“2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima” (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2009 dwar in-nirien tal-foresti fis-sajf 2009 (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Konferenza ta' Kopenħagen dwar il-Bidla fil-Klima (COP 15) (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-eżitu tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 15) (5),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-Protokoll ta' Kyoto għall-UNFCCC u l-eżitu tal-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCC f’Kopenħagen (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/29/KE tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (7),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għas-Sajd (A7-0057/2010),

A.

billi t-tisħin globali u t-tibdil fil-klima huma rikonoxxuti bħala theddidiet serji ħafna,

B.

billi l-effetti tat-tibdil fil-klima se jħallu impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali sinifikanti,

C.

Billi, anke jekk id-dinja jirnexxilha tillimita u tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra, xorta teħtieġ sforzi ta' adattament sinifikanti biex tindirizza l-impatti li ma jistgħux ikunu evitati,

D.

billi l-objettiv li t-tisħin globali jitwaqqaf f’+2 °C xorta jkun ifisser xenarju ta' tisħin għall-Ewropa, ikkaratterizzat minn tibdil klimatiku reġjonali estrem, u billi l-wegħdiet attwali li ġew innotifikati lill-UNFCC flimkien jammontaw għal tisħin ta' +3.5-4 °C jekk jiġu implimentati,

E.

billi l-impatti tat-tibdil fil-klima se jaffettwaw reġjuni Ewropej b'modi differenti, fi gradi differenti ta' severità u f’perjodi ta' żmien differenti,

F.

billi, kif indikat fil-White Paper tal-Kummissjoni, l-adattament se jirrikjedi solidarjetà fost l-Istati Membri tal-UE lejn ir-reġjuni żvantaġġati u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tibdil fil-klima,

G.

billi n-nofsinhar tal-Ewropa u l-baċir Mediterranju huma żewġ żoni tal-Ewropa li huma partikolarment vulnerabbli u li diġà qed jaffrontaw l-iskarsezza tal-ilma, in-nixfiet u n-nirien forestali, u billi r-riċerka riċenti tindika li hu mistenni tnaqqis li jilħaq il-25 % fil-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba fin-nofsinhar tal-Ewropa (8),

H.

billi, skont is-Soċjetà Respiratorja Ewropea, għal kull żieda ta' grad Celsius fit-temperatura aktar minn limitu minimu speċifiku għal belt partikulari, il-mortalità fost dawk bi problemi respiratorji tiżdied b’6 %,

I.

billi t-taqsima intitolata “Id-dimensjoni esterna u l-ħidma li għaddejja taħt il-UNFCCC” fil-White Paper hija waħda importanti u hemm bżonn li l-UE titkellem b’leħen wieħed sabiex terġa’ tieħu rwol mexxej fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, waqt li tgħin biex tinħoloq “diplomazija tal-klima” ġdida, kif mitlub fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-eżitu tal-Konferenza ta' Kopenħagen,

J.

billi l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent aktar estensiv se jinħassu bl-aktar mod gravi b’manjiera indiretta, permezz tad-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi li huma fundamentali għall-benessri tal-bniedem, u billi dan jirrikjedi li l-protezzjoni tal-ekosistemi tkun il-pedament ta' strateġija tal-UE għall-adattament,

K.

billi t-temperaturi medji li qed jogħlew inaqqsu t-talba għaż-żejt u l-gass għall-iskopijiet ta' tisħin, imma billi fl-istess ħin qed jiżdied in-numru ta' ġranet meta jkun hemm bżonn tat-tkessiħ, fatt li jista’ jżid it-talba għall-elettriku,

L.

billi l-leġiżlazzjoni eżistenti Ewropea li tindirizza direttament il-kwistjonijiet ambjentali trid tipprovdi bażi konkreta biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li taffronta l-impatti tat-tibdil fil-klima,

M.

billi l-azzjoni meħuda fuq livell Ewropew għandha tistabbilixxi u tissodisfa l-ogħla standards fejn jidħol ir-rispett tal-ambjent, kemm fuq żmien fil-qosor kif ukoll fit-tul (inkluż l-adattament għat-tibdil fil-klima),

1.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-White Paper imsemmija hawn fuq;

2.

Jaqbel mal-għan tal-Qafas ta' Adattament propost tal-UE, i.e. li jtejjeb il-kapaċità tal-UE li tilqa’ għall-impatt tat-tibdil fil-klima;

3.

Jilqa’ b’mod speċjali l-enfasi tal-White Paper fuq it-tisħiħ tal-kapaċità ta' rkupru tal-ekosistemi kollha bħala difiża essenzjali kontra l-impatti tat-tibdil fil-klima; jenfasizza b’mod ulterjuri li l-ekosistemi naturali huma żoni għall-assorbiment tal-karbonju l-aktar importanti tad-dinja, peress li jaqbdu 50 % tal-emissjonijiet annwali globali tal-gassijiet bl-effett ta' serra u jikkontribwixxu kemm għall-mitigazzjoni u għall-adattament;

4.

Jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti pjanijiet ta' adattament nazzjonali bbażati fuq qafas Ewropew komuni li jippermetti li l-Istati Membri jippjanaw u jikkomunikaw l-isforzi ta' adattament tagħhom; jikkunsidra li hemm bżonn li dawn il-pjanijiet jinkludu mapep tar-riskji u tal-perikli li juru l-infrastruttura u l-istallazzjonijiet li jistgħu jkunu ta' riskju għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika f’każ li jseħħu avvenimenti meteoroloġiċi avversi; jitlob li din l-informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku u għal Stati Membri oħrajn;

5.

Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni adattata fil-politiki kollha tal-UE, b’mod partikulari l-politiki komuni għall-agrikoltura u s-sajd, il-politika għall-forestrija u l-politika ta' koeżjoni, u fil-leġiżlazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatti ambjentali, il-permessi għall-ippjanar u l-istandards tal-bini, (u tkun żgurata l-koerenza ta' dawn il-miżuri permezz ta' approċċ transsettorjali u orizzontali li jkun ibbażat fuq il-kapaċità ta' rkupru tal-ekosistemi;

6.

Jenfasizza li l-oqsma prinċipali ta' azzjoni identifikati fil-White Paper għandhom jiġu prijoritizzati ulterjorment skont il-kalendarju meta huma mistennija li jseħħu konsegwenzi differenti fl-Ewropa, sabiex ir-riżorsi disponibbli jkunu jistgħu jiġu indirizzati b’mod aktar effikaċi;

L-iżvilupp tal-bażi tal-għarfien

7.

Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li hemm ħtieġa ta' aktar tagħrif dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima, sabiex l-informazzjoni li tirriżulta mill-istħarriġ tkun tista’ tiġi mxerrda bl-akbar mod possibbli u, konsegwentement, ikunu żviluppati miżuri ta' adattament xierqa;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, mhux biss tiżviluppa bażi ta' għerf dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima b’referenza speċifika għall-Unjoni Ewropea, imma biex anke tgħaddi dak l-għerf lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li qed jiġu industrijalizzati sabiex ikunu jistgħu jiużawh sabiex ifasslu r-risponsi tagħhom għall-problema tat-tibdil fil-klima u biex jagħmlu użu effikaċi tal-fondi għall-miżuri ta' protezzjoni klimatika;

9.

Jenfasizza li għandhom jissaħħu l-isforzi tar-riċerka, fil-qafas tas-Seba’ Programm ta’ Qafas attwali u l-programmi qafas għar-riċerka futuri, sabiex ikunu indirizzati nuqqasijiet attwali fl-għerf f’dak li għandu x’jaqsam mal-perikli (diżastri relatati mat-temp li seħħew fil-passat u li hemm probabilità tajba li jseħħu fil-futur) u fatturi relevanti oħra bħall-iżviluppi soċjoekonomiċi (id-distribuzzjoni ġeografika attwali u futura tal-beni fir-riskju) f’postijiet speċifiċi u fi żminijiet speċifiċi, u sabiex ikunu żviluppati modalitajiet u tekniki għall-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri għall-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima u l-kontribut rispettiv tagħhom għat-tnaqqis tal-esponiment jew il-vulnerabilità għar-riskji klimatiċi, u li tingħata prijorità għat-twettiq ta' riċerka u għall-iffinanzjar ta' żviluppi teknoloġiċi fi stati li jġarrbu spejjeż għolja ta' adattament;

10.

Hu tal-fehma li għandhom jitfasslu indikaturi ta' vulnerabilità bħala kwistjoni urġenti, minħabba l-firxa differenti ta' xenarji klimatiċi fi ħdan il-Komunità u jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar riċerka sabiex isir modellar xieraq fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll il-ħtieġa li tkun definita l-kapaċità ta' adattament fit-territorju tal-UE iħeġġeġ, għaldaqstant, liż-ŻEE tipproduċi rapporti li janalizzaw ir-riskji li jippreżenta t-tibdil fil-klima għar-reġjuni l-aktar vulnerabbli tal-Ewropa, li jidentifikaw il-bżonnijiet, il-limiti, il-kalendarji, l-opportunitajiet, il-livelli politiċi u l-għażliet għall-adattament, sabiex tinsilet gwida politika dwar il-prattika ta' adattament u sabiex il-partijiet reġjonali u lokali li għandhom sehem fil-qasam jiġu assistiti biex jiżviluppaw strateġiji ta' adattament b’saħħithom;

11.

Ifakkar, madankollu, li l-inċertezza dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima hija parti integrali mill-problema, u li ġie li jridu jittieħdu deċiżjonijiet f’dan il-qasam mingħajr ma wieħed joqgħod jistenna ċ-ċertezza xjentifika, bi qbil ma' approċċ prekawzjonali;

12.

Hu tal-fehma li huwa meħtieġ li jiġu allokati fondi għar-riċerka dwar il-klima, li tista' ssir b'mod aktar effikaċi fil-livell Ewropew u se tipprovdi bażi soda għall-iżvilupp ta' politiki ta' adattament dwar il-bidla fil-klima;

13.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm aċċess faċli għal data dettaljata (inkluża l-metadata li tiddeskrivi l-metodoloġiji tas-settijiet tad-data) għall-partijiet pubbliċi u privati kollha li għandhom sehem fil-qasam; hu tal-fehma li d-data dwar it-tibdil fil-klima għandha titqies bħala beni pubbliku u għaldaqstant, bi qbil mal-Artikolu 14 tad-Direttiva INSPIRE, għandha ssir disponibbli għall-pubbliku bla ħlas jew bi ħlas li jkopri l-ispiża tal-manteniment ta' settijiet tad-data u s-servizzi tad-data korrispondenti;

14.

Jenfasizza l-bżonn li jiġi żviluppat netwerk ta' inizjattivi lokali u reġjonali għall-adattament għat-tibdil fil-klima u li tiġi skambjata l-esperjenza fuq skala Ewropea; jindika li l-identifikazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-aħjar prattika tista’ tiġġenera valur miżjud għall-istrateġija tal-UE;

15.

Jenfasizza r-relevanza tal-metodi ta' riċerka parteċipatorja bħal dawk imħeġġa fi ħdan il-programm “Ix-Xjenza fis-Soċjetà” taħt is-Seba’ Programm Qafas ta' Riċerka tal-UE, li jiffaċilitaw il-bini komuni ta' għerf b’mod konġunt mal-komunitajiet u l-awtoritajiet lokali bl-intenzjoni li jiġu stabbiliti l-aħjar strateġiji ta' adattament fil-livelli reġjonali jew lokali u li tiġi żgurata disseminazzjoni aħjar tal-għerf;

16.

Jilqa' s-suġġeriment tal-White Paper li jiġi stabbilit mekkaniżmu biex l-informazzjoni tinqasam bejn kulħadd; jittama li dan il-mekkaniżmu jkun qiegħed jaħdem sal-2011, u li l-mudelli u l-għodod ta' previżjoni jkunu laħqu ġew żviluppati sa dakinhar;

17.

Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Mekkaniżmu ta' Ċentru ta' Skambju ta' Tagħrif jiġi żviluppat bħala portal, li se jintegra lis-sistemi eżistenti l-oħra bħas-Sistema tal-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS) u l-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES), anzi dan għandu jżid il-valur fil-preparazzjoni tal-UE, lill-Istati Membri u lill-partijiet privati li għandhom sehem fil-qasam biex jippjanaw, jiffinanzjaw u jimplimentaw pjanijiet xierqa ta' adattament;

18.

Jenfasizza l-importanza ta' servizzi bbażati fuq is-satellita, primarjament għal attivitajiet ta' salvataġġ f’każ ta' diżastri naturali; jistieden lil dawk kollha involuti biex il-GMES jagħmluh kompletament operazzjonali malajr kemm jista' jkun;

L-integrazzjoni tal-adattament fil-politiki tal-UE

Prinċipju ġenerali

19.

Jenfasizza l-bżonn li jiġi adottat approċċ transsettorjali bbażat fuq il-kapaċità ta' rkupru tal-ekosistemi, il-protezzjoni tal-ambjenti naturali u l-bijodiversità u s-servizzi pprovduti mill-ekosistemi, u li jiġu żgurati s-sinerġija u l-koerenza fost il-miżuri li għandhom jittieħdu bħala parti mill-politiki kollha relevanti speċifiċi għas-settur;

L-ilma

20.

Jinsab partikolarment imħasseb dwar l-ilma, wieħed mir-riżorsi primarji fid-dinja, minħabba li t-tibdil fil-klima se jkollu impatt sinifikanti fuq il-kwantità u l-kwalità tal-ilma, speċjalment l-ilma għax-xorb;

21.

Jenfasizza li l-UE trid tiġġestixxi r-riżorsi tal-ilma tagħha b’mod aktar effikaċi permezz ta' approċċ fuq żewġ korsiji – billi jissaħħaħ il-potenzjal tar-riżors u jitnaqqsu b'mod attiv id-domanda u l-ħela min-naħa tal-popolazzjoni – u ta' attivitajiet soċjoekonomiċi;

22.

Jenfasizza l-importanza li l-adattament ikun integrat b’mod sħiħ fil-Pjanijiet Amministrattivi tal-Baċiri tax-Xmajjar bi qbil mal-linji gwida maħruġa fit-30 ta' Novembru 2009;

23.

Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata implimentazzjoni attiva tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) (9) u l-effikaċja tal-Pjanijiet għall-Ġestjoni tal-Baċini tax-Xmajjar, b’mod speċjali fil-każ ta' baċini transkonfinali u fir-reġjuni fejn il-pressjoni tal-ilma għad tilħaq livell kritiku u/jew fejn il-frekwenza tal-għargħar qed tiżdied;

24.

Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għargħar li tipprovdi mekkaniżmu komprensiv biex ikunu evalwati u sorveljati r-riskji akbar ta' għargħar minħabba t-tibdil fil-klima u biex ikunu żviluppati metodi ta' adattament, flimkien mal-benefiċċji ta' ambjent li jkun kapaċi jirkupra u ekosistemi li jkunu kapaċi jirkupraw f’dak li għandu x’jaqsam mal-monitoraġġ u l-minimizzazzjoni tal-impatt tal-għargħar;

Il-biedja u l-forestrija

25.

Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżistenza tal-ekosistemi agrikoli bl-użu aktar sostenibbli tar-riżorsi naturali, b’mod partikolari l-ilma u l-ħamrija, billi jiġu skoraġġuti b’mod attiv il-prattiki insostenibbli u t-tiżrigħ ta' tipi ta' wċuħ li mhumiex xierqa minħabba l-konsum tal-ilma tagħhom u b'użu akbar ta' bijodiversità intra u interspeċji f'dak li għandu x'jaqsam maż-żerriegħa u r-razez tal-annimali;

26.

Iqis li l-politika komuni agrikola għandha rwol ċentrali fil-kontribuzzjoni għall-adattament u li hemm bżonn li jiġi żviluppat approċċ li jkun aktar ibbażat fuq l-ekosistemi lejn l-agrikoltura, il-protezzjoni u t-tisħiħ tal-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-forniment ta' servizzi oħra għall-ekosistemi, inklużi l-konservazzjoni tal-ħamrija, il-kwalità tal-ilma tal-għargħar u l-konnettività ekoloġika bejn il-pajsaġġi, u li l-introduzzjoni ta' prattiki ta' biedja sostenibbli se jkollhom benefiċċji ewlenin għall-konservazzjoni tal-ħamrija, il-ġestjoni tal-ilma, il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-kapaċità tal-ekosistema li tirkupra;

27.

Jenfasizza li l-miżuri tal-UE għall-protezzjoni tal-foresti se jkollhom jinkorporaw l-adattament, peress li l-ekosistemi forestali se jiġu affettwati fil-fond mit-tibdil tal-klima u se jkun hemm riskju akbar ta' nirien;

28.

Jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għall-aġġornament tal-istrateġija tal-UE dwar il-forestrija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi dibattitu dwar il-protezzjoni forestali malajr kemm jista’ jkun;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu miżuri ta' agroforestrija għat-tisġir tal-pajjiżi Mediterranji bħala mod effettiv meta mqabbel mal-ispejjeż biex jiġu pprovduti servizzi ta' ekosistemi bażiċi;

30.

Jesprimi t-tħassib tiegħu li f’dawn l-aħħar snin, l-Ewropa batiet minn nirien li qerdu aktar minn 400 000 ettaru ta' foresta fis-sena kkawżati mill-abbandun progressiv tal-kampanja u tal-attivitajiet tradizzjonali assoċjati magħha, manteniment insuffiċjenti tal-foresti, l-eżistenza ta' meded kbar ta' foresti bi speċi waħda ta' siġra, it-tixtil ta' tipi ta' siġar mhux adegwati, in-nuqqas ta' politika xierqa ta' prevenzjoni u penalitajiet mhux severi biżżejjed fil-każijiet meta n-nirien jitqabbdu volontarjament, flimkien mal-implimentazzjoni mhux adegwata tal-liġijiet li jipprojbixxu l-bini illegali u li jiżguraw ir-riafforestazzjoni; jinnota li, bin-nirien li qed iseħħu fuq din l-iskala, speċjalment fin-nofsinhar tal-Ewropa, il-foresti mhumiex kapaċi jerġgħu jiġġeneraw ruħhom, u li dan għandu konsegwenzi ekoloġiċi u effetti ekonomiċi u soċjali gravi; jinnota wkoll li l-kundizzjonijiet ta' temp mhux tas-soltu li ġew esperjenzati fl-2007 aggravaw il-fenomenu tal-meganirien xi ħaġa li hemm ċans tajjeb li terġa’ sseħħ b’mod aktar ta' spiss fis-snin li ġejjin; jinnota ulterjorment li t-tisħin globali se jiżdied mill-anqas matul it-30 sena li ġejjin, u li dan jista’ jaffettwa prinċipalment lir-reġjuni speċifiċi li huma partikularment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima;

31.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-proposta tagħha għal pjan ta' azzjoni tal-UE għall-adattament għat-tibdil fil-klima, tipprijoritizza l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra n-nixfiet u n-nirien forestali, b’enfasi fuq in-nofsinhar tal-Ewropa, kif suġġerit mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar in-nirien tal-foresti fis-sajf 2009;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jiġu adattati s-sistemi tal-protezzjoni ċivili nazzjonali biex ikunu jifilħu għall-impatt tat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ b’mod partikulari lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex tespandi r-Riżerva Tattika Ewropea għan-Nirien Forestali f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi u l-kapaċità;

33.

Jirrakomanda li l-Kummissjoni tfassal programmi ta' riċerka biex tinvestiga r-reazzjoni tal-foresti għal livelli ogħla ta' CO, temperaturi aktar għoljin u nixfa;

34.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfassal programmi ta' riċerka għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda għall-ġestjoni forestali tal-ekosistemi affettwati minħabba ċ-ċirkostanzi ġodda li qed jinħolqu mit-tibdil fil-klima;

L-industrija tas-Sajd

35.

Jistieden biex jitqiesu sistemi alternattivi ta' mmaniġġjar tas-sajd u t-tnaqqis fil-kapaċità ta' diversi taqsimiet tal-flotta Ewropea, bil-għan li jiġu stabbiliti prattiki sostenibbli tas-sajd u tal-akwakultura;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel studji maħsuba biex jivvalutaw il-fenomenu tal-alka ħadra u l-impatt tagħha fuq l-industrija tas-sajd; jitlob, ukoll, li jitwettaq studju dwar kif it-tibdil fil-kurrenti li jseħħ minħabba t-tisħin tal-klima jinfluwenza l-movimenti ta' ċerti speċi marini;

37.

Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tal-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali jiġu rinforzati u implimentati fil-kuntest usa’ tal-Politika Marittima Integrata, filwaqt li jġibu flimkien il-politiki settorjali kollha marbuta mal-baħar u l-oċeani;

38.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-adattament permezz tal-kapaċità ta' rkupru tal-ekosistemi jiġi integrat fil-pożizzjoni tal-Komunità fil-kuntest tan-negozjati internazzjonali dwar is-sajd u l-ambjent tal-baħar, u b'mod l-aktar partikolari fil-kuntest tal-Ftehimiet ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd u l-ORS;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tipparteċipa b'mod attiv fit-twaqqif ta' “fond għall-karbonju blu” fil-kuntest tal-UNFCC; jisħaq li t-tali fond għandu jesplora mekkaniżmi finanzjarji u ta' koordinament għall-protezzjoni u l-ġestjoni tal-ekosistemi tal-kosta u tal-baħar u tal-karbonju oċeaniku, bħala parti minn strateġija globali għall-ippjanar rigward il-baħar;

Il-ħamrija

40.

Hu tal-fehma li mhux biss il-ħamrija għandha impatt kbir fuq it-tibdil fil-klima, imma t-tibdil fil-klima nnifsu jista’ jirriżulta f’degradazzjoni jew erożjoni severi tal-ħamrija;

41.

Jirrikonoxxi li d-degradazzjoni tal-ħamrija prinċipalment għandha kawżi lokali u reġjonali, u li konsegwentement il-prinċipju ta' sussidjarjetà għandu jiġi rrispettat; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri mingħajr leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-ħamrija biex jerfgħu r-responsabilitajiet tagħhom;

Inħawi kostali u gżejjer

42.

Hu tal-fehma li l-inħawi kostali u l-ġżejjer għandhom ikunu eliġibbli għall-miżuri ta' adattament prijoritarju, minħabba l-fatt li huma partikularment vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima u huma popolati densament, u li l-interessi ekonomiċi huma għoljin ħafna;

Is-saħħa u l-politiki soċjali

43.

Jisħaq fuq il-fatt li l-politiki għall-adattament għat-tibdil fil-klima għandu jkollhom l-ambizzjoni li jsiru l-mutur tat-tkabbir sostenibbli; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li dawn il-politiki jista’ u jrid ikollhom il-kapaċità li joħolqu l-impjiegi u jħarsu l-ġustizzja soċjali, biex b’hekk jikkontribwixxu għal livelli ogħla ta' okkupazzjoni u jgħinu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali;

44.

Jenfasizza li hemm bżonn li titqies id-dimensjoni soċjali u tal-impjiegi tal-politiki ta' adattament fi ħdan l-istrateġija ta' rkupru tal-UE;

45.

Josserva li l-pjanijiet ta' aġġustament ambizzjużi se jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-impjiegi ħodor fl-Ewropa, li se jgħinuna naslu għal ekonomija ħielsa mill-karbonju, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex għaldaqstant jagħmlu sforzi akbar biex jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli kullimkien fl-Ewropa;

46.

Jenfasizza li l-komunitajiet jew il-gruppi l-aktar vulnerabbli għandhom jingħataw biżżejjed appoġġ fir-rigward tal-ispejjeż għoljin ta' adattament;

47.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni biex ikunu żviluppati linji gwida u mekkaniżmi ta' sorveljanza dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa sal-2011; jenfasizza ż-żieda fir-riskju tal-propagazzjoni ta' mard trasmess minn organiżmi, l-impatti serji fuq is-saħħa respiratorja u l-ħtieġa li ċ-ċittadin Ewropew jiġi edukat dwar il-miżuri preventivi effettivi rakkomandati miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard;

48.

Jinnota li l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa x’aktarx li se jolqtu l-aktar il-komunitajiet li għandhom nuqqasijiet soċjali u ekonomiċi, il-popolazzjonijiet l-aktar fqar u l-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħat-tfal, ix-xjuħ u dawk li huma diġà morda; iqis bħala essenzjali li jkunu kkunsidrati l-miżuri ta' adattament fil-kuntest tal-inugwaljanzi tas-saħħa, u li miżuri ta' dan it-tip iħeġġu azzjoni li tippromwovi l-kobenefiċċji tas-saħħa;

49.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu intensifikati s-sistemi eżistenti għas-sorveljanza u l-kontroll tal-mard tal-annimali;

50.

Jirrikonoxxi r-rwol li għandu s-settur tas-saħħa fl-adattament; jistieden lill-UE biex tappoġġja azzjoni għat-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju tas-settur, u biex jiġi żgurat finanzjament xieraq għall-miżuri ta' adattament fis-settur tas-saħħa;

L-infrastruttura

51.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-awtorizzazzjoni industrijali u l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tkun teħtieġ li kwalunkwe infrastrutturi ppjanati jew attivitajiet industrijali awtorizzati jqisu sew il-previżjonijiet tal-kundizzjonijiet klimatiċi tal-ġejjieni u r-riskji li jirriżultaw minnhom, filwaqt li jżommu ċerta kapaċità ta' adattament; jinnota li f’bosta każijiet ikun iktar xieraq li żoni vulnerabbli ma jiġux żviluppati aktar milli jinbnew difiżi fit-tħejjija għal effetti klimatiċi negattivi;

52.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat, li l-evalwazzjonijiet tal-impatt ambjentali, fejn ikun relevanti, il-pjanijiet urbani u l-ippjanar tal-użu tal-art b'mod ġenerali jqisu xenarji differenti ta' adattament probabbli b’mod li dawn ix-xenarji jkunu sostanzjati xjentifikament;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa metodoloġiji ta' proġetti ta' infrastruttura “li jifilħu għat-tibdil fil-klima”, inklużi analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji u l-alternattivi possibbli;

54.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tqis metodi kif tħeġġeġ ippjanar xieraq tal-użu tal-art (inkluża l-kartografija tar-riskji u l-perikli) fost il-possibiltajiet li għandha l-intenzjoni li tesplora f’konnessjoni mal-valutazzjoni tal-impatt klimatiku tal-investiment pubbliku u privat;

55.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bil-pjan tagħha li tinkorpora l-impatti klimatiċi fl-istandards tal-bini (bħall-Eurocodes) sabiex ittejjeb ir-reżistenza tal-bini li jkun f’żoni iktar suxxettibbli għal riskji;

56.

Hu tal-fehma li, mill-aspett mikroklimatiku, m'għandux jitħalla li jsir bini li jħalli l-ilma jiskula minn fuq l-art f'żoni u bliet b'popolazzjoni densa.

It-trasport

57.

Jiddispjaċih bin-nuqqas ta' attenzjoni mogħtija lis-settur tat-trasport fil-White Paper, minkejja li dan hu responsabbli għal 27 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet bl-effett ta' serra u li hemm bżonn ta' miżuri ta' adattament effikaċi;

58.

Jenfasizza l-ħtieġa li s-settur tat-trasport ukoll ikun parti integrali mill-istrateġija Ewropea dwar it-tibdil fil-klima, u jistieden lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista' jkun tressaq proposta għal “Pakkett Ewropew għall-Klima u t-Trasport”;

59.

Iqis li huwa essenzjali li tiġi appoġġjata bidla modali bħala mezz kif wieħed jersaq lejn in-nuqqas ta' karbonizzazzjoni tat-trasport;

60.

Jenfasizza li l-mezzi kollha tat-trasport għandhom jinternalizzaw gradwalment l-ispejjeż esterni tagħhom relatati mat-tibdil fil-klima;

61.

Iqis li l-implikazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u finanzjarji tal-miżuri ta' adattament meħtieġa fis-settur tat-trasport, bħalma huma l-effetti tal-organizzazzjoni mill-ġdid tas-settur (primarjament minħabba l-bidla modali), għadhom mhux magħrufa jew previsti b’mod adegwat; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi indikaturi u metodi ta' vulnerabilità għall-iskambju tal-aħjar prattiki għall-komponenti differenti fis-settur (trasport bil-ferrovija, bit-triq u marittimu);

62.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu politika ta' mobilità urbana effiċjenti li tnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u t-tniġġis miż-żoni urbani kbar permezz tal-iżvilupp ta' trasport pubbliku u komodalità u permezz tal-użu ta' sistemi ta' trasport intelliġenti;

63.

Jenfasizza wkoll li sabiex tiġi promossa politika tat-trasport moderna u sostenibbli, jeħtieġ li jingħata l-appoġġ finanzjarju xieraq għall-proġetti prijoritarji ferrovjarji, marittimi u tal-passaġġi tal-ilma tat-TEN matul il-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja li jmiss tal-UE (2014-2020);

64.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkompli għaddej il-proċess leġiżlattiv tad-Direttiva “Eurovignette” biex tiġi ffaċilitata l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni fuq il-bażi tal-prinċipju li “min iniġġes iħallas”, b'mod li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ugwali għall-kompetizzjoni bejn il-modi tat-trasport;

Enerġija

65.

Jenfasizza li t-tibdil fil-klima għandu impatt kbir fuq il-provvista u d-domanda tal-enerġija fl-Istati Membri tal-UE;

66.

Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi dettaljata ta' xenarji futuri tal-enerġija filwaqt li tqis l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-infrastrutturi u d-domanda għall-enerġija;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga jekk il-potenzjal tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija li jiġġeddu u oħrajn ta' fjuwils fossili hux se jinbidel konsegwenza tat-tibdil fil-klima u jiġbed l-attenzjoni għal-limiti fuq it-tkessiħ tal-impjanti tal-enerġija termali u l-konsegwenzi ta' dan;

68.

Jinnota, b’rabta mat-tkessiħ tar-reatturi, ir-riskji partikulari għas-sikurezza tal-impjanti nukleari waqt mewġiet tas-sħana, problema li potenzjalment jista’ jkollha impatti ambjentali negattivi b’mod sinifikanti fuq l-ilmijiet tal-madwar u implikazzjonijiet fuq is-sigurtà tal-provvista;

69.

Jinnota li l-kundizzjonijiet estremi tat-temp bħall-għargħar u l-maltempati jistgħu jagħmlu ħsara lill-impjanti tal-enerġija, lill-piluni tal-elettriku, lis-sottostazzjonijiet u lill-kaxxi tal-elettriku, jew iwaqqfuhom temporanjament milli jaħdmu; huwa tal-opinjoni li netwerks tal-elettriku ta' kwalità differenti u robusti biex ilaħħqu mal-ħtieġa akbar fil-flessibilità tan-netwerks, u għalhekk jeħtieġ li jissaħħu kemm in-netwerks lokali kif ukoll is-sistemi internazzjonali ta' tensjoni għolja;

70.

Jenfasizza li l-użu tal-enerġija fil-binjiet se jinbidel minħabba l-bidla fil-klima, u li l-ikbar sfida hawnhekk tinsab fl-indirizzar tal-problema marbuta mas-sħana żejda tal-binjiet; huwa tal-opinjoni li t-tkessiħ naturali, it-tkessiħ mekkaniku, ir-rendiment enerġetiku u l-ippjanar bil-ħsieb tal-ispazji għandu jkollhom rwol importanti f'dan ir-rigward;

71.

Hu tal-fehma li, b'politiki tal-enerġija intelliġenti li jippromwovu attivament is-sorsi li jiġġeddu tal-enerġija, bi provvista tal-enerġija deċentralizzata u b'effiċjenza tal-enerġija fit-terrritorji tagħhom, ir-reġjuni mhux biss jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima, imma jiftħu wkoll opportunitajiet u prospetti ekonomiċi ġodda għaċ-ċittadini tagħhom;

72.

Jenfasizza li l-miżuri li jikkonċernaw il-provvista tal-enerġija u l-aċċess għall-enerġija għandhom jiġu definiti f’kuntest ta' solidarjetà fost l-Istati Membri u li l-UE għandha tikkontribwixxi għal ċaqliq politiku globali favur effiċjenza akbar tal-enerġija u l-promozzjoni ta' sorsi ta' enerġija b’użu baxx tal-karbonju, pereżempju sorsi ta' enerġija li jiġġeddu;

73.

Jistieden lill-Istati Membri biex sat-30 ta' Ġunju 2010 jipprovdu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali ambizzjużi, komprensivi u realistiċi skont il-mudelli u l-parametri stipulati mill-UE, filwaqt li jinnota li l-ħtiġijiet ta' kull Stat Membru għal enerġija minn sorsi li jiġġeddu għandha tiġi ssodisfata prinċipalment bil-konsum domestiku, filwaqt li l-mekkaniżmu għat-trasferiment statistiku bejn l-Istati Membri ta' enerġija minn sorsi li jiġġeddu għandu jintuża biss fejn dan jitqies li jkun kompletament ġustifikat;

74.

Jenfasizza li għandha tingħata prijorità immedjata lil miżuri addizzjonali biex tiġi promossa l-istrateġija Komunitarja li għandha l-għan li tikseb żieda ta' 20 % fl-effiċjenza tal-enerġija sas-sena 2020; iqis li hu xieraq ukoll, fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-pjanijiet attwali ta' azzjoni favur l-effiċjenza tal-enerġija, li tiġi kkunsidrata l-possibilità li dan l-objettiv isir jorbot legalment fil-livell Komunitarju;

Il-bijodiversità

75.

Minħabba li NATURA 2000 tifforma l-pilastru ċentrali tal-isforzi tal-politika tal-UE li jħarsu l-ekosistemi f’kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu, jitlob sabiex ikun hemm ġestjoni attiva tas-siti NATURA 2000 u ta' pajsaġġi oħra, b’finanzjament xieraq mill-UE u mill-Istati Membri u bbażat fuq kooperazzjoni mill-qrib kif ukoll konsultazzjoni tal-komunitajiet lokali, u jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' linji gwida sabiex tiġi żgurata l-konnettività bejn iż-żoni naturali; jenfasizza li, kif mistqarr fl-Evalwazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni (SEC(2008)2887) annessa mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Strateġija tal-UE dwar speċi invażivi”, għad hemm ħafna x’wieħed jitgħallem dwar il-kobor u l-passaġġi tal-ispeċi invażivi, kif dawn jaffettwaw l-ekosistemi, u kif it-tibdil fil-klima se jaffettwa l-invażjonijiet bioloġiċi;

76.

Jenfasizza li r-reżistenza tal-ekosistemi fuq l-art kif ukoll dawk fil-baħar jiddependu fl-aħħar mill-aħħar mill-preservazzjoni tad-diversità bijoloġika;

77.

Jenfasizza l-fatt li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (10) u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (11), tista’ tgħin biex tindirizza r-reżistenza tal-ekosistemi fl-Ewropa sakemm il-pjanijiet ta' ġestjoni jinkorporaw approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu l-ogħla prijorità lill-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki;

78.

Jenfasizza l-importanza tal-istudju tal-fenomenu tal-invażjoni ta' ekosistemi Ewropej minn speċji aljeni (pereżempju speċji marini tropiċi fil-Mediterran) u tal-iżvilupp ta' politiki xierqa sabiex jikkumpensaw għaliha;

Ambjenti urbani

79.

Jenfasizza l-fatt li ż-żoni urbani fl-Ewropa jakkomodaw kważi 75 % tal-popolazzjoni u li t-tibdil fil-klima huwa fattur ieħor li għandu impatt fuq il-kwalità tal-ħajja fil-bliet il-kbar u ż-żgħar; iħeġġeġ lill-EEA biex tistudja l-impatt mistenni tat-tibdil fil-klima fuq il-mikroklimi f'żoni urbani (filwaqt li jitqies pereżempju l-effett tal-gżejjer urbani tas-sħana);

Il-migrazzjoni

80.

Jenfasizza li t-tibdil fil-klima x'aktarx se tikkawża migrazzjoni ambjentali fuq skala kbira minn reġjuni li diġà huma l-oriġini tal-flussi ta' migrazzjoni lejn l-Ewropa (l-Afrika, il-Lvant Nofsani, in-Nofsinhar u x-Xlokk tal-Asja);

81.

Jenfasizza li l-migrazzjoni ambjentali għandha tiġi kkunsidrata fl-ippjanar fit-tul tal-politika tal-għajnuna għall-iżvilupp, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri ta' prevenzjoni f'waqthom u miżuri umanitarji fil-pront fil-pajjiżi tal-oriġini;

Il-wirt kulturali

82.

Jenfasizza l-importanza li jkunu żviluppati miżuri ta' adattament li jikkunsidraw sew l-aspetti kollha tal-wirt kulturali Ewropew;

L-istruttura u l-governanza

83.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu rikonoxxuti bħala parteċipanti ta' importanza ċentrali fil-ġlieda kontra l-effetti ħżiena tat-tibdil fil-klima;

84.

Jenfasizza l-importanza li jkun hemm livell xieraq ta' intervent, integrazzjoni transsettorjali u bażi ambjentali reżistenti sabiex jintlaħaq il-massimu tal-effikaċja tal-miżuri implimentati;

85.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex meta jindirizzaw l-adattament jinkoraġġixxu approċċ koordinat sabiex tkun garantita l-koeżjoni territorjali fl-UE kollha;

86.

Hu tal-opinjoni li għandhom jittieħdu miżuri li jirrikonċiljaw l-azzjoni ekonomikament innovattiva u sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent naturali u b'hekk jitnaqqsu sa fejn hu possibbli l-kunflitti tal-użu bejn l-interessi ekoloġiċi u dawk ekonomiċi;

87.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taġixxi fir-rigward tal-proposti li jiġu introdotti Strateġiji ta' Addatament Nazzjonali u Reġjonali obbligatorji;

88.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa metodu komprensiv fir-rigward tal-involviment tal-industrija tal-assigurazzjoni fl-għarfien tar-riskju u l-qsim tar-riskju;

89.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw is-sħubijiet pubbliċi-privati meħtieġa biex jinħoloq qafas ta' ġestjoni tar-riskju klimatiku fuq perjodu twil ta' żmien, b'saħħtu u effikaċi (li jkun ikopri l-aspetti kollha mill-għarfien tar-riskju għall-qsim tar-riskju u l-irkupru), bi tmexxija b'saħħitha mill-awtoritajiet pubbliċi u bl-involviment tagħhom;

90.

Iqis li r-reġjuni l-aktar imbiegħda, minħabba ċ-ċirkostanzi speċjali tagħhom, kif imsemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat ta' Lisbona, u minħabba l-qagħda ġeografika tagħhom f'żoni tropikali, huma vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima u għaldaqstant jistħoqqilhom l-attenzjoni speċjali tal-Kummmissjoni; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tiżviluppa valutazzjoni tal-impatt u pjan ta' azzjoni speċifiku għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u tappoġġa l-iskambju tal-informazzjoni u ta' prattiki tajba bejn l-awtoritajiet lokali ta' dawk ir-reġjuni u l-awtoritajiet reġjonali f'pajjiżi terzi fiż-żoni ġeografiċi ta' madwarhom;

91.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tadotta b'mod komprensiv id-drittijiet il-ġodda li ngħataw lilha bl-Artikolu 260 tat-Trattat ta' Lisbona, sabiex taqdi d-dmir tagħha ta' gwardjan tat-trattati;

Il-finanzjament

92.

Jenfasizza li l-baġit tal-UE bħalissa ma jirriflettix il-prijoritajiet politiċi tal-UE fil-qasam tal-adattament għat-tibdil fil-klima;

93.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-qafas tar-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali, biex tiffoka fuq il-kapaċità tal-baġit tal-UE li jiflaħ għat-tibdil fil-klima; jenfasizza li l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għandu jagħti importanza kbira lit-tibdil fil-klima, u b’mod partikolari lill-miżuri ta' adattament, filwaqt li jiżgura li l-fondi meħtieġa jkunu disponibbli;

94.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-qafas tar-reviżjoni tal-baġit tal-UE, u sabiex jiġi żgurat li jitqiesu l-impatti tat-tibdil fil-klima, biex tipproponi proċedura għar-reżistenza tal-bini għat-tibdil fil-klima;

95.

Jitlob, fil-futur, biex tingħata prijorità lit-tibdil fil-klima, fil-klima, b’mod partikolari billi tiġi integrata l-istrateġija ta' adattament fil-politiki tal-Unjoni Ewropea;

96.

Jitlob li, fl-approvazzjoni ta' proġetti ffinanzjati b'riżorsi Ewropej li jolqtu l-effiċjenza tal-enerġija, il-ġestjoni tal-iskart u l-bini tal-infrastrutturi, l-effetti tat-tibdil fil-klima għandhom jiġu kkunsidrati bl-akbar attenzjoni;

97.

Jenfasizza li l-objettivi tat-tibdil tal-klima u tal-protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu integrati fl-objettivi ta' konverġenza u tkabbir tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, mingħajr ma jieħdu post il-kompiti tradizzjonali tal-politika strutturali.

98.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq, f'konformità mal-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli (12), u b'urġenza, Pjan Direzzjonali għar-riforma, settur b'settur, tas-sussidji li għandhom impatt negattiv konsiderevoli fuq l-ambjent, bil-ħsieb li jitneħħew gradwalment; jenfasizza, barra minn hekk, li r-riżorsi finanzjarji li jsiru disponibbli permezz ta' din ir-riforma għandhom jiġu diretti għall-isforzi ta' adattament u għall-impjiegi “ħodor”;

99.

Jenfasizza li l-fondi disponibbli fid-diversi pjanijiet ta' rkupru ekonomiku għandhom jiġu mgħoddija ukoll għal investimenti ta' adattament, u fi kwalunkwe każ jeħtieġ li jkunu jifilħu għall-klima;

100.

Jenfasizza l-prinċipju tal-prevenzjoni fl-adattament għat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa approċċi biex jiġi żgurat li l-ispejjeż li jiġu minn nuqqas li jittieħdu miżuri ta' adattament ma jiġux mgħoddija lill-pubbliku inġenerali;

101.

Jappoġġja lill-Kummissjoni fit-tħeġġiġ tal-Kunsill sabiex jerġa' jibda jħaddem il-proċess tar-reviżjoni tar-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà (EUSF), li jagħmilha possibbli li tkun indirizzata l-ħsara kkawżata minn diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem b’mod aktar effettiv, flessibbli u fil-ħin;

102.

Jenfasizza li parti sostanzjali mid-dħul finanzjarju ġġenerat mill-bejgħ bl-irkant tal-kwoti fl-iskema Komunitarja tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gass b’effett serra (UE ETS), li tinkludi l-irkant għall-avjazzjoni u t-trasport marittimu, għandha tkun assenjata biex tippermetti lill-Istati Membri u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jadattaw għat-tibdil fil-klima; huwa tal-opinjoni li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jappoġġjaw ukoll il-modi ta' trasport sostenibbli fl-Ewropa, bħat-trasport ferrovjarju; jitlob li l-finanzjament li diġà ġie assenjat mill-ETS tal-UE għall-iskop ta' solidarjetà u tkabbir fil-Komunità (dħul li ġej minn 10 % tal-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jinbiegħu bl-irkant) jitqassam fost l-Istati Membri b'livell ta' dħul aktar baxx, b'mod ugwali bejn miżuri ta' adattament u oħrajn ta' mitigazzjoni;

103.

jitlob li l-allokazzjoni tal-fondi li ġejjin mill-ETS u minn sorsi oħrajn Komunitarji biex jgħinu lill-Istati Membri jadattaw għat-tibdil fil-klima tqis il-vulnerabilità għat-tibdil fil-klima ta' kull Stat Membru jew reġjun;

104.

Jirrikonoxxi r-responsabilità storika li għandhom il-pajjiżi industrijalizzati għaż-żieda attwali fit-temperaturi globali; itenni d-dikjarazzjonijiet li għamel fir-riżoluzzjoni tal-10 ta' Frar 2010, inklużi li l-impenji tal-UE li tiffinanzja l-isforzi tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu ġodda u addizzjonali għal impenji eżistenti ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u indipendenti mill-proċeduri baġitarji annwali fl-Istati Membri;

Id-dimensjoni esterna

105.

Itenni l-ħtieġa li jiġu inklużi l-miżuri ta' adattament fil-politiki esterni kollha tal-UE, f'konformità mal-punt 8 tal-Ftehim ta' Kopenħagen;

106.

Jenfasizza li l-valur tas-servizzi tal-ekosistema u tar-reżistenza tal-ekosistema hija dejjem aktar sinifikanti fil-pajjiżi l-inqas żviluppati (13); jenfasizza li l-politiki ta' adattament għat-tibdil fil-klima, u speċjalment il-politiki tar-reżistenza tal-ekosistemi, għandhom jitqiesu kif suppost fin-negozjati internazzjonali kollha, inklużi n-negozjati kummerċjali;

107.

Hu konvint bis-sod li l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha żżomm u ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala waħda minn ta' quddiem fil-ġlieda internazzjonali kontra t-tisħin globali, u hu tal-fehma li kull dewmien biex tittieħed azzjoni bħal din se jkompli jżid ir-riskju ta' effetti negattivi ambjentali, ekonomiċi u soċjali u dan aktarx li jkompli jżid l-ispejjeż;

108.

Jenfasizza li, fir-rigward tal-iżgurar tal-implimentazzjoni b’suċċess tal-Qafas Ewropew għall-Azzjoni dwar l-Adattament, fattur deċiżiv se jkun l-inklużjoni tiegħu bħala parti minn ftehim dinji ambizzjuż u koeżiv (b’objettivi li jorbtu legalment) dwar miżuri kontra t-tibdil fil-klima, u jenfasizza wkoll li l-UE għandha tieħu rwol ta' tmexxija f’din id-direzzjoni.

109.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis it-tisħiħ tal-fondi pubbliċi ddedikati għall-kooperazzjoni internazzjonali fit-Tmien Programm ta' Qafas (FP8) imminenti, sew ma'

a.

pajjiżi żviluppati, biex jiżdied it-tifrix ta' teknoloġiji li jużaw sorsi tal-enerġija li jiġġeddu;

b.

pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex tiġi appoġġjata l-ġlieda tagħhom kontra t-tibdil fil-klima li jaffettwa r-reġjuni l-aktar vulnerabbli f’dawn il-pajjiżi, filwaqt li jiġu rrispettati dejjem iċ-ċirkostanzi partikulari ta' kull reġjun, fejn il-kriterju huwa l-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta' dawk ir-reġjuni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li magħhom hija organizzata kooperazzjoni internazzjonali; u

c.

pajjiżi terzi ġirien tal-UE fejn l-effetti tat-tibdil fil-klima huma simili għal dawk osservati fl-UE;

Il-Grupp ta' Tmexxija dwar l-impatt u l-adattament

110.

Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li twaqqaf grupp ta' tmexxija dwar l-impatt u l-adattament; jenfasizza li huwa importanti li dan il-grupp jinvolvi l-parteċipanti reġjonali u lokali minbarra r-rappreżentanti statali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li dan il-grupp jinkludi rappreżentanti tal-Parlament bħala osservaturi, kif ukoll partijiet interessati privati fil-kapaċità ta' esperti; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-grupp ta' tmexxija jagħti attenzjoni partikolari lill-iktar impatti serji tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa, bħaż-żidiet f'imwiet relatati mat-temp u mard li jinġarr minn vettur;

Ir-rapport ta' progress tal-Kummissjoni

111.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex sal-2012 tgħaddi rapport lill-Parlament Ewropew dwar il-progress li jkun sar biex tkun implimentata l-White Paper imsemmija hawn fuq;

*

* *

112.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 41.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2009)0042.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2009)0013.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2009)0089.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2010)0019.

(6)  Abbozz ta' Deċiżjoni tal-UNFCCC -/CP.15, Qbil ta' Kopenħagen, FCCC/CP/2009/L.7.

(7)  ĠU L 140, 5.6.2009, p.63.

(8)  Ċentru ta' Riċerka Konġunta – Istitut għall-Istudji Teknoloġiċi Prospettivi: “L-impatti tat-tibdil fil-klima fl-agrikoltura fl-Ewropa. PESETA–Studju agrikolu”, EUR 24 107 EN, 2009.

(9)  ĠU L 327, 22.12.2000, p.1.

(10)  Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/32/KE (ĠU L 81, 20.3.2008, p. 60).

(11)  Direttiva 2008/56/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta' l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina), ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(12)  Reviżjoni tal-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli (SŻS tal-UE), Dokument tal-Kunsill 10917/06.

(13)  Soluzzjonijiet Konvenjenti għal Verità Inkonvenjenti: Approċċi bbażati fuq l-ekosistema għall-Tibdil fil-Klima, Bank Dinji, Dipartiment Ambjentali, 2009, u Is-Soluzzjoni Naturali? Ir-Rwol tal-Ekosistemi fil-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima, UNEP, 2009.


Top