Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1510

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1510 tal-20 ta’ Lulju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2023/915 fir-rigward tal-livelli massimi tal-kadmju fil-ħabb għażiż (cyperus esculentus) u f’ċertu faqqiegħ ikkultivat (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/4822

    ĠU L 184, 21.7.2023, p. 21–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1510/oj

    21.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 184/21


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1510

    tal-20 ta’ Lulju 2023

    li jemenda r-Regolament (UE) 2023/915 fir-rigward tal-livelli massimi tal-kadmju fil-ħabb għażiż (cyperus esculentus) u f’ċertu faqqiegħ ikkultivat

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 (2) jistabbilixxi l-livelli massimi għall-kadmju f’għadd ta’ oġġetti tal-ikel.

    (2)

    Fit-30 ta’ Jannar 2009, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar il-kadmju fl-ikel (3). L-Awtorità kkonkludiet li l-kadmju huwa tossiku b’mod ewlieni għall-kliewi, speċjalment għaċ-ċelloli tubulari prossimali fejn jakkumula maż-żmien u jista’ jikkawża disfunzjoni renali. Minħabba l-effetti tossiċi tal-kadmju fuq il-kliewi, l-Awtorità stabbiliet doża tollerabbli ta’ konsum kull ġimgħa ta’ 2,5 μg għal kull kilogramma ta’ piż tal-ġisem. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-esponiment medju għall-adulti madwar l-Unjoni huwa qrib id-doża tollerabbli fil-ġimgħa, jew jaqbiżha bi ftit. Ikkonkludiet ukoll li jista’ jkun li xi sottogruppi, bħall-veġetarjani, it-tfal, il-pejjiepa u nies li jgħixu f’żoni kkontaminati ħafna jaqbżu d-doża tollerabbli fil-ġimgħa b’madwar darbtejn. Għaldaqstant, l-Awtorità kkonkludiet li l-esponiment attwali għall-kadmju fil-livell tal-popolazzjoni jeħtieġ jitnaqqas. Wara dik l-opinjoni xjentifika, fis-17 ta’ Jannar 2012, l-Awtorità ħarġet rapport xjentifiku li jikkonferma li t-tfal u l-adulti fil-95 perċentil tal-esponiment jistgħu jaqbżu l-valuri gwida bbażati fuq is-saħħa (4).

    (3)

    Ġew stabbiliti livelli massimi ġodda għall-kadmju fl-ikel tat-trabi u fiċ-ċikkulata/fil-prodotti tal-kawkaw fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 488/2014 (5) wara li tqiesu l-opinjoni xjentifika u r-rapport xjentifiku tal-Awtorità. Ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2014/193/UE (6), li għamlet appell lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-metodi ta’ mitigazzjoni diġà disponibbli jiġu kkomunikati lill-bdiewa u promossi magħhom, u biex jibdew jiġu implimentati jew jibqgħu jiġu implimentati, biex jimmonitorjaw il-progress tal-miżuri ta’ mitigazzjoni b’mod regolari billi jiġbru d-data dwar il-livelli tal-kadmju li jokkorru fl-oġġetti tal-ikel, u biex sa Frar tal-2018 jirrappurtaw id-data, b’mod partikolari dwar il-livelli tal-kadmju li jkunu qrib il-livelli massimi, jew dwar dawk li jaqbżu dawn il-livelli.

    (4)

    Abbażi tad-data dwar l-okkorrenza, li nġabret wara l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni, il-livelli massimi għall-kadmju tnaqqsu f’firxa wiesgħa ta’ oġġetti tal-ikel permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1323 (7).

    (5)

    Sadanittant, wara li ġie ppubblikat ir-Regolament (UE) 2021/1323, ħarġet data ġdida dwar l-okkorrenza fil-ħabb għażiż u f’xi speċijiet ta’ faqqiegħ ikkultivat li ma tantx huma kkunsmati.

    (6)

    Il-livell massimu għall-kadmju fir-ravanell, li bir-Regolament (UE) 2021/1323, tnaqqas minn 0,10 għal 0,020 mg/kg japplika għall-ħabb għażiż. Dan il-livell massimu tnaqqas abbażi tad-data li kienet disponibbli dak iż-żmien dwar l-okkorrenza fl-ispeċijiet li huma kkunsmati l-iżjed fil-grupp ta’ komoditajiet tar-ravanell (Raphanus sativus var. sativus). Madankollu, sadanittant saret disponibbli data aktar riċenti speċifikament dwar l-okkorrenzi fil-ħabb għażiż, li turi li l-ħabb għażiż fih konċentrazzjonijiet ogħla ta’ kadmju minn tipi oħra ta’ ravanell. Għalhekk, jidher ċar li l-livell massimu stabbilit għall-kadmju fil-ħabb għażiż mhuwiex konformi mal-prinċipju “l-aktar baxx li jista’ raġonevolment jintlaħaq (ALARA)”. Barra minn hekk, billi ma tantx huwa kkunsmat il-ħabb għażiż, l-esponiment tal-konsumaturi għall-kadmju minnu huwa limitat.

    (7)

    Il-livelli massimi għall-faqqiegħ ikkultivat tbaxxew bir-Regolament (UE) 2021/1323 minn 0,20 mg/kg għall-Agaricus bisporus, għal-Lentinula edodes u għall-Pleurotus ostreatus, u minn 1,0 mg/kg għall-faqqiegħ ikkultivat l-ieħor għal 0,15 mg/kg għal-Lentinula edodes u għall-Pleurotus ostreatus, u 0,050 mg/kg għall-faqqiegħ ikkultivat l-ieħor kollu, fosthom l-Agaricus bisporus. Il-livell massimu għall-faqqiegħ ikkultivat għajr il-Lentinula edodes u l-Pleurotus ostreatus tnaqqas abbażi tad-data dwar l-okkorrenza li kienet disponibbli f’dak iż-żmien għall-ispeċijiet li l-aktar huma kkunsmati minn dan il-grupp ta’ komoditajiet (Agaricus bisporus). Iżda sadanittant ħarġet data aktar riċenti dwar l-okkorrenza f’xi speċijiet speċifiċi ta’ faqqiegħ ikkultivat li huma kkunsmati inqas mill-Agaricus bisporus, mill-Lentinula edodes u mill-Pleurotus ostreatus, li turi li dawn fihom konċentrazzjonijiet ta’ kadmju ogħla minn tal-Agaricus bisporus. B’hekk, jidher ċar li l-livell massimu stabbilit għall-kadmju fil-faqqiegħ ikkultivat għajr l-Agaricus bisporus, il-Lentinula edodes u l-Pleurotus ostreatus mhuwiex konformi mal-prinċipju “ALARA”. Barra minn hekk, peress li l-ispeċijiet Agaricus bisporus, Lentinula edodes u Pleurotus ostreatus jirrappreżentaw is-sehem ewlieni tal-volum totali tal-faqqiegħ ikkunsmat fl-Unjoni, il-kontribuzzjoni għall-esponiment tal-konsumaturi għall-kadmju mill-faqqiegħ ikkultivat l-ieħor hija limitata.

    (8)

    Sabiex jitqies il-prinċipju “ALARA” u ma jkunx hemm rati sproporzjonati ta’ nuqqas ta’ konformità għall-ħabb għażiż u għall-faqqiegħ ikkultivat għajr l-Agaricus bisporus, il-Lentinula edodes u l-Pleurotus ostreatus, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ sikurezza tal-ikel, jenħtieġ li jiżdiedu l-livelli massimi għall-kadmju f’dawk l-ispeċijiet.

    (9)

    Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/915 jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament (UE) 2023/915 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 tal-25 ta’ April 2023 dwar il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 (ĠU L 119, 5.5.2023, p. 103).

    (3)  Il-Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (CONTAM); Scientific opinion on cadmium in food. EFSA Journal 2009(980) 1-139, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2009.980.

    (4)  Scientific Report of EFSA on Cadmium dietary exposure in the European population. EFSA Journal 2012;10(1), 2551 [37 pp.], https://doi.org/10.2903/j.efsa.2012.2551.

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 488/2014 tat-12 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 dwar il-livelli massimi tal-kadmju fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 138, 13.5.2014, p. 75).

    (6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2014/193/UE tal-4 ta’ April 2014 dwar it-tnaqqis tal-preżenza tal-kadmju fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 104, 8.4.2014, p. 80).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1323 tal-10 ta’ Awwissu 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 dwar il-livelli massimi taċ-ċomb f’ċerti oġġetti tal-ikel (ĠU L 288, 11.8.2021, p. 13).


    ANNESS

    It-Taqsima 3 (Metalli u elementi oħra), is-sottotaqsima 3.2 (Kadmju), tal-Anness tar-Regolament (UE) 2023/915 hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-entrata 3.2.2 hija ssostitwita b’dan li ġej:

    “3.2.2

    Ħxejjex tal-għeruq u tat-tuberi

     

    Il-livell massimu japplika għall-piż niedi.

    Il-livell massimu japplika wara l-ħasil u s-separazzjoni tal-parti li tittiekel.

    3.2.2.1

    Ħxejjex tal-għeruq u tat-tuberi ħlief il-prodotti elenkati fil-punti 3.2.2.2, 3.2.2.3, 3.2.2.4, 3.2.2.5, 3.2.2.6 u 3.2.2.7

    0,10

    Fil-każ tal-patata, il-livell massimu japplika għall-patata mqaxxra.”

    3.2.2.2

    Pitravi

    0,060

     

    3.2.2.3

    Karfusa liftija

    0,15

     

    3.2.2.4

    Rafan, zunnarija bajda, leħjet il-bodbod

    0,20

     

    3.2.2.5

    Ravanell għajr il-ħabb għażiż

    0,020

     

    3.2.2.6

    Ħabb għażiż

    0,10

     

    3.2.2.7

    Għeruq u tuberi tropikali, għeruq tat-tursin, ġdur

    0,050

     

    (2)

    l-entrata 3.2.9 hija ssostitwita b’dan li ġej:

    “3.2.9

    Faqqiegħ

     

    Il-livell massimu japplika għall-piż niedi.

    Il-livell massimu japplika wara l-ħasil u s-separazzjoni tal-parti li tittiekel.”

    3.2.9.1

    Agaricus bisporus

    0,050

     

    3.2.9.2

    Faqqiegħ ikkultivat għajr l-Agaricus bisporus

    0,15

     

    3.2.9.3

    Faqqiegħ salvaġġ

    0,50

     


    Top