Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0222

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/222 tal-1 ta’ Diċembru 2022 dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini kollha ta’ Vanuatu

    C/2022/8691

    ĠU L 32, 3.2.2023, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/08/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/222/oj

    3.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 32/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/222

    tal-1 ta’ Diċembru 2022

    dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini kollha ta’ Vanuatu

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (1), u b’mod partikolari il-punt (b) tal-Artikolu 8(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Repubblika ta’ Vanuatu hija elenkata fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 fost il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mir-rekwiżit li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. L-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu ilha applikabbli mit-28 ta’ Mejju 2015, meta l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (2) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat u beda japplika fuq bażi proviżorja f’konformità mal-Artikolu 8(1) tal-Ftehim. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2017.

    (2)

    Mill-25 ta’ Mejju 2015, Vanuatu ilu jopera skemi ta’ ċittadinanza b’investiment li permezz tagħhom ċittadini ta’ pajjiżi terzi li b’xi mod ieħor jenħtieġu viża għandhom il-possibbiltà li jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ Vanuatu bi skambju għal investiment, b’tali mod li jiksbu aċċess mingħajr viża għall-Unjoni.

    (3)

    Ġie dderivat minn data, rapporti u statistiċi rilevanti, u abbażi ta’ informazzjoni konkreta u affidabbli (3) li l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu, fil-forma u l-operat attwali tagħhom, imorru kontra l-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar il-viżi, li tipprevedi skrinjar ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li għandhom bżonn ta’ viża skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u f’leġiżlazzjoni nazzjonali ekwivalenti ta’ dawk l-Istati Membri fejn ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 għadu ma japplikax għalkollox. Il-mod li bih l-iskemi msemmija qed jiġu implimentati jikkostitwixxi ċirkomvenzjoni tal-proċedura tal-viża għal soġġorn qasir tal-Unjoni u l-valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà u l-migrazzjoni li tinvolvi.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 8(2)(d), 8(3) u 8(6) tar-Regolament (UE) 2018/1806, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għoti taċ-ċittadinanza minn Vanuatu skont l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment tiegħu jikkostitwixxi riskju akbar għas-sigurtà interna u għall-ordni pubbliku tal-Istati Membri.

    (5)

    Fit-3 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2022/366 (5) dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir, f’konformità mal-Artikolu 8(4) tal-Ftehim. Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Ftehim hija limitata għall-passaporti ordinarji maħruġa mill-25 ta’ Mejju 2015 ’il quddiem, meta l-għadd ta’ applikanti aċċettati fl-ambitu tal-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu beda jiżdied b’mod sinifikanti.

    (6)

    Fis-27 ta’ April 2022, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/693 (6) dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu, f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 8(6) tar-Regolament (UE) 2018/1806. Il-perjodu ta’ sospensjoni japplika mill-4 ta’ Mejju 2022 sat-3 ta’ Frar 2023.

    (7)

    Wara d-dħul fis-seħħ tas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għall-kategorija msemmija iktar ’il fuq għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu fl-4 ta’ Mejju 2022, u f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(6)(b) tar-Regolament (UE) 2018/1806, fit-12 ta’ Mejju 2022 il-Kummissjoni stabbiliet djalogu msaħħaħ ma’ Vanuatu, bl-għan li tirrimedja għaċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża.

    (8)

    Fl-ewwel laqgħa organizzata fil-kuntest tad-djalogu msaħħaħ, fit-12 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni esprimiet ir-rieda tagħha li ssib soluzzjoni u, għal dan l-għan, ipproponiet li jsiru laqgħat tekniċi ta’ kull xahar. Il-partijiet qablu li l-awtoritajiet ta’ Vanuatu jaħtru interlokutur u jikkomunika b’dan dan lill-Kummissjoni, sabiex jipproċedu bil-laqgħat tekniċi sussegwenti. Vanuatu informa lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tal-Gvern ta’ Vanuatu li jistabbilixxi Task Force biex tirrieżamina l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment. Ġie miftiehem li l-awtoritajiet ta’ Vanuatu jibagħtu lill-Kummissjoni rapport ta’ progress imħejji mit-Task Force.

    (9)

    Madankollu, Vanuatu sussegwentement ma kienx involut b’mod sinifikanti. Sal-lum, l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu għadhom joperaw. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni mill-awtoritajiet ta’ Vanuatu fir-rigward ta’ azzjonijiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi possibbli li għandhom l-għan li jirrimedjaw iċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni temporanja.

    (10)

    Għalhekk, għadhom jippersistu ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 8(2)(d) tar-Regolament (UE) 2018/1806, jiġifieri r-riskju akbar għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri.

    (11)

    Minħabba l-persistenza taċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq u n-nuqqas ta’ involviment ta’ Vanuatu biex jirrimedja għalihom, l-applikazzjoni tal-Ftehim ġiet sospiża fl-intier tagħha bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2198 (7), li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2022/366 u tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim għaċ-ċittadini kollha ta’ Vanuatu.

    (12)

    F’konformità mal-Artikolu 8(6)(b) tar-Regolament (UE) 2018/1806, minħabba l-persistenza tas-sitwazzjoni, huwa meħtieġ li jiġi adottat att delegat li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għal perjodu ta’ 18-il xahar għaċ-ċittadini kollha ta’ Vanuatu.

    (13)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt B tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (8).

    (14)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jidħlu fl-ambitu msemmi fil-punti B u C tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9).

    (15)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jidħlu fl-ambitu msemmi fil-punti B u C tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

    (16)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhux qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (11); għalhekk l-Irlanda mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    (17)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011 rispettivament.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża

    Fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806, fil-punt 1 (“Stati”), ir-referenza għal “Vanuatu” hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Vanuatu (*1)

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu japplika mill-4 ta’ Frar 2023 sat-3 ta’ Awwissu 2024.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39.

    (2)  ĠU L 173, 3.7.2015, p. 48.

    (3)  Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (COM/2022/6 final), il-premessi 5-12.

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/366 tat-3 ta’ Marzu 2022 dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir (ĠU L 69, 4.3.2022, p. 105).

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/693 tas-27 ta’ April 2022 dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu (ĠU L 129, 3.5.2022, p. 18).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2198 tat-8 ta’ Novembru 2022 dwar is-sospensjoni intera tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir (ĠU L 292, 11.11.2022, p. 47).

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

    (11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).


    Top