Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE0807

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol COM(2006) 625 finali

    ĠU C 175, 27.7.2007, p. 78–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 175/78


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol”

    COM(2006) 625 finali

    (2007/C 175/19)

    Nhar l-24 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Mejju 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura van Turnhout u l-ko-rapporteur kien is-Sur Janson.

    Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet ft-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'96 vot favur, 14-il vot kontra u 6 astensjonijiet.

    1.   Taqsira Eżekuttiva

    1.1

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-Komunikazzjoni mill- Kummissjoni, Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tonqos sew milli tilħaq “strateġija komprensiva” li ġiet deċiża fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001.

    1.2

    Din l-opinjoni tindirizza l-kwistjonijiet ta' saħħa pubblika tat-tnaqqis tal-ħsara marbuta mal-konsum ta' l-alkoħol li huwa ta' ħsara u perikoluż kif ukoll ix-xorb ta' taħt l-età li jikkontribwixxi għall-ħsara marbuta ma' l-alkoħol.

    1.3

    Il-KESE kien qiegħed jistenna li l-Kummissjoni kienet ser tipprovdi analiżi aktar komprensiva u trasparenti ta' l-oqsma kollha ta' politika rilevanti ta' l-UE, kif identifikati fl-evalwazzjoni ta' l-impatt, u tad-diffikultajiet li xi wħud mill-Istati Membri esperjenzaw fiż-żamma ta' politiki ta' kwalità għas-saħħa pubblika minħabba fir-regoli tas-suq ta' l-UE.

    1.4

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, fir-rikonoxximent tagħha ta' l-obbligi tagħha tat-trattat, sabiex turi direzzjoni soda billi tappoġġja b'mod attiv lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex jipprovdu livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa billi jnaqqsu l-ħsara relatata ma' l-alkoħol u sabiex jiżguraw li l-azzjoni komunitarja tikkomplimenta l-politiki nazzjonali.

    1.5

    Il-KESE jirrikonoxxi li l-użanzi kulturali marbuta mal-konsum tax-xorb ivarjaw madwar l-Ewropa. Dawn id-differenzi għandhom jiġu kkunsidrati fid-diversi inizjattivi u azzjonijiet li jiġu proposti.

    1.6

    Il-KESE jilqa' l-iżvilupp ta' sisien ta' evidenza komuni, inklużi definizzjonijiet standardizzati għall-ġbir ta' data, li għandu jipprovdi dimensjoni b'saħħitha ta' valur miżjud komunitarju. Il-KESE b'dispjaċir jinnota li bosta mill-oqsma prijoritarji li ġew identifikati ma jinkludux għanijiet speċifiċi b'miri u skedi taż-żmien ċari u li jistgħu jitkejlu.

    1.7

    Il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-Kummissjoni imkien fil-Komunikazzjoni ma tagħraf li waħda mir-raġunijiet għal daqstant ħsara relatata ma' l-alkoħol hija li l-alkoħol hija droga psikoattiva, sustanza tossika meta użata eċċessivament, u għal xi wħud sustanza li toħloq dipendenza.

    1.8

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-drittijiet tat-tfal u jemmen li huma, minħabba fil-vulnerabbiltà u l-ħtiġijiet speċjali tagħhom, jeħtieġu salvagwardji u attenzjoni speċjali, inkluż ħarsien legali xieraq. Il-KESE jirrakkomanda li, għall-għanijiet ta' l-istrateġija, it-tfal għandhom jiġu definiti bħala persuni li huma taħt it-tmintax-il sena, b'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

    1.9

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li tnaqqis fl-esponiment tat-tfal għal prodotti alkoliċi, għar-reklamar u għall-promozzjonijiet għandu jiġi inkluż bħala għan speċifiku sabiex jipprovdi aktar ħarsien lit-tfal.

    1.10

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol. L-effetti negattivi jmorru kontra l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Lisbona u għandhom implikazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, fis-soċjetà u fl-ekonomija.

    1.11

    Il-KESE jilqa' t-twaqqif tal-Forum dwar l-Alkoħol u s-Saħħa li jista' jkun pjattaforma utli għad-djalogu, .bejn il-partijiet interessati kollha, u jwassal sabiex tittieħed azzjoni konkreta immirata lejn it-tnaqqis tal-ħsara marbuta mal-konsum ta' l-alkoħol. Il-KESE jilqa' l-opportunità li jkun osservatur fil-Forum dwar l-Alkoħol u s-Saħħa.

    1.12

    Il-KESE jinkoraġġixxi li l-edukazzjoni u t-tqajjim ta' kuxjenza għandhom ikunu parti minn strateġija ġenerali integrata sabiex tnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol.

    1.13

    Il-KESE huwa mħasseb li teżisti inkonsistenza inkwetanti bejn is-sisien ta' evidenza fir-riċerka tal-miżuri effettivi sabiex titnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol u dak kollu li qiegħed jiġi propost bħala azzjonijiet komunitarji. Fil-Komunikazzjoni kollha, l-edukazzjoni u t-tagħrif huma ta' spiss ikkwotati bħala l-miżuri maħsuba. Madankollu, l-evidenza tar-riċerka tissuġġerixxi li miżuri bħal dawn għandhom rata baxxa ħafna ta' effettività fit-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol.

    2.   Sfond

    2.1

    L-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza u r-responsabilità sabiex tindirizza problemi ta' saħħa pubblika relatati ma' l-użu perikoluż u ta' ħsara ta' l-alkoħol. L-Artikolu 152 tat-Trattat (1) jistqarr li: livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa umana għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-istrateġiji u l-attivitajiet kollha komunitarji. Huwa jissokta jgħid li: l-azzjoni tal-Komunità li għandha tikkumplimenta l-politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni ta' saħħa batuta u ta' mard tal-bniedem u li jevitaw il-fonti ta' perikolu għas-saħħa umana.

    2.2

    Fl-2001, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar il-konsum ta' l-alkoħol miż-żgħażagħ, b'mod partikolari mit-tfal u mill-adoloxxenti (2), u stieden lill-Kummissjoni sabiex issegwi, tevalwa u tissorvelja l-iżviluppi u l-miżuri meħuda, u tirrapporta lura dwar il-ħtieġa għal aktar azzjoni.

    2.3

    Fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2001, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti għal strateġija komunitarja komprensiva mmirata lejn it-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol li għandha tikkumplementa l-politiki nazzjonali. F'Ġunju ta' l-2004, il-Kunsill reġa' tenna l-istedina tiegħu. (3)

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-Komunikazzjoni mill- Kummissjoni, Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol  (4).

    3.1.1

    Hemm differenzi ta' spiss kbar bejn pajjiż u ieħor, kemm kwantitattivi, kif ukoll fil-forom li jieħu l-fenomenu, u fir-rigward tal-periklu soċjali u għas-saħħa. F'dan id-dawl, il-KESE iqis li “l-azzjonijiet Komunitarji” li jridu jittieħdu “b'rispett lejn il-kompetenzi ta' l-Istati Membri”, għandhom aktar jinftiehmu bħala “direzzjoni komuni” ispirati minn kunċetti li hemm qbil dwarhom u li huma mmirati sabiex jiġġieldu kontra l-abbuż ta' l-alkoħol, fil- forom kollha tiegħu. Fil-qafas ta' dawn id-direzzjonijiet komuni, kull Stat Membru jindividwa l-metodi, it-tekniċi u s-saħħa ta' l-azzjonijiet li għandhom bżonn jiġu mplimentati.

    3.1

    Madankollu, il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-Komunikazzjoni tonqos sew milli tilħaq “l-istrateġija komprensiva” li kienet mitluba fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill, minkejja l-proċess ta' żvilupp fit-tul, l-evidenza tal-problemi mxerrda ma' l-UE kollha relatati mal-konsum ta' l-alkoħol u l-impatt tagħhom fuq is-saħħa, il-benesseri soċjali u l-prosperità ekonomika taċ-ċittadini Ewropej.

    3.2

    Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta serje ta' attivitajiet komunitarji fl-oqsma kollha ta' deċiżjoni politika sabiex jiżgura livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa. L-oqsma tal-politika rilevanti kienu jinkludu dazju tas-sisa, trasport, reklamar, marketing, sponsorship, ħarsien tal-konsumatur u riċerka filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi ta' l-Istati Membri.

    3.4

    Il-KESE jilqa' r-rikonoxximent li l-konsum perikoluż u ta' ħsara ta' l-alkoħol għandu rwol determinanti ewlieni fir-rigward tas-saħħa u wieħed mill-kawżi prinċipali ta' nuqqas ta' saħħa u mewt bikri fl-UE. Għal ħafna kondizzjonijiet relatati ma' l-alkoħol, m'hemmx limitu “bla perikolu” ta' l-alkoħol (5).

    3.5

    Il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-Kummissjoni imkien fil-Komunikazzjoni ma tagħraf li waħda mir-raġunijiet għal daqstant ħsara relatata ma' l-alkoħol hija li l-alkoħol hija droga psikoattiva, sustanza tossika meta użata eċċessivament, u għal xi wħud sustanza li toħloq dipendenza. Dan huwa ta' diżappunt billi l-istrateġija tmexxiet mid-Direttorat tas-Saħħa Pubblika tal-Kummissjoni, fejn l-għarfien espert mediku huwa estensiv.

    3.6

    Il-KESE jilqa' l-konferma li l-konsum perikoluż u ta' ħsara ta' l-alkoħol għandu impatt negattiv mhux biss fuq min jixrob iżda wkoll fuq nies oħra speċjalment f'dak li huwa relatat ma' inċidenti, korrimenti u vjolenza. Il-KESE jirrikonoxxi li l-grupp l-aktar vulnerabbli f'riskju huwa dak tat-tfal, u li gruppi oħrajn vulnerabbli jinkludu nies b'diżabilitajiet fit-tagħlim, problemi tas-saħħa mentali, u dawk dipendenti fuq l-alkoħol u drogi oħrajn.

    3.7

    Il-vjolenza domestika hija problema serja f'ħafna pajjiżi (6). Il-KESE jħeġġeġ li tingħata attenzjoni speċifika lil din il-kwistjoni, billi hemm rabtiet qawwija bejn il-vjolenza domestika u x-xorb eċċessiv (7). Filwaqt li l-vjolenza domestika tista' titwettaq fin-nuqqas ta' l-alkoħol, ix-xorb eċċessiv jikkontribwixxi taħt xi ċirkustanzi għal vjolenza f'ċerti nies. Ix-xorb eċċessiv jista' jinvolvi aktar atti ta' vjolenza u aktar severi. It-trattament għad-dipendenza ta' l-alkoħol wera li jnaqqas il-vjolenza bejn il-koppji. Tnaqqis fix-xorb eċċessiv mhux biss huwa ta' benefiċċju għall-vittmi u għal min iwettaq il-vjolenza, iżda wkoll għat-tfal li jgħixu f'familji bħal dawn.

    3.8

    Id-destin ta' l-Ewropa jiddependi minn popolazzjoni b'saħħitha u produttiva. L-evidenza li proporzjon ogħla ta' mard li jirriżulta minn konsum perikoluż u ta' ħsara ta' l-alkoħol huwa esperjenzat miż-żgħażagħ hija għalhekk ta' tħassib serju għall-KESE. (8)

    3.9

    Filwaqt li ma' l-Ewropa kollha jibqgħu jeżistu drawwiet kulturali differenti relatati ma' l-alkoħol, kien hemm konverġenza tal-modi tax-xorb fost l-adulti u t-tfal. Il-KESE huwa mħasseb dwar iż-żieda fix-xorb perikoluż u ta' ħsara fost l-adulti żgħar u t-tfal f'ħafna mill-Istati Membri tul dawn l-aħħar għaxar snin, b'mod partikolari dwar ix-xorb eċċessiv f'perijodu ta' ftit sigħat magħruf bħala “xorb bla rażan” (binge drinking). L-aċċettazzjoni soċjali ta' stil ta' ħajja li fih l-alkoħol għandu preżenza kontinwa tħeġġeġ il-modi tax-xorb li huma ta' ħsara.

    3.10

    Il-KESE iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħraf li dawk li jixorbu moderat b'mod regolari li minn żmien għall-ieħor jixorbu b'mod li jikkawża ħsara jikkontribwixxu għall-ħsara akuta relatata ma' l-alkoħol, bħal per eżempju s-sewqan wara x-xorb, il-vjolenza mqanqla mill-alkoħol f'postijiet pubbliċi, ix-xorb eċċessiv f'avvenimenti sportivi jew avvenimenti speċjali oħra. Każijiet ta' xorb okkażjonali bħal dawn fost il-maġġoranza ta' persuni li jixorbu b'mod moderat jistgħu jirriżultaw fi problemi sinifikanti għas-saħħa u s-sigurtà pubblika (9).

    3.11

    L-istrateġija tiġbed l-attenzjoni b'mod espliċitu lejn il-kompetenza ta' l-UE skond it-Trattat li jikkumplementa l-politiki nazzjonali mmirati lejn il-ħarsien tas-saħħa pubblika. Tinnota wkoll il-fatt li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkonfermat repetutament li t-tnaqqis fil-ħsara relatata ma' l-alkoħol hija mira importanti u valida tas-saħħa pubblika, permezz ta' l-użu ta' miżuri meqjusa bħala xierqa u skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà.

    3.12

    Fid-dawl ta' dan, il-KESE kien jistenna li l-Kummissjoni kellha tipprovdi analiżi aktar komprensiva u trasparenti ta' l-oqsma kollha rilevanti tal-politiki ta' l-UE.

    3.13

    L-evalwazzjoni ta' l-impatt imwettqa mill-Kummissjoni identifikat l-oqsma rilevanti kollha u d-diffikultajiet ta' azzjoni politika kkonċernati u d-diffikultajiet li xi wħud mill-Istati Membri esperjenzaw fiż-żamma tal-politiki ta' saħħa pubblika ta' kwalità relatati mal-problema ta' l-alkoħol, minħabba fl-attivita trans-konfinali, bħall-esponiment għall-importazzjonijiet trans-konfinali privati u r-reklamar trans-konfinali. Madankollu, l-istrateġija ta' l-alkoħol ma tressaq l-ebda proposta bħala risponsta għal din il-problema.

    4.   Ġabra fil-qosor ta' l-effetti ta' ħsara

    4.1

    Globalment, l-Unjoni Ewropea hija r-reġjun fejn jiġi kkonsmat l-akbar ammont ta' alkoħol, bi 11-il litru ta' alkoħol pur għal kull persuna fis-sena (10). Filwaqt li t-tendenza hija li l-konsum globali qiegħed jonqos teżisti wkoll tendenza ta' drawwiet lejn modi li jagħmlu aktar ħsara tal-konsum tax-xorb.

    4.2

    Filwaqt li huwa nnotat li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-maġġoranza tal-konsumaturi jixorbu b'manjiera responsabbli, il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li 55 miljun adult fl-UE (15 % tal-popolazzjoni adulta) huma stmati li jixorbu f'livelli ta' ħsara fuq bażi regolari (11). Il-konsum ta' l-alkoħol b'mod li jagħmel ħsara huwa stmat li huwa l-kaġun ta' madwar 195 000 mewta fis-sena fl-UE minħabba f'inċidenti, mard tal-fwied, kanċer eċċ. L-użu ta' l-alkoħol b'mod li jagħmel ħsara huwa t-tielet l-akbar kawża ta' mewt bikri u mard fl-UE (12).

    4.3

    Ix-xorb ta' l-alkoħol b'mod li jagħmel ħsara jaffettwa wkoll l-ekonomija, minħabba fiż-żieda fil-kura tas-saħħa u l-infiq soċjali, u n-nuqqas ta' produttività. In-nefqa tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol għall-ekonomija ta' l-UE kienet stmata li tilħaq il-EUR 125 biljun għall-2003, ekwivalenti għall-1.3 % tal-PGD li jinkludi l-kriminalità, l-inċidenti tat-traffiku, is-saħħa, il-mewt qabel il-waqt, it-trattament u l-ħarsien mill-mard. (13)

    5.   Temi ta' Prijorità

    5.1

    Il-KESE b'dispjaċir jinnota li, għal erbgħa mill-ħames temi ta' prijorità, il-Komunikazzjoni ma tinkludix għanijiet speċifiċi b'miri u skedi ta' żmien ċari li jistgħu jitkejlu.

    Ipproteġi lit-tfal:

    5.2

    It-tfal huma b'mod partikolari vulnerabbli għall-ħsarat ikkawżati mill-alkoħol. Huwa stmat li minn 5 sa 9 miljun tifel u tifla fil-familji jsofru b'mod negattiv minħabba l-alkoħol, li l-alkoħol huwa fattur każwali f'16 % tal-każijiet ta' l-abbuż u n-negliġenza tat-tfal, u li madwar 60 000 twelid taħt il-piż huma attribwiti għall-alkoħol. (14)

    5.3

    Il-Kummissjoni diġà tirrikonoxxi d-drittijiet tat-tfal u tappoġġja azzjoni meħtieġa sabiex tindirizza l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom. Il-Kummissjoni tidentifika d-drittijiet tat-tfal bħala prijorità u ġibdet l-attenzjoni li t-tfal għandhom dritt għall-ħarsien protettiv kontra l-isfruttar ekonomiku u l-forom kollha ta' abbuż (15).

    5.4

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-drittijiet u t-twemmin tat-tfal u jemmen li huma, minħabba fil-vulnerabbiltà u l-ħtiġijiet speċjali tagħhom, jeħtieġu salvagwardji u attenzjoni speċjali, inkluż ħarsien legali xieraq. Il-KESE jikkonferma ukoll ir-rwol importanti tal-familja u r-responsabilità ta' l-Istati Membri sabiex jgħinu lill-ġenituri fir-responsabilitajiet tagħhom fit-trobbija ta' wliedhom (16).

    5.5

    Il-KESE jagħraf li l-esponiment tat-tfal għall-ħsara ta' l-alkoħol jista' jkollu konsegwenzi serji negattivi fuqhom, inklużi n-negliġenza, il-faqar, l-esklużjoni soċjali, l-abbuż u l-vjolenza, li jistgħu jaffettwaw saħħithom, l-edukazzjoni u l-benesseri tagħhom kemm fil-preżent kif ukoll fil-ġejjieni.

    5.6

    Il-KESE jħeġġeġ li l-ħarsien tat-tfal mill-ħsara relatata ma' l-alkoħol ikun inkluż fl-għanijiet speċifiċi tal-proposta ta' l-Istrateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal f'dak li huwa relatat ma' l-istabbiliment ta' prijoritajiet u mal-proċess ta' konsultazzjoni.

    5.7

    Il-KESE jirrakkomanda li l-istrateġija ta' l-UE dwar l-alkoħol tadotta d-definizzjoni tat-tfal bħala persuni taħt it-tmintax-il sena, b'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) u kif ikkonfermat fil-Komunikazzjoni Lejn Strateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

    5.8

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi azzjonijiet komunitarji lokali, minħabba l-bażi ta' evidenza ta' riċerka pożittiva li tappoġġja r-rwol ta' strateġiji bħal dawn għat-tnaqqis ta' xorb ta' taħt l-età u l-ħsara relatata ma' l-alkoħol. L-azzjonijiet komunitarji effettivi jikkombinaw it-tfassil ta' politiki u ta' prassi lokali, appoġġjati mit-tagħrif u l-edukazzjoni, u jinvolvu l-partijiet interessati rilevanti kollha. (17)

    5.9

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkonferma l-Karta Ewropea tal-WHO dwar l-Alkoħol (18) adottata mill-Istati Membri kollha fl-1995 u b'mod partikolari l-prinċipju ta' etika li t-tfal u l-adoloxxenti kollha għandhom id-dritt li jikbru f'ambjent imħares mill-konsegwenzi negattivi tal-konsum ta' l-alkoħol u, sa fejn possibbli, mill-promozzjoni ta' xorb alkoħoliku.

    5.10

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-UE stiednet lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi fil-qasam tal-promozzjoni, tal-marketing u tal-bejgħ bl-imnut u sabiex jiżguraw li l-prodotti ta' l-alkoħol ma kienux imfassla jew promossi sabiex jappellaw għat-tfal u l-adoloxxenti. F'dan ir-rigward, il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn ix-xejriet attwali fl-Ewropa ta' adoloxxenti li jixorbu l-“alcopops” (19).

    5.11

    It-tendenza dejjem tikber ta' “xorb bla rażan” (binge drinking) u l-bidu minn kmieni ta' l-użu ta' l-alkoħol fost it-tfal f'ħafna Stati Membri għandhom mnejn jissuġġerixxu li l-politiki attwali mhumiex qegħdin ikollhom l-effetti mixtieqa. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tagħraf il-ħtieġa li tikkunsidra aktar azzjonijiet sabiex trażżan ix-xorb ta' taħt l-età u ta' ħsara fost iż-żgħażagħ.

    5.12

    Il-KESE jinkoraġġixxi li t-tnaqqis fl-esponiment tat-tfal għall-prodotti alkoħoliċi, għar-reklamar u għall-promozzjonijiet jiġi inkuż bħala għan speċifiku sabiex jipprovdi aktar ħarsien għat-tfal.

    5.13

    Il-KESE jilqa' d-dikjarazzjoni fil-Komunikazzjoni tar-rieda tajba min-naħa ta' l-atturi fil-katina tax-xorb alkoħoliku sabiex dawn isiru aktar proattivi fl-infurzar ta' miżuri regolatorji u miżuri awtoregolatorji. Il-partijiet interessati fl-industrija ta' l-alkoħol għandhom rwol importanti sabiex jiżguraw li l-prodotti tagħhom jiġu prodotti, imqassma u mqiegħda fis-suq b'mod responsabbli u li b'dawn l-azzjonijiet jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol.

    5.14

    Il-KESE jinkoraġġixxi li għall-ħarsien taż-żgħażagħ, l-Istati Membri jistgħu jirriservaw il-flessibilità li jużaw taxxi sabiex jittrattaw il-problemi li jistgħu jinħolqu minn xorb alkoħoliku speċifiku, li jiġbdu liż-żgħażagħ b'mod partikolari, bħall-“alcopops”.

    It-tnaqqis ta' l-inċidenti tat-traffiku relatati ma' l-alkoħol

    5.15

    Il-KESE jilqa' l-mira preskritta għat-tnaqqis ta' l-inċidenti tat-traffiku, b'għan li jitnaqqas bin-nofs l-għadd ta' nies li jinqatlu fit-toroq ta' l-Ewropa minn 50 000 għal 25 000 fuq perijodu ta' għaxar snin (2000-2010) (20) .Inċidenti tat-traffiku relatati ma' l-alkoħol jistgħu jirriżultaw ukoll f'diżabilità fit-tul.

    5.16

    Il-KESE jaqbel li l-infurzar ta' testijiet tan-nifs każwali, frekwenti u sistematiċi jġib miegħu sostanzjalment aktar effettività fit-tnaqqis ta' inċidenti fit-toroq relatati ma' l-alkoħol u li l-kampanji edukattivi u ta' għarfien huma strateġija ta' appoġġ iżda mhux strateġija li kienet effettiva fit-tnaqqis tal-vittmi f'inċidenti tat-traffiku relatati ma' l-alkoħol (21). Il-KESE jirrakkomanda limitu massimu fid-demm ta' 0.5mg/ml jew inqas u limitu aktar baxx għas-sewwieqa prinċipjanti u kummerċjali skond ir-Rakkomandazzjoni ta' l-UE dwar is-Sigurtà fit-Toroq (22).Jeħtieġ li leġislazzjoni aktar stretta fil-qasam tal-livelli ta' alkoħol fid-demm tkun segwita minn monitoraġġ u infurzar.

    Ħares lill-adulti mill-ħsara relatata ma' l-alkoħol u fuq il-post tax-xogħol

    5.17

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol. L-effetti negattivi jmorru kontra l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Lisbona u għandhom implikazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, fis-soċjetà u fl-ekonomija.

    5.18

    Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' regolazzjoni effettiva f'dak li huwa relatat mad-disponibilità, mad-distribuzzjoni u mal-promozzjoni ta' l-alkoħol bħal per eżempju l-ħinijiet ta' ftuħ, l-offerta ta' 'żewġ xarbiet għal xarba waħda' u l-limitu ta' l-età. Il-KESE jemmen li l-awtoregolazzjoni f'dan il-qasam mhijiex adattata.

    5.19

    Il-post tax-xogħol huwa ambjent fejn l-alkoħol jista' jikkawża ħsara mhux biss lill-individwu iżda wkoll lil terzi persuni. Il-ħsara relatata ma' l-alkoħol għandha tiġi indirizzata wkoll fuq il-post tax-xogħol, fil-qafas tar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà, li huma r-responsabilità primarja ta' min iħaddem. Il-politiki dwar l-alkoħol fuq il-post tax-xogħol jistgħu jgħinu fit-tnaqqis ta' inċidenti relatati ma' l-alkoħol, l-assenza u ż-żieda fil-kapaċità tax-xogħol (23).

    5.20

    Il-KESE jinkoraġġixxi lil min iħaddem, lit-trade unions, lill-awtoritajiet lokali u lill-organizzazzjonijiet oħra rilevanti sabiex iħarsu lejn din il-kwistjoni b'aktar serjetà u jaħdmu flimkien sabiex inaqqsu l-ħsara relatata ma' l-alkoħol fuq il-post tax-xogħol. Fl-Istati Membri hemm eżempji ta' kooperazzjoni mill-qrib u fit-tul bejn l-imsieħba soċjali bl-għan li jinħoloq ambjent mingħajr alkoħol fuq il-post tax-xogħol (24).

    Għarraf, eduka u qajjem għarfien

    5.21

    Il-KESE jilqa' r-rikonoxximent tal-Kummissjoni li wieħed mir-rwolijiet ewlenin ta' l-edukazzjoni u t-tagħrif huwa l-mobilizzazzjoni ta' l-appoġġ pubbliku għall-implimentazzjoni ta' intervenzjonijiet effettivi. Rwol ieħor importanti, rikonoxxut fil-Komunikazzjoni, huwa li jiġi pprovdut tagħrif rilevanti u ta' min jorbot fuqu dwar ir-riskji għas-saħħa u l-konsegwenzi tal-konsum perikoluż u ta' ħsara ta' l-alkoħol.

    5.22

    Il-KESE jinkoraġġixxi li l-edukazzjoni u t-tqajjim ta' kuxjenza għandhom ikunu parti minn strateġija ġenerali integrata. L-edukazzjoni m'għandhiex tkun diretta biss lejn iż-żgħażagħ iżda għandha tkun imsejsa fuq l-għarfien li l-konsum perikoluż ta' l-alkoħol jista' jinsab fi kwalunkwe grupp ta' età. Inizjattivi bħal dawn għandhom jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ sabiex jagħmlu għażliet ta' stil ta' ħajja li huma tajbin għas-saħħa u jwassluhom sabiex jikkoreġu l-immaġni affaxxinanti ta' l-alkoħol, u n-normalizzazzjoni ta' konsum eċċessiv, li ta' spiss jitwasslu permezz tal-mezzi tax-xandir.

    Il-bażi ta' evidenza komuni

    5.23

    Il-KESE jilqa' l-iżvilupp u l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-bażi ta' evidenza komuni sabiex jiġu stabbiliti definizzjonijiet standardizzati għad-data dwar l-użu ta' l-alkoħol u l-ħsara relatata ma' l-alkoħol, billi jitqiesu d-differenzi bejn is-sessi, il-gruppi ta' età u l-klassi soċjali. Il-KESE jappoġġja wkoll il-valutazzjoni ta' l-impatt tal-politika dwar l-alkoħol u ta' l-inizjattivi fil-Komunikazzjoni. Il-KESE jista' jħeġġeġ l-iżvilupp ta' serje ta' indikaturi li jistgħu jitkejlu sabiex jiġi ttraċċat il-progress fit-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol fl-Ewropa. L-azzjonijiet proposti f'dan il-qasam jipprovdu dimensjoni b'saħħita ta' valur miżjud Komunitarju.

    6.   L-ippjanar ta' azzjonijiet implimentati mill-Istati Membri

    6.1

    Billi l-Kummissjoni, fit-tħejjija għall-iżvilupp ta' din l-istrateġija ta' l-UE kkummissjonat rapport komprensiv l-aktar avvanzat li jinkludi evidenza ta' riċerka ta' x'inhu effettiv fit-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol, ta' min jinnota li l-istrateġija mhix tikkunsidra l-evidenza (25).

    6.2

    Il-KESE huwa mħasseb li teżisti inkonsistenza inkwetanti bejn is-sisien ta' evidenza fir-riċerka tal-miżuri effettivi sabiex titnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol u dak kollu li qiegħed jiġi propost bħala azzjonijiet komunitarji. Fil-Komunikazzjoni kollha tal-Kummissjoni, l-edukazzjoni u t-tagħrif huma ta' spiss ikkwotati bħala l-miżuri maħsuba biex inaqqsu l-ħsara relatata ma' l-alkoħol. Madankollu, l-evidenza tar-riċerka tissuġġerixxi li l-edukazzjoni u t-tagħrif għandhom rata baxxa ħafna ta' effettività fit-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol.

    6.3

    Il-KESE jinnota li fl-ippjanar ta' l-azzjonijiet implimentati mill-Istati Membri, il-Kummissjoni ħalliet barra żewġ strateġiji effettivi, li huma l-politika tal-prezzijiet permezz ta' tassazzjoni għolja fuq l-alkoħol u r-regolazzjoni tal-marketing ta' l-alkoħol permezz ta' leġislazzjoni li ntużat b'suċċess minn xi Stati Membri sabiex jittrattaw il-ħsara relatata ma' l-alkoħol.

    7.   Il-koordinazzjoni ta' l-azzjonijiet f'livell ta' l-UE

    7.1

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, fir-rikonoxximent ta' l-obbligi tagħha tat-trattat, sabiex turi direzzjoni soda billi tappoġġja b'mod attiv lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex jipprovdu livell għoli ta' ħarsien għas-saħħa billi jnaqqsu l-ħsara relatata ma' l-alkoħol u sabiex jiżguraw li l-azzjoni komunitarja tikkomplimenta l-politiki nazzjonali.

    7.2

    Il-KESE jilqa' r-rwol tal-Kummissjoni fl-iffaċilitar tal-qsim ta' l-aħjar prassi fost l-Istati Membri u l-impenn għat-titjib tal-koerenza bejn il-politiki ta' l-UE li għandhom impatt fuq il-ħsara relatata ma' l-alkoħol.

    7.3

    Il-KESE jilqa' t-twaqqif tal-Forum dwar l-Alkoħol u s-Saħħa li jekk jissodisfa r-rwol identifikat għalih fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, jista' jkun pjattaforma utli għad-djalogu bejn il-partijiet interessati kollha u jwassal li tittieħed azzjoni konkreta bl-għan li titnaqqas l-ħsara relatata ma' l-alkoħol. Il-KESE jkun jista' jilqa' l-opportunità li jkun osservatur fil-Forum dwar l-Alkoħol.

    7.4

    Bl-eċċezzjoni ta' l-iżvilupp ta' sisien ta' evidenza aktar qawwija mifruxa ma' l-Ewropa, l-istrateġija ta' l-UE dwar l-alkoħol tistrieħ fuq l-Istati Membri sabiex ikomplu jwasslu miżuri politiċi għat-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol. Madankollu, ir-regoli tas-suq intern ta' l-UE ser ikomplu jikkawżaw problemi għal xi wħud mill-Istati Membri u għalhekk potenzjalment ser inaqqsu il-pass fit-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol. Il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-istrateġija ta' l-UE dwar l-alkoħol m'għandha l-ebda azzjoni rakkomandata sabiex tindirizza dan in-nuqqas.

    7.5

    Il-KESE jixtieq jinkoraġġixxi impenn mill-Kummissjoni sabiex tieħu l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt dwar is-saħħa bħala miżura ta' l-aħjar prassi sabiex tiżgura livell għoli ta' ħarsien f'oqsma oħrajn komunitarji ta' azzjoni politika li għandhom isaħħu l-obbligu tat-Trattat b'konformità ma' l-Artikolu 152.

    Brussell, it-30 ta' Mejju 2007.

    Il-President tal-

    Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea:

    http://europa.eu.int/eur-lex/en/treaties/selected/livre235.html

    (2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 (2001/458/KE). Ir-rapport sħiħ huwa ppubblikat fuq

    http://ec.europa.eu/comm/health

    (3)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 2001 u 2004

    http://ue.eu.int/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/lsa/80729.pdf

    (4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol (COM(2006) 625 finali). Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn żewġ rapporti komprensivi li ġew ikkummissjonati mill-Kummissjoni Ewropea. P. Anderson u A. Baumberg, Alcohol in Europe: A Public Health Perspective, (L-Alkoħol fl-Ewropa Perspettiva tas-Saħħa Pubblika) St. Ives: Cambridgeshire: Institue of Alcohol Studies, 2006 (http://ec.europa.eu/health-eu/news_alcoholineurope_en.htm) u analiżi ddettaljata dwar l-ekonomija ta' l-impatt ta' l-alkoħol fuq l-iżvilupp ekonomiku ta' l-UE bħala parti mill-proċedura ta' l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt (http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/alcohol/documents/alcohol_com_625_a1_en.pdf).- “RAND Report”.

    (5)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.

    (6)  L-opinjoni tal-KESE tas-16.03.2006 dwar “Il-Vjolenza domestika fuq in-nisa” (ĠU C 110 tad-9.5.2006) u l-opinjoni tal-KESE ta' l-14.12.2006 dwar “It-tfal — xhieda u vittmi ta' vjolenzi domestiċi”. (ĠU 325 tat-30.12.2006). Rapporteur: Is-Sinjura Heinisch.

    (7)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.

    (8)  “Ħsara fl-Ewropea relatata ma' l-alkoħol — Data ewlenija” Ottubru 2006, Brussel, MEMO/06/397, 24 ta' Ottubru 2006. Sors : Global Burden of Disease Project (Il-Proġett dwar il-Piż Globali tal-Mard) (Rehm et al 2004).

    (9)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.

    (10)  Ibid.

    (11)  Aktar minn 40 g ta' alkoħol, jiġifieri 4 xarbiet kuljum, għall-irġiel u aktar minn 20 g jiġifieri 2 xarbiet kuljum, għan-nisa.

    (12)  “Ħsara fl-Ewropea relatata ma' l-alkoħol — Data ewlenija” Ottubru 2006, Brussel, MEMO/06/397, 24 ta' Ottubru 2006. Sors : Global Burden of Disease Project (Il-Proġett dwar il-Piż Globali tal-Mard) (Rehm et al 2004).

    (13)  Ibid.

    (14)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.

    (15)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Lejn Strateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, COM(2006) 367 finali.

    (16)  L-Opinjoni tal-KESE tat-13.12.2006 dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Lejn Strateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal” (ĠU C 325 tat-30.12.2006). Rapporteur: Is-Sinjura van Turnhout.

    (17)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.

    (18)  Il-Karta Ewropea dwar l-Alkoħol ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa,. Kopenħagen: L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Uffiċju Reġjonali għall-Ewropa, 1995.

    (19)  Alcopop huwa terminu maħluq mill-mezzi tax-xandir popolari sabiex jiġi deskritt xorb alkoħoliku fil-fliexken li jixbah lil xarbiet minerali u luminati.

    (http://en.wikipedia.org/wiki/Alcopop.)

    (20)  Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sikurezza fit-toroq — sewwieqa professjonali” (TEN/290). Rapporteur: Is-Sur Etty.

    (21)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.

    (22)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2004/345/KE tas-6 ta' April 2004 dwar l-infurzar fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, ĠU L 111, 17.4.2004.

    (23)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.

    (24)  Ara bħala eżempju www.alna.se

    (25)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.


    ANNESS

    għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    L-emendi li jidhru hawn taħt, li kienu appoġġjati b'iktar minn kwart tal-voti mixħuta, ġew rifjutati (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta' Proċedura):

    Punt 1.1

    Emenda kif ġej:

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-Komunikazzjoni mill- Kummissjoni, Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol, u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għall-iżvilupp ta' strateġija komuni u komprensiva li tnaqqas il-ħsara kkawżata mill-abbuż ta' l-alkoħol fl-Ewropa kollha . Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tonqos sew milli tilħaq ‘strateġija komprensiva’ li ġiet deċ iża fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta ' Ġunju 2001.

    Voti

    Favur: 31

    Kontra: 67

    Astensjonijiet: 6

    Punt 1.5

    Neħħi l-punt kollu:

    Il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-Kummissjoni imkien fil-Komunikazzjoni ma tagħraf li waħda mir-raġunijiet għal daqstant ħsara relatata ma' l-alkoħol hija li l-alkoħol hija droga psikoattiva, sustanza tossika meta użata eċċessivament, u għal xi wħud sustanza li toħloq dipendenza.

    Voti

    Favur: 29

    Kontra: 74

    Astensjonijiet: 5

    Punt 1.11:

    Neħħi l-punt kollu:

    Il-KESE huwa mħasseb li teżisti inkonsistenza inkwetanti bejn is-sisien ta' evidenza fir-riċerka tal-miżuri effettivi sabiex titnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol u dak kollu li qiegħed jiġi propost bħala azzjonijiet komunitarji. Fil-Komunikazzjoni kollha, l-edukazzjoni u t-tagħrif huma ta' spiss ikkwotati bħala l-miżuri maħsuba. Madankollu, l-evidenza tar-riċerka tissuġġerixxi li miżuri bħal dawn għandhom rata baxxa ħafna ta' effettività fit-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol.

    Voti

    Favur: 27

    Kontra: 80

    Astensjonijiet: 2

    Punt 3.5

    Ħassar il-punt:

    Il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-Kummissjoni imkien fil-Komunikazzjoni ma tagħraf li waħda mir-raġunijiet għal daqstant ħsara relatata ma' l-alkoħol hija li l-alkoħol hija droga psikoattiva, sustanza tossika meta użata eċċessivament, u għal xi wħud sustanza li toħloq dipendenza. Dan huwa ta' diżappunt billi l-istrateġija tmexxiet mid-Direttorat tas-Saħħa Pubblika tal-Kummissjoni, fejn l-għarfien espert mediku huwa estensiv.

    Voti

    Favur: 30

    Kontra: 82

    Astensjonijiet: 4

    Punt 6.2:

    Ħassar il-punt kollu:

    Il-KESE huwa mħasseb li teżisti inkonsistenza inkwetanti bejn is-sisien ta' evidenza fir-riċerka tal-miżuri effettivi sabiex titnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol u dak kollu li qiegħed jiġi propost bħala azzjonijiet komunitarji. Fil-Komunikazzjoni kollha, l-edukazzjoni u t-tagħrif huma ta' spiss ikkwotati bħala l-miżuri maħsuba. Madankollu, l-evidenza tar-riċerka tissuġġerixxi li miżuri bħal dawn għandhom rata baxxa ħafna ta' effettività fit-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol.

    Voti

    Favur: 31

    Kontra: 81

    Astensjonijiet: 3

    Punt 7.4

    Emenda kif ġej:

    Bl-eċċezzjoni ta' l-iżvilupp ta' sisien ta' evidenza aktar qawwija mifruxa ma' l-Ewropa, l-istrateġija ta' l-UE dwar l-alkoħol tistrieħ fuq l-Istati Membri sabiex ikomplu jwasslu miżuri politiċi għat-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol. Madankollu, ir-regoli tas-suq intern ta' l-UE ser ikomplu jikkawżaw problemi g ħal xi wħud mill-Istati Membri u għalhekk potenzjalment ser inaqqsu il-pass fit-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol. Il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-istrateġija ta' l-UE dwar l-alkoħol m'għandha l-ebda azzjoni rakkomandata sabiex tindirizza dan in-nuqqas.

    Voti

    Favur: 28

    Kontra: 83

    Astensjonijiet: 4


    Top