Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AP0254

    Qafas Komunitarju dwar is-sikurezza nukleari * Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill (Euratom) li twaqqaf qafas Komunitarju dwar is-sikurezza nukleari (COM(2008)0790 – C6-0026/2009 – 2008/0231(CNS))

    ĠU C 184E, 8.7.2010, p. 216–231 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.7.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 184/216


    L-Erbgħa, 22 ta’ April 2009
    Qafas Komunitarju dwar is-sikurezza nukleari *

    P6_TA(2009)0254

    Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill (Euratom) li twaqqaf qafas Komunitarju dwar is-sikurezza nukleari (COM(2008)0790 – C6-0026/2009 – 2008/0231(CNS))

    2010/C 184 E/59

    (Proċedura ta' konsultazzjoni)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2008)0790),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 31 u 32 tat-Trattat Euratom, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0026/2009),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 51 u 35 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0236/2009),

    1.

    Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

    2.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 119(2) tat-Trattat Euratom u biex tiżgura li r-rekwiżiti legali previsti mit-Trattat Euratom għall-adozzjoni ta’ din il-proposta ġew rispettati, b'mod partikulari l-konsultazzjoni mal-grupp ta’ esperi bi qbil mal-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom;

    3.

    Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

    4.

    Jitlob lill-Kunsill sabiex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

    5.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    TEST PROPOST MILL-KUMMISJONI

    EMENDA

    Emenda 1

    Proposta għal direttiva

    Premessa 6

    (6)

    Filwaqt li kull Stat Membru huwa ħieles biex jiddeċiedi dwar liema taħlita ta’ enerġija juża , wara perjodu ta’ riflessjoni, l-interess fil-bini ta’ impjanti ġodda kiber u xi Stati Membri ddeċidew li jilliċenzjaw impjanti ġodda . Barra minn hekk, aktar rekwiżiti għal estensjonijiet tal-ħajja tal-impjanti tal-enerġija nukleari huma mistennija li jiġu preżentati mill-pussessuri ta’ liċenzja fis-snin li ġejjin.

    (6)

    Kull Stat Membru huwa ħieles li jiddeċiedi dwar liema taħlita ta’ enerġija juża.

    Emenda 2

    Proposta għal direttiva

    Premessa 7

    (7)

    Għal dan il-għan, l-aħjar prattiċi għandhom jiġu żviluppati biex il-korpi regolatorji jiġu ggwidati fit-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom dwar l-estensjonijiet tat-tul tal-ħajja tal-installazzjonijiet nukleari.

    (7)

    Is-sikurezza nukleari għandha x'taqsam mal-interess tal-Komunità, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni meta jitieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-liċenzjar ta’ impjanti ġodda u/jew l-estensjoni tat-tul tal-ħajja tal-installazzjonijiet nukleari. Għal dan il-għan, l-aħjar prattiċi għandhom jiġu żviluppati biex il-korpi regolatorji u l-Istati Membri jiġu ggwidati meta jiddeċiedu jekk għandhomx jagħtu liċenzji fuq impjanti ġodda kif ukoll fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-estensjonijiet tat-tul tal-ħajja tal-installazzjonijiet nukleari.

    Emenda 3

    Proposta għal direttiva

    Premessa 9

    (9)

    It-titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari jeħtieġ li s-sistemi ta’ ġestjoni stabbiliti u l-pussessuri tal-liċenzji jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza għall-pubbliku ġenerali.

    (9)

    It-titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari jeħtieġ li s-sistemi ta'ġestjoni stabbiliti u l-pussessuri tal-liċenzji u l-ġesturi tal-iskart jiżguraw l-ogħla livell possibbli ta’ sikurezza għall-pubbliku ġenerali.

    Emenda 4

    Proposta għal direttiva

    Premessa 10

    (10)

    Il-prinċipji fundamentali u r-rekwiżiti stabbiliti mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika(IAEA) jikkostitwixxu qafas ta’ prattiċi li fuqu għandhom jiġu bbażati r-rekwiżiti nazzjonali tas-sikurezza. L-Istati Membri taw kontribut kbir għat-titjib ta' dawn il-prinċipji fundamentali u rekwiżiti .

    (10)

    Il-prinċipji fundamentali , rekwiżiti u linji gwida stabbiliti mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika(IAEA) jikkostitwixxu sett ta' regoli u qafas ta’ prattiki li fuqu għandhom jiġu bbażati r-rekwiżiti nazzjonali tas-sikurezza. L-Istati Membri taw kontribut kbir għat-titjib ta' dawn il-prinċipji fundamentali , rekwiżiti u linji gwida. Ir-regoli għandhom jirriflettu l-aħjar prattiki internazzjonali rigward rekwiżiti għas-sikurezza u għalhekk jikkostitwixxu bażi tajba għal-leġiżlazzjoni tal-Komunità. Dawn ma jistgħux jidħlu fil-liġi tal-Komunità billi ssir sempliċi referenza f'din id-Direttiva għall-IAEA Safety Standards, Serje Nru SF-1 (2006). Anness bil-Prinċipji Fundamentali ta' Sikurezza għandu għalhekk jiġi miżjud mad-Direttiva.

    Emenda 5

    Proposta għal direttiva

    Premessa 13

    (13)

    L-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku , b'mod preċiż u fil-ħin, dwar kwistjonijiet importanti ta’ sikurezza nukleari għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta' trasparenza f'materji relatati mas-sikurezza ta' installazzjonijiet nukleari.

    (13)

    l-għoti ta’ informazzjoni lill-ħaddiema tal-industrija nukleari u pubbliku , b'mod preċiż u fil-ħin, dwar kwistjonijiet importanti ta’ sikurezza nukleari għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta’ trasparenza f'materji relatati mas-sikurezza ta’ installazzjonijiet nukleari.

    Emenda 6

    Proposta għal direttiva

    Premessa 13 a (ġdida)

     

    (13a)

    Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika u t-trasparenza, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri xierqa kollha sabiex jimplimentaw l-obbligazzjonijiet stipulati fil-konvenzjonijiet internazzjonali li diġà jkopru r-rekwiżiti meħtieġa fil-kuntesti nazzjonali, internazzjonali jew transkonfinali, bħalma huma l-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-Konvenzjoni ta' Aarhus tal-25 ta' Ġunju 1998) (1).

    Emenda 7

    Proposta għal direttiva

    Premessa 15

    (15)

    Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti ta’ sikurezza għal installazzjonijiet nukleari, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korpi regolatorji bħala awtoritajiet indipendenti . Il-korpi regolatorji għandhom jiġu pprovduti b'kompetenzi u riżorsi xierqa sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-doveri tagħhom.

    (15)

    Sabiex tiġi żgurata r-regolamentazzjoni effettiva ta' installazzjonijiet nukleari, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korpi regolatorji bħala awtoritajiet li jkunu indipendenti minn interessi li jistgħu jaffettaw b'mod mhux kif suppost id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta' sikurezza nukleari. Il-korpi regolatorji għandhom jiġu pprovduti b'kompetenzi u riżorsi xierqa sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-doveri tagħhom.

    Emenda 8

    Proposta għal direttiva

    Premessa 19

    (19)

    Il-korpi regolatorji responsabbli għas-sikurezza ta’ installazzjonijiet nukleari fl-Istati Membri għandhom jikkooperaw l-aktar permezz tal-Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart li żviluppa għaxar prinċipji għar-regolamentazzjoni tas-sikurezza nukleari . Il-Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart għandu jikkontribwixxi biex il-qafas Komunitarju tas-sikurezza nukleari jirnexxilu jilħaq l-għan tiegħu li jtejjeb is-sikurezza nukleari b'mod kontinwu.

    (19)

    Il-korpi regolatorji responsabbli għas-sorveljanza ta’ l-installazzjonijiet nukleari fl-Istati Membri għandhom jikkooperaw l-aktar permezz tal-Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart . Il-Grupp ta’ Livell Għoli żviluppa għaxar prinċipji għar-regolamentazzjoni tas-sikurezza nukleari li huma importanti fil-kuntest ta' din id-Direttiva Il-Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart għandu jikkontribwixxi biex il-qafas Komunitarju tas-sikurezza nukleari jirnexxilu jilħaq l-għan tiegħu li jtejjeb is-sikurezza nukleari b'mod kontinwu.

    Emenda 9

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 1

    1.   Din id-Direttiva għandha l-għan li tikseb, iżżomm u ssaħħaħ kontinwament is-sikurezza nukleari fil-Komunità u li ttejjeb ir-rwol tal-korpijiet regolatorji nazzjonali.

    1.   Din id-Direttiva għandha l-għan li toħloq qafas Komunitarju għas-Sikurezza Nukleari fl-Unjoni Ewropea. Dan il-qafas jiddefinixxi pedamenti li fuqhom għandhom jistrieħu l-arranġamenti leġiżlattivi u regolatorji li jsiru mill-Istati Membri fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari u għandu l-għan li jikseb, iżomm u jsaħħaħ kontinwament is-sikurezza nukleari fil-Komunità u li ttejjeb ir-rwol tal-korpijiet regolatorji nazzjonali.

    Emenda 11

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 1 – paragrafu 2

    2.   Għandha tapplika għad-disinn, il-lokazzjoni, il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni, it-tħaddim u ż-żarmar ta’ installazzjonijiet nukleari, li għalihom il-kunsiderazzjoni tas-sikurezza hi meħtieġa taħt il-qafas leġislattiv u regolatorju tal-Istat Membru kkonċernat.

    2.   Għandha tapplika għad-disinn, il-lokazzjoni, il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni, l-ikkommissjonar, it-tħaddim u ż-żarmar ta’ installazzjonijiet nukleari u għax-xogħol imwettaq mis-sottokuntratturi kkummissjonat mill-operaturi , li għalihom il-kunsiderazzjoni tas-sikurezza hi meħtieġa taħt il-qafas leġiżlattiv u regolatorju tal-Istat Membru kkonċernat.

    Emenda 12

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 2 – punt 1

    (1)

    “installazzjoni nukleari” tfisser impjant ta’ manifattura ta’ fjuwil nukleari, reattur tar-riċerka(fosthom muntaġġi subkritiċi u kritiċi), impjant tal-enerġija nukleari, faċilità għall-ħżin ta’ fjuwil użat, impjant ta’ arrikkament jew faċilità ta’ proċessar mill-ġdid;

    (1)

    “installazzjoni nukleari” tfisser impjant ta’ manifattura ta’ fjuwil nukleari, reattur tar-riċerka(fosthom muntaġġi subkritiċi u kritiċi), impjant tal-enerġija nukleari, faċilità għall-ħżin ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv , impjant ta’ arrikkament jew faċilità ta’ proċessar mill-ġdid , inklużi faċilitajiet għall-immaniġġar u t-trattament ta’ sustanzi radjuattivi ġġenerati matul it-tħaddim ta’ installazzjoni ;

    Emenda 13

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 2 – punt 3

    (3)

    materjal radjuattiv ” tfisser kwalunkwe materjal li fih radjunuklejdi li l-attività jew konċentrazzjoni tagħhom ma tistax tiġi injorata mil-lat tal-protezzjoni mir-radjazzjoni;

    (3)

    sustanza radjuattiva ” tfisser kwalunkwe materjal li fih radjunuklejdi li l-attività jew konċentrazzjoni tagħhom ma tistax tiġi injorata mil-lat tal-protezzjoni mir-radjazzjoni;

    Emenda 14

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 2 – punt 8

    (8)

    “korp regolatorju” tfisser kwalunkwe korp jew korpi, awtorizzat mill-Istat Membru li jagħti f'dak l-Istat Membru liċenzji u li jissorvelja l-lokazzjoni, id-disinn, il-kostruzzjoni, l-kummissjunar, it-tħaddim jew iż-żarmar ta’ installazzjonijiet nukleari ;

    (8)

    “korp regolatorju” tfisser awtorità jew sistema ta' awtoritajiet maħtura mill-Istat Membru bħala awtorità legali li tmexxi l-proċess regolatorju, inkluż l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet, u b'hekk ir-regolazzjoni ta' radjazzjoni, skart nukleari, skart radjuattiv u s-sikurezza tat-trasport ;

    Emenda 15

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 2 – punt 9

    (9)

    “liċenzja” tfisser kull awtorizzazzjoni mogħtija mill-korp regolatorju lill-applikant sabiex jagħti r-responsabbiltà għal-lokazzjoni, id-disinn, il-kostruzzjoni, l-attivazzjoni, l-operazzjoni jew iż-żarmar ta’ installazzjonijiet nukleari;

    (9)

    “liċenzja” tfisser kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija minn awtorità governattiva jew nazzjonali approvata minn dak il-gvern lill-applikant sabiex jagħti r-responsabbiltà għal-lokazzjoni, id-disinn, il-kostruzzjoni, l-attivazzjoni, l-operazzjoni jew iż-żarmar ta’ installazzjonijiet nukleari;

    Emenda 16

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 2 – punt 10

    (10)

    “reatturi tal-enerġija nukleari” tfisser reatturi tal-enerġija nukleari liċenzjati biex joperaw wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    (10)

    “reatturi ġodda tal-enerġija nukleari” tfisser reatturi tal-enerġija nukleari liċenzjati biex jinbnew wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    Emenda 17

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 3 – titolu

    Responsabbiltà u qafas għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari

    Qafas legali għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari

    Emenda 18

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 3 – paragrafu 1

    1.     Ir-responsabbiltà ewlenija għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari għandha tibqa’ mal-pussessur tal-liċenzja taħt il-kontroll tal-korp regolatorju. Il-miżuri u l-kontrolli tas-sikurezza li għandhom jiġu implimentati f'installazzjoni nukleari għandhom jiġu deċiżi biss mill-korp regolatorju u applikati mill-pussessur tal-liċenzja.

    Il-pussessur tal-liċenzja għandu jkollu r-responsabbiltà ewlenija għas-sikurezza tul il-ħajja kollha tal-installazzjonijiet nukleari sakemm jinħeles mir-responsabbiltà tal-kontroll regolatorju. Din ir-responsabbiltà tal-possessur tal-liċenzja ma tistax tiġi delegata.

    imħassar

    Emenda 19

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 3 – paragrafu 2

    2.    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu qafas leġiżlattiv u regolatorju biex jirregolaw is-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari. Dan għandu jinkludi rekwiżiti nazzjonali tas-sikurezza, sistema ta’ liċenzjar u kontroll tal-installazzjonijiet nukleari, il-projbizzjoni tat-tħaddim tagħhom mingħajr liċenzja u sistema ta’ sorveljanza regolatorja li jkollha l-infurzar meħtieġ.

    1.    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu qafas leġiżlattiv u regolatorju , ibbażat fuq l-aħjar prassi tal-EU u internazzjonali disponibbli, biex jirregolaw is-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari. Dan għandu jinkludi rekwiżiti nazzjonali tas-sikurezza, sistema ta’ liċenzjar u kontroll tal-installazzjonijiet nukleari, il-projbizzjoni tat-tħaddim tagħhom mingħajr liċenzja u sistema ta’ sorveljanza regolatorja , permezz ta' sospensjoni, modifika jew revokar ta' liċenzji, li jkollha l-infurzar meħtieġ.

    Emenda 20

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 3 – paragrafu 2 a (ġdid)

     

    2a.     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi applikata leġiżlazzjoni biex tipprovdi għar-revokazzjoni tal-liċenzja operattiva ta' installazzjoni nukleari f'każijiet ta' ksur serju tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja.

    Emenda 21

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 3 – paragrafu 2 b (ġdid)

     

    2b.     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet kollha impenjati f'attivitajiet relatati direttament ma' installazzjonijiet nukleari jistabbilixxu politiki li jagħtu l-prijorità mistħoqqa lis-sikurezza nukleari.

    Emenda 22

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 3 – paragrafu 2 c (ġdid)

     

    2c.     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-anqas kull 10 snin il-korp regolatorju u s-sistema regolatorja nazzjonali jiġu sottomessi għal evalwazzjoni minn esperti internazzjonali sabiex l-infrastruttura regolatorja tiġi mtejba kontinwament.

    L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni bir-riżultati tal-evalwazzjoni ta' esperti internazzjonali.

    Emenda 23

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 3 – paragrafu 2 d (ġdid)

     

    2d.     L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu miżuri ta’ sikurezza aktar stretti minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

    Emenda 24

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 4 – titlu

    Korpi regolatorji

    Ħatra u responsabbiltajiet tal-korpi regolatorji

    Emenda 25

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 4 – paragrafu – -1 d (ġdid)

     

    -1.     L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp regolatorju nazzjonali li jkun responsabbli għar-regolamentazzjoni, is-sorveljanza u l-evalwazzjoni tas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari.

    Emenda 26

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 4 – paragrafu 1

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp regolatorju jkun effettivament indipendenti minn kull organizzazzjoni li xogħlha jkun li tippromwovi, tħaddem installazzjonijiet nukleari jew tiġġustifika l-benefiċċji tagħhom għas-soċjetà, kif ukoll ħieles minn kwalunkwe element li jista’ jaffettwa s-sikurezza .

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza effettiva tal-korp regolatorju. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jwettaq il-ħidmiet konferiti fuqu minn din id-Direttiva:

    (a)

    il-korp regolatorju jkun legalment distint u funzjonalment independenti minn kull entità pubblika jew privata, b'mod partikolari minn dawk li xogħolhom hu li jippromwovu, iħaddmu installazzjonijiet nukleari jew jiġġustifikaw il-benefiċċji tagħhom għas-soċjetà, kif ukoll ħielsa minn kwalunkwe element li jista’ jaffettwa s-sikurezza;

    (b)

    li l-persunal tal-korp regolatorju u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni tiegħu jaġixxu indipendentament minn kull interess tas-suq u m'għandhom ifittxu jew jieħdu istruzzjonijiet minn kwalunkwe gvern jew entità pubblika oħra, meta jwettqu l-ħidmiet regolatorji tagħhom.

    Dan ir-rekwiżit għandu jkun bla preġudizzju għal kooperazzjoni xierqa fil-viċin, ma’ awtoritajiet nazzjonali relevanti oħra.

    Emenda 27

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 4 – paragrafu 2

    2.    Il-korp regolatorju għandu jingħata l-awtorità, il-kompetenza u r-riżorsi finanzjarji u umani xierqa biex iwettaq ir-responsabbiltajiet u d-doveri tiegħu. Għandu jissorvelja u jirregola s-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari u jiżgura l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti , kundizzjonijiet u regolamenti tas-sikurezza .

    2.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp regolatorju jkollu l-awtorità, il-kompetenza u r-riżorsi finanzjarji u umani xierqa biex iwettaq ir-responsabbiltajiet u d-doveri tiegħu. Il-korp regolatorju għandu jissorvelja u jirregola s-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari u jiżgura li l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta' sikurezza applikabbli u l-kundizzjonijiet tal-liċenzji jiġu osservati . .

    Emenda 28

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 4 – paragrafu 3

    3.     Il-korp regolatorju jagħti liċenżji u jimmonitorja l-applikazzjoni tagħhom dwar il-lokazzjoni, id-disinn, il-kostruzzjoni, il-kummissjunar, it-tħaddim jew iż-żarmar tal-installazzjonijiet nukleari.

    imħassar

    Emenda 29

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 4 – paragrafu 3 a (ġdid)

     

    3a.     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp regolatorju jagħmel evalwazzjonijiet ta' sikurezza nukleari, investigazzjonijiet u kontrolli, u, fejn ikun meħtieġ passi ta' infurzar għal installazzjonijiet nukleari tul it-tħaddim kif ukoll id-dekommissjoni tagħhom.

    Emenda 30

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 4 – paragrafu 3 b (ġdid)

     

    3b.     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp regolatorju jkollu s-setgħa li jordna sospensjoni ta' tħaddim ta' kwalunkwe installazzjoni nukleari f'każijiet fejn is-sikurezza ma tkunx garantita.

    Emenda 31

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 4 – paragrafu 4

    4.     Il-korpi regolatorji għandhom jiżguraw li l-pussessuri tal-liċenzja jkollhom biżżejjed persunal bi kwalifiki xierqa.

    imħassar

    Emenda 32

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 4 – paragrafu 5

    5.     Mill-anqas ta’ kull għaxar snin, il-korp regolatorju għandu jissottometti ruħu u s-sistema regolatorja nazzjonali għal reviżjoni minn esperti ugwali fil-qasam bl-għan li l-infrastruttura regolatorja tiġi mtejba kontinwament.

    imħassar

    Emenda 33

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 4 – paragrafu 5 a (ġdid)

     

    5a.     Korpi regolatorji tal-Istati Membri għandhom jagħmlu skambju tal-aqwa prattiki regolatorji u jiżviluppaw fehmiet dwar rekwiżiti internazzjonali tas-sikurezza nukleari .

    Emenda 34

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 5

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-proċeduri u r-riżultati tal-attivitajiet ta’ sorveljanza relatati mas-sikurezza nukleari. Għandhom jiżguraw ukoll li l-korpi regolatorji jinfurmaw lill-pubbliku b'mod effettiv dwar l-oqsma tal-kompetenza tagħhom. Għandu jiġi żgurat l-aċċess għall-informazzjoni, skont l-obbligi nazzjonali u internazzjonali rilevanti

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-pubbliku u lill-Kummissjoni dwar il-proċeduri u r-riżultati tal-attivitajiet ta’ sorveljanza relatati mas-sikurezza nukleari u fil-każijiet kollha ta’ inċident jinfurmaw lill-pubbliku mill-aktar fis . Għandhom jiżguraw ukoll li l-korpi regolatorji jinfurmaw lill-pubbliku b'mod effettiv dwar l-oqsma tal-kompetenza tagħhom. Għandu jiġi żgurat l-aċċess għall-informazzjoni, skont l-obbligi nazzjonali u internazzjonali rilevanti

    Emenda 35

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 6 – paragrafu 1 – subparagrafu 1

    1.   L-Istati Membri għandhom iħarsu l-prinċipji findamentaqli tas-sikurezza tal-IAEA (Prinċipji Fundamentali tas-Sikurezza tal-IAEA: Prinċipji fundamentali tas-sikurezza, Standard tas-Sikurezza IAEA Nru SF-1 (2006). Għandhom josservaw l-obbligi u r-rekwiżiti inkorporati fil-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (IAEA INFCIRC 449 tal-5 ta’ Lulju 1994) .

    1.    Għal-lokalizzazzjoni, id-disinn, il-kostruzzjoni, it-tħaddim u d-dekommissjoni ta' faċilitajiet nukleari l-Istati Membri għandhom japplikaw il-prinċipji fundamentali tas-sikurezza tal-IAEA (Prinċipji Fundamentali tas-Sikurezza tal-IAEA: Prinċipji fundamentali tas-sikurezza, Standard tas-Sikurezza IAEA Nru SF-1 (2006), li huma relevanti għall-ħolqien ta’ qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari kif speċifikat fl-Anness . Għandhom japplikaw l-obbligi u r-rekwiżiti inkorporati fil-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari  (2) .

    Emenda 36

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 6 – paragrafu 1 – subparagrafu 2

    B'mod partikolari għandom jiżguraw li l-prinċipji applikabbli stipulati fil-prinċipji fundamentali tas-sikurezza tal-IAEA jiġu implimentati sabiex jassiguraw livell għoli ta’ sikurezza fl-installazzjonijiet nukleari, li jinkludu inter alia arranġamenti effettivi kontra l-perikli radjoloġiċi possibbli, il-prevenzjoni u r-reazzjoni għal-aċċidenti, il-ġestjoni tal-qdim tal-impjant, il-ġestjoni fuq perjodu taż-żmien twil tal-materjali kollha radjuattivi prodotti u informazzjoni dwar il-popolazzjoni u l-awtoritajiet tal-Istati tal-madwar.

    imħassar

    Emenda 37

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 6 – paragrafu 2

    2.    Fir-rigward tas-sikurezza ta’ reatturi tal-enerġija nukleari ġodda, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jiżviluppaw rekwiżiti addizzjonali tas-sikurezza , f'konformità mat-titjib kontinwu tas-sikurezza abbażi tal-livelli ta’ sikurezza żviluppati mill-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent (WENRA) u b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart .

    2.    Għall-ħruġ ta' liċenzji għall-bini ta’ reatturi tal-enerġija nukleari ġodda, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jiżviluppaw rekwiżiti addizzjonali tas-sikurezza li jirriflettu t-titjib kontinwu tal-esperjenza ta' tħaddim tar-reatturi eżistenti, intwizzjonijiet miksuba mill-analiżi ta' sikurezza ta' impjanti mħaddma, metodoloġiji u tekonologija l-aktar avvanzati u r-riżultati ta' riċerka dwar is-sikurezza.

    Emenda 38

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 6 – paragrafu 2 a (ġdid)

     

    2a.     Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-pajjiżi terzi kollha li jixtiequ jew jinsabu waqt proċess ta’ negozjar għad-dħul fl-UE jikkonformaw mill-anqas mal-istandards maħruġa f'din id-Direttiva u l-prinċipji fl-Anness kif stabbiliti mill-IAEA.

    Emenda 39

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 7 – titolu

    Obbligi tal-pussessuri tal-liċenzja

    Responsabbiltajiet tal-pussessuri tal-liċenzji

    Emenda 40

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 7 – paragrafu – -1 d (ġdid)

     

    -1.     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-responsabbiltà primarja għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari tul it-tħaddim tal-installazzjoni nukleari, tkun tad-pussessur tal-liċenzja. Din ir-responsabbiltà tal-possessur tal-liċenzja ma tistax tiġi delegata.

    Emenda 41

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 7 – paragrafu 1

    1.    Il-pussessuri tal-liċenzja għandhom jiddisinjaw, jibnu, jħaddmu u jżarmaw l-installazzjonijiet nukleari tagħhom f'konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6 (1) u (2) .

    1.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pussessuri tal-liċenzja jinżammu responsabbli biex jiddisinjaw, jibnu, iħaddmu u jżarmaw l-installazzjonijiet nukleari tagħhom f'konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6.

    Emenda 42

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 7 – paragrafu 2

    2.   Il-pussessuri tal-liċenzja għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw sistemi tal-ġestjoni li għandhom jiġu vverifikati b'mod regolari mill-korp regolatorju.

    2.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pussessuri tal-liċenzja jistabbilixxu u jimplimentaw sistemi tal-ġestjoni li jiġu vverifikati b'mod regolari mill-korp regolatorju.

    Emenda 44

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 7 – paragrafu 3 a (ġdid)

     

    3a.     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp regolatorju jevalwa b'mod regolari s-suffiċjenza u l-kwalifiki tal-persunal tal-pussessur tal-liċenzja, bħala prerekwiżit biex tkun assigurata s-sikurezza nukleari, fuq il-bażi ta’ rapport ippreżentat mill-pussessur tal-liċenzja dwar l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet marbuta mal-impjieg bħas-saħħa u s-sikurezza u l-kultura ta’ sikurezza, il-kwalifiki u t-taħriġ, l-għadd tal-impjegati u l-użu ta’ sottokuntratturi.

    Emenda 45

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 7 – paragrafu 3 b (ġdid)

     

    3b.     Kull tliet snin l-awtoritajiet regolatorji relevanti għandhom jippreżentaw rapport dwar is-sikurezza nukleari u l-kultura ta’ sikurezza lill-Kummissjoni u lill-imsieħba soċjali Ewropej. B'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali Ewropej il-Kummissjoni Ewropea tista’ tipproponi modi ta’ titjib bil-għan li tiġi żgurata s-sikurezza nukleari, inkluż ħarsien għas-saħħa fl-ogħla livell possibbli fl-UE.

    Emenda 46

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 8 – paragrafu 1

    1.     Il-valutazzjonijiet, l-investigazzjonijiet, il-kontrolli u, fejn neċessarju l-azzjonijiet ta’ infurzar tas-sikurezza nukleari għandhom isiru mill-korp regolatorju fl-installazzjonijiet nukleari tul il-ħajja kollha tal-installazzjonijiet, anke waqt iż-żarmar.

    imħassar

    Emenda 47

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 8 – paragrafu 2

    2.     F'każ ta’ ksur serju jew ripetut tar-regoli tas-sikurezza fl-installazzjoni nukleari, il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jirtira l-liċenzja operattiva.

    imħassar

    Emenda 48

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 8 – paragrafu 3

    3.     Il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jordna li jitwaqqaf l-operat ta’ kwalunkwe impjant nukleari fil-każ li jitqies li s-sikurezza ma tkunx garantita b'mod sħiħ

    imħassar

    Emenda 49

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 9

    L-edukazzjoni xierqa u l-opportunitajiet ta’ taħriġ għal taħriġ teoretiku u prattiku kontinwu fis-sikurezza nukleari għandhom jiġu magħmula disponibbli mill-Istati Membri separatament u permezz ta’ kooperazzjoni trans-nazzjonali .

    Bil-għan li jinbnew riżorsi umani nazzjonali adegwati u biex jiġi preservat l-għarfien nukleari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-edukazzjoni opportunitajiet ta’ taħriġ għal taħriġ bażiku u kontinwu teoretiku u prattiku fis-sikurezza nukleari , inklużi programmi ta’ skambju, ikunu disponibbli mill-Istati Membri u , jekk ikun meħtieġ, permezz ta’ kooperazzjoni transnazzjonali .

    Emenda 50

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 10

    Artikolu 10

    Prijorità għas-sikurezza

    L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu miżuri ta’ sikurezza aktar stretti minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

    imħassar

    Emenda 51

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 11

    L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sa mhux iżjed tard minn [tliet snin wara d-dħul fis-seħħ], u kull tliet snin wara. Abbażi tal-ewwel rapport , il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, akkompanjat, jekk xieraq, bi proposti leġiżlattivi.

    L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-istess żmien u bl-istess frekwenza tar-rapporti nazzjonali għal-laqgħat ta' evalwazzjoni tal-Konvenzjoni tas-Sikurezza Nukleari Abbażi ta' dan ir-rapport , il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, akkompanjat, jekk xieraq, bi proposti leġiżlattivi.

    Emenda 52

    Proposta għal direttiva

    Artikolu 12 – paragrafu 1

    L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iżjed tard minn [sentejn wara d-data msemmija fl-Artikolu 13]. Minnufih, għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva .

    L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iżjed tard minn [sentejn wara d-data msemmija fl-Artikolu 13]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

    Emenda 53

    Proposta għal direttiva

    Anness (ġdid)

     

    Anness

    MIRA TA’ SIKUREZZA

    Il-mira ta’ sikurezza fundamentali hija l-protezzjoni tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali mill-effetti ta’ ħsara tar-radjazzjoni jonizzanti li jistgħu jiġu kkawżati mill-installazzjonijiet nukleari.

    1.

    Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali, l-installazzjonijiet nukleari għandhom jitmexxew b'mod li jwassal għall-ogħla standards ta’ sikurezza li jistgħu jintlaħqu b'mod raġonevoli u b'kunsiderazzjoni ta’ fatturi ekonomiċi u soċjali.

    B'żieda mal-miżuri marbuta mal-ħarsien tas-saħħa stipulati fl-istandards bażiċi tal-Euratom (Direttiva 96/29/Euratom), għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

    tnaqqis tal-probabbiltà ta’ avvenimenti li jistgħu jwasslu għal telf tal-kontroll fuq il-qalba ta’ reattur nukleari, il-katina ta’ reazzjonijiet nukleari jew għajn radjuattiva u

    mitigazzjoni tal-konsegwenzi ta’ avvenimenti bħal dawn fil-każ li jseħħu.

    2.

    Il-mira ta’ sikurezza fundamentali għandha titqies għall-installazzjonijiet nukleari kollha u għall-istadji kollha tal-ħajja tal-installazzjoni nukleari li tkun.

    PRINĊIPJI TAS-SIKUREZZA

    Prinċipju 1:     Responsabilità għas-sikurezza

    Kull Stat Membru għandu jiżgura li r-responsabbiltà primarja għas-sikurezza ta’ installazzjoni nukleari tkun fuq il-pussessur tal-liċenzja għandu jieħu l-passi adegwati biex jiżgura li dawn il-pussessuri tal-liċenzja kollha jwettqu r-responsabbiltà tagħhom.

    1.1

    Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-pussessur tal-liċenzja jkun adotta miżuri biex:

    jistabbilixxi u jżomm għaddejjin il-kompetenzi meħtieġa;

    jipprovdi taħriġ u tagħrif adegwati;

    jistabbilixxi proċeduri u arranġamenti biex iżomm is-sikurezza kif għandha tkun taħt il-kundizzjonijiet kollha;

    jivverifika d-disinn xieraq u l-kwalità adegwata tal-installazzjonijiet nukleari;

    jiżgura l-kontroll sikur tal-materjal radjuattiv kollu li jintuża jew jkun prodott jew merfugħ;

    jiżgura l-kontroll sikur tal-iskart radjuattiv kollu li jiġi ġġenerat

    bil-għan li titwettaq ir-responsabbiltà għas-sikurezza ta’ installazzjoni nukleari.

    Dawn ir-responsabbiltajiet għandhom ikunu mwettqa skont l-objettivi u r-rekwiżiti applikabbli tas-sikurezza kif stabbilit jew approvati mill-korp regolatorju, u t-twettiq tagħhom għandu jkun żgurat permezz tal-implimentazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni.

    Prinċipju 2:     Tmexxija u ġestjoni għas-sikurezza

    It-tmexxija u l-ġestjoni effettivi għas-sikurezza għandhom ikunu stabbiliti u sostnuti fl-organizzazzjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mas-sikurezza nukleari.

    2.1

    It-tmexxija fi kwistjonijiet ta’ sikurezza trid tintwera fil-livelli l-aktar għolja f'organizzazzjoni. Sistema ta’ ġestjoni effettiva għandha tiġi implimentata u tinżamm kif għandha tkun u trid tintegra l-elementi kollha tal-ġestjoni sabiex ir-rekwiżiti għas-sikurezza jkunu stabbiliti u applikati b'mod koerenti ma’ rekwiżiti oħra, inklużi dawk li għandhom x'jaqsmu mal-prestazzjoni tal-bniedem, mal-kwalità u mas-sikurezza, u sabiex is-sikurezza ma tiġix kompromessa minn rekwiżiti jew domandi oħra.

    Is-sistema ta’ ġestjoni trid tiżgura wkoll il-promozzjoni ta’ kultura ta’ sikurezza, il-valutazzjoni regolari tal-prestazzjoni tas-sikurezza u l-applikazzjoni tal-lezzjonijiet li wieħed ikun tgħallem mill-esperjenza.

    2.2

    Kultura ta’ sikurezza li tkun tirregola l-attitudnijiet u l-imġiba fir-rigward tas-sikurezza tal-organizzazzjonijiet u tal-individwi kollha kkonċernati trid tkun integrata fis-sistema ta' ġestjoni. Kultura ta’ sikurezza tinkludi:

    l-impenn individwali u kollettiv lejn is-sikurezza min-naħa tat-tmexxija, tal-ġestjoni u tal-persunal fil-livelli kollha;

    il-kontabilità tal-organizzazzjonijiet u tal-individwi fil-livelli kollha għas-sikurezza;

    il-miżuri li għandhom il-għan li jinkuraġġixxu attitudni fejn wieħed jistaqsi u jitgħallem u li jiskuraġġixxu l-kompjaċenza fir-rigward tas-sikurezza.

    2.3

    Is-sistema ta’ ġestjoni għandha tagħraf il-firxa kollha kemm hi tal-interazzjonijiet tal-individwi fil-livelli kollha mat-teknoloġija u mal-organizzazzjonijiet. Sabiex ikunu evitati l-fallimenti tas-sigurtà, dawk sinifikanti mil-lat uman u dawk mil-lat ta’ organizzazzjoni, għandhom jitqiesu l-fatturi umani u jridu jkunu appoġġjati kemm il-prestazzjoni tajba u kemm il-prattiki tajba.

    Prinċipju 3:     Valutazzjoni tas-sikurezza

    Għandhom jitwettqu valutazzjonijiet komprensivi u sistematiċi tas-sikurezza qabel il-kostruzzjoni u l-ikkummissjunar ta’ installazzjoni nukleari u tul il-ħajja kollha tagħha. Għandu jintuża approċċ iggradat b'kunsiderazzjoni tal-kobor tar-riskji potenzjali kkawżati mill-installazzjoni nukleari.

    3.1

    Il-korp regolatorju għandu jirrikjedi valutazzjoni dwar is-sikurezza nukleari għall-installazzjonijiet nukleari kollha, f'konsistenza ma’ approċċ iggradat. Din il-valutazzjoni tas-sikurezza għandha tinvolvi l-analiżi sistematika tal-operazzjoni normali u l-effetti tagħha, tal-modi kif jistgħu jseħħu fallimenti u tal-konsegwenzi ta’ fallimenti bħal dawn. Il-valutazzjonijiet tas-sikurezza jkopru l-miżuri tas-sikurezza meħtieġa għall-kontroll tar-riskju, u l-karatteristiċi tas-sikurezza li jkunu ddisinjati u maħduma bl-inġinerija huma vvalutati biex jintwera li huma jissodisfaw il-funzjonijiet ta’ sikurezza rekwiżiti minnhom. Fejn ikunu mitluba miżuri ta’ kontroll jew azzjonijiet tal-operatur biex tinżamm kif għandha tkun is-sikurezza, għandha ssir valutazzjoni inizjali tas-sikurezza biex jintwera li l-arranġamenti li jkunu saru jkunu robusti u li huma ta' min jafda fuqhom. Permess għal installazzjoni nukleari għandu jingħata biss minn Stat Membru, ladarba jkun intwera għas-sodisfazzjon tal-korp regolatorju li l-miżuri tas-sigurtà proposti jkunu adegwati.

    3.2

    Il-valutazzjoni tas-sikurezza għandha tkun irripetuta jew kollha kemm hi jew parti minnha skont ma jkun meħtieġ aktar tard fit-tmexxija tal-operazzjonijiet sabiex jitqiesu ċ-ċirkustanzi li jkunu nbidlu (bħalma huma l-applikazzjoni ta’ standards ġodda jew żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi), ir-rappurtar lura tal-esperjenza tat-tħaddim, modifiki u l-effetti li jiġu mill-qdumija. Għal operazzjonijiet li jkomplu fuq perjodi twal ta’ żmien, il-valutazzjonijiet huma eżaminati mill-ġdid u rripetuti skont ma jkun meħtieġ. Il-kontinwazzjoni ta’ operazzjonijiet bħal dawn hija suġġetta għal dawn il-valutazzjonijiet mill-ġdid li juru li l-miżuri tas-sikurezza jkunu għadhom adegwati.

    3.3

    Fi ħdan il-valutazzjoni tas-sikurezza meħtieġa għandhom jiġu identifikati u analizzati l-prekursuri ta’ inċidenti (avvenimenti inizjattivi li setgħu jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ inċident) u għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġu evitati l-okkorrenzi ta’ inċidenti.

    3.4

    Sabiex tissaħħaħ aktar is-sikurezza, għandhom jitwettqu proċessi adegwati għar-rappurtar lura u l-analiżi tal-esperjenza tat-tħaddim fl-istess faċilitajiet u oħrajn, inkluż l-avvenimenti inizjattivi, il-prekursuri ta’ inċidenti, il-kważi-inċidenti, l-inċidenti u l-atti mhux awtorizzati, bil-għan li jservu ta’ tagħlim li jista’ jitqassam u jinħadem.

    Prinċipju 4:     Ottimizzazzjoni tal-ħarsien

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħarsien ikun ottimizzat biex jipprovdi l-ogħla livell ta’ sikurezza li jista’ jintlaħaq raġonevolment mingħajr ma jillimitaw bla bżonn l-użu tagħhom.

    4.1

    L-ottimizzazzjoni tal-ħarsien teħtieġ li jsiru ġudizzji rigward is-sinifikat relattiv ta’ diversi fatturi, inklużi:

    il-probabilità li jseħħu avvenimenti prevedibbli u l-konsegwenzi rrelatati;

    il-kobor u d-distribuzzjoni tad-dożi ta’ radjazzjoni li wieħed ikun irċieva;

    fatturi ekonomiċi, soċjali u ambjentali li huma konsegwenza tar-riskji ta’ radjazzjoni.

    l-ottimizzazzjoni tal-ħarsien tfisser ukoll l-użu tal-prattiki tajba u tas-sens komun skont kemm jista’ jkun prattikament possibbli fl-attivitajiet ta’ kuljum.

    Prinċipju 5:     Prevenzjoni u mitigazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru l-isforzi prattikabbli kollha biex ikunu evitati u mitigati l-inċidenti nukleari jew tar-radjazzjoni.

    5.1

    Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-pussessuri tal-liċenzja jagħmlu l-isforzi prattikabbli kollha

    biex ikun evitat li jseħħu kundizzjonijiet anormali jew inċidenti li jistgħu jwasslu għal telf ta’ kontroll;

    biex tkun evitata l-eskalazzjoni ta’ kull kundizzjoni anormali jew inċidenti bħal dawn li fil-fatt iseħħu; u

    biex tiġi mmitigata kull konsegwenza ta’ inċident li twassal għal effetti ta' ħsara;.

    bl-implimentazzjoni tad-“difiża fil-fond”.

    5.2

    L-applikazzjoni tal-kunċett tad-difiża fil-fond għandu jiżgura li l-ebda falliment tekniku, mill-bniedem jew organizzazzjonali waħdu ma jista’ jwassal għal effetti ta’ ħsara, u li l-kumbinazzjoni ta’ fallimenti li jistgħu jwasslu għal effetti ta' ħsara sinifikanti jkollha probabilità baxxa ħafna li sseħħ.

    5.3

    Id-difiża fil-fond għandha tiġi implimentata permezz tal-kumbinazzjoni flimkien ta’ livelli konsekuttivi u indipendenti ta’ ħarsien li jkollhom ifallu kollha kemm huma qabel ma jistgħu jiġu kkawżati effetti ta’ ħsara fuq il-ħaddiema jew il-pubbliku ġenerali. Il-livelli tad-difiża fil-fond għandhom jinkludu:

    l-għażla adegwata tas-siti

    id-disinn adegwat tal-installazzjoni nukleari, li jikkonstisti f'dawn li ġejjin:

    il-kwalità għolja tad-disinn u l-konstruzzjoni

    l-affidabilità għolja tal-komponenti u t-tagħmir

    sistemi ta’ kontroll, ta’ limitazzjoni u ta’ ħarsien u karatteristiċi ta’ sorveljanza;

    organizzazzjoni adegwata li għandha

    sistema effettiva ta’ ġestjoni b'impenn qawwi lejn il-kultura ta’ sikurezza

    proċeduri u prattiki operazzjonali komprensivi

    proċeduri komprensivi għall-ġestjoni tal-inċidenti

    arranġamenti ta’ tħejjija għall-emerġenzi

    Prinċipju 6:     tħejjija u rispons għall-emerġenzi

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru arranġamenti favur it-tħejjija u r-rispons għall-emerġenzi fir-rigward tal-inċidenti tal-installazzjonijiet nukleari f'konformità mad-Direttiva 96/29/Euratom.


    (1)   ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1; ĠU L 164, 16.6.2006, p.17, kif emendat bir-Regolament (KE) 1367/2006 (ĠU L 264, 25.09.2006, p. 13).

    (2)   ĠU L 318, 11.12.1999, p. 20 u ĠU L 172, 6.5.2004, p. 7.


    Top