EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0130

L-isfida tad-deterjorament tal-art agrikola fl-UE u b’mod partikulari fin-Nofsinhar tal-Ewropa: ir-reazzjoni permezz tal-istrumenti tal-politika agrikola tal-UE Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta’ Marzu 2009 dwar l-isfida tad-degradazzjoni tal-art agrikola fl-UE, b’mod partikulari fl-Ewropa tan-nofsinhar: tweġiba permezz tal-istrumenti tal-politika agrikola komuni (2008/2219(INI))

ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 128–132 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/128


Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2009
L-isfida tad-deterjorament tal-art agrikola fl-UE u b’mod partikulari fin-Nofsinhar tal-Ewropa: ir-reazzjoni permezz tal-istrumenti tal-politika agrikola tal-UE

P6_TA(2009)0130

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2009 dwar l-isfida tad-degradazzjoni tal-art agrikola fl-UE, b’mod partikulari fl-Ewropa tan-nofsinhar: tweġiba permezz tal-istrumenti tal-politika agrikola komuni (2008/2219(INI))

2010/C 87 E/24

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni fil-pajjiżi milqugħa min-nixfa u/jew mid-deżertifikazzjoni, b’mod partikolari fl-Afrika, tal-1994 u dwar id-Diversità Bijoloġika tal-1992,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni adottata fl-ewwel qari fl-14 ta’ Novembru 2007 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ħamrija (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar “L-indirizzar tal-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa fl-Unjoni Ewropea” (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0086/2009),

A.

billi l-attivitajiet agrikoli huma settur ekonomiku li jiddependi ħafna mill-fenomeni naturali u, fl-istess ħin, huma suġġetti għall-potenzjal qawwi ta’ intervent,

B.

billi l-agrikoltura hija l-aħjar mezz biex jiġi evitat id-deterjorament tal-ħamrija u billi dan jeħtieġ li jkun hemm strateġija rraġunata li tgħin biex din l-attività tinżamm,

C.

billi l-popolazzjoni rurali tal-Unjoni Ewropea għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, u l-produtturi tal-Unjoni jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-konservazzjoni tal-veġetazzjoni f’reġjuni milquta minn nixfa persistenti; billi wkoll jqis il-benefiċċji li jippreżentaw b’mod partikolari l-koltivazzjonijiet permanenti, il-mergħat u art bil-ħaxix u l-forestrija għall-ġbir tal-ilma,

D.

billi, b’mod partikulari, il-ħamrija agrikola fin-Nofsinhar tal-Ewropa, iżda anki f’reġjuni oħra tal-Istati Membri, tinsab f’nofs proċess ta’ degradazzjoni tal-ambjent li huwa determinat mill-interazzjoni negattiva bejn l-attivitajiet tal-bniedem u l-kundizzjonijiet klimatiċi,

E.

billi l-kultivazzjoni intensiva tal-art tista’ tikkontribwixxi għall-erożjoni tal-ħamrija, u b’hekk ma tkunx sors ta’ qligħ,

F.

billi attwalment id-deżertifikazzjoni hija meqjusa bħala waħda mill-agħar theddidiet li qiegħda twassal għal degradazzjoni tal-ħamrija fil-pajjiżi tal-Mediterran,

G.

billi l-ħamrija hija l-bażi għall-produzzjoni tal-ikel għall-bniedem, tal-għalf għall-annimali, tat-tessuti u tal-fjuwils, u billi għandha rwol importanti fil-qbid tas-CO2; billi, madankollu, il-ħamrija hija aktar minn qatt qabel esposta għal ħsara irriversibbli minħabba l-erożjoni mir-riħ, it-tniġġis, it-tmelliħ, l-impermeabilità, it-tnaqqis ta’ sustanzi organiċi u t-telf ta’ bijodiversità fil-ħamrija,

H.

billi l-effetti negattivi li diġà seħħew jirrigwardaw l-irregolaritajiet idroġeoloġiċi, id-dħul tal-ilma baħar fis-saffi tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ max-xtut, il-melħ fil-ħamrija, it-telfien tal-art agrikola, it-tnaqqis fil-bijodiversità kif ukoll iż-żieda fil-vulnerabilità għan-nirien u fil-mard tal-pjanti u tal-annimali,

I.

billi l-modifiki msemmija hawn fuq fl-interazzjoni bejn l-ambjent naturali tal-bniedem u l-produzzjoni agrikola qegħdin ikollhom effetti importanti fuq is-sistemi tat-tkabbir tal-ħxejjex u t-trobbija tal-annimali, fuq l-użu tal-art agrikola u l-provvista tal-ikel, b’riperkussjonijiet evidenti għas-sikurezza tal-ikel, kif ukoll għall-istrutturar soċjali, kulturali u ekonomika taż-żoni kkonċernati, minħabba l-fenomenu tal-abbandun b’konsegwenzi anki mill-lat idroġeoloġiku,

J.

billi t-tisqija sservi wkoll biex iżżomm l-umdità fil-ħamrija kif ukoll biex jerġa’ jimtela’ s-saff tal-ħamrija li jżomm fih ħafna ilma, u billi dawn il-fatturi għandhom jiġu kkunsidrati meta tkun qed tiġi mfassla l-politika agrikola komuni (PAK),

K.

billi n-nuqqas tal-ilma u n-nixfa jkomplu jikkontribwixxu għaż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli, iżda billi fl-istess ħin hemm bżonn li tiġi garantita provvista kontinwa tal-ikel għall-popolazzjoni,

L.

billi l-ġestjoni tas-sistemi agrikoli u tal-foresti toffri opportunitjiet ta’ intervent fil-bilanċ ġenerali tal-karbonju, li tista’ tgħin fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet bl-effett ta’ serra,

M.

billi jfakkar fl-eżistenza tal-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti msemmija hawn fuq, dwar il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni li l-għan tagħha huwa li tiġi miġġielda d-degradazzjoni tal-art tajba għall-ħrit u n-nixfa, u jfakkar fl-appoġġ tal-Parlament għal din il-konvenzjoni,

N.

billi jirrikonoxxi s-sehem tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (Direttiva 2000/60/KE (3)) bħala qafas regolatorju u strument bażiku għall-protezzjoni tal-ħamrija, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni interreġjonali, l-użu sostenibbli tal-ilma u l-protezzjoni tar-riżorsi disponibbli tal-ilma filwaqt li fl-istess ħin tingħata għajnuna biex jittaffu l-effetti tal-għargħar u n-nixfa,

O.

billi hemm il-ħtieġa ta’ strateġija integrata u multidixxiplinari biex ma jkunx hemm il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet ta’ emerġenza, li jistgħu joħolqu aktar impatti negattivi u effetti marbuta li jwasslu għal aktar ħsara,

P.

billi huwa xieraq li jkun hemm kontroll tas-sitwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-evoluzzjoni tal-fenomeni eżistenti u s-sitwazzjonijiet ta’ riskji ġodda li jinħolqu, bl-użu speċjalizzat ta’ sistemi ta’ osservazzjoni satellitari u ta’ mudelli ġeoloġiċi u bijokimiċi (bl-użu tal-mapep),

Q.

billi żdiedet il-frekwenza fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi estremi, fejn il-perjodi ta’ nixfa jalternaw ma’ perjodi ta’ xita qawwija, li jħaffu l-proċess ta’ degradazzjoni tal-litosfera, b’mod partikulari fiż-żoni fejn il-ħamrija hija aktar vulnerabbli b’mod strutturali, kemm fit-Tramuntana kif ukoll fin-Nofsinhar tal-Ewropa,

R.

billi jinnota, fil-livell dinji, żieda fit-talba u fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel,

1.

Iqis li jeħtieġ li l-linji ta’ gwida u l-metodi ta’ ġestjoni tal-PAK għandhom jinkludu b’mod espliċitu l-prinċipji u l-istrumenti għall-ħarsien tal-klima b’mod ġenerali u għal-limitazzjoni tal-ħsara li ssir minħabba d-degradazzjoni tal-ħamrija, b’mod partikulari;

2.

. Jenfasizza li l-fondi Komunitarji għall-miżuri ta’ adattament għas-settur agrikolu sabiex dan jaffaċċja t-tibdil fil-klima għandhom ikunu appoġġjati fuq livell reġjonali, fejn għandu jitqies il-livell ta’ vulnerabbiltà tar-reġjuni differenti tal-Unjoni; ifakkar li, l-artijiet agrikoli fin-Nofsinhar tal-Ewropa huma iktar suxxettibbli għall-impatti kkawżati mit-tibdil fil-klima, skont evalwazzjonijiet affidabbli maħruġa minn korpi internazzjonali u Ewropej;

3.

Jiddispjaċih li ma ġew stabbiliti l-ebda miri speċifiċi hekk kif il-kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-Istati Membri ddeċidew li jnaqqsu l-ammont allokat għall-iżvilupp rurali, u jinnota li fit-tieni punt prinċipali, ir-riżorsi allokati kienu ftit wisq biex tinstab soluzzjoni għall-isfidi l-ġodda marbuta mat-tibdil fil-klima;

4.

Iqis li l-problemi attwali, fost l-oħrajn in-nuqqas ta’ ikel, l-iskarsezza tal-ilma, iż-żieda fit-temperaturi u l-evapotraspirazzjoni u r-riskju tad-deterjorament tal-ħamrija, jeħtieġu politiki agrikoli integrali u xjentifiċi ġodda li japplikaw għall-kundizzjonijiet tal-klima Mediterranja; hu tal-fehma li bl-għajnuna ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni u nazzjonali, il-politiki jridu jikkonċentraw ir-riċerka u l-iżvilupp fuq l-uċuħ adattati lokalment għall-isfidi ambjentali ġodda, f’oqsma li jinkludu l-isforz biex ma jinħeliex ilma, filwaqt li jingħata kumpens suffiċjenti lill-bdiewa biex iżommu livell ta’ ħajja Ewropew;

5.

Hu tal-fehma li, fl-istrateġija tal-konservazzjoni tal-ħamrija, il-prinċipji relattivi għall-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin tal-PAK għandhom jiffavorixxu aktar l-azzjonijiet orjentati biex jikkontrollaw u jtejbu l-funzjonalità u s-sostenibbiltà ekoloġika tas-sistemi ta’ drenaġġ eżistenti, fejn jitħejjew pjanijiet għall-immaniġġjar tal-ilma li jkunu ekoloġikament sostenibbli u mmirati għal ċerti siti, u l-bdiewa f’postijiet mhedda min-nixfa jingħataw pariri dwar kultivazzjoni b’suċċess ta’ wċuħ tar-raba’ li huma speċifiċi għal ċerti postijiet u li ma jeħtiġux ħafna ilma għat-tisqija;

6.

Jargumenta favur appoġġ ikbar min-naħa tal-Unjoni għat-titjib fl-immaniġġjar tal-ilma għall-artijiet agrikoli, meħtieġ għall-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ irrigazzjoni iktar effiċjenti u adattati skont il-wiċċ tar-raba’, għall-promozzjoni tar-riċerka f’dan il-qasam u sabiex jiġi mħeġġeġ l-użu tal-bijoteknoloġiji;

7.

Iqis li jeħtieġ li jinħolqu, u jiġu ġestiti permezz ta’ mikrokonsorzji, ħażniet tal-ilma għall-irrigazzjoni (ġwiebi fl-għoljiet) kif ukoll għall-ġlieda kontra n-nirien, lokalizzati f’żoni li jkunu aktar fl-għoli minn dawk li jeħtieġu l-irrigazzjoni biex tintuża l-gravità, bi spejjeż minimi biex jitħaddmu, filwaqt li fejn ikun possibbli jintuża l-ilma tad-drenaġġ tal-bliet li jkun ġie ttrattat bit-tekniki tat-tisfija tal-pjanti u l-istagħdir;

8.

Iqis l-importanza tal-kultivazzjoni fuq art imtarrġa għall-ġlieda kontra l-erożjoni tal-ħamrija u għat-titjib tal-kapaċità tal-ħamrija għaż-żamma tal-ilma, u huwa tal-opinjoni li huwa raġonevoli li jittieħdu miżuri għall-konservazzjoni, l-irkupru u l-bini ta’ artijiet imtarrġa;

9.

Hu tal-fehma li s-sistemi agrikoli u forestali għandhom jinkludu programmi ta’ afforestazzjoni tal-artijiet agrikoli marġinali jew imniġġsa, billi l-għeruq tal-arbuxxelli jistgħu jiggarantixxu l-ankoraġġ tas-saff instabbli ta’ fuq mal-blat stabbli ta’ taħtu, li jaġixxi ta’ sottostrat għat-tisfija;

10.

Huwa favur l-introduzzjoni ta’ politika Komunitarja dwar il-forestrija, li l-objettiv ewlieni tagħha jkun li tiġġieled it-tibdil fil-klima;

11.

Barra minn hekk, jikkunsidra l-ħtieġa ta’ inċentivi għal miżuri agrikoli sabiex tiġi garantita ż-żamma tal-kopertura tal-veġetazzjoni, biex b’hekk tiġi evitata s-salinizzazzjoni ta’ qiegħ ix-xmajjar, ikkawżata mill-erożjoni;

12.

Jinnota li bosta speċi ta’ arbuxxelli tal-Mediterran għandhom karatteristiċi tajbin ta’ reżistenza għan-nar kif ukoll kapaċitajiet ta’ rkupru veġetali eċċellenti u għalhekk għandhom ikunu promossi, b’mod partikulari, billi s-sistemi tal-għeruq tagħhom huma adattati sew biex jiġġieldu kontra l-erożjoni tal-ħamrija;

13.

Iqis li għal dan il-għan hemm bżonn li wieħed ifittex li jikkultiva wċuħ li jeħtieġu ammonti iżgħar ta’ ilma, jew inkella f’xi każijiet wċuħ tar-raba’ li jħaddru bejn ir-rebbiegħa u x-xitwa li mhux biss ikollhom bżonn ammonti iżgħar ta’ ilma, iżda joffru wkoll protezzjoni effettiva għall-ħamrija mill-erożjoni minħabba li f’dan il-perjodu l-ħamrija tkun koperta bil-veġetazzjoni;

14.

Hu tal-fehma li l-mixtliet lokali jistgħu jipproduċu ekotipi li huma aktar adattati għall-ambjent lokali u li, għalhekk, għandu jitħeġġeġ l-użu tagħhom permezz ta’ azzjonijiet speċifiċi;

15.

Jitlob li jkun hemm promozzjoni tal-preservazzjoni u t-tħawwil ta’ sisien tal-ħaxix, b’mod partikulari f’zoni fejn dawn intilfu tul l-aħħar snin;

16.

Jirrikonoxxi l-irwol importanti tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti sabiex l-agrikoltura tadatta għall-kundizzjonijiet li jġib miegħu t-tibdil fil-klima; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw programmi għall-konservazzjoni u l-iżvilupp tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti mill-bdiewa u l-ġardinara, kif ukoll minn intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, sabiex jippromwovu t-tkabbir tal-pjanti;

17.

Ifakkar fl-importanza ta’ art mhux miżrugħa li titħalla apposta biex tiġi rkuprata art agrikola u biex jinġabar l-ilma; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri affettwati biex jinkoraġġixxu sistemi agrikoli li huma adattati għall-art tal-ekosistemi Mediterranji;

18.

Hu tal-fehma li, fost il-kriterji għaż-żamma ta’ sustanzi organiċi fil-ħamrija, il-prinċipji tal-PAK dwar kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin għandhom joffru inċentivi għall-assorbiment u l-movimentazzjoni tal-karbonju permezz tal-aħjar użu ta’ tekniki tal-biedja tal-art niexfa (il-ħidma minima tal-art, in-newba tal-uċuħ, ġenotipi adattati għall-ambjent lokali, il-kontroll tal-evapotraspirazzjoni, il-fertilizzazzjoni speċifika, il-kontroll integrali, eċċ.);

19.

Jistieden lill-organi kompetenti fil-livell territorjali biex jintervjenu u jipprogrammaw il-pjanijiet ta’ ġestjoni u t-teknoloġiji għall-utilizzazzjoni tal-ilma għall-irrigazzjoni skont ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet ambjentali ġodda, sabiex jiġi żgurat li jsir użu speċifiku tar-riżorsi tal-ilma rigward il-kwalità u biex jittieħdu passi li jiżguraw li l-organi għall-ġestjoni tal-ilma għall-irrigazzjoni jimmaniġġjaw bl-aħjar mod ir-riżorsi tal-ilma disponibbli, filwaqt li jqisu l-ħtieġa li titnaqqas il-ħela fis-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-ilma;

20.

Huwa favur il-ħolqien ta’ ċentru Komunitarju ta’ monitoraġġ tan-nixfa,, bħala dipartiment speċjali fi ħdan l-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent f’Kopenħagen, u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li tikkumbatti n-nirien, peress li dawn iż-żewġ fenomeni jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għad-deżertifikazzjoni u għad-degradazzjoni tal-art agrikola, partikolarment fir-reġjuni tal-Mediterran;

21.

Jenfasizza l-bżonn li tiġi mtejba l-effikaċità tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri u l-koordinazzjoni bejniethom;

22.

Jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ sistema ta’ twissija rapida u ta’ sistemi ta’ sorveljanza kontinwa għall-kundizzjoni tal-ħamrija sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni fil-ħin biex jiġu miġġielda l-erożjoni tal-ħamrija, it-tnaqqis tas-sustanza organika li jikkawża emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, kif ukoll it-telf ta’ art tajba għall-ħrit u tal-bijodiversità;

23.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, rigward il-proposta għal definizzjoni ġdida taż-żoni tal-muntanji u l-gżejjer, u zoni oħra bi żvantaġġi naturali li għandha tressaq fl-2009, fost il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-prijorità tinkludi l-livell tal-periklu tad-degradazzjoni tal-ħamrija u tad-deżertifikazzjoni fiz-zoni li jkunu suġġetti għall-monitoraġġ;

24.

Iqis neċessarju li jissaħħu r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari liz-zoni l-aktar affettwati min-nuqqas tal-ilma u n-nixfa u filwaqt li jiġi kkunsidrat il-progress bijoteknoloġiku;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, waqt ir-reviżjoni ta’ nofs il-terminu tas-Seba’ Programm ta’ Qafas dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni, prevista għall-2009, tqis l-għoti ta’ aktar inċentivi b’appoġġ għall-programmi ta’ riċerka u żvilupp li jsiru minn aktar minn Stat Membru wieħed bil-għan li jitjieb l-għarfien u bil-ħsieb li tiġi żgurata ġestjoni aktar sostenibbli tal-ħamrija u taz-zoni milquta mid-degradazzjoni;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-ħtieġa li jinħoloq qafas li jkun jista’ jintuża għall-ġlieda kontra l-kawżi u l-impatti tat-tibdil fil-klima, b’mod partikulari d-degradazzjoni tal-kwalità tal-ħamrija;

27.

Iqis li għandhom jingħataw programmi ta’ taħriġ u ta’ aġġornament xierqa kemm lil dawk li jaħdmu fis-settur kif ukoll lill-pubbliku ġenerali, bil-għan doppju li jinstabu soluzzjonijiet speċifiċi kif ukoll biex jikber l-għarfien tal-utenti dwar ir-responsabilità kollettiva fl-użu tar-riżorsi ambjentali;

28.

Jitlob li l-Unjoni biex timplimenta miżuri ta’ informazzjoni u ta’ taħriġ maħsuba b’mod partikolari għall-bdiewa żgħażagħ bl-għan li jinċentivaw l-introduzzjoni ta’ tekniki agrikoli li jkunu ta’ benefiċċju għall-konservazzjoni tal-ħamrija, b’mod partikolari fir-rigward tal-effetti tat-tibdil fil-klima u l-irwol tal-produzzjoni agrikola fil-klima;

29.

Ifakkar li, b’konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Ġunju 2008 dwar il-ġejjieni għall-bdiewa żgħażagħ fil-qafas tar-riforma attwali tal-PAK (4), il-finanzjament tal-proġetti għandu jagħti prijorità lill-attivitajiet li jistgħu jħajru liż-żgħażagħ biex jidħlu fis-settur agrikolu;

30.

Iqis li l-Unjoni għandha ssaħħaħ u ttejjeb l-awtonomija tal-ikel u tal-għalf u l-awtosuffiċjenza, fosthom billi tiżgura li jkun hemm ħarsien aħjar tal-ħamrija agrikola u tal-fatturi ta’ produttività tagħha, b’mod partikulari tippromwovi l-użu sostenibbli tal-mergħat għat-trobbija tal-annimali (permezz ta’ programmi u primjums relatati mal-użu tal-laħam tal-ifrat li jsiru skont il-principji tal-konservazzjoni tan-natura, eċċ.), sabiex jintlaħaq livell ogħla ta’ awtonomija fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-għalf; hu tal-fehma li l-PAK, jekk tikkontribwixxi għas-sikurezza globali tal-ikel u għas-sostenibbiltà, għandha taħdem sabiex iżżomm bilanċ bejn it-tkabbir tal-pjanti, it-trobbija tal-annimali u l-produzzjoni tal-enerġija fis-settur agrikolu tal-UE;

31.

Jitlob, fil-qafas ta’ suq dinji tas-CO2, li jkun hemm promozzjoni tal-preservazzjoni u r-riġenerazzjoni tal-foresti, billi tingħata l-prijorità lill-Istati Membri li tilfu l-patrimonju tagħhom ta’ foresti naturali, u jenfasizza l-bżonn li, fi ħdan l-Unjoni, tiġi implimentata gestjoni integra u sostenibbli tal-foresti;

32.

Jenfasizza s-sehem tal-foresti fiċ-ċiklu tal-ilma u l-importanza ta’ taħlita bbilanċjata ta’ foresti, art bil-ħaxix, u art bl-uċuħ għall-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma; jenfasizza, b’mod partikulari, l-irwol tal-ħamrija b’kontenut għoli ta’ sustanza organika u r-rotazzjoni adattata tal-uċuħ; iwissi li ż-żieda tal-isfruttament tal-art tikkostitwixxi theddida għall-biedja, is-sikurezza tal-ikel u l-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma;

33.

Jitlob li fil-qasam tal-attivitajiet agrikoli marbuta maż-żamma tal-għelieqi, tal-mergħat permanenti u tal-boskijiet, tiġi rikonoxxuta l-possibilità għall-ħruġ ta’ ċertifikati ħodor marbuta mal-produzzjoni ta’ beni pubbliċi (il-ħażna tas-CO2, il-bijodiversità, il-konservazzjoni tal-ħamrija);

34.

Jitlob lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mit-tieni punt prinċipali tal-PAK, fil-qasam tal- attivitajiet agrikoli marbuta maż-żamma tal-għelieqi, tal-mergħat permanenti u tal-boskijiet, biex jagħtu primjums, u biex b’hekk jikkontribwixxu għall-produzzjoni ta’ beni pubbliċi (il-ħażna tas-CO2, il-bijodiversità, il-konservazzjoni tal-ħamrija); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti prijorità lill-konservazzjoni tal-mergħat;

35.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ifittxu strateġiji għall-irkupru ta’ ħamrija degradata fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ inċentivi biex tiġi llimitata d-degradazzjoni tal-ħamrija;

36.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 281.

(2)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0473.

(3)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(4)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0258.


Top