Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0090

    Implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati (2008/2247(INI))

    ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 23–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 87/23


    It-Tlieta, 10 ta’ Marzu 2009
    Implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati

    P6_TA(2009)0090

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati (2008/2247(INI))

    2010/C 87 E/06

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Frar 2008 dwar it-23 Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja (2005) (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt Komunitarju - l-24 Rapport Annwali tal-Kummissjoni (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2007 dwar leġiżlar aħjar 2005: l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità – it-13-il Rapport (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2007 dwar regolar aħjar fl-Unjoni Ewropea (5),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0014/2009),

    A.

    billi l-Parlament ripetutament iddikjara illi l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun tagħmel sens biss jekk kemm-il darba jkun hemm il-konformità min-naħa tal-Istati Membri, u billi l-monitoraġġ tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri għalhekk jeħtieġ li tibda tiżdied; billi l-Parlament ippropona li wara li jkun skada t-terminu għat-traspożizzjoni ir-rapporteur responsabbli jinforma lill-Parlament dwar il-progress milħuq,

    B.

    billi d-Direttiva 2006/43/KE (“id-Direttiva”) ġiet adottata mill-Parlament u mill-Kunsill fis-17 ta' Mejju 2006 u t-terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri tad-29 ta' Ġunju 2008 skada, u billi għandu jiġi eżaminat jekk it-traspożizzjoni saritx b'mod korrett,

    C.

    billi t-tabella ta' informazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni, filwaqt li tidentifika liema artikoli ġew implimentati minn min, ma tipprovdi l-ebda tagħrif dwar il-mod li bih tkun saret l-implimentazzjoni jew dwar jekk in-normi nazzjonali jissodisfawx l-istandard minimu stabbilit mid-Direttiva,

    D.

    billi l-objettiv tad-Direttiva huwa, l-ewwel nett, illi tiġi ottimizzata l-kwalità tal-verifiki tal-kontijiet annwali fl-UE kollha, biex b'hekk tiżdied il-fiduċja f'dan ir-rappurtar u titjieb il-qagħda tas-swieq finanzjarji u, it-tieni nett, sabiex jiġu stabbiliti l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fis-settur tal-kontabilità fis-suq intern,

    E.

    billi l-implimentazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri għandha tkun ivverifikata skont dan l-objettiv doppju,

    1.

    Jinnota li d-Direttiva kienet ġiet adottata b'reazzjoni għall-kriżi li nħolqot wara li falliet l-Enron; jenfasizza li l-kriżi finanzjarja attwali tenfasizza l-importanza ta’ prattiki tal-kontabilità u tal-verifika ta’ kwalità għolja; jiddeplora l-fatt li 12-il Stat Membru biss ittrasponew id-Direttiva fis-sħuħija tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li din tiġi trasposta u infurzata minnufih;

    2.

    Jinnota bi preokkupazzjoni illi t-traspożizzjoni tal-kunċetti kruċjali ta' “entità ta' interess pubbliku” (6) (PIE) u “netwerk” (7) qiegħda twassal għal interpretazzjonijiet differenti fl-Istati Membri; jenfasizza f'dan il-kuntest illi biex intrapriża tiġi identifikata bħala PIE, kif ukoll għall-accountant li jkun qiegħed jivverifika l-kontijiet ta' dik l-intrapriża, id-Direttiva ddaħħal bosta obbligi li għandhom konsegwenzi estensivi; jinnota wkoll illi d-Direttiva ddaħħal ukoll diversi obbligi addizzjonali għad-ditti tal-verifika li huma koperti mid-definizzjoni ta' “netwerk”; josserva li hemm bżonn ta’ aktar kunsiderazzjoni rigward l-impatt tad-definizzjoni ta' “netwerk” u n-nuqqas ta’ ċarezza legali dwar ir-responsabilità tad-ditti għall-azzjonijiet ta’ ditti oħra li jagħmlu sehem mill-istess netwerk; jibża', b'mod ġenerali, illi xogħol ta' traqqigħ fid-definizzjonijiet iwassal għal inċertezza legali u għal spejjeż għoljin għall-konformità u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, jaffettwa ħażin il-kisba tal-għan tad-Direttiva; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi komprensiva tal-implimentazzjoni tad-definizzjonijiet u tal-effetti evidenti tal-introduzzjoni tagħhom, u biex tfittex iċ-ċarezza rigward il-prijoritajiet politiki tal-UE għal żmien fit-tul f'dan il-qasam u l-mod li bih dawn l-aħjar li jintlaħqu, b'konsultazzjoni mal-Istati Membri;

    3.

    Jinnota illi ħafna Stati Membri għadhom ma implimentawx l-Artikolu 41 tad-Direttiva, li bih l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-PIEs iwaqqfu kumitat ta' verifika jew xi korp simili; huwa tal-opinjoni illi dan ir-rekwiżit huwa mezz importanti biex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali tal-PIEs;

    4.

    Jenfasizza li l-esperjenza riċenti turi l-ħtieġa li jkun hemm interazzjoni frekwenti u ta' kwalità għolja fil-kumitati ta' verifika u bejn diretturi, bordijiet superviżorji u awdituri indipendenti, kif ukoll li l-membri mhux eżekuttivi tal-bordijiet għandhom iqisu bir-reqqa l-possibilità li jkollhom laqgħat mingħajr il-preżenza tal-membri tal-bord eżekuttiv;

    5.

    Jikkonkludi illi ċerti Stati Membri implimentaw ir-rekwiżit tad-Direttiva tar-rotazzjoni tal-awdituri fi żmien massimu ta' seba' snin, b'perjodu ta' rotazzjoni qasir ħafna ta' bejn sentejn jew tliet snin; jiddubita kemm perjodi ta' rotazzjoni daqshekk qosra se jtejbu l-kwalità u l-kontinwità tal-verifiki statutorji tal-PIEs, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt illi jxekklu l-komprensjoni tajba tal-awdituri u tad-ditti tal-verifika dwar l-entità li dwarha tkun qiegħda ssir il-verifika;

    6.

    Jiddispjaċih illi mhux l-Istati Membri kollha introduċew is-sistema ta' sorvjelanza pubblika meħtieġa mid-Direttiva; jinnota wkoll illi fl-Istati Membri fejn iddaħħlu forom ta' sorveljanza pubblika, kien hemm differenzi konsiderevoli bejniethom; jinnota li s-sorveljanza pubblika skont id-Direttiva għandha tkun organizzata b'mod illi jiġu evitati l-kunflitti ta' interess; jistaqsi, fid-dawl ta' dan kollu, jekk l-awtoritajiet tas-sorveljanza marbutin b'mod dirett mal-gvernijiet nazzjonali humiex jissodisfaw dan ir-rekwiżit;

    7.

    Jikkunsidraha importanti ħafna illi l-koperazzjoni mitluba mid-Direttiva bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza pubblika timmaterjalizza ruħha, billi l-koperazzjoni intensiva bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza ġġib il-konverġenza bejn l-Istati Membri u tista' tipprevjeni l-piżijiet amministrattivi addizzjonali minħabba l-proċeduri u r-rekwiżiti nazzjonali differenti;

    8.

    Jenfasizza li s-sussidjarji kkwotati fil-borża huma suġġetti għal verifiki statutorji; jirrakkomanda li l-liġi nazzjonali għandha tesiġi li l-kumpaniji ewlenin li jkollhom sussidjarji bħal dawn ikunu suġġetti għal verifiki statutorji mwettqa minn awdituri approvati skont din id-Direttiva;

    9.

    Iqis li hemm nuqqas ta’ ċarezza sinifikanti ħafna rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 47 tad-Direttiva li jittratta d-dokumenti ta’ ħidma tar-rapport tal-verifika; jiġbed l-attenzjoni li, filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jippermettu t-trasferiment lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi ta’ dokumenti ta’ ħidma tar-rapporti tal-verifika jew ta’ dokumenti oħra miżmuma mill-awdituri statutorji jew minn ditti tar-rapporti tal-verifika approvati minnhom, hemm kwistjonijiet legali u ta' protezzjoni tad-dejta li għandhom jiġu indirizzati sabiex ikun żgurat li dik l-informazzjoni li jirċievu l-awdituri tal-UE mill-kumpaniji klijenti tagħhom tinżamm kunfidenzjali u ma tasalx għand is-setturi pubbliċi ta' pajjiżi terzi fejn dawn il-kumpaniji jkunu rreġistrati jew fejn il-kumpanija ewlenija tkun inkorporata;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kollha li qiegħda tittrasponi d-Direttiva, tittratta b'determinazzjoni l-problemi msemmija fil-paragrafi 1 sa 9 u tirrapporta lill-Parlament dwar dan kollu fi żmien sentejn; jiddubita jekk il-metodu magħżul ta' armonizzazzjoni minima huwiex tassew l-aħjar triq li twassal għat-twettiq tal-objettivi ta' din id-Direttiva u ta' oħrajn marbutin mas-suq intern, billi l-ħafna derogi permessi mid-Direttiva se jwasslu għal aktar frammentazzjoni tas-suq tal-kontabilità; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu minn kunċetti ċari kulfejn tkun qiegħda ssir l-armonizzazzjoni;

    11.

    Jiġbed l-attenzjoni illi kull dewmien mhux iġġustifikat fl-approvazzjoni tal-Istandards Internazzjonali dwar il-Verifiki (ISAs) jista' jkollu effett ħażin fuq l-ambjent regolatorju, li jista' jwassal għal aktar frammentazzjoni, u li jmur kontra l-għan ġenerali tad-Direttiva; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tevita kull dewmien mhux neċessarju fl-adozzjoni tal-ISAs u biex tniedi konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar l-adozzjoni tagħhom;

    12.

    Huwa tal-fehma illi l-monitoraġġ u l-aċċertament bir-reqqa tal-implimentazzjoni korretta u fil-ħin tal-leġiżlazzjoni tal-UE huma mezzi essenzjali biex tinkiseb l-applikazzjoni aħjar tad-Dritt Komunitarju u biex jiġu evitati prattiki ta' regolamentazzjoni żejda li jistgħu jseħħu fuq il-bażi ta', pereżempju, l-Artikolu 40 tad-Direttiva, li jipprovdi elenku mhux komplet tar-rekwiżiti tar-rapportaġġ tat-trasparenza;

    13.

    Jappoġġja l-gwida li l-Kummissjoni qed tagħti lill-Istati Membri, u l-koperazzjoni mill-qrib magħhom, immirati biex jiżguraw li jkun hemm riżultati ta' implimentazzjoni korretta u fil-ħin, pereżempju, billi jużaw il-workshops tat-traspożizzjoni bħala forum biex jiskbu l-konsensus dwar l-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet partikolari tal-leġiżlazzjoni Komunitarja; jappoġġja l-użu tat-tabelli ta' korrelazzjoni fil-proċess tal-implimentazzjoni bħala mezz biex tinkiseb il-konverġenza massima; b'danakollu huwa tal-opinjoni illi għad fadal xi jsir biex tingħata gwida ċara lill-Istati Membri matul l-implimentazzjoni u biex l-Istati Membri jitmexxew lejn implimentazzjoni ċara tal-leġiżlazzjoni Komunitarja;

    14.

    Jenfasizza b'saħħa illi kull miżura kważi-leġiżlattiva fl-ambitu tad-Direttiva tista' tiġi adottata biss skont l-applikazzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, akkumpanjata, fejn ikun xieraq, minn evalwazzjoni tal-impatt tagħha;

    Rakkomandazzjoni dwar il-garanzija tal-kwalità

    15.

    Jilqa' r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/362/KE tas-6 ta' Mejju 2008 dwar garanzija esterna tal-kwalità għall-awdituri u għad-ditti tal-verifika li jkunu qed jivverifikaw il-kontijiet tal-PIEs (8); jingħaqad mal-opinjoni aċċettata illi huwa importanti li jkun hemm rapporti esterni u indipendenti għall-garanzija tal-kwalità skont l-għan tad-Direttiva li titjieb il-kwalità tal-verifiki u l-kredibilità tal-informazzjoni finanzjarja ppubblikata; japprova, barra minn hekk, l-opinjoni aċċettata illi l-indipendenza u l-imparzjalità totali tal-ispezzjonijiet u l-ispetturi huma tal-akbar importanza;

    16.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi strutturi nazzjonali tal-garanzija tal-kwalità, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, li għandhom jiżguraw il-garanzija indipendenti u esterna tal-kwalità għad-ditti tal-kontabilità; jisħaq illi, f'dan il-kuntest, l-awtorità leġiżlattiva Ewropea għandha tillimita ruħha għad-dispożizzjonijiet ta' qafas ġenerali stipulati fid-Direttiva u r-rakkomandazzjoni li s-settur innifsu għandu jitħalla jfassal dawn ir-regoli;

    Deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta' awdituri minn pajjiżi terzi

    17.

    Jieħu nota tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/627/KE tad-29 ta' Lulju 2008 dwar il-perjodu tranżitorju għall-attivitajiet ta' verifika ta' ċerti awdituri u entitajiet tal-verifika ta' pajjiżi terzi (9); jitlob lill-Kummissjoni tikkomunika mal-Parlament dwar is-segwitu tal-kwistjoni tar-reġistrazzjoni tal-awdituri minn pajjiżi terzi;

    Responsabilità tal-awdituri

    18.

    Jinnota li d-differenzi bejn ir-reġimi ta' responsabilità fl-Istati Membri jistgħu jwasslu għal arbitraġġ regolatorju u jdgħajfu s-suq intern, iżda jirrikonoxxi l-livelli differenti ta' esponiment marbuta mad-daqs tal-kumpaniji ta' verifika u tal-intrapriżi li magħhom jaħdmu; jenfasizza li l-klejms dwar responsabilità spiss jiġu minn pajjiżi terzi fejn dawn il-litigazzjonijiet ikunu motivati l-aktar minn arranġamenti quotae litis; isibha bi tqila li jħaddan din il-kultura ta' litigazzjoni fl-Unjoni Ewropea u jitlob li jkun hemm soluzzjoni aktar fundamentali għall-effetti perversi ta' dawn il-prattiki iddettati mill-ħlasijiet;

    19.

    Jinnota r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/473/KE tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-limitazzjoni tar-responsabilità ċivili tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-verifika (10), li tistieden lill-Istati Membri jillimitaw ir-responsabilità tal-accountants, filwaqt illi jitqiesu l-leġiżlazzjoni u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom; jinnota wkoll l-għan tar-rakkomandazzjoni biex jitkattar ambjent bl-istess kundizzjonijiet għal kulħadd għall-intrapriżi u d-ditti tal-kontabilità permezz ta' konverġenza akbar bejn l-Istati Membri; jenfasizza li l-għan tal-limitazzjoni tar-responsabilità tal-awdituri u d-ditti tal-verifika propost mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni m'għandux jikser il-prinċipji legali li jirregolaw ir-responsabilità ċivili f'ċerti Stati Membri, bħall-prinċipju tad-dritt għall-kumpens lill-vittmi; jenfasizza li, fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali, ir-rakkomandazzjoni m'għandhiex tiddubita mill-kwalità tal-verifika statutorja jew mill-fiduċja fil-funzjoni tal-verifiki statutorji; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament sa mhux aktar tard mill-2010 dwar l-impatt tar-rakkomandazzjoni u s-segwitu tagħha u, f'dan il-kuntest, il-kwistjoni importanti hija, b'mod partikolari, jekk u kemm ir-rakkomandazzjoni qiegħda twassal għal konverġenza akbar bejn l-Istati Membri, f'konformità mal-għan tad-Direttiva; jenfasizza li, fil-każ li jkunu jinħtieġu aktar miżuri, il-Kummissjoni għandha tagħmel studju dwar l-impatt li jevalwa l-effetti possibbli tal-limitazzjoni tar-responsabilità ċivili tal-awdituri u tad-ditti tal-verifika għall-kwalità tal-verifiki, is-sigurtà finanzjarja u l-konċentrazzjoni fis-suq tal-verifiki;

    Konsultazzjoni dwar ir-regoli tas-sjieda

    20.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-konsultazzjoni mnedija mill-Kummissjoni dwar id-drittijiet tas-sjieda fid-ditti tal-kontabilità u jistenna b'interess ir-reazzjoni tal-partijiet ikkonċernati;

    *

    * *

    21.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

    (2)  Testi adottati, P6_TA(2008)0060.

    (3)  Testi adottati, P6_TA(2008)0494.

    (4)  ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 67.

    (5)  ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 60.

    (6)  Artikolu 2(13) tad-Direttiva.

    (7)  Artikolu 2(7) tad-Direttiva.

    (8)  ĠU L 120, 7.5.2008, p. 20.

    (9)  ĠU L 202, 31.7.2008, p. 70.

    (10)  ĠU L 162, 21.6.2008, p. 39.


    Top