This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009IP0237
Control of the budgetary implementation of the Instrument for Pre-Accession Assistance European Parliament resolution of 22 April 2009 on control of the budgetary implementation of the Instrument for Pre-Accession Assistance (IPA) in 2007 (2008/2206(INI))
Kontroll tal-Implimentazzjoni Baġitarja tal-Istrument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' April 2009 dwar il-Kontroll tal-Implimentazzjoni Baġitarja tal-Istrument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni (IPA) fl-2007 (2008/2206(INI))
Kontroll tal-Implimentazzjoni Baġitarja tal-Istrument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' April 2009 dwar il-Kontroll tal-Implimentazzjoni Baġitarja tal-Istrument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni (IPA) fl-2007 (2008/2206(INI))
ĠU C 184E, 8.7.2010, p. 1–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
8.7.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 184/1 |
L-Erbgħa, 22 ta’ April 2009
Kontroll tal-Implimentazzjoni Baġitarja tal-Istrument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni
P6_TA(2009)0237
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2009 dwar il-Kontroll tal-Implimentazzjoni Baġitarja tal-Istrument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni (IPA) fl-2007 (2008/2206(INI))
2010/C 184 E/01
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) (1),
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat-12 ta' Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta' qabel l-adeżjoni (IPA) (2),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2006 dwar Strument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni (IPA) Qafas Finanzjarju Indikattiv Multiannwali għall-2008-2010 (COM(2006)0672),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Novembru 2007 dwar Strument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni (IPA) Qafas Finanzjarju Indikattiv Multiannwali għall-2009-2010 (COM(2007)0689),
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-IPA għall-2007 mill-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2008 (COM(2008)0850 u SEC(2008)3026),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Novembru 2008 dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2008-2009 u r-Rapporti dwar il-Progress tal-Pajjiżi 2008 mehmużin magħha (COM(2008)0674 flimkien ma' SEC(2008)2692 sa SEC(2008)2699),
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2008 bit-titlu “Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet – Ġlieda kontra l-frodi – Rapport Annwali 2007” (COM(2008)0475 inkluż l-anness SEC(2008)2300),
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2008 dwar l-Istrument ta' Politika Strutturali Għal Qabel l-Adeżjoni (ISPA) 2007 (COM(2008)0671 u SEC(2008)2681),
wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni 2007 tat-22 ta' Diċembru 2008 dwar il-PHARE, l-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni tat-Turkija, il-Programm CARDS u l-Faċilità ta' Tranżizzjoni (COM(2008)0880 u SEC(2008)3075),
wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni għas-sena finanzjarja 2007 flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (3),
wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 5/2007 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-ġestjoni mill-Kummissjoni tal-programm CARDS, flimkien mat-tweġibiet tal-Kummissjoni (4),
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2007 dwar l-Attività tad-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni għat-Tkabbir (5),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-tkabbir u, b'mod partikulari, ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2008 dwar id-dokument ta' strateġija dwar it-tkabbir 2007 tal-Kummissjoni (6),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar ir-Rapport ta' Progress 2007 dwar il-Kroazja (7),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' April 2008 dwar ir-Rapport ta' Progress 2007 dwar l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (8),
? wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2008 dwar ir-Rapport ta' Progress 2007 dwar it-Turkija (9),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar ir-relazzjonijiet Kummerċjali u Ekonomiċi mal-Balkani tal-Punent (10),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2008 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fil-Pajjiżi tal-Balkani (11),
wara li kkunsidra ż-żjara tad-delegazzjoni investigattiva tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju tiegħu fil-Kosovo (12) mit-22 sal-25 ta' Ġunju 2008, u r-rapport relevanti dwar il-missjoni (13),
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (14), u b'mod partikulari l-Artikolu 53 tiegħu, u wara li kkunsidra r-regoli implimentattivi tiegħu,
wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport dwar il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin (A6-0181/2009),
A. |
billi l-IPA huwa l-istrument finanzjarju l-ġdid li jieħu post l-istrumenti u l-programmi għall-pajjiżi kandidati u dawk potenzjali, fosthom il-Phare, is-SAPARD, l-ISPA, l-assistenza finanzjarja għat-Turkija qabel l-adeżjoni, u l-programm CARDS, kif ukoll għandu l-għan li jorganizza l-fondi tal-UE b'mod flessibbli sabiex jitfasslu għall-kapaċità ġestjonali u għall-bżonnijiet speċifiċi ta' dawn il-pajjiżi, |
B. |
billi l-Istrument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni jikkonsisti fil-ħames komponenti li ġejjin li jkopru l-prijoritajiet iddefiniti skont il-bżonnijiet tal-pajjiżi benefiċjarji, fosthom:
|
C. |
billi l-Istrument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni huwa fattur prinċipal għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, l-istandards soċjali, il-koperazzjoni reġjonali u ta' bejn il-fruntieri, kif ukoll għall-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi kandidati potenzjali, |
D. |
billi l-iskop tal-kontroll parlamentari fuq l-implimentazzjoni tal-baġit fil-qasam tal-politika għat-tkabbir mhuwiex biss li jiġi żgurat li l-fondi tal-UE ntużaw skont id-dispożizzjonijiet regolatorji u l-politiki tal-UE, iżda huwa wkoll li jevalwa kemm jekk dawn ġewx allokati b'mod effikaċi għal dawk il-prijoritajiet identifikati fir-rapporti ta' strateġija u progress għall-pajjiżi benefiċjarji kif ukoll jekk ikunux laħqu r-riżultati mixtieqa bl-iskop tal-interessi komuni tal-UE, |
E. |
billi huwa importanti ħafna li l-implimentazzjoni tal-IPA tiġi eżaminata bir-reqqa u fi stadju bikri sabiex jiġu evitati l-problemi li jkunu ġew identifikati tard fl-implimentazzjoni tal-istrumenti preċedenti għall-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li l-irregolaritajiet li ma jkunux ġew ikkunsidrati fiż-żmien stipulat se jimmultiplikaw u li se jkun diffiċli ħafna li dawn jiġu indirizzati iktar tard minħabba li jieħdu l-forma ta' prattiki ħżiena permanenti, |
F. |
billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riformi settorjali (tal-ġudikatura, tal-pulizija u tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika) għandhom piż mhux biss fuq il-governanza tajba u l-istat tad-dritt iżda wkoll fuq l-ambjent ġenerali tan-negozju, |
G. |
billi l-IPA, b'mod partikulari permezz tal-analiżi tad-Dokumenti tal-Ippjanar Indikattiv Pluriennali (MIPDs), joffri flessibilità konsiderevoli li tippermetti l-adattament għall-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet u tal-kapaċità ta' ġestjoni tal-pajjiżi benefiċjarji, |
H. |
billi, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1085/2006 (ir-Regolament tal-IPA), il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sal-31 ta' Diċembru 2010, rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-IPA, u jekk ikun il-każ, flimkien ma' proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament, |
I. |
billi, bħala segwitu għat-talba tal-Parlament, il-Kummissjoni ntrabtet li sa mill-2009 tagħmel reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-pakkett ta' strumenti ta' għajnuna esterna li jinkludi l-Istrument għal Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni, |
J. |
billi l-Parlament għandu, minn issa 'l quddiem, jikkomunika mal-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi li jibbenefikaw mill-IPA, |
Rimarki Ġenerali
1. |
Jilqa' b'sodisfazzjon id-djalogu strutturat stabbilit mal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-IPA u jfakkar il-pożizzjoni tiegħu f'dan ir-rigward, speċjalment il-bżonn li jingħata aċċess ekwu lill-pajjiżi benefiċjarji kollha għall-firxa sħiħa ta' għodod ta' politika disponibbli taħt l-istrument, biex tingħata prijorità xierqa lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u biex tingħata dejjem aktar attenzjoni lill-bini tal-kapaċità istituzzjonali, b'mod partikulari fil-livell parlamentari, lill-iżvilupp tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-miżuri għall-promozzjoni tal-prinċipju ta' tolleranza u nondiskriminazzjoni, lill-iżvilupp uman u lill-kooperazzjoni reġjonali fl-oqsma ta' politika prinċipali; |
2. |
Jinnota b'sodisfazzjoni ir-rata għolja ta' implimentazzjoni tal-impenji tal-IPA fl-2007; jiddispjaċih, madankollu, li l-ewwel programmi tal-IPA ġew adottati biss fl-aħħar tal-2007 filwaqt li l-implimentazzjoni propja bdiet biss fl-2008, minħabba l-adozzjoni tard tal-istrument il-ġdid minn naħa u d-dewmien tal-pajjiżi benefiċjarji biex iwaqqfu l-istrutturi u s-sistemi ta' mmaniġġjar neċessarji min-naħa l-oħra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli għaddejja bl-implimentazzjoni tal-proġetti u tissorvelja l-allokazzjoni tal-fondi u r-riżultati miksuba sabiex jiġi żgurat li l-IPA ikollu impatt viżibbli fil-pajjiżi kkonċernati; |
3. |
Jinnota li, minħabba l-adozzjoni tard tar-Regolament dwar l-IPA u tar-Regolament (KE) Nru 718/2007 (Regolament għall-implimentazzjoni tal-IPA), u sussegwentement tal-ewwel Qafas Finanzjarju Indikattiv Pluriennali u l-MIPDs, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar tal-programmi u l-proġetti 2007 tal-IPA kienu limitati u għadhom ma tawx riżultati; jenfasizza li t-tranżizzjoni bla xkiel mill-istrumenti preċedenti ta' qabel l-adeżjoni għall-IPA teħtieġ kontinwità fl-ipprogrammar, l-implimentazzjoni xierqa tal-proġetti u l-ħlas tal-pagamenti; |
4. |
Iqis li kien hemm koerenza sodisfaċenti bejn il-Programmi nazzjonali tal-IPA 2007 u l-politika ta' qabel l-adeżjoni tal-UE, minħabba li ħafna mill-objettivi stabbiliti fil-Programmi kienu konformi mal-prijoritajiet identifikati fir-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-Progress rispettivi; |
5. |
Jinnota li l-pajjiżi kandidati primarjament jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-istandards Ewropej, jiġifieri l-istandards statistiċi, ambjentali u fiskali, u dan huwa konsistenti mal-politika tal-UE għat-tkabbir; madankollu, jinnota li l-importanza tal-kriterji politiċi, jiġifieri l-governanza demokratika, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tar-reliġjon, id-drittijiet tan-nisa u tal-minoranzi, u l-istat tad-dritt m'għandhiex tiddgħajjef minħabba li jekk dawn ma jiġux issodisfati jistgħu jinħolqu komplikazzjonijiet u dewmien fin-negozjati; iqis li għandu jkun hemm bilanċ aħjar bejn il-proġetti maħsuba biex jintlaħqu l-kriterji politiċi u l-proġetti maħsuba għall-implimentazzjoni tal-acquis; |
6. |
Ifakkar lill-Kummissjoni li l-leġittimità u l-kapaċità tal-Unjoni li tippromwovi r-riformi jistgħu jikbru sew jekk l-IPA jiddirezzjona l-għajnuna tiegħu lejn oqsma ta' benefiċċju dirett għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi kandidati potenzjali, b'mod partikulari fid-dawl tal-ħtiġijiet u l-isfidi ġġenerati mill-kriżi finanzjarja globali; |
7. |
Għalhekk, huwa tal-opinjoni li l-IPA għandu jappoġġja l-isforzi mwettqa mill-pajjiżi benefiċjarji biex jilħqu r-rekwiżiti stipulati fil-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża, sabiex iċ-ċittadini tal-Balkani tal-Punent finalment ikunu jistgħu jgawdu l-libertà tal-moviment u jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-programmi u l-iskemi tal-UE; jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid aktar l-allokazzjoni tal-fondi tal-IPA lejn il-programmi Tempus, Erasmus Mundus u Youth in Action; |
8. |
Jinnota l-fatt li l-Kummissjoni kienet f'pożizzjoni li tagħti akkreditazzjoni għall-ġestjoni diċentralizzata lill-Kroazja għall-Komponenti I sa IV u lit-Turkija għall-Komponenti I u II lejn l-aħħar tal-2008; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem b'mod intensiv mal-pajjiżi kandidati u dawk potenzjali sabiex fil-futur qrib dawn il-pajjiżi jkunu kapaċi jimmaniġġjaw il-fondi b'mod deċentralizzat u b'hekk jiksbu aċċess totali għall-komponenti kollha tal-IPA; madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-setgħat ġestjonali jingħataw bil-kundizzjoni u skont l-effikaċja tagħhom; |
9. |
Jenfasizza li l-użu tal-Istrument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni huwa responsabililtà komuni bejn il-Kummissjoni u l-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali; jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-koperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn id-delegazzjonijiet tagħha u l-awtoritajiet rispettivi, biex tistabbilixxi kontroll permanenti fuq il-proċeduri tal-implimentazzjoni tal-proġetti u biex taħdem għal miżuri komuni għat-titjib tal-kapaċità amministrattiva tal-pajjiżi benefiċjarji; |
10. |
Jenfasizza l-bżonn ta' ġestjoni u kontroll trasparenti u effettiv tal-Istrument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni, filwaqt li jitqiesu l-partikularitajiet tal-verifiki interni u s-sistemi ta' kontroll ta' kull pajjiż kif ukoll l-aħjar prattiki fil-proċeduri ta' qabel l-adeżjoni tal-pajjiżi li qabel kienu pajjiżi kandidati; |
11. |
Jistenna li kull sena l-Kummissjoni tgħaddi rapport lill-Parlament u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit dwar il-pagamenti u l-implimentazzjoni tal-fondi tal-Istrument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni, kif ukoll dwar il-fondi li fadal mill-Istrument għall-Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni, l-Istrument għal Assistenza Qabel l-Adeżjoni għall-Iżvilupp Rurali u l-Programm Speċjali ta' Adeżjoni għall-Iżvilupp Agrikolu u Rurali, filwaqt li jingħataw dettalji għal kull pajjiż reċipjent u eżempji tal-aħjar prattika, u tirraporta dwar il-problemi kollha jew l-irregolaritajiet li wieħed iltaqa' magħhom; |
12. |
Jinnota li l-kwistjonijiet orizzontali, bħal ma huma l-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali, il-governanza tajba, l-involviment tas-soċjetà ċivili, l-opportunitajiet ugwali u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni mhumiex preżenti u viżibbli biżżejjed fil-proġetti tal-IPA għall-2007; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, b'mod partikulari, programmi reġjonali jew orizzontali li jgawdi minnhom kulħadd, speċjalment fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, id-djalogu interkulturali u l-ugwaljanza bejn is-sessi; |
13. |
Jinnota li ġew allokati fondi limitati għal żoni ġeografiċi kbar jew żoni ta' politika komprensiva u li dawn il-fondi huma maqsuma f'ħafna proġetti żgħar aktar milli kkonċentrati fuq anqas proġetti li jkunu aktar viżibbli; jinnota li l-programmi nazzjonali annwali għandhom jilħqu bilanċ bejn il-provvediment ta' reazzjoni adegwata għall-prijoritajiet prinċipali identifikati fir-rapporti ta' progress u l-evitar tal-frammentazzjoni żejda tal-fondi; |
Osservazzjonijiet dwar il-politika u l-ispeċifiċitajiet tal-pajjiżi
14. |
Jenfasizza l-bżonn, bħala kwistjoni ta' importanza u urġenza kbira, li l-IPA jintuża biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-pajjiżi benefiċjarji kollha, b'attenzjoni speċjali fuq il-ħasil tal-flus, il-migrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin; jinnota li, minkejja li r-rapporti ta' progress kollha tal-2008 identifikaw il-korruzzjoni bħala problema serja u bħala prijorità ewlenija, mhux il-programmi tal-IPA għall-2007 kollha jqisu l-korruzzjoni b'mod suffiċjenti; jissuġġerixxi li għandhom jiġu allokati fondi għal dan il-għan, bħal fil-każijiet tal-Kroazja (15) u l-Montenegro (16) u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija aktar koerenti f'dan il-kuntest, li tibni fuq dak li ħareġ fl-aħħar rawnds tat-tkabbir; |
15. |
Jinnota li fil-pajjiżi benefiċjarji, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) għandhom jinvolvu ruħhom b'mod aktar attiv fl-iżvilupp u t-tnedija tal-proġetti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-programmi IPA tal-ġejjieni għandhom jindirizzaw id-dipendenza sistematika tad-donaturi min-naħa tas-CSOs, sabiex tiġi evitata l-eżistenza ta' CSOs “fuq talba”, u għandhom jindirizzaw ukoll l-iżvilupp ta' wħud mis-CSOs skont il-linji tal-konflitt etniku u politiku, b'mod speċjali fil-Bożnja u l-Ħerzegovina, u fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u fil-Kosovo (17); jistenna li l-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili l-ġdida tindirizza ħafna mill-problemi fir-rigward tad-diversità, il-kumplessità, u l-frammentazzjoni tal-programmi tal-UE; |
16. |
Jinsisti li appoġġ kostanti għall-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili f'pajjiżi kandidati jew pajjiżi kandidati potenzjali huwa bżonjuż sabiex jinħoloq ambjent kompetittiv fosthom u biex tiġi żgurata s-sostenibilità fil-ħidma tagħhom lejn il-kisba tar-riżultati fl-implimentazzjoni tal-Istrument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni u aktar parteċipazzjoni fil-proġetti ta' ġestjoni; |
17. |
Jinnota li l-proġetti u l-attivitajiet iffinanzjati mill-IPA fir-realtà ma tantx huma ta' suċċess f'termini ta' viżibilità tal-UE u ma ġġenerawx leġittimità “minn isfel għal fuq” biex ikomplu jitjiebu r-relazzjonijiet mal-UE; |
18. |
Iqis li l-edukazzjoni u l-impjieg taż-żgħażagħ huma prekundizzjonijiet għall-istabilità u l-iżvilupp fit-tul li għadhom ma ġewx indirizzati b'mod adegwat; jisħaq fuq il-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-qgħad, b'mod speċjali l-qgħad fit-tul fost is-żgħażagħ, bħala kwistjoni ta' importanza kbira li tmiss is-setturi kollha; f'dan ir-rigward jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha teżamina l-possibilità li tagħmel aktar użu mill-flessibilità mogħtija fl-IPA sabiex tippermetti aktar finanzjament, fejn ikun xieraq, tal-miżuri relatati mal-komponenti III-V permezz tal-ewwel żewġ komponenti; |
19. |
Jinnota li l-appoġġ finanzjarju reġjonali mill-IPA huwa relattivament żgħir (madwar 10 % tal-IPA totali), meta wieħed iqis b'mod partikulari li dan ikopri ħdax-il qasam ta' intervent f'sitt pajjiżi, mill-edukazzjoni u ż-żgħażagħ sas-sikurezza nukleari; |
20. |
Huwa mħasseb minħabba li l-allokazzjonijiet totali tal-IPA 2007 għall-Komponent II kienu biss EUR 38 800 000 minn IPA totali ta' EUR 497 200 000 (jiġifieri anqas minn 8 %); jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan jikkontradixxi d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-koperazzjoni transkonfinali tgħin ir-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u dan huwa relevanti b'mod partikulari f'reġjun bi storja reċenti ta' kunflitti; jiddispjaċih li kienet diffiċli li tiġi stabbilita koperazzjoni effetiva, fil-prattika, minħabba diversi raġunijiet, fosthom in-nuqqas ta' qbil fl-istrutturi u l-proċeduri bejn xi msieħba, kif ukoll diffikultajiet politiċi; jistieden lill-pajjiżi benefiċjarji u lill-Kummissjoni sabiex, skont dan il-komponent, jippromwovu l-koperazzoni eżistenti u jiżviluppaw koperazzjoni ġdida, b'konformità mal-objettivi li jitrawmu relazzjonijiet tajba bejn il-viċinat u tiġi promossa l-integrazzjoni ekonomika, b'mod speċjali fl-oqsma tal-ambjent, tal-wirt naturali u kulturali u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; |
21. |
Huwa mħasseb ukoll minħabba li l-ebda programm tal-IPA 2007 ppreżentat mill-pajjiżi benefiċjarji ma jindirizza direttament id-drittijiet tan-nisa jew l-ugwaljanza bejn is-sessi, minkejja li l-kwistjonijiet dwar is-sessi ġew identifikati bħala sfida ewlenija kemm fir-rapporti ta' progress kif ukoll fl-MIPDs; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi fondi qabel l-adeżjoni għat-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa fil-Pajjiżi tal-Balkani, b'mod partikulari permezz tal-NGOs u tal-organizzazzjonijiet favur in-nisa; jerġa' jistieden lill-Kummissjoni biex talloka l-fondi tal-IPA kif jixraq, sabiex jiġi mħeġġeġ l-ibbaġitjar skont is-sessi fil-politika ta' qabel l-adeżjoni u biex tħeġġeġ lill-pajjiżi benefiċjarji jressqu proposti għal proġetti relevanti; |
22. |
Jenfasizza l-bżonn li jiġu involuti dejjem aktar l-organizzazzjonijiet nongovernattivi fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-IPA sabiex ikun żgurat li l-għajnuna tal-IPA tirrifletti l-bżonnijiet u l-aspettattivi reali, biex ikun hemm viżibilità akbar tal-proġetti tal-IPA u biex jiġi promoss l-iżvilupp ta' soċjetà ċivili mimlija ħajja u proattiva fil-pajjiżi benefiċjarji; |
23. |
Jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni speċjali ta' nofs it-terminu sa tmiem l-2010 dwar l-implimentazzjoni tal-IPA; |
*
* *
24. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kif ukoll lill-gvernijiet, lill-parlamenti u lill-istituzzjonijiet ta' verifika nazzjonali tal-pajjiżi li jibbenefikaw mill-IPA. |
(1) ĠU L 210, 31.7.2006, p.82.
(2) ĠU L 170, 29.6.2007, p. 1.
(3) ĠU C 311, 5.12.2008, p. 42.
(4) ĠU C 285, 27.11.2007, p. 1.
(5) 31.3.2008, http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/doc/elarg_aar.pdf.
(6) Testi adottati, P6_TA(2008)0363.
(7) Testi adottati, P6_TA(2008)0120.
(8) Testi adottati, P6_TA(2008)0172.
(9) Testi adottati, P6_TA(2008)0224.
(10) Testi adottati, P6_TA(2009)0005.
(11) Testi adottati, P6_TA(2008)0582.
(12) Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti 1244(1999).
(13) http://www.europarl.europa.eu/activities/committees/publicationsCom.do?language=EN &body=CONT.
(14) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(15) Proġett 2007/019-247: It-Titjib tal-Koperazzjoni bejn l-Aġenziji kontra l-korruzzjoni, proġett ta' EUR 2 500 000 għat-tisħiħ tal-korp ta' koordinazzjoni fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja inkarigat mill-istrateġija ta' kontra l-korruzzjoni u tat-tqajjim tal-kuxjenza dwar kwistjonijiet tal-korruzzjoni.
(16) Proġett 2007/19300: Il-ġlieda kontra l-krimini organizzat u l-korruzzjoni. Dan il-proġett jimmia biex jiġġieled kontra l-krimini organizzat u l-korruzzjoni billi jtejjeb il-prestazzjoni u l-koperazzjoni tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi varji involuti. Hu marbut ma Strateġija tal-Gvern Kontra l-Korruzzjoni usa mal-Pjan ta' Azzjoni. EUR 3 000 000 ġew impenjati għal dan il-proġett.
(17) Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU 1244(1999).