Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1096

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1096 tat-2 ta’ Ġunju 2023 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ġbir u l-aġġornament regolari ta’ data dwar aċċidenti relatati mal-użu tal-oġġetti pirotekniċi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/3505

    ĠU L 146, 6.6.2023, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1096/oj

    6.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 146/24


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1096

    tat-2 ta’ Ġunju 2023

    li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ġbir u l-aġġornament regolari ta’ data dwar aċċidenti relatati mal-użu tal-oġġetti pirotekniċi

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(b) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 43(b) tad-Direttiva 2013/29/UE, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-arranġamenti prattiċi għall-ġbir u l-aġġornament regolari ta’ data dwar aċċidenti relatati mal-oġġetti pirotekniċi, sabiex, sa fejn ikun possibbli, tippermetti ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni tal-aċċidenti fl-Unjoni, abbażi ta’ prinċipji komuni ta’ rappurtar. Il-ġbir, l-aġġornament u l-iskambju regolari u affidabbli ta’ tali data huma għalhekk għodda importanti sabiex tiġi definita stampa ċara dwar il-grad ta’ implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva fir-rigward tal-użu legali u sikur tal-oġġetti pirotekniċi u għalhekk biex jiġi evalwat jekk ikunux meħtieġa miżuri ta’ armonizzazzjoni addizzjonali.

    (2)

    L-Istati Membri kollha diġà qablu li, fil-prinċipju, huwa utli u fattibbli li tinġabar id-data dwar l-aċċidenti relatati mal-użu tal-oġġetti pirotekniċi. Madankollu, il-ġbir ta’ data relatata ma’ oġġetti pirotekniċi ta’ kategoriji li mhumiex F1 sa F4 joħloq piż amministrattiv mhux ġustifikat. Barra minn hekk, l-oġġetti pirotekniċi tal-kategorija P1 għall-vetturi, inklużi l-airbag u s-sistemi pretensjonaturi taċ-ċinturin tas-sikurezza, ġeneralment ma jippreżentawx riskju ta’ użu ħażin jew aċċident peress li huma parti mill-apparat tas-sikurezza fil-vetturi. Meta jitqies li l-Istati Membri diġà rrappurtaw regolarment data dwar aċċidenti relatati mal-użu tal-logħob tan-nar lill-Kummissjoni fuq bażi volontarja, is-sistema volontarja eżistenti jenħtieġ li tintuża bħala bażi meta jiġu ddeterminati l-arranġamenti prattiċi għall-ġbir u l-aġġornament regolari mill-Istati Membri kollha ta’ data dwar aċċidenti relatati mal-użu tal-logħob tan-nar.

    (3)

    Sabiex jiġu żgurati r-rilevanza u l-komparabbiltà tad-data, id-data obbligatorja minima jenħtieġ li tinkludi informazzjoni dwar l-għadd globali ta’ aċċidenti b’korrimenti jew l-għadd globali ta’ korrimenti relatati mal-użu ta’ oġġetti pirotekniċi kif ukoll l-għadd ta’ korrimenti li jirriżultaw mill-aċċidenti skont il-grupp ta’ età u t-tip ta’ korriment. Sabiex tinftiehem aħjar il-kawżalità u, sussegwentement, jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika nazzjonali jew tal-Unjoni, jenħtieġ li tiġi pprovduta data addizzjonali jekk tkun disponibbli. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri, meta l-ġbir tad-data meħtieġa ma jkunx possibbli, jenħtieġ li jiġi permess ir-rapportar tad-data estrapolata minn kampjuni rappreżentattivi.

    (4)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Oġġetti Pirotekniċi,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Data obbligatorja minima

    1.   Mill-1 ta’ Jannar 2024, l-Istati Membri għandhom jiġbru, għal kull sena kalendarja, mill-inqas id-data li ġejja dwar aċċidenti li seħħew fit-territorju tagħhom, li kienu relatati mal-użu ta’ oġġetti pirotekniċi tal-kategoriji F1 sa F4:

    (a)

    l-għadd globali ta’ aċċidenti b’korrimenti jew l-għadd globali ta’ korrimenti relatati mal-użu ta’ oġġetti pirotekniċi;

    (b)

    l-għadd ta’ korrimenti diviż bil-gruppi ta’ età tal-vittmi li ġejjin:

    (i)

    minn 0 sa 12-il sena;

    (ii)

    minn 13 sa 18-il sena;

    (iii)

    iktar minn 18-il sena;

    (c)

    l-għadd ta’ korrimenti skont it-tip fil-kategoriji li ġejjin:

    (i)

    id jew sieq;

    (ii)

    wiċċ jew ras;

    (iii)

    għajnejn;

    (iv)

    smigħ;

    (v)

    oħrajn;

    (d)

    l-għadd ta’ korrimenti skont il-grad ta’ severità fil-kategoriji li ġejjin:

    (i)

    korrimenti li jeħtieġu rikoveru fl-isptar;

    (ii)

    imwiet;

    (iii)

    oħrajn.

    2.   Meta l-ġbir tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunx possibbli, l-Istati Membri jistgħu jiġbru d-data minn kampjun rappreżentattiv u jestrapolawha.

    3.   Meta l-ġbir ta’ data, kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, ma jkunx possibbli f’sena partikolari, l-Istati Membri għandhom jiġbru d-data l-oħra kollha dwar l-aċċidenti relatati mal-użu ta’ oġġetti pirotekniċi tal-kategoriji F1 sa F4 li tkun disponibbli għalihom.

    Artikolu 2

    Data addizzjonali

    Flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom jiġbru d-data li ġejja, meta tkun disponibbli:

    (a)

    it-tip ta’ oġġetti pirotekniċi li jikkawżaw l-aċċident;

    (b)

    l-informazzjoni dwar jekk l-aċċident kienx ikkawżat minn użu skorrett, l-użu ħażin, jew il-funzjonament ħażin tal-oġġett;

    (c)

    l-informazzjoni dwar jekk l-oġġett tqegħidx fis-suq illegalment;

    (d)

    kwalunkwe informazzjoni oħra li Stat Membru jqis importanti għall-analiżi tad-data dwar l-aċċidenti.

    Artikolu 3

    Trażmissjoni tal-informazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data msemmija fl-Artikoli 1 u 2 għal kull sena kalendarja lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Ottubru tas-sena kalendarja sussegwenti.

    2.   Meta l-Istati Membri jittrażmettu d-data f’konformità l-Artikolu 1(2), huma għandhom jindikaw liema data ġiet estrapolata.

    3.   Meta l-Istati Membri jittrażmettu d-data f’konformità mal-Artikolu 1(3), huma għandhom jippreżentaw ġustifikazzjoni li tispjega għaliex la l-ġbir u lanqas l-estrapolazzjoni tad-data ma kienu possibbli f’dik is-sena.

    4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-data msemmija fl-Artikoli 1(1), 1(2) u 2 bl-użu tal-format elettroniku li għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni.

    Artikolu 4

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Thierry BRETON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 178, 28.6.2013, p. 27.


    Top