This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023R1201
Commission Implementing Regulation (EU) 2023/1201 of 21 June 2023 on detailed arrangements for the conduct of certain proceedings by the Commission pursuant to Regulation (EU) 2022/2065 of the European Parliament and of the Council (‘Digital Services Act’)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1201 tal-21 ta’ Ġunju 2023 dwar arranġamenti dettaljati għat-twettiq ta’ ċerti proċedimenti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“l-Att dwar is-Servizzi Diġitali”)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1201 tal-21 ta’ Ġunju 2023 dwar arranġamenti dettaljati għat-twettiq ta’ ċerti proċedimenti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“l-Att dwar is-Servizzi Diġitali”)
C/2023/3946
ĠU L 159, 22.6.2023, p. 51–59
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
22.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 159/51 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1201
tal-21 ta’ Ġunju 2023
dwar arranġamenti dettaljati għat-twettiq ta’ ċerti proċedimenti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“l-Att dwar is-Servizzi Diġitali”)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 83, l-ewwel paragrafu, il-punti (a), (b) u (c) tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati kollha biex jissottomettu l-kummenti tagħhom,
Wara li kkonsultat mal-Kumitat tas-Servizzi Diġitali,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2022/2065 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar l-arranġamenti prattiċi fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-proċedimenti skont dak ir-Regolament. F’konformità mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u mal-prinċipju taċ-ċertezza legali, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar is-setgħat tal-Kummissjoni li twettaq spezzjonijiet skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2022/2065 u li tieħu l-azzjonijiet ta’ monitoraġġ meħtieġa skont l-Artikolu 72 ta’ dak ir-Regolament. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti regoli li jikkonċernaw l-eżerċitar tad-dritt li wieħed jinstema’ mid-destinatarji tas-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, u l-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni previst mill-Artikolu 79 tar-Regolament (UE) 2022/2065. |
(2) |
Fil-kuntest tal-ispezzjonijiet, l-Artikolu 69(2)(f) u (g) tar-Regolament (UE) 2022/2065 jagħti s-setgħa lill-uffiċjali tal-Kummissjoni u lil persuni oħra li jakkumpanjawhom li huma awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni, jitolbu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernata jew, fejn applikabbli, tal-persuni l-oħrajn ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 67(1) ta’ dak ir-Regolament għal spjegazzjonijiet dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u biex jirreġistraw it-tweġibiet. Fl-istess kuntest tal-ispezzjonijiet, l-Artikolu 69(2)(g) tar-Regolament (UE) 2022/2065 jagħti s-setgħa lill-uffiċjali tal-Kummissjoni u lil persuni oħra li jakkumpanjawhom li huma awtorizzati mill-Kummissjoni biex jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal bħal dan relatati mas-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u biex jirreġistraw it-tweġibiet. Skont l-Artikolu 74(2)(c) tar-Regolament (UE) 2022/2065 jistgħu jiġu imposti multi fuq fornituri jew persuni bħal dawn meta jonqsu milli jirrettifikaw, fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, tweġiba skorretta, mhux kompluta jew li tiżgwida mogħtija minn rappreżentant jew minn membru tal-persunal tagħhom għal mistoqsijiet matul spezzjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li dawn il-fornituri u persuni jiġu pprovduti b’rekord ta’ kwalunkwe spjegazzjoni mogħtija u li tiġi stabbilita proċedura li tippermettilhom jikkoreġu, jemendaw jew jissupplimentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija, inkluż minn rappreżentant jew membru tal-persunal li jkun ta dawn l-ispjegazzjonijiet iżda li ma kienx awtorizzat jagħmel dan. L-ispjegazzjonijiet mogħtija minn rappreżentant jew minn membru tal-persunal jenħtieġ li jibqgħu fil-fajl tal-Kummissjoni kif jiġu rreġistrati matul l-ispezzjoni. |
(3) |
Skont l-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex timmonitorja l-implimentazzjoni effettiva ta’ dak ir-Regolament u l-konformità miegħu. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tordna lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna biex jipprovdu aċċess għall-bażijiet tad-data u l-algoritmi tagħhom u spjegazzjonijiet tagħhom, fejn dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata konformità effettiva mar-Regolament (UE) 2022/2065. L-aċċess għal dawn il-bażijiet tad-data jista’ jikkonsisti f’li l-Kummissjoni tkun tista’ tfittex dawn il-bażijiet tad-data permezz tal-użu ta’ mistoqsijiet, kif huwa meħtieġ għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva u tal-konformità mar-Regolament (UE) 2022/2065. Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, il-bażi tad-data tat-terminu jenħtieġ li tiġi interpretata bħala li tirreferi għal kwalunkwe assi tad-data rilevanti disponibbli għall-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernata, irrispettivament minn jekk dawn humiex aċċessibbli f’bażi tad-data unika. Meta tordna dan l-aċċess għall-finijiet ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tispeċifika wkoll interfaċċi tekniċi li jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess għal bażijiet tad-data u algoritmi, bħal Interfaċċi għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet (APIs) jew mezzi oħra ta’ aċċess tekniku, inkluż aċċess f’ħin reali u/jew mezzi ta’ aċċess għal volumi kbar ta’data. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tirrikjedi wkoll li dawn il-fornituri jżommu d-dokumenti meħtieġa, skont it-termini ddeterminati mill-Kummissjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni jkollha l-għarfien espert meħtieġ fit-twettiq tal-kompiti tagħha skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ taħtar esperti u awdituri esterni biex jgħinuha fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħha. Dawn l-esperti u l-awdituri jenħtieġ li jkunu indipendenti mill-fornitur ikkonċernat u jkollhom l-għarfien espert meħtieġ biex jassistu lill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti dwar l-indipendenza u l-għarfien espert ta’ dawn l-esperti u l-awdituri. |
(4) |
L-Artikolu 79(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 jirrikjedi li l-Kummissjoni, qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikoli 73(1), 74 jew 76 ta’ dak ir-Regolament, tagħti lil fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jew lil persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament 2022/2065, li lilu tkun innotifikat sejbiet preliminari, l-opportunità li jinstema’ dwar dawk is-sejbiet u dwar miżuri li l-Kummissjoni tkun beħsiebha tieħu dwar dawk is-sejbiet. Dawn il-fornituri u dawn il-persuni jenħtieġ li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, f’perjodu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jiġu rrikonċiljati l-effiċjenza u l-effettività tal-proċedimenti, minn naħa waħda, u l-possibbiltà li jiġi eżerċitat id-dritt li wieħed jinstema’, min-naħa l-oħra. Id-destinatarju tas-sejbiet preliminari jenħtieġ li jkollu d-dritt li jistabbilixxi fil-qosor il-fatti rilevanti u li jipprovdi evidenza ta’ sostenn. Sabiex jiġu żgurati proċedimenti ġusti u effiċjenti, l-infurzar effettiv u sħiħ tar-Regolament (UE) 2022/2065, u ċ-ċertezza legali għall-persuni kollha kkonċernati, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli fir-rigward tal-format u t-tul massimu tal-osservazzjonijiet bil-miktub u l-użu tal-lingwi. |
(5) |
L-Artikolu 79(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 jirrikjedi li l-Kummissjoni tagħti aċċess għall-fajl tagħha lill-partijiet ikkonċernati mill-proċedimenti tagħha. Filwaqt li d-destinatarju tas-sejbiet preliminari jenħtieġ li dejjem jikseb mingħand il-Kummissjoni l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti kollha msemmija fis-sejbiet preliminari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ dwar il-proċedura xierqa għall-aċċess għal aktar informazzjoni fil-fajl. Meta tagħti aċċess għall-fajl, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju u informazzjoni kunfidenzali oħra. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob lil persuni li jissottomettu jew li jkunu ssottomettew informazzjoni jew dokumenti matul il-proċedimenti biex jidentifikaw sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, qabel ma tqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tad-destinatarju tas-sejbiet preliminari tagħha, tivvaluta jekk, għal kull dokument individwali, bil-ħsieb ta’ eżerċizzju effettiv tad-dritt li wieħed jinstema’, il-ħtieġa ta’ divulgazzjoni hijiex akbar mill-ħsara lill-parti li tkun issottomettiet l-informazzjoni jew id-dokumenti li tista’ tirriżulta mid-divulgazzjoni, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar arranġamenti prattiċi għal:
(a) |
spezzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2022/2065 u l-azzjonijiet ta’ monitoraġġ adottati skont l-Artikolu 72 ta’ dak ir-Regolament; |
(b) |
l-eżerċitar tad-dritt li wieħed jinstema’ u t-termini ta’ divulgazzjoni previsti fl-Artikolu 79 tar-Regolament (UE) 2022/2065; |
KAPITOLU II
SPEZZJONIJIET U AZZJONIJIET TA’ MONITORAĠĠ MILL-KUMMISSJONI
Artikolu 2
Spjegazzjonijiet ipprovduti matul l-ispezzjonijiet
1. L-ispjegazzjonijiet mitluba mill-Kummissjoni jew mill-persuni li jakkumpanjawha skont l-Artikolu 69(2), il-punti (f) u (g), tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandhom jingħataw biss minn rappreżentanti awtorizzati jew minn membri tal-persunal ta’ fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna, fornitur ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna, jew, fejn applikabbli, ta’ persuni oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) ta’ dak ir-Regolament. L-ispjegazzjonijiet mogħtija jistgħu jiġu rreġistrati mill-uffiċjali tal-Kummissjoni jew mill-persuni li jakkumpanjawhom fi kwalunkwe forma.
2. Wara l-ispezzjoni, kopja ta’ kwalunkwe reġistrazzjoni magħmula skont il-paragrafu 1 għandha tkun magħmula disponibbli għall-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna, għall-fornitur ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jew għal persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 ikkonċernata minn dik l-ispezzjoni.
3. F’każijiet fejn rappreżentant jew membru tal-persunal imsemmi fil-paragrafu 1 ikun intalab u ta spjegazzjonijiet, iżda dak ir-rappreżentant jew dak il-membru tal-persunal ma kienx awtorizzat jipprovdi spjegazzjonijiet f’isem il-fornitur jew il-persuna kkonċernata, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih il-fornitur jew il-persuna kkonċernata tista’ tikkomunika lill-Kummissjoni kwalunkwe rettifika, emenda jew suppliment għall-ispjegazzjonijiet mogħtija minn dak ir-rappreżentant jew dak il-membru tal-persunal. Ir-rettifika, l-emenda jew is-suppliment għandhom jiżdiedu mal-ispjegazzjonijiet irreġistrati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
4. Il-possibbiltà li l-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna, il-fornitur ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna, jew, fejn applikabbli, persuni oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 jikkomunikaw lill-Kummissjoni rettifiki, emendi jew informazzjoni supplimentari għall-ispjegazzjonijiet mogħtija skont il-paragrafu 3, għandha tkun mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali f’konformità mal-Artikoli 74 u 76 tar-Regolament (UE) 2022/2065 rispettivament.
Artikolu 3
Azzjonijiet ta’ monitoraġġ
1. Meta l-Kummissjoni tordna lil fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna biex jagħtiha aċċess għall-bażijiet tad-data jew għas-sistemi algoritmiċi ta’ dak il-fornitur skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-Kummissjoni tista’ tispeċifika l-mezzi tekniċi jew l-interfaċċi li permezz tagħhom il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu dan l-aċċess.
2. Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna ordnati li jipprovdu aċċess skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandhom jagħmlu dan b’mod f’waqtu u effettiv, filwaqt li jippermettu lill-Kummissjoni taċċessa l-informazzjoni kollha fil-bażijiet tad-data kkonċernati, u l-informazzjoni kollha fir-rigward tal-algoritmu kkonċernat li hija meħtieġa għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065 mill-fornitur ikkonċernat, u tal-konformità tiegħu magħha.
3. Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna ordnati biex jipprovdu aċċess skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.
4. Meta l-Kummissjoni timponi obbligu fuq fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna biex iżomm id-dokumenti kollha meħtieġa biex tivvaluta l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065 skont l-Artikolu 72(1) u l-konformità miegħu, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi t-termini taż-żamma, inkluż il-perjodu u l-ambitu tad-dokumenti li għandhom jinżammu li għalihom japplika l-obbligu. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż, fejn meħtieġ, biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065 u l-konformità miegħu.
5. Meta l-Kummissjoni taħtar esperti jew awdituri esterni biex jgħinuha fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2022/2065 u l-konformità miegħu, minn fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna skont l-Artikolu 72(2) ta’ dak ir-regolament, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-esperti u l-awdituri jkunu indipendenti mill-fornitur ikkonċernat u li jkollhom prova ta’ għarfien espert fil-kwistjoni li fuqha jassistu lill-Kummissjoni.
6. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza f’konformità mal-paragrafu 5, il-Kummissjoni, meta taħtar esperti jew awdituri skont dak il-paragrafu, għandha tqis l-eżistenza ta’ sjieda, governanza, ġestjoni, persunal, jew riżorsi tal-esperti jew tal-awdituri esterni kkonċernati kondiviżi u l-eżistenza ta’ relazzjonijiet kuntrattwali mal-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernata matul l-24 xahar qabel il-proċedura mwettqa mill-Kummissjoni. L-espert jew l-awditur maħtur għandu jibqa’ indipendenti matul il-perjodu tal-ħatra.
7. Biex tiżgura li l-esperti u l-awdituri jkollhom l-għarfien espert meħtieġ f’konformità mal-paragrafu 5, il-Kummissjoni, meta taħtar espert jew awditur skont dak il-paragrafu, għandha tqis l-għarfien espert mixhud bi prova tal-espert fil-kwistjoni li fiha dawn jassistu lill-Kummissjoni, jew il-kompetenza teknika mixhuda bi prova tal-awditur biex iwettaq awditi dwar il-kwistjoni li fuqha jassisti lill-Kummissjoni.
KAPITOLU III
DRITT LI WIEĦED JINSTEMA’ U AĊĊESS GĦALL-FAJL
Artikolu 4
Osservazzjonijiet bil-miktub dwar is-sejbiet preliminari
1. Id-destinatarju tas-sejbiet preliminari kkomunikati skont l-Artikoli 73(2), 74(3) u 76 tar-Regolament (UE) 2022/2065 jista’, f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, fil-qosor u f’konformità mar-rekwiżiti tal-format u t-tul għad-dokumenti stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, jinforma lill-Kummissjoni bil-fehmiet tiegħu bil-miktub dwar dawk is-sejbiet u dwar il-miżuri li l-Kummissjoni jista’ jkollha l-ħsieb li tieħu fid-dawl ta’ dawk is-sejbiet u jissottometti evidenza b’appoġġ għal dan. Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tqis sottomissjonijiet bil-miktub riċevuti wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.
2. L-informazzjoni sottomessa lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1 għandha tkun korretta, kompluta u mhux qarrieqa. Għandha tiġi ppreżentata b’mod ċar, strutturat tajjeb u li jintgħaraf.
3. L-osservazzjonijiet bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu sottomessi bil-lingwa oriġinali tagħhom u, meta l-lingwa oriġinali tagħhom ma tkunx waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni leali f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni.
4. L-osservazzjonijiet bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonformaw mal-format u mal-limiti tal-paġni stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista’, fuq talba motivata, tawtorizza destinatarju tas-sejbiet prelimari biex jaqbeż dawk il-limiti tal-paġni meta u sa fejn dak id-destinatarju jissostanzja li huwa oġġettivament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jiġu ttrattati kwistjonijiet legali jew fattwali partikolarment kumplessi fil-limiti tal-paġni rilevanti.
5. Id-dokumenti, il-bażijiet tad-data jew kwalunkwe informazzjoni oħra għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.
6. L-informazzjoni sottomessa lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata minn prova bil-miktub li l-persuni li jissottomettu dik l-informazzjoni huma awtorizzati jaġixxu f’isem id-destinatarju tas-sejbiet preliminari kkonċernati.
7. Il-Kummissjoni għandha tavża, mingħajr dewmien u bil-miktub, lid-destinatarju tas-sejbiet preliminari kkonċernati jew lir-rappreżentanti tiegħu li rċeviet l-informazzjoni sottomessa skont il-paragrafu 1.
Artikolu 5
Aċċess għall-fajl
1. Fuq talba, il-Kummissjoni għandha tagħti aċċess għall-fajl lid-destinatarju tas-sejbiet preliminari kkomunikati skont l-Artikoli 73(2), 74(3) jew 76 tar-Regolament (UE) 2022/2065 (“id-destinatarju”). L-aċċess għall-fajl ma għandux jingħata qabel in-notifika tas-sejbiet preliminari.
2. Meta tipprovdi aċċess għall-fajl, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lid-destinatarju bid-dokumenti kollha msemmija fis-sejbiet preliminari, soġġetti għal redazzjonijiet li jkunu saru skont l-Artikolu 6 sabiex jiġu protetti s-sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.
3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll aċċess għad-dokumenti kollha fil-fajl tagħha, mingħajr l-ebda redazzjoni, skont it-termini ta’ divulgazzjoni li għandhom jiġu stabbiliti f’deċiżjoni tal-Kummissjoni. It-termini tad-divulgazzjoni għandhom jiġu ddeterminati f’konformità ma’ dan li ġej:
(a) |
L-aċċess għad-dokumenti għandu jingħata biss lil għadd limitat ta’ konsulenti legali u ekonomiċi speċifikati u esperti tekniċi mqabbda mid-destinatarju, u li l-ismijiet tagħhom għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni minn qabel. |
(b) |
Konsulenti legali u ekonomiċi esterni u esperti tekniċi esterni speċifikati jridu jkunu impriżi, impjegati ta’ impriżi jew f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-impjegati tal-impriżi. Kollha kemm huma għandhom ikunu marbuta bit-termini tad-divulgazzjoni. |
(c) |
Persuni elenkati bħala konsulenti legali u ekonomiċi u esperti tekniċi esterni speċifikati ma jistgħux, fid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi t-termini ta’ divulgazzjoni, ikunu f’relazzjoni ta’ impjieg mad-destinatarju jew f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ impjegat tad-destinatarju. Jekk il-konsulent legali jew ekonomiku estern jew l-esperti tekniċi esterni speċifikati sussegwentement jidħlu f’relazzjoni bħal din mad-destinatarju jew ma’ impriżi oħra attivi fl-istess swieq bħad-destinatarju matul l-investigazzjoni jew matul it-3 snin wara t-tmiem tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, il-konsulent legali jew ekonomiku estern jew l-espert tekniku estern speċifikat u d-destinatarju għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar it-termini ta’ din ir-relazzjoni. Il-konsulent legali jew ekonomiku estern jew l-espert tekniku estern speċifikat inkwistjoni għandu jipprovdi wkoll lill-Kummissjoni b’assigurazzjoni li ma jkunx għad għandu aċċess għall-informazzjoni jew għad-dokumenti fil-fajl li għalihom ikun ingħata aċċess skont il-punt (a), u li ma kinux disponibbli għad-destinatarju mill-Kummissjoni. Huma għandhom jipprovdu wkoll assigurazzjonijiet lill-Kummissjoni li se jkomplu jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (d) ta’ dan il-paragrafu. |
(d) |
Konsulenti legali u ekonomiċi esterni u esperti tekniċi esterni speċifikati ma għandhom jiddivulgaw l-ebda wieħed mid-dokumenti pprovduti, jew il-kontenut tagħhom, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex firmatarju għat-termini ta’ divulgazzjoni, u ma għandhom jużaw l-ebda wieħed mid-dokumenti pprovduti jew il-kontenut tagħhom ħlief għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 5(9) hawn taħt. |
(e) |
Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, f’termini ta’ divulgazzjoni, il-mezzi tekniċi tad-divulgazzjoni u d-durata tagħha. Id-divulgazzjoni tista’ ssir b’mezzi elettroniċi jew (għal xi wħud mid-dokumenti jew id-dokumenti kollha) fil-bini tal-Kummissjoni. |
4. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ma tagħtix aċċess għal ċerti dokumenti jew li tagħti aċċess għal dokumenti parzjalment redatti skont it-termini tad-divulgazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jekk tqis li l-ħsara li l-parti li ssottomettiet id-dokumenti inkwistjoni x’aktarx issofri mid-divulgazzjoni skont it-termini tad-divulgazzjoni, f’bilanċ, tegħleb l-importanza tad-divulgazzjoni tad-dokument sħiħ għall-eżerċitar tad-dritt li wieħed jinstema’.
5. Skont l-Artikolu 79(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni ma għandux jestendi għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u awtoritajiet pubbliċi oħra, inklużi istituzzjonijiet oħra tal-UE jew ta’ pajjiżi mhux membri, u tipi oħra ta’ dokumenti sensittivi, ukoll jistgħu jkunu soġġetti għal protezzjonijiet simili.
6. Il-konsulent legali u ekonomiku estern u l-esperti tekniċi esterni speċifikati msemmija fil-paragrafu 3 jistgħu, fi żmien ġimgħa minn meta jirċievu l-aċċess skont it-termini tad-divulgazzjoni, jagħmlu talba motivata lill-Kummissjoni għal aċċess għal verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ kwalunkwe dokument fil-fajl tal-Kummissjoni li ma jkunx diġà pprovdut lid-destinatarju skont il-paragrafu 2, bil-ħsieb li dik il-verżjoni mhux kunfidenzjali ssir disponibbli għad-destinatarju, jew għal estensjoni tat-termini tad-divulgazzjoni għal konsulenti legali u ekonomiċi esterni jew esperti tekniċi esterni speċifikati. Dan l-aċċess addizzjonali jista’ jingħata biss b’mod eċċezzjonali u dment li jkun indispensabbli għall-eżerċitar xieraq tad-dritt tad-destinatarju li jinstema’.
7. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafi 4 sa 6, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-parti li tkun issottomettiet id-dokumenti inkwistjoni biex tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tagħhom skont l-Artikolu 6.
8. Meta l-Kummissjoni tqis li talba skont il-paragrafu 6 għandha bażi soda fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi żgurat li d-destinatarju jkun f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu li jinstema’ b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha tagħżel li jew titlob lill-parti li ssottomettiet id-dokument inkwistjoni li taqbel li tagħmel verżjoni mhux kunfidenzjali disponibbli lid-destinatarju jew li taqbel mal-estensjoni tat-termini tad-divulgazzjoni għal individwu/i jew impriżi speċifikati għad-dokumenti inkwistjoni biss.
9. F’każ li l-parti li ssottomettiet id-dokumenti inkwistjoni ma taqbilx, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi t-termini tad-divulgazzjoni għad-dokumenti inkwistjoni.
10. Id-dokumenti miksuba permezz tal-aċċess għall-fajl ipprovdut skont dan l-Artikolu għandhom jintużaw biss għall-finijiet tal-proċedimenti rilevanti li fihom ingħata l-aċċess għal dawk id-dokumenti jew ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi relatati mal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065 li huma relatati ma’ dawk il-proċedimenti.
11. Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura, il-Kummissjoni tista’ minflok, jew flimkien mal-metodu ta’ għoti ta’ aċċess għall-fajl skont il-paragrafu 3 hawn fuq, tagħti aċċess għal xi wħud mid-dokumenti jew għad-dokumenti kollha redatti skont l-Artikolu 6(3) sabiex jiġi evitat dewmien sproporzjonat jew piż amministrattiv.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 6
Identifikazzjoni u protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzali
1. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fir-Regolament (UE) 2022/2065 jew fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, l-informazzjoni jew id-dokumenti miġbura jew miksuba mill-Kummissjoni ma għandhomx jiġu divulgati jew magħmulin aċċessibbli mill-Kummissjoni, sa fejn ikun fihom sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika.
2. Meta jiġu ssekwestrati d-dokumenti jew meta jiġi riċevut aċċess volontarju għad-dokumenti matul l-ispezzjonijiet skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2022/2065, jew inkella jiġu riċevuti dokumenti jew aċċess għall-informazzjoni skont l-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pjattaformi online kbar ħafna jew lil magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernati jew, fejn applikabbli, lil persuna fiżika jew ġuridika oħra kkonċernata msemmija fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065, li l-aċċess għal dik l-informazzjoni jista’ jingħata skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament. Fi kwalunkwe każ, meta pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna jew, fejn applikabbli, persuna fiżika jew ġuridika oħra kkonċernata volontarjament tipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, jew dan ir-Regolament, hija taqbel li l-aċċess għal dik l-informazzjoni jista’ jingħata skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.
3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’ tirrikjedi pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna jew, fejn applikabbli, persuna fiżika jew ġuridika oħra kkonċernata li tkun l-oriġinatur ta’ dokumenti fil-fajl tagħha biex tidentifika d-dokumenti, id-dikjarazzjonijiet jew partijiet minnhom, li hija tqis li fihom sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra, u li jiġu identifikati l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li fir-rigward tagħhom dik l-informazzjoni titqies bħala kunfidenzjali. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi wkoll limitu ta’ żmien għall-pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernati jew, fejn applikabbli, persuna fiżika jew ġuridika oħra kkonċernata msemmija fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065, li tidentifika kwalunkwe parti minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li, fil-fehma tagħha, ikun fiha sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.
4. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernati jew, fejn applikabbli, għall-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata msemmija fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065, biex:
(a) |
tissostanzja l-asserzjonijiet tagħha għal sigrieti tan-negozju u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra għal kull dokument u bażi tad-data individwali jew parti minn dokument u bażi tad-data; |
(b) |
tipprovdi lill-Kummissjoni b’verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti u bażi tad-data li fihom is-sigrieti tan-negozju u informazzjoni kunfidenzjali oħra jkunu redatti b’mod ċar u li jinftiehem; |
(c) |
tipprovdi deskrizzjoni konċiża u mhux kunfidenzjali ta’ kull biċċa informazzjoni redatta. |
5. Jekk il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jew, fejn applikabbli, persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata msemmija fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065, tonqos milli tikkonforma mal-paragrafi 2 u 3, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li l-informazzjoni kkonċernata ma fihiex sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.
6. Jekk il-Kummissjoni tiddetermina li ċerta informazzjoni li jingħad li hija kunfidenzjali mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jew, fejn applikabbli, mill-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata msemmija fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065, tista’ tiġi ddivulgata, jew minħabba li din l-informazzjoni ma tikkostitwix sigriet tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra, jew minħabba li jkun hemm interess prevalenti fid-divulgazzjoni tagħha, hija għandha tinforma lill-fornituri kkonċernati jew lill-persuna fiżika jew ġuridika, li jkollha l-ħsieb li tiddivulga din l-informazzjoni sakemm ma tirċevix oġġezzjonijiet fi żmien ġimgħa. Jekk il-fornituri jew il-persuna fiżika jew ġuridika inkwistjoni toġġezzjona, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni motivata li tispeċifika d-data li warajha se tiġi divulgata l-informazzjoni. Din id-data ma għandhiex tkun inqas minn ġimgħa mid-data tan-notifika. Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-fornituri kkonċernati jew lill-persuna fiżika jew ġuridika.
Artikolu 7
Trażmissjoni u riċevuta tad-dokumenti
1. It-trażmissjoni ta’ dokumenti, bażijiet tad-data jew ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra lill-Kummissjoni u minnha skont l-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament għandha ssir b’mezzi diġitali. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-mezzi ta’ trażmissjoni u l-firma jistgħu jinħarġu jew jiġu ppubblikati u aġġornati regolarment mill-Kummissjoni.
2. Id-dokumenti trażmessi b’mezzi diġitali għandhom jiġu ffirmati bl-użu ta’ mill-inqas Firma Elettronika Kwalifikata waħda li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).
3. Id-dokumenti trażmessi lill-Kummissjoni b’mezzi diġitali għandhom jitqiesu li jkunu ġew riċevuti fil-jum meta tkun intbagħtet konferma tar-riċevuta mill-Kummissjoni.
4. Għal informazzjoni f’ħin reali jew kważi f’ħin reali kondiviża, pereżempju, permezz ta’ interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjoni jew kwalunkwe mezz ekwivalenti ieħor, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-metodu u d-durata ta’ din il-kondiviżjoni tal-informazzjoni.
5. Dokumenti, bażijiet tad-data u kull informazzjoni oħra trażmessa lill-Kummissjoni b’mezzi diġitali, għandha titqies li ma ġietx riċevuta jekk isseħħ waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:
(a) |
id-dokument jew partijiet tiegħu jkunu inoperabbli jew ma jistgħux jintużaw; |
(b) |
id-dokument ikun fih virusijiet, malware jew theddid ieħor; |
(c) |
id-dokument ikun fih firma elettronika li l-validità tagħha ma tkunx tista tiġi vverifikata mill-Kummissjoni. |
6. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-mittent mingħajr dewmien jekk isseħħ waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 5, u għandha tagħtih il-possibbiltà li jesprimi l-fehmiet tiegħu u li jirrettifika s-sitwazzjoni f’limitu ta’ żmien raġonevoli.
7. B’deroga mill-paragrafu 1, taħt ċirkostanzi eċċezzjonali li jagħmlu t-trażmissjoni b’mezzi diġitali impossibbli jew eċċessivament diffiċli, id-dokumenti jistgħu jiġu trasmessi lill-Kummissjoni bil-posta reġistrata. Dawk id-dokumenti għandhom jitqiesu li jkunu waslu għand il-Kummissjoni fil-jum tal-konsenja tagħhom fl-indirizz tas-servizz responsabbli tal-Kummissjoni, kif ippubblikat mill-Kummissjoni fuq is-sit web tagħha.
8. B’deroga mill-paragrafu 1, taħt ċirkostanzi eċċezzjonali li jagħmlu t-trażmissjoni b’mezzi diġitali jew bil-posta reġistrata impossibbli jew eċċessivament diffiċli, id-dokumenti jistgħu jiġu trażmessi lill-Kummissjoni bl-idejn. Dawk id-dokumenti għandhom jitqiesu li jkunu waslu fil-jum tal-konsenja tagħhom fl-indirizz tas-servizz responsabbli tal-Kummissjoni, kif ippubblikat mill-Kummissjoni fuq is-sit web tagħha. Il-konsenja għandha tiġi kkonfermata f’konferma tar-riċevuta mill-Kummissjoni.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ġunju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).
ANNESS
Format u tul tal-osservazzjonijiet imressqa skont l-Artikolu 4
Osservazzjonijiet bil-miktub imressqa lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ppreżentati f’format li jippermetti lill-Kummissjoni tipproċessahom b’mod elettroniku u, b’mod partikolari, li jippermetti d-diġitizzazzjoni u r-rikonoxximent tal-karattri tagħhom.
Għal dan l-għan, għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti li ġejjin:
(a) |
it-test, f’format A4, għandu jkun jista’ jinqara faċilment u għandu jidher biss fuq naħa waħda tal-paġna; |
(b) |
id-dokumenti prodotti fuq karta għandhom ikunu miġbura flimkien b’mod li jkunu jistgħu jitneħħew faċilment minn folji oħra (mingħajr legatura u mingħajr mezzi fissi oħra bħalma huma l-kolla, l-istaples, eċċ.); |
(c) |
it-test għandu jkun miktub b’ittri ta’ tipa komuni (bħal Times New Roman, Courier jew Arial) b’daqs ta’ minn tal-inqas 12-il punt fit-test u ta’ minn tal-inqas 10 punti fin-noti f’qiegħ il-paġna, bi spazju ta’ 1 bejn il-linji u b’marġnijiet, fuq il-parti ta’ fuq, ta’ isfel, tax-xellug u tal-lemin tal-paġna ta’ minn tal-inqas 2,5 cm (massimu ta’ 4 700 karattru kull paġna); |
(d) |
il-paġni u l-paragrafi ta’ kull dokument għandhom jiġu nnumerati b’mod konsekuttiv. |
Osservazzjonijiet bil-miktub imressqa lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu itwal minn 50 paġna. Kwalunkwe anness li jakkumpanja dawk l-osservazzjonijiet ma għandux jgħodd għal-limiti tal-paġni applikabbli, sakemm dawk l-annessi jkollhom funzjoni purament evidenzjali u strumentali u jkunu proporzjonati fin-numru u fit-tul.