Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1213

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna s-sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009) COM(2008) 159 finali — 2008/0064 (COD)

    ĠU C 27, 3.2.2009, p. 119–122 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 27/119


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna s-sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009)

    COM(2008) 159 finali — 2008/0064 (COD)

    (2009/C 27/25)

    Nhar is-7 ta' April 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna s-sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009).

    Nhar il-21 ta' April 2008, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

    Minħabba l-urġenza ta' din il-ħidma, matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet id-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jaħtar lis-Sur Rodríguez García-Caro bħala rapporteur ġenerali u adotta din l-opinjoni b' 108 voti favur, u 5 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet

    1.1

    Il-KESE jappoġġja kull miżura għall-inkoraġġiment tal-kreattività u għall-promozzjoni ta' l-innovazzjoni fost iċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea, u jilqa' bi pjaċir l-inizjattiva biex tiġi ddedikata sena Ewropea għall-appoġġ u l-promozzjoni tal-kreattività bis-saħħa ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja bħala xprun ta' l-innovazzjoni. Il-KESE diġà enfasizza kemm-il darba l-importanza li titħeġġeġ l-innovazzjoni bil-għan li jintlaħqu l-objettivi ta' l-istrateġija ta' Lisbona (1). Madankollu, għalkemm japprova l-qafas tas-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni, fid-dawl tal-kummenti li jidhru f'din l-opinjoni l-KESE jemmen li l-proposta għal Deċiżjoni preżenti mhix l-aħjar strument possibbli sabiex jintlaħaq l-objettiv propost.

    1.2

    Filwaqt li Snin Ewropej oħra ġew organizzati f'perijodu ta' żmien relattivament twil u b'hekk il-proposti setgħu jitħejjew sa minn sentejn qabel il-ftuħ tas-Sena Ewropea, din id-darba ser ikun hemm seba' xhur biss bejn l-approvazzjoni tal-proposta mill-Kummissjoni Ewropea u l-bidu tas-Sena Ewropea sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill japprovaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jorganizzaw u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom. Il-KESE jaħseb li dan il-proċess huwa wieħed mgħaġġel u għalhekk jista' jqiegħed fil-periklu ċ-ċelebrazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni, li jistħoqqilha preparazzjoni adatta għall-importanza tagħha.

    1.3

    Il-proposta għal Deċiżjoni għadha vaga ħafna rigward żewġ aspetti li fil-fehma tal-KESE huma importanti ferm, u għalhekk għandhom jiġu ċċarati fit-test tal-proposta. Dawn iż-żewġ aspetti jikkonċernaw il-finanzjament tas-Sena Ewropea u r-referenza għall-appoġġ u l-parteċipazzjoni ta' programmi u politiki oħra ta' l-Unjoni Ewropea li m'humiex marbuta mal-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja.

    1.3.1

    Il-KESE jaċċetta l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tgħid li ma jinħtiġux linji baġitarji speċifiċi għas-Sena Ewropea, u jaqbel li jintużaw l-approprazzjonijiet tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, li jinkludi objettivi speċifiċi b'rabta mal-promozzjoni ta' l-innovazzjoni. Madankollu, jenfasizza li t-test tal-proposta ma jsemmi l-ebda somma li tista' tintuża għal dan l-avveniment — jgħid biss li s-sors baġitarju huwa l-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u li xi programmi oħra, li la huma msemmija u lanqas speċifikati, ser jikkofinanzjaw l-attivitajiet. Rigward il-kontenut tal-proposta għal Deċiżjoni, il-Kumitat jemmen li għandhom jiddaħħlu xi ċifri dwar l-ispejjeż li mistennija jkollha din l-inizjattiva. Għalhekk, il-KESE jaħseb li l-proposta għandu jkun fiha stima baġitarja.

    1.3.2

    Fir-rigward ta' l-appoġġ finanzjaru li jistgħu jagħtu programmi u politiki oħra, il-proposta hija saħanstira iktar vaga. It-test jista' jagħtik x'tifhem li, billi l-promozzjoni ta' l-innovazzjoni hija fost l-objettivi speċifiċi ta' programmi oħra bħall-Programm dwar l-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni u l-Programm ta' Appoġġ għall-Politika ta' l-ICT — it-tnejn li huma inklużi fil-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni — huma din ix-xorta ta' programmi li ser jikkofinanzjaw l-attivitajiet fi ħdan is-Sena Ewropea. F'dan il-kuntest, il-KESE jaħseb li l-proposta għal Deċiżjoni għandha tindika liema programmi ser jiffinanzjaw is-Sena Ewropea, b'kemm ser jiffinanzjawha, u fuq liema bażi ser jiġu kkoordinati l-attivitajiet bejn id-diversi programmi ta' kofinanzjament li jitmexxew minn Direttorati Ġenerali differenti fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.

    1.4

    Fuq il-bażi ta' dawn l-argumenti, li huma ġabra tal-punti ewlenin imressqa f'din l-opinjoni, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra mill-ġdid il-proposta tagħha fid-dawl tal-kummenti li jinsabu f'din l-opinjoni. Jirrakkomanda wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jikkunsidraw dawn il-kummenti u jimmodifikaw it-test tad-Deċiżjoni fejn jidħlu aspetti li huma inqas konkreti.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Barra li enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi adottat qafas Ewropew li jistipula l-kwalifiki bażiċi ġodda li għandhom jinkisbu permezz ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja, u barra li sostnew li r-riżorsi umani huma l-assi prinċipali ta' l-Ewropa, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew straordinarju ta' Lisbona f'Marzu 2000 insistew fuq il-fatt li s-sistemi Ewropej ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jadattaw ruħhom kemm għall-bżonnijiet tas-soċjetà ta' l-għarfien kif ukoll għall-ħtieġa li jittejbu l-istandard u l-kwalità tax-xogħol.

    2.2

    Dawn il-kwalifiki bażiċi jew kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja ġew stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 (2), u jistgħu jitqiesu bħala fattur essenzjali ta' l-innovazzjoni, tal-produttività u tal-kompetittività f'soċjetà msejsa fuq l-għarfien. Dak iż-żmien il-KESE ppubblika opinjoni dwar din ir-Rakkomandazzjoni (3).

    2.3

    Fil-Konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007 stieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jieħdu azzjoni bil-għan li jinħoloq qafas iktar xieraq għall-innovazzjoni u għaż-żieda ta' l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp. Fil-fatt, fil-kapitolu “It-tisħiħ ta' l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni”, il-Kunsill Ewropew jagħraf li l-Istati Membri huma determinati li jtejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-innovazzjoni bħas-swieq kompetittivi, u li jimmobilizzaw riżorsi addizzjonali għall-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni. Għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħtu spinta 'l quddiem lill-implimentazzjoni ta' l-istrateġija politika ta' l-innovazzjoni, u jistqarr li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma elementi indispensabbli sabiex it-“trijangolu ta' l-għarfien” (edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni) jaħdem tajjeb.

    2.4

    It-twaqqif ta' Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni huwa mezz tajjeb sabiex jingħata kontribut għar-riflessjoni dwar l-isfidi li trid tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa. Dan il-kontribut isir billi ċ-ċittadini jiġu informati dwar l-importanza tal-kreattività u tal-kapaċità ta' l-innovazzjoni sabiex itejbu l-iżvilupp personali tagħhom u jżidu l-benesseri kollettiv.

    3.   Sommarju tal-proposta

    3.1

    Il-proposta għal Deċiżjoni tiddikjara l-2009 bħala s-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni, u l-għan ġenerali tagħha huwa li tappoġġja l-isforzi ta' l-Istati Membri biex jippromovu l-kreattività, permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, bħala xprun għall-innovazzjoni u bħala fattur ewlieni għall-iżvilupp tal-kompetenzi personali, professjonali, intraprenditorjali u soċjali ta' l-individwi kollha fis-soċjetà. Flimkien ma' dan l-objettiv ġenerali hemm tlettax-il fattur li jistgħu jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-kreattività u l-kapaċità ta' innovazzjoni.

    3.2

    Fost il-miżuri proposti sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati hemm, fost oħrajn, konferenzi u inizjattivi maħsuba biex jagħtu informazzjoni dwar il-kreattività u l-kapaċità ta' innovazzjoni, kampanji għall-promozzjoni ta' messaġġi ewlenin, l-identifikazzjoni u t-tixrid ta' eżempji tal-prattiki t-tajba u studji li jsiru fil-livell nazzjonali u Komunitarju.

    3.3

    Il-proposta għal Deċiżjoni tistabbilixxi r-rwol ta' koordinatur nazzjonali tas-Sena Ewropea li ser ikun resposabbli għall-organizzazzjoni fil-livell nazzjonali, u tistipula li l-Kummissjoni Ewropea ser torganizza laqgħat għall-koordinaturi nazzjonali sabiex jiġu kkoordinati l-attivitajiet fil-livell Ewropew.

    3.4

    Fl-aħħarnett, il-proposta tgħid li l-finanzjament ser isir mill-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, iżda dan ma jeskludix il-possibbiltà ta' għajnuna jew finanzjament minn programmi oħra marbuta ma' oqsma bħall-intrapriżi, il-koeżjoni, ir-riċerka u s-soċjetà ta' l-informazzjoni.

    4.   Kummenti ġenerali dwar il-proposta

    4.1

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ kull miżura għall-inkoraġġiment tal-kreattività u għall-promozzjoni ta' l-innovazzjoni fost iċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea. Fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar “L-Innovazzjoni: l-impatt fuq it-tibdiliet industrijali u r-rwol tal-BEI” (4), il-KESE jsostni li “l-innovazzjoni għandha fuq kollox tibni fuq il-bażi ta' edukazzjoni u taħriġ wiesgħa b'konformità mal-kriterju tat-tagħlim tul il-ħajja kollha”. Għaldaqstant, b'koerenza mal-pożizzjoni tiegħu, il-KESE ser jappoġġja bis-sħiħ l-użu ta' kull strument li jista' jgħin fil-promozzjoni tal-kreattività u tal-kapaċità ta' l-innovazzjoni. Però jħoss li għandu jressaq il-kummenti li ġejjin dwar il-proposta li qiegħda tiġi analizzata.

    4.2

    Il-Kumitat jilqa' bi pjaċir l-inizjattiva biex tiġi ddedikata Sena Ewropea għall-appoġġ u l-promozzjoni tal-kreattività fost iċ-ċittadini Ewropej bis-saħħa ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja bħala xprun ta' l-innovazzjoni. Diġà enfasizza kemm-il darba l-importanza li titħeġġeġ l-innovazzjoni bil-għan li jintlaħqu l-objettivi ta' l-istrateġija ta' Lisbona. F'dan il-kuntest, ir-rapport ta' Aho (5) jenfasizza l-ħtieġa li tiħeġġeġ kultura ta' l-innovazzjoni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u tittejjeb il-produttività fl-Ewropa.

    Madankollu, għalkemm japprova l-qafas tas-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni, fid-dawl tal-kummenti li jidhru f'din l-opinjoni l-KESE jemmen li l-proposta għal Deċiżjoni preżenti mhix l-aħjar strument possibbli sabiex jintlaħaq l-objettiv propost, kemm mil-lat tal-kontenut tad-dokument kif ukoll mil-lat tal-mod kif tħejja u ġie approvat.

    4.3

    Fil-fehma tal-Kumitat, il-punt tat-tluq ta' din l-inizjattiva mhux l-ideali għal dan it-tip ta' azzjoni. Punt 3 tal-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta għal Deċiżjoni, li jitkellem dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati, jgħid li saru diskussjonijiet informali mal-Membri tal-Parlament Ewropew u ma' l-Istati Membri. Dan ifisser li l-proposta tħejjiet b'approċċ minn fuq għal isfel, jiġifieri mill-istituzzjonijiet għaċ-ċittadini.

    Il-KESE jaħseb li l-approċċi “minn fuq għal isfel”, li fihom is-soċjetà, l-organizzazzjonijiet u l-individwi li jiffurmawha la jipparteċipaw fl-ippjanar u lanqas fl-iżvilupp tat-tħejjijiet tas-Sena Ewropea, għandhom iktar ċans li jgħaddu mingħajr ħadd ma jinduna bihom milli kieku jittieħdu miżuri sabiex jiġu involuti b'mod attiv dawk li l-parteċipazzjoni tagħhom hija fl-aħħar mill-aħħar essezjali għall-objettiv finali.

    F'dan ir-rigward, ta' min ifakkar il-kumment tal-KESE fil-qafas ta' l-opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea għall-Persuni b'Diżabilità 2003 (6). F'din l-opinjoni (7), il-Kumitat stieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jippromovu l-approċċi “minn isfel għal fuq” fit-tħejjija ta' tali inizjattivi. Għalhekk il-KESE jtenni l-ħtieġa li t-tħejjija tas-Snin Ewropej issir skond dan il-metodu.

    4.4

    Billi s-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni mistennija tibda fl-1 ta' Jannar 2009 u fid-dawl taż-żmien meħtieġ għall-adozzjoni tagħha mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill (fl-ewwel qari), il-KESE jħoss li l-iskeda tat-tħejjija u l-approvazzjoni ta' din is-Sena Ewropea hija mgħaġġla wisq. F'okkażjonijiet preċendenti, il-Kumitat adotta l-opinjoni tiegħu sena qabel it-tnedija tas-Sena Ewropea (8) u dan jixhed l-ippjanar bil-quddiem tal-Kummissjoni. Mingħajr ma mmorru 'l bogħod wisq, eżempju tajjeb ta' l-ippjanar bil-quddiem huwa l-adozzjoni ta' l-opinjoni tal-KESE (9) dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) (10) matul is-sessjoni plenarja ta' Mejju 2008.

    Jagħmel iktar sens li din l-inizjattiva tiġi postposta, u l-2009 ma tkunx Sena Ewropea, milli tiġi adottata bil-għaġla Deċiżjoni li mhux kapaċi tilħaq l-objettivi stipulati minħabba n-nuqqas ta' żmien għall-ippjanar ta' l-azzjonijiet meħtieġa.

    4.5

    Punt 3.2 tal-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta għal Deċiżjoni jgħid li s-Sena Ewropea għandu jkollha impatt importanti mill-inqas daqs dak ta' l-inizjattivi preċendenti, bħas-Sena Ewropea tat-Tagħlim Tul il-Ħajja u s-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isports. Però l-proposta ma fiha l-ebda artikolu u l-ebda referenza għall-valutazzjoni sussegwenti tar-riżultati ta' l-azzjonijiet li jittieħdu. Dan ifisser li l-analiżi ta' l-impatt ser issir jew b'mod empiriku jew inkella bil-għajnuna ta' indikaturi indiretti tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja jew ta' programmi oħra marbuta ma' din l-inizjattiva.

    4.6

    Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-flessibbiltà għall-istabbiliment tal-prijoritajiet fuq bażi annwali jew multiannwali tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u ta' programmi rilevanti oħra tipprovdi marġini finanzjarju biżżejjed sabiex ma jintmessux riżorsi oħra għaċ-ċelebrazzjoni tas-Sena Ewropea. Fil-fatt, il-promozzjoni ta' l-innovazzjoni tinsab fost l-objettivi speċifiċi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja kif ukoll ta' programmi oħra bħall-Programm dwar l-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni u l-Programm ta' Appoġġ għall-Politika ta' l-ICT — it-tnejn li huma inklużi fil-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Għaldaqstant, minkejja li l-proposta ma ssemmix dan il-programm ta' qafas b'mod espliċitu, b'konformità ma' punt 5 tal-memorandum ta' spjegazzjoni l-KESE jemmen li din l-inizjattiva tista' tiġi organizzata fuq il-bażi tal-programmi u l-baġits attwali.

    5.   Kummenti partikolari dwar l-artikoli

    5.1

    Artikolu 2 tal-proposta jistipula li l-objettiv speċifiku huwa li jittejbu sensiela ta' fatturi li jistgħu jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-kreattività u l-kapaċità ta' l-innovazzjoni. Dawn il-fatturi huma miġbura fi tlettax-il punt ġenerali u kull wieħed minn dawn ikopri diversi aspetti li għandhom jiġu żviluppati.

    Il-KESE jaħseb li dawn l-objettivi u/jew fatturi jistgħu jsiru iktar konkreti sabiex l-azzjonijiet li jridu jiġu implimentati jiffokaw fuq numru ta' aspetti essenzjali marbuta mal-kreattività u l-innovazzjoni bħala l-linji prinċipali ta' l-iżvilupp, maċ-ċittadini (b'mod partikolari ż-żgħażagħ) bħala d-destinatarji ta' l-azzjonijiet, kif ukoll ma' l-istituzzjonijiet tat-tagħlim u man-netwerk soċjoekonomiku u intraprenditorjali bħala l-mezz ta' l-azzjoni.

    5.2

    Sena Ewropea ddedikata lill-kreattività u l-innovazzjoni għandha tistrieħ fuq miżuri innovattivi sabiex jintlaħqu l-objettivi proposti. Il-miżuri li jidhru f'Artikolu 3, li b'mod ġenerali huma adatti, huma dawk il-miżuri li jintużaw f'kull azzjoni ta' sensibilizzazzjoni, promozzjoni jew reklamar. Il-KESE jemmen li ż-żgħażagħ, b'mod partikolari, jistgħu jitgħallmu ħafna jekk jiġu inklużi xi miżuri innovattivi fost dawk li jissemmew f'dan l-Artikolu sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-proposta. Per eżempju, tista' tiġi organizzata kompetizzjoni sabiex jinkisbu ideat għal strument li jkun kapaċi jippromovi l-kreattività u l-kapaċità ta' l-innovazzjoni b'mod permanenti madwar l-Ewropa kollha. Jew inkella jista' jitwaqqaf premju Ewropew, li jingħata darba fis-sena jew darba kull sentejn, li jiżviluppa u jħeġġeġ l-ideat li huma verament innovattivi u l-kapaċità tal-kreazzjoni fost l-iktar ċittadini żgħażagħ u fl-ikbar numru ta' attivitajiet u setturi possibbli.

    5.3

    Mingħajr ħsara għall-kummenti li tressqu fil-parti tal-kummenti ġenerali dwar il-kofinanzjament tas-Sena Ewropea permezz tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u tal-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, fil-fehma tal-KESE Artikolu 6 tal-proposta għandu jiċċara dan l-aspett, li huwa importanti immens għas-suċċess finali ta' l-inizjattiva.

    5.3.1

    Il-proposta għal Deċiżjoni għandha għall-inqas tinkludi stima baġitarja. Din tista' tkun jew somma allokata għas-sena finanzjarja 2009 u s-snin sussegwenti tal-programmi li jikkofinanzjaw is-Sena Ewropea, jew persentaġġ massimu ta' l-ispejjeż ta' dawn il-programmi fis-snin finanzjarji rilevanti. Kull waħda minn dawn is-soluzzjonijiet hija adatta għax fl-opinjoni tal-KESE mhux ta' min jeskludi l-istimi ta' l-ispejjeż ta' din l-inizjattiva.

    5.3.2

    Artikolu 6 tal-proposta jiftaħ b'dan il-kliem: “Bla ħsara għall-appoġġ li jista' jingħata lis-Sena mill-programmi u mil-linji politiċi f'oqsma oħra bħall-intrapriża, il-koeżjoni, ir-riċerka u s-soċjetà ta' l-informazzjoni, …”. Il-KESE jħoss li minħabba l-ambigwità ta' din is-sentenza ma tistax tiġi determinata x-xorta ta' parteċipazzjoni u ta' kofinanzjament min-naħa ta' Direttorati Ġenerali oħra tal-Kummissjoni Ewropea u min-naħa ta' programmi oħra barra dawk marbuta ma' l-edukazzjoni, il-kultura u t-tagħlim tul il-ħajja. F'dan il-kuntest, il-KESE jaħseb li dan l-Artikolu għandu jindika liema programmi ser jiffinanzjaw is-Sena Ewropea, b'kemm ser jiffinanzjawha, u fuq liema bażi ser jiġu kkoordinati l-attivitajiet bejn id-diversi programmi ta' kofinanzjament li jitmexxew minn Direttorati Ġenerali differenti fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.

    5.4

    Fl-aħħarnett, il-KESE jemmen li l-proposta għandha tagħmel referenza għall-valutazzjoni tar-riżultati u ta' l-ambitu tas-Sena Ewropea. Fi tmiem is-Sena Ewropea għandha ssir valutazzjoni ta' l-azzjonijiet li saru u tar-riżultati li nkisbu bil-għan li nitgħallmu għat-tħejjija ta' Snin Ewropej oħra u li nsiru nafu l-ambitu u s-suċċess ta' l-isforzi li jkunu saru.

    Brussell, id-9 ta' Lulju 2008

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  Opinjoni tal-KESE tat-13.12.2006 dwar “Niftħu u nsaħħu l-potenzjal ta' l-Ewropa għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni”, rapporteur: is-Sur Wolf (ĠU C 325 tat-30.12.2006).

    Opinjoni tal-KESE ta' l-14.12.2005 dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' qafas għall-kompetittività u l-innovazzjoni (2007-2013)”, rapporteur: is-Sur Welschke, ko-rapporteur: is-Sinjura Fusco (ĠU C 65 tas-17.3.2006).

    Opinjoni tal-KESE tat-12.7.2007 dwar l-“Investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni (strateġija ta' Lisbona)”, rapporteur: is-Sur Wolf (ĠU C 256 tas-27.10.2007).

    (2)  ĠU L 394 tat-30.12.2006.

    (3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-proposta ta' rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja”, rapporteur: is-Sinjura Herczog (ĠU C 195, 18.8.2006).

    (4)  Opinjoni tal-KESE tal-11.7.2007 dwar “L-Innovazzjoni: l-impatt fuq it-tibdiliet industrijali u r-rwol tal-BEI”, rapporteur: is-Sur Tóth, ko-rapporteur: is-Sur Calvet Chambón (ĠU C 256 tas-27.10.2007).

    (5)  “Creating an innovative Europe” EUR 22005 ISBN 92-79-00964-8.

    (6)  COM(2005) 486 finali.

    (7)  Opinjoni tal-KESE ta' l-14.2.2006 dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea għall-Persuni b'Diżabilità”, punt 1.2, rapporteur: is-Sinjura Anca (ĠU C 88 tal-11.4.2006).

    (8)  Opinjoni tal-KESE tat-8.12.1999 dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi s-Sena Ewropea tal-Lingwi 2001”, rapporteur ġenerali: is-Sur Rupp (ĠU C 51 tat-23.2.2000).

    Opinjoni tal-KESE ta' l-24.4.2002 dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi s-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isports 2004”, rapporteur: is-Sur Koryfídis (ĠU C 149 tal-21.6.2002).

    Opinjoni tal-KESE ta' l-14.12.2005 dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea ta' l-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd (2007) — Lejn soċjetà ġusta”, rapporteur: is-Sinjura Herczog (ĠU C 65 tas-17.3.2006).

    Opinjoni tal-KESE ta' l-20.4.2006 dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali (2008)”, rapporteur: is-Sinjura Cser (ĠU C 185 tat-8.8.2006).

    (9)  Opinjoni tal-KESE tad-29.5.2008 dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010)”, rapporteur: is-Sur Pater, ko-rapporteur: is-Sinjura Koller (ĠU C 224 tat-30.8.2008, p. 106).

    (10)  COM(2007) 797 finali.


    Top