Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IE1206

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-industrija tal-minjieri mhux għall-enerġija fl-Ewropa

    ĠU C 27, 3.2.2009, p. 82–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 27/82


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-industrija tal-minjieri mhux għall-enerġija fl-Ewropa”

    (2009/C 27/19)

    Nhar is-17 ta' Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    L-industrija tal-minjieri mhux għall-enerġija fl-Ewropa.

    Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Fornea u l-ko-rapporteur kien is-Sur Pop.

    Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'135 vot favur, vot kontra u 10 astensjonijiet.

    1.   Konklużonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-pilastri ewlenin li jiggarantixxu s-sigurtà fil-ġejjieni tal-provvista tal-materja prima fl-Ewropa huma: il-provvista domestika, il-provvista internazzjonali, it-tisħiħ tal-kapaċità u l-esplojtazzjoni effikaċja tar-riżorsi.

    Il-politika dwar il-provvista domestika tal-materja prima għandha tqis l-industrija, il-politika ambjentali u l-ippjanar ta' l-użu ta' l-art bħala approċċ integrat. L-aħjar prattika f'dan il-qasam għandha tkun estiża għal oqsma potenzjali ġodda. L-aċċess għar-riżorsi domestiċi fl-Istati Membri għandu jitħeġġeġ billi jiġi pprovdut il-bilanċ meħtieġ bejn il-politiki ambjentali u ta' l-iżvilupp industrijali, kif ukoll inċentivi armonizzati għall-iżvilupp u l-ħarsien meta jkunu estiżi siti eżistenti u jinfetħu oħrajn ġodda fejn dawn, min-naħa waħda, huma ekonomikament u soċjalment vijabbli u mixtieqa, u min-naħa l-oħra, huma ambjentalment sostenibbli.

    L-impatt tal-globalizzazzjoni fuq il-provvista internazzjonali tal-minerali għandha tkun evalwata korrettament mill-UE u mill-Istati Membri kulmeta jkun hemm importazzjoni mifruxa ta' materja prima minn pajjiżi terzi. Meta jitqiesu l-kwistjonijiet tal-politika ta' l-investiment u r-rilokazzjoni industrijali, għandhom jiġu rrispettati l-istandards ambjentali u soċjali Ewropej. L-aċċess ta' l-utenti Ewropej għall-materja prima għandu jkun iggarantit u għandha titnaqqas id-dipendenza strateġika ta' l-UE.

    It-tisħiħ tal-kapaċità fl-industriji Ewropej ta' l-estrazzjoni mhux għall-enerġija jolqot firxa wiesgħa ta' sfidi, bħall-ostakli amministrattivi, il-ħtieġa li titjieb l-immaġni tas-settur, il-ħtieġa ta' ħaddiema kkwalifikati, il-modi ta' ġestjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

    It-titjib fl-effiċjenza tal-proċessi ta' l-estrazzjoni tar-riżorsi jiddependi fuq il-progress li jinkiseb f'setturi oħra attivi kemm fl-estrazzjoni tal-minerali kif ukoll f'oqsma oħra u jeħtieġ il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri.

    1.2

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jaħdmu fuq ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin (ara l-punt 3.2 għar-rakkomandazzjonijiet fid-dettall):

    Regolamentazzjoni aħjar permezz ta' qafas ġuridiku u sistema ta' permessi mtejba; l-iskambju ta' l-aħjar prattika fil-politiki dwar l-ippjanar; it-tnaqqis tal-piż amministrattiv żejjed fil-ħruġ ta' permessi; l-appoġġ għall-attivitajiet ta' esplorazzjoni; il-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli fit-tkabbir tas-siti ta' l-estrazzjoni, u s-sigurtà tad-depożiti minerali (1);

    It-tisħiħ tal-kompatibbiltà fl-estrazzjoni u fil-ħarsien ambjentali billi tkun estiża l-aħjar prattika ġewwa u madwar is-siti tan-Natura 2000; jingħata appoġġ lill-prinċipju tal-qrubija fil-proċeduri tat-trasport sabiex jitnaqqsu t-tniġġis u l-ispejjeż; u jittejjeb l-aċċess għar-riżorsi (2);

    It-tisħiħ ta' l-għarfien dwar il-minerali fil-livell ta' l-UE billi jkunu stabbiliti l-kapaċità ġeoloġika Ewropea u Sistema ta' Informazzjoni Ewropea dwar ir-Riżorsi Minerali, li tinbena abbażi tal-kapaċitajiet ta' l-Istħarriġ Ġeoloġiku Nazzjonali ta' l-Istati Membri.

    2.   Ħarsa lejn is-settur

    2.1

    Il-minerali huma essenzjali għall-iżvilupp u għaldaqstant għall-kwalità ta' ħajjitna u l-ħolqien ta' komunitajiet sostenibbli. Il-minerali mhux għall-enerġija (3) huma materjali bażiċi fil-ħajja tagħna ta' kuljum: dar fiha sa 150 tunnellata ta' minerali inkorporati fil-materjali li ġejjin: is-siment, it-tafal, il-ġibs, il-karbonat tal-kalċju, il-materjali komposti, il-ħġieġ, iż-żebgħa, iċ-ċeramika, il-madum u tunnellati ta' metalli; karozza fiha sa 150 kilogramma ta' minerali f'lastiku, plastiks, ħġieġ u aktar minn tunnellata ta' metalli; 50 % taż-żebgħa u l-karti huma magħmula minn minerali; il-ħġieġ u ċ-ċeramika ukoll fihom sa 100 % minerali (4). L-ippjanar tal-minerali jiżgura li l-ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi kif ukoll l-impatt ta' l-estrazzjoni u l-ipproċċessar fuq in-nies u l-ambjent ikunu ġestiti b'mod integrat billi jitqies iċ-ċiklu kollu ta' l-użu tal-minjiera/barriera mill-bidu nett tal-proċess ta' l-estrazzjoni, u billi l-proċess ta' l-ippjanar jinkludi l-ħarsien waqt u wara l-għeluq. Fid-dawl tal-globalizzazzjoni u l-kompetizzjoni aktar intensiva fis-swieq tal-materja prima, il-valur strateġiku tas-settur tal-minjieri qed ikompli jiżdied. Fejn tidħol it-teknoloġija ta' l-estrazzjoni, l-Ewropa tokkupa l-ewwel post fid-dinja, iżda dan għandu jkun ikkonsolidat fir-rigward ta' l-iżviluppi fil-ġejjieni.

    2.2

    Illum, 70 % mill-industrija tal-manifattura Ewropea tiddependi minn sustanzi estratti, waqt li l-UE 27 attwalment qed tiffaċċja ristrutturar fuq skala kbira fl-industrija tal-minjieri u l-prezz tal-metalli fis-suq globali qed jiżdied b'rata konsistenti. Quddiem din ix-xejra, il-politiki industrijali Ewropej iridu jqisu l-fatt li, fil-kuntest tal-forzi tas-suq ħieles, għandhom jirrenjaw is-sigurtà tal-provvista u d-domanda għall-materja prima.

    2.3

    L-industriji Ewropej ta' l-estrazzjoni mhux għall-enerġija jimpjegaw 295 000 ħaddiem f'madwar 18 300 kumpanija, bi dħul ta' 45.9 biljun EUR, u jinkludu ħafna SMEs (5). Is-settur jippromovi r-responsabbiltà ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli permezz ta' l-organizzazzjonijiet li jinsabu fih u huwa impenjat favur ir-responsabbiltà soċjali korporattiva.

    2.4

    Ħafna Ewropej ma jirrikonoxxux l-importanza tal-minjieri, iżda fil-ġejjieni, it-tkabbir sostenibbili ta' l-Ewropa ser jiddependi b'mod qawwi fuq is-sustanzi estratti lokalment, waqt li d-domanda għolja għall-minerali li ġejja minn pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Indja ser ikollha l-potenzjal li tabilħaqq taffetwa s-sigurtà tal-provvista ta' l-UE (6). Fil-qafas ta' approċċ globali, dawn ir-reġjuni għandhom it-tendenza li jiksbu l-akbar sehem tal-materja prima u r-riżorsi finanzjarji, u r-riżultat ta' dan huwa r-ristrutturar industrijali u r-rilokazzjoni ta' l-investiment fuq skala internazzjonali.

    2.5

    Sabiex tittratta l-globalizzazzjoni u l-bidla fil-klima, il-politika ta' l-UE dwar l-enerġija għall-Ewropa u l-politika integrata dwar il-minjieri huma elementi strateġiċi vitali. Dan kien irrikonoxxut mill-bidu nett tal-kostruzzjoni Ewropea (7). Minħabba li l-Istati Membri huma marbutin li jagħtu appoġġ lill-isforzi ta' l-UE biex tippromovi sorsi rinnovabbli ta' l-enerġija u l-użu effiċjenti ta' l-enerġija, huwa importanti li wieħed jifhem li dan jista' jinkiseb biss jekk l-industriji Ewropej ikollhom aċċess sigur għall-minerali mhux għall-enerġija, primarjament il-metalli u l-minerali ta' valur baxx u ta' teknoloġija għolja li huma vitali għall-“ekonomiji favur l-ambjent”. It-tibdil fix-xejriet ta' l-imġiba, l-effiċjenza ta' l-enerġija u sorsi rinnovabbli ta' l-enerġija rriżultaw f'aktar teknoloġiji u aktar attivitajiet ta' l-R&D. Huwa fatt magħruf sew li t-tagħmir teknoloġiku jinkludi kwantitajiet kbar ta' metalli, li porporzjon kbir minnhom jikkonsisti f'metalli rari u prezzjużi, li, kif irridu nirrealizzaw, huma prattikament mhux disponibbli fl-Ewropa (8).

    2.6

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tippubblika Komunikazzjoni fl-2008 dwar it-titjib ta' l-aċċess sostenibbli għall-materja prima. Il-Komunikazzjoni għandha tirrakkomanda azzjonijiet vijabbli, realistiċi u effikaċji li permezz tagħhom l-industriji jistgħu jiksbu aċċess sostenibbli u mtejjeb għar-riżorsi. Dan huwa ta' importanza partikulari minħabba li l-industriji qed jiffaċċjaw sfidi importanti ta' provvista:

    tnaqqis fid-disponibbiltà ta' depożiti aċċessibbli adattati għall-estrazzjoni tal-minerali bħala riżultat ta' ppjanar dwar l-użu ta' l-art li mhuwiex sħiħ jew magħmul fuq medda qasira ta' żmien jew minħabba kunsiderazzjoni insuffiċjenti ta' l-għarfien ġeoloġiku;

    piżijiet u spejjeż amministrattivi għolja biex jinkisbu l-permessi għall-estrazzjoni minħabba regolamenti addizzjonali u studji preliminari li jieħdu fit-tul wisq;

    diffikultajiet biex jinkisbu l-permessi ta' estrazzjoni, kemm għall-barrieri l-ġodda u għall-attivitajiet tal-minjieri kif ukoll għall-estensjoni ta' dawk eżistenti.

    2.7

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew japprezza l-kontributi ta' l-ispeċjalisti tal-Kummissjoni fid-dokument ta' ħidma għall-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Analiżi tal- kompetittività ta' l-industrija ta' l-estrazzjoni mhux għall-enerġija fl-UE” (9) u jenfasizza li l-kapaċità ta' l-Ewropa biex tipprovdi l-provvista tagħha stess ta' minerali mettalliċi permezz ta' l-estrazzjoni domestika għadha limitata, minkejja t-tkabbir ta' l-UE.

    2.7.1

    Huwa possibbli li titjieb is-sigurtà tal-provvista ta' l-industriji Ewropej b'aktar investimenti sostanzjali fis-settur tal-minjieri ta' l-Istati Membri l-ġodda b'potenzjal ġeoloġiku, bl-użu u t-titjib tal-mekkaniżmi ta' għajnuna Komunitarja eżistenti.

    2.7.2

    Riżorsi minerali ewlenin huma disponibbli fil-pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Lvant fejn l-istruttura ġeoloġika minn dejjem ippermettiet l-iżvilupp ta' l-attivitajiet tal-minjieri. Madankollu, f'dawn il-pajjiżi l-ġodda ta' l-UE, is-settur ma kienx iffinanzjat biżżejjed mill-istat, għalhekk is-sitwazzjoni llum ma turix il-potenzjal reali ta' l-industrija tal-minjieri mhux għall-enerġija. Minn dan il-lat, huwa essenzjali li jkun hemm kapital privat investit f'dawn il-kumpaniji tal-minjieri sabiex jipprovdu r-riżorsi finanzjarji li sallum kienu pprovduti l-aktar mill-istat.

    2.7.3

    Biex tkun żgurata l-provvista tal-materja prima għall-industrija Ewropea u biex tissaħħaħ il- kompetittività tagħha, huwa kruċjali li jkunu indirizzati l-isfidi ta' l-inugwaljanza fir-rigward tal-provvista sostenibbli u l-aċċess għar-riżorsi minerali. Dawn l-isfidi jeħtieġ li jkunu indirizzati f'livell għoli permezz ta' strateġija komprensiva li tinkludi firxa wiesgħa ta' oqsma tal-politika, bħall-kummerċ, l-iżvilupp, l-enerġija, l-infrastruttura u t-trasport, u l-politiki ta' l-intrapriża u l-konsumatur.

    2.7.4

    L-industrija ta' l-estrazzjoni hija interattiva ma' serje ta' industriji oħra bħall-fornituri tat-teknoloġija u l-makkinarju, ir-riċerka, il-konsulenza, is-servizzi finanzjari u ambjentali, eċċ. (10) Huwa għalhekk li operazzjoni ta' estrazzjoni ġeneralment tipprovdi medja ta' erba' darbiet aktar impjiegi indiretti minn impjiegi diretti fir-reġjun fejn tkun tinsab. It-tkabbir reġjonali potenzjali huwa konsiderevoli, speċjalment fl-oqsma fejn żvilupp ekonomiku ieħor huwa diffiċli.

    2.7.5

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tanalizza l-aħjar prattiki u l-mudelli ta' esplojtazzjoni li jeżistu fl-Istati Membri, biex tiżviluppahom u tippromovihom fil-livell ta' l-UE billi tqis mhux biss il-kwistjonijiet tekniċi relatati mat-teknoloġija, iżda wkoll l-esperjenza ta' l-Istati Membri fl-organizzazzjoni ta' l-istħarriġ ġeoloġiku u tal-ġestjoni tal-minjieri u l-barrieri għall-minerali (11).

    Internazzjonalment, ġie żviluppat Proġett għat-Tisdiq tar-Riżorsi (12) li jipprovdi gwida u studji dwar każijiet partikulari dwar kif l-aħjar riżorsi minerali jistgħu jintużaw għall-iżvilupp ekonomiku. Tali studju ta' każ partikulari jista' jkun żviluppat fl-UE wkoll.

    3.   Bażi u rakkomandazzjonijiet ewlenin għall-provvista tal-materja prima fil-ġejjieni

    3.1   Provvista domestika

    3.1.1

    L-aċċess limitat għar-riżorsi, il-piż amministrattiv kbir u l-ispejjeż li qed jiżdiedu għall-proċessi ta' l-applikazzjoni għall-permessi jirriżultaw fit-tnaqqis ta' l-investiment fis-settur ta' l-industrija mhux għall-enerġija fl-UE — anke f'oqsma fejn hemm talba kbira. Politika Ewropea dwar il-provvista tal-materja prima għandha tqis il-politika industrijali u ambjentali kif ukoll l-ippjanar dwar l-użu ta' l-art sabiex tiżgura koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-ippjanar u l-livelli tal-politika Ewropea.

    3.1.2

    Xi inizjattivi nazzjonali dwar l-ippjanar tal-minerali għall-komunitajiet u l-gvern lokali jistgħu jipprovdu eżempji tajbin dwar il-ġestjoni, b'mod integrat, tal-ħtieġa tas-soċjetà u l-ekonomija għall-minerali, flimkien ma' l-impatt ta' l-estrazzjoni u l-ipproċessar fuq in-nies u l-ambjent.

    3.2

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrakkomanda dan li ġej fil-Komunikazzjoni li qed tipproponi:

    3.2.1

    Titjib fil-qafas ġuridiku u s-sistema tal-permessi (regolamentazzjoni aħjar) permezz ta'

    titjib fil-politiki dwar l-ippjanar tar-riżorsi minerali permezz ta' l-iskambju ta' prattika tajba fil-Grupp għall-Provvista tal-Materja Prima (13) tal-KE; b'mod partikulari, min-naħa waħda, fir-rigward ta' l-involviment ta' l-istħarriġ ġeoloġiku u l-kompetenzi esperti u l-għarfien tagħhom dwar id-depożiti u, min-naħa l-oħra, rigward il-konsultazzjonijiet ma' l-operaturi li diġà huma preżenti fl-oqsma kkonċernati bl-ippjanar ta' l-infrastruttura u l-ħarsien tan-natura;

    l-iżvilupp ta' sistema ta' one-stop-shop (punt ta' kuntatt uniku għall-partijiet kollha li jipparteċipaw fil-ħruġ tal-permessi u li jinsab f'pożizzjoni li jevalwa l-kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali), biex itejjeb l-ippjanar dwar l-użu ta' l-art u l-proċessi tal-permessi. L-iżvilupp ta' tali sistema hija fil-kompetenza ta' kull wieħed mill-Istati Membri ta' l-UE;

    tħaffif ta' l-esplorazzjoni bit-tħeġġiġ ta' l-attivitajiet ta' esplorazzjoni fl-Ewropa permezz ta' regolamenti nazzjonali aħjar, billi:

    ikunu pprovduti inċentivi għall-kumpaniji ta' l-esplorazzjoni għax-xogħol esplorattiv li jitwettaq,

    titjib fis-sigurtà tal-pussess ta' l-artijiet għall-esplorazzjoni biex tiżdied il-fiduċja ta' l-investituri,

    tnaqqis fiż-żmien ta' l-akkwist ta' art għall-esplorazzjoni,

    jiġu organizzati kampanji ta' promozzjoni li jinkoraġġixxu t-twaqqif ta' kumpaniji ta' l-esplorazzjoni u biex jattiraw kumpaniji minn barra biex jesploraw fuq it-territorju ta' l-UE (14);

    tħaffif fl-esplorazzjoni u l-estrazzjoni bir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u tkun żgurata implimentazzjoni aħjar permezz ta' proċessi u skadenzi aktar effiċjenti;

    assigurazzjoni ta' implimentazzjoni konsistenti fir-rigward tal-kompatibilità bejn l-objettivi tal-ħarsien tan-natura u l-estrazzjoni tar-riżorsi minerali;

    evalwazzjoni ta' l-aspetti sostenibbli fl-espansjoni ta' sit ta' estrazzjoni tal-materja prima eżistenti minflok jinfetaħ wieħed ġdid f'post differenti sabiex tkun sodisfatta d-domanda, u anke l-objettivi ekonomiċi, soċjali u tal-ħarsien ambjentali;

    semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u tneħħija tal-piżijiet amministrattivi li mhumiex meħtieġa, bħall-multiplikazzjoni tar-rapporti;

    preservazzjoni tad-depożiti minerali billi tingħata prijorità akbar lir-riżorsi minerali fil-politiki ta' l-UE (il-kompetittività, l-iżvilupp, l-ambjent, ir-riċerka, l-industrija, l-iżvilupp reġjonali), biex ir-riżorsi magħrufa ma jiġux eżawriti bla bżonn minn żvilupp mhux tal-minerali. Dan jista' jinkiseb billi:

    ikun żgurat li kull Stat Membru ta' l-UE jkollu politika nazzjonali dwar il-provvista, li tiġi ppubblikata regolarment f'verżjoni kompluta bl-Ingliż;

    ikun identifikat il-potenzjal attwali u tal-ġejjieni ta' l-UE fir-rigward tar-riżorsi minerali u jkun hemm aġġornament regolari ta' tali tagħrif li jkun aċċessibbli b'mod faċli;

    ikunu identifikati l-minerali strateġiċi ta' l-UE u jkun hemm koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali dwar il-provvista tagħhom.

    3.2.2

    It-tisħiħ tal-kompatibbiltà ta' l-estrazzjoni u l-ħarsien ambjentali permezz ta'

    żvilupp fis-sistema ta' tagħrif ibbażata fuq il-GIS (15) dwar il-post, in-natura, ir-riżorsi u r-riservi ta' riżorsi minerali ta' l-UE fuq l-art u fuq il-baħar, biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-potenzjal minerali fl-ippjanar dwar l-użu ta' l-art, fost affarijiet oħra biex ikunu magħżula u definiti ż-żoni mħarsa;

    studji ta' każijiet ta' l-aħjar prattika għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva “Natura 2000”;

    titjib fl-effikaċja u l-effiċjenza ta' l-Evalwazzjonijiet ta' l-Impatt Soċjali u Ambjentali billi jitħejjew għall-Istati Membri linji gwida aħjar u aktar ċari dwar l-implimentazzjoni biex:

    ikun żgurat mudell armonizzat fl-UE kollha;

    jitqassar it-tul ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' dawn l-evalwazzjonijiet kif ukoll iż-żmien għat-tweġiba ta' l-awtoritajiet u b'hekk tinħoloq aktar stabilità ġuridika u l-previdibilità għall-investituri;

    promozzjoni dwar l-użu ta' l-aħjar prattika ta' l-estrazzjoni sabiex jitwaqqaf it-tnaqqis tal-bijodiversità;

    appoġġ, fejn ikun vijabbli, lill-prinċipju tal-qrubija fil-provvista tal-minerali fl-UE sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-istorbju relatati mat-trasport;

    ħolqien ta' aċċess għaż-żoni remoti billi l-aċċess għad-depożiti tal-minerali jkun inkluż fl-ippjanar ta' l-infrastruttura tal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri waqt li jkun ipprovdut, fejn ikun xieraq, trasport aktar ekoloġiku għall-materjali goffi ħafna, per eżempju t-trasport bil-ferroviji, bil-braken u bil-baħar;

    aggregati marini;

    tnaqqis ta' l-attitudni dak li huwa “'l barra mill-għatba ta' darna ma nqisuhx” billi jinħoloq programm ta' riċerka dwar it-tnaqqis ta' l-inkonvenjenzi ta' l-aspetti relatati biex b'hekk ikun hemm aċċettazzjoni akbar mill-komunitajiet.

    3.2.3

    It-tisħiħ ta' l-għarfien minerali fil-livell ta' l-UE billi:

    dawk li jfasslu l-politika jiġu pprovduti b'aċċess għal data aktar komprensiva dwar ir-riżorsi li jikkonċernaw il-produzzjoni, il-ħaddiema, id-dħul iġġenerat, l-art li tintuża għall-estrazzjoni tal-minerali u l-art li tingħata lura għal użu ieħor biex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jsiru permezz ta' l-aħjar data disponibbli;

    tingħata aktar attenzjoni kemm fil-livell Ewropew u kif ukoll f'dak nazzjonali lill-importanza dejjem tikber tal-metalli Ewropej, il-minerali u l-aggregati industrijali fil-livell politiku u leġislattiv;

    ikun żgurat li titqies l-informazzjoni ġeoloġika fl-ippjanar dwar l-użu ta' l-art u bħala prijorità tiġi pprovduta informazzjoni dwar id-depożiti minerali għall-bażijiet tad-data dwar l-użu ta' l-art u li jitqies serjament il-ħolqien ta' Kapaċità Ġeoloġika Ewropea bbażata fuq l-Istħarriġ Ġeoloġiku nazzjonali u reġjonali eżistenti u l-kapaċitajiet tagħhom. Il-qasam ta' kompetenza tagħha tista' tinkludi:

    l-identifikazzjoni ta' riżorsi strateġiċi u t-tħejjija ta' rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri bħala prijoritajiet ewlenin fl-ippjanar dwar l-użu ta' l-art;

    l-integrazzjoni tal-perspettiva ta' l-UE dwar l-aċċess għar-riżorsi minerali fil-Perspettiva Ewropea għall-Iżvilupp ta' l-Ispazji (16) (qafas politiku li ilu ma jiġi applikat mill-1999) u t-trasmissjoni ta' din l-informazzjoni lid-dipartimenti responsabbli mill-politiki dwar l-ippjanar minerali ta' l-Istati Membri ta' l-UE;

    l-analiżi ta' l-impatt tal-politiki dwar il-bidla fil-klima fuq l-aspetti tal-provvista tal-minerali u awto-suffiċjenza;

    it-titjib ta' l-għarfien dwar id-distribuzzjoni u l-kwalità tar-riżorsi minerali fl-UE u dwar l-importanza strateġika tagħhom kif ukoll l-evalwazzjoni tal-potenzjal skond il-qafas tal-pjattaforma ta' Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES);

    l-iżvilupp ta' bażi tad-data ġeoloġika panEwropea, mibnija fuq il-prinċipju ta' INSPIRE (17) u fuq l-evalwazzjoni tal-potenzjal ta' depożiti moħbija tal-metalli u minerali, fl-oqsma metalloġeniċi/minerali ewlenin;

    l-użu ta' informazzjoni u servizzi pprovduti mill-programmi ta' osservazzjoni tad-dinja, bħall-GMES, li hija inizjattiva Komunitarja mnedija fis-Summit ta' Gothenburg fl-2001 flimkien ma' l-Istrateġija Ewropea għas-Sostenibbiltà. Wieħed minn dawn il-programmi, is-Servizz Ewlieni ta' Monitoraġġ ta' l-Art (Land Monitoring Core Service) tal-GMES, mill-2008 ser jipprovdi mapep b'vekters diġitali dwar l-użu attwali ta' l-art/il-kopertura ta' l-art fl-Ewropa kollha (38 pajjiż li jinkludu t-Turkija) mingħajr xkiel u b'eżatezza li qed tikber gradwalment (1 ettaru bħala l-unità minima tal-mapep, li titbiegħed mill-kopertura attwali ta' l-art Corine b'25 ettaru). Parti oħra mil-LMCS tidentifika l-bliet u “postijiet oħra importanti” b'eżatezza akbar (0.25 ettaru) u b'kontenut adattat għall-ġestjoni ta' żoni soġġetti għal użu u bidliet intensivi.

    Barra minn hekk, dan jippermetti l-ksib ta' għarfien akbar dwar il-potenzjal minerali tal-partijiet l-aktar imbiegħda tal-provinċji metalloġeniċi ewlenin ta' l-Ewropa: waqt li t-tagħrif u l-għarfien ġeoloġiku huwa tajjeb ħafna fil-maġġoranza ta' l-Ewropa fir-rigward ta' l-ewwel 100 metru taħt il-wiċċ ta' l-art, l-għarfien u t-tagħrif ġeografiku dwar il-parti l-aktar profonda ta' dawn il-provinċji jibqgħu limitati, għalkemm jista' jkun li jospitaw id-depożiti minerali li l-Ewropa ser ikollha bżonn biex tissodisfa l-ħtiġijiet futuri tagħha. L-isfruttament ta' depożiti fondi għandu għadd ta' vantaġġi: impatt żgħir ħafna fuq il-wiċċ, b'hekk ikunu soċjalment aktar aċċettabbli, u jkollu impatti ambjentali limitati;

    qed jiġi żviluppat ukoll komponent globali li għandu l-mira li jagħti appoġġ lill-politiki esterni ta' l-UE. Tali informazzjoni se tippermetti li:

    tinġabar biżżejjed data dwar il-minjieri, li tkun ġeografikament rappreżentattiva u prevedibbli;

    jiġu identifikati u kkwantifikati żoni ta' minjieri fil-beraħ u/jew l-infrastutturi tal-minjieri;

    jiġu identifikati oqsma ta' kunflitt potenzjali (per eżempju s-siti naturali mħarsa) jew żoni ta' kumpens;

    isir monitoraġġ dwar l-impatti fuq l-ilma tad-djar u l-effetti tat-tniġġis;

    isir monitoraġġ dwar il-proċess ta' naturalizzazzjoni mill-ġdid wara l-għeluq ta' sit;

    tittieħed azzjoni urġenti fil-każ ta' aċċidenti.

    4.   Provvista internazzjonali

    4.1

    L-impatt sħiħ tal-globalizzazzjoni fuq id-domanda u l-provvista tar-riżorsi minerali ma kinitx evalwata mill-UE jew l-Istati Membri tagħha (18). Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrikonoxxi li hemm ħafna raġunijiet biex il-materja prima tiġi importata minn pajjiżi terzi. Madankollu, il-fatt li l-prodotti importati setgħu ma kinux konformi ma' l-istandards ambjentali u soċjali Ewropej matul il-proċess tal-produzzjoni jista' jirriżulta mhux biss f'telf tal-kompetittività għall-ekonomija ta' l-UE, iżda wkoll fir-rilokazzjoni tal-problemi ambjentali u soċjali.

    4.2

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tesprimi r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin fil-Komunikazzjoni li qed tipproponi:

    l-identifikazzjoni ta' riżorsi strateġiċi u li jkunu rrakkomandati lill-Istati Membri bħala prijoritajiet ewlenin fl-ippjanar ta' l-użu ta' l-art;

    il-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jistimulaw il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea ta' estrazzjoni billi jagħmlu l-aħjar użu mill-kisbiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u jiġu promossi l-investimenti;

    l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-flussi ta' l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-materja prima u l-evalwazzjoni ta' l-affidabilità politika u ekonomika fuq perijodu fit-tul;

    il-ħolqien ta' programmi ġodda permezz tal-fondi Ewropej għat-titjib tas-sostenibilità ta' l-estrazzjoni, it-trasport u l-użu tal-minerali fir-reġjuni li għandhom potenzjal tajjeb ta' riżorsi;

    ikun żgurat, permezz tal-Kummissjoni Ewropea, l-OECD u l-Forum dwar il-Materja Prima Sostenibbli ta' l-UNEP, li l-materjali importati jkunu prodotti b'mod sostenibbli;

    it-tħeġġiġ ta' l-investimenti mill-UE f'pajjiżi terzi, b'mod partikulari fil-pajjiżi ta' l-Amerika Latina, l-Afrika, ir-Russja u l-Asja Ċentrali (19);

    it-trawwim ta' l-implimentazzjoni ta' standards Ewropej fil-pajjiżi ta' oriġini permezz ta' programmi ta' kooperazzjoni;

    it-titjib fl-aċċess u l-istabilità fuq perijodu fit-tul tal-flussi tal-provvista jridu jkunu fuq l-aġenda meta jitfasslu politiki barranin ta' l-UE u għandhom ikunu indirizzati mill-uffiċjali ta' l-UE f'laqgħat bilaterali ta' livell għoli.

    5.   It-tisħiħ tal-kapaċità

    5.1

    L-industriji Ewropej ta' l-estrazzjoni mhux għall-enerġija qed jaffaċċjaw numru kbir ta' sfidi fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċità, li jinvolvi l-iżvilupp ta' kapaċitajiet eżistenti u l-istabbiliment ta' oħrajn ġodda. Komponent importanti ta' dan huwa t-titjib fl-immaġni tas-settur. Madankollu, mhijiex l-unika miżura li għandha tittieħed biex ikunu attirati persuni ġodda u żgħażagħ, tinżamm il-forza tax-xogħol Ewropea attwali f'dan is-settur u titjieb il-kapaċità tagħhom biex ilaħħqu ma' l-immodernizzar tas-settur.

    5.2

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrakkomanda dan li ġej fil-Komunikazzjoni tagħha:

    l-iżvilupp ta' programm ta' titjib tal-kompetenzi ffinanzjat mill-baġits nazzjonali jew mill-UE għall-forza tax-xogħol attwali mħarrġa diġà li tirrikjedi aktar taħriġ u edukazzjoni, u politika effettiva għat-tagħlim tul il-ħajja;

    l-implimentazzjoni ta' programmi speċjali ta' l-UE biex ikun sfruttat bl-aħjar mod il-livell attwali Ewropew tal-ħaddiema kkwalifikati għall-offerti futuri ta' l-impjiegi u l-investimenti fl-oqsma tal-minjieri globali potenzjalment interessanti bħala wieħed mill-fatturi ewlenin (it-teknoloġija, l-għarfien, l-intelliġenza tal-minjieri) biex jingħata aċċess għad-depożiti minerali importanti madwar id-dinja;

    investiment f'universitajiet u programmi edukattivi biex tiżdied il-kapaċità ġenerali f'dan il-qasam billi ssir reviżjoni ta' l-appoġġ nazzjonali attwali għall-ipproċċessar tal-minjieri u l-minerali kif ukoll id-dipartimenti relatati mal-ġeoloġija sabiex jiġu attirati aktar studenti f'dan il-qasam kif ukoll attivitajiet ta' riċerka f'dawn id-dixxiplini;

    jitħeġġu r-responsabbli mit-teħid ta' deċiżjonijiet biex ikunu żviluppati gruppi ta' intrapriżi u oqsma industrijali tat-teknoloġija fi ħdan żoni tal-minjieri, peress li l-industrija ta' l-estrazzjoni hija interattiva ħafna ma' fornituri indusrijali u tas-servizzi oħra, u nafu li impjieg li jinħoloq fil-minjieri joħloq erba' impjiegi addizzjonali;

    it-tkabbir ta' l-għarfien dwar ir-rwol tal-minerali u s-sostenibilità ta' l-industriji permezz ta' korsijiet edukattivi, workshops, dibattiti, konferenzi — mudell interdixxiplinarju: per eżempju, il-promozzjoni fl-iskejjel u l-universitajiet ta' kunċetti bħall-minjieri favur l-ambjent, il-ġeoloġija ekonomika, l-użu responsabbli tar-riżorsi minerali eċċ.;

    il-promozzjoni u r-riċerka ta' kwistjonijiet relatati mas-saħħa u s-sigurtà bħala ħtieġa indispensabbli għas-sostenibilità tas-settur tar-riżorsi minerali;

    enfasi speċjali fuq il-prevenzjoni tal-perikli marbuta max-xogħol u fuq miżuri mediċi preventivi.

    6.   Effiċjenza tar-riżorsi

    6.1

    L-involviment ta' setturi oħra attivi fil-proċess ta' l-estrazzjoni minerali hija vitali għall-effiċjenza tar-riżorsi. Issir enfasi li l-industrija ta' l-estrazzjoni attiva fl-Ewropa hija wkoll mutur għall-iżvilupp ta' teknoloġija u fornituri Ewropej ta' servizz ta' klassi internazzjonali.

    6.2

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tesprimi r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin fil-Komunikazzjoni li qed tipproponi:

    li l-Kummissjoni tkun imħeġġa tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lill-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija dwar ir-Riżorsi Minerali Sostenibbli (20) hekk kif ġiet rikonoxxuta uffiċjalment dan l-aħħar;

    tkun promossa l-parteċipazzjoni industrijali fi programmi ta' l-R&D ta' l-UE u nazzjonali li jsiru f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea biex ikun hemm dejjem aktar estrazzjoni sostenibbli u programm dwar l-użu tal-materja prima permezz tat-titjib teknoloġiku;

    l-involviment tal-produtturi tal-makkinarju f'tali programm biex ikomplu jitnaqqsu:

    l-istorbju u fl-istess waqt tiżdied is-sigurtà;

    it-trab, f'kooperazzjoni ma' dawk li jipproduċu l-filters;

    il-livelli tas-CO2 u l-konsum ta' l-enerġija, ukoll f'kooperazzjoni mal-kumpaniji tas-settur ta' l-enerġija;

    il-vibrazzjoni fuq il-post tax-xogħol;

    l-użu ta' l-ilma fl-industrija kollha.

    titjib fil-ġestjoni u l-aċċettabilità operattiva permezz:

    tar-riċiklaġġ;

    ta' l-ipproċessar tal-minerali biex titjieb l-effiċjenza (jiġifieri jikkonsmaw aktar b'anqas);

    ta' l-użu tal-minerali biex ikunu salvati riżorsi prezzjużi u rari;

    ta' l-użu ta' materja prima alternattiva li fejn ikun adattat tinkludi materja prima sekondarja u materjali mill-iskart;

    tal-promozzjoni tal-Kontribut taċ-Ċiklu tal-Ħajja ta' l-industriji;

    il-promozzjoni tas-sinerġiji ambjentali, per eżempju biex il-produzzjoni ssir lokalment ħalli jkunu evitati problemi relatati mat-trasport;

    it-tħeġġiġ, permezz tad-Direttorati tal-Kummissjoni, ta' evalwazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali ta' l-istrutturi ta' l-ispejjeż tal-ġarr (bil-ferroviji, bil-braken u bil-baħar) u l-kompetittività f'ambitu internazzjonali, kif iseħħ fis-settur ta' l-enerġija;

    it-tħeġġiġ ta' studji dwar il-bijodiversità fl-ambjent tal-minjieri u l-barrieri;

    it-trawwim ta' l-użu ta' materjali sekondarji f'konformità ma' l-iżvilupp sostenibbli.

    Brussell, id-9 ta' Lulju 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  Ara l-punt 3.2.1 għar-rakkomandazzjonijiet fid-dettall.

    (2)  Ara l-punt 3.2.2 għar-rakkomandazzjonijiet fid-dettall.

    (3)  Skond SEC(2007) 771, il-minerali mhux għall-enerġija huma kklassifikati bħala: minerali metalliċi (ramm, ħadid, fidda, eċċ.); minerali industrijali (melħ, feldspar, kaolina, eċċ.) u minerali tal-kostruzzjoni. Skond IP — 07 — 767, fil-każ tal-minerali metalliċi, il-kapaċità ta' l-Ewropa biex tipprovdi l-forniment tagħha stess permezz ta' l-estrazzjoni domestika, hija limitata ħafna. Bħala eżempju, fl-2004 fl-UE kienu impurtati 177 miljun tunnellata ta' minerali metalliċi b'valur totali ta' 10,4 biljun EUR, meta mqabbla mal-produzzjoni ta' l-UE li laħħqet madwar 30 miljun tunnellata.

    (4)  Euromines.

    (5)  Eurostat.

    (6)  China's commodity hunger. Implications for Africa and Latin America (L-għatx taċ-Ċina għall-materja prima. L-implikazzjonijiet għall-Afrika u l-Amerika Latina) — Riċerka tad-Deutsche Bank.

    (7)  Trattat li jistabblixxi l-Komunità Ekonomika tal-Faħam u l-Azzar, iffirmat fl-1951.

    (8)  Dan l-approċċ jinsab fir-Raba' Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività, l-Enerġija u l-Ambjent, tas-27 ta' Novembru 2007 u s-Summit tal-G8 f'Heiligendamm mis-6-8 ta' Ġunju 2007. Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività, l-Enerġija u l-Ambjent jipprovdi pjattaforma biex ikun iggalvanizzat l-impenn politiku meħtieġ biex titnieda strateġija koerenti li tiffaċilita l-aċċess għall-materja prima.

    (9)  SEC(2007) 771.

    (10)  Per eżempju, fil-minjieri moderni, is-servizzi finanzjarji huma importanti ħafna għall-evoluzzjoni ta' minjiera. Il-prodotti finanzjarji jvarjaw skond l-istadju: l-esplorazzjoni, l-istadju tal-vijabilità, l-iżvilupp tal-minjiera, il-fażi operattiva, l-għeluq tal-minjiera.

    (11)  Kif jidher fl-istudji ta' każijiet partikulari eżistenti fil-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit u pajjiżi oħra Ewropej.

    (12)  Inizjattiva mnedija fl-2004 mill-Kunsill Internazzjonali tal-Minjieri u l-Metalli. Din tipprova tidentifika l-prattika tajba tal-politika għall-investimenti fil-minjieri u l-metalli fil-livelli nazzjonali/reġjonali u korporattivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    (13)  Il-Grupp ta' Provvista tal-Materja Prima huwa grupp li jinkludi l-industrija, l-NGOs ambjentali, it-trejdjunjins, l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

    (14)  Skond it-tmintax-il edizzjoni annwali ta' Corporate Exploration Strategies tal-Grupp Ekonomiku tal-Metalli, il-prezzijiet għolijin tal-materja prima għollew il-prezz ta' l-esplorazzjoni globali għall-metall mhux tal-ħadid għal 10.5 biljun US $ fl-2007. L-għaxar pajjiżi li għandhom baġits għall-esplorazzjoni tal-minjieri huma: il-Kanada (19 %), l-Awstralja (12 %), l-Istati Uniti (7 %), ir-Russja (6 %), il-Messiku (6 %), il-Perù (5 %), iċ-Ċilì (4 %), l-Afrika ta' Isfel (4 %), iċ-Ċina (3 %) u l-Brażil (3 %).

    (15)  Sistema ta' Informazzjoni Ġeografika (GIS).

    (16)  L-għan tal-politiki dwar l-iżvilupp ġeografiku, kif kien definit mill-Kunsill Informali tal-Ministri ta' l-UE responsabbli għall-Ippjanar Ġeografiku, li sar f'Potsdam mill-10 sal-11 ta' Mejju 1999, huwa li jaħdem lejn l-iżvilupp ibbilanċjat u sostenibbli tat-territorju ta' l-Unjoni Ewropea sabiex tinkiseb il-koeżjoni ekonomika u soċjali, il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-wirt kulturali, u kompetittività aktar ibbilanċjata fl-UE.

    (17)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE).

    (18)  Fil-livell globali, il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp wettqet evalwazzjoni dwar din il-kwistjoni fit-Tieni Parti tar-Rapport tagħha ta' l-2007 dwar l-Investiment Dinji.

    (19)  Skond ir-Raw Materials Data (Data tal-Materja Prima), Stokkolma, Jannar 2008, l-investiment totali fl-industrija globali tal-minjieri fl-aħħar ta' l-2007 kien ta' 308 biljuni US $. Dan kien żjieda ta' 50 % mill-2006, li kien żjieda ta'20 % fuq l-2005.

    (20)  ETP SMR (European Technology Platform on Sustainable Mineral Resources), sit: http://www.etpsmr.org/.


    Top