This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023D1096
Commission Implementing Decision (EU) 2023/1096 of 2 June 2023 laying down rules for the application of Directive 2013/29/EU of the European Parliament and of the Council as regards the regular collection and updating of data on accidents related to the use of pyrotechnic articles (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1096 tat-2 ta’ Ġunju 2023 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ġbir u l-aġġornament regolari ta’ data dwar aċċidenti relatati mal-użu tal-oġġetti pirotekniċi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1096 tat-2 ta’ Ġunju 2023 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ġbir u l-aġġornament regolari ta’ data dwar aċċidenti relatati mal-użu tal-oġġetti pirotekniċi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2023/3505
ĠU L 146, 6.6.2023, p. 24–26
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
6.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 146/24 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1096
tat-2 ta’ Ġunju 2023
li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ġbir u l-aġġornament regolari ta’ data dwar aċċidenti relatati mal-użu tal-oġġetti pirotekniċi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(b) tagħha,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 43(b) tad-Direttiva 2013/29/UE, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-arranġamenti prattiċi għall-ġbir u l-aġġornament regolari ta’ data dwar aċċidenti relatati mal-oġġetti pirotekniċi, sabiex, sa fejn ikun possibbli, tippermetti ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni tal-aċċidenti fl-Unjoni, abbażi ta’ prinċipji komuni ta’ rappurtar. Il-ġbir, l-aġġornament u l-iskambju regolari u affidabbli ta’ tali data huma għalhekk għodda importanti sabiex tiġi definita stampa ċara dwar il-grad ta’ implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva fir-rigward tal-użu legali u sikur tal-oġġetti pirotekniċi u għalhekk biex jiġi evalwat jekk ikunux meħtieġa miżuri ta’ armonizzazzjoni addizzjonali. |
(2) |
L-Istati Membri kollha diġà qablu li, fil-prinċipju, huwa utli u fattibbli li tinġabar id-data dwar l-aċċidenti relatati mal-użu tal-oġġetti pirotekniċi. Madankollu, il-ġbir ta’ data relatata ma’ oġġetti pirotekniċi ta’ kategoriji li mhumiex F1 sa F4 joħloq piż amministrattiv mhux ġustifikat. Barra minn hekk, l-oġġetti pirotekniċi tal-kategorija P1 għall-vetturi, inklużi l-airbag u s-sistemi pretensjonaturi taċ-ċinturin tas-sikurezza, ġeneralment ma jippreżentawx riskju ta’ użu ħażin jew aċċident peress li huma parti mill-apparat tas-sikurezza fil-vetturi. Meta jitqies li l-Istati Membri diġà rrappurtaw regolarment data dwar aċċidenti relatati mal-użu tal-logħob tan-nar lill-Kummissjoni fuq bażi volontarja, is-sistema volontarja eżistenti jenħtieġ li tintuża bħala bażi meta jiġu ddeterminati l-arranġamenti prattiċi għall-ġbir u l-aġġornament regolari mill-Istati Membri kollha ta’ data dwar aċċidenti relatati mal-użu tal-logħob tan-nar. |
(3) |
Sabiex jiġu żgurati r-rilevanza u l-komparabbiltà tad-data, id-data obbligatorja minima jenħtieġ li tinkludi informazzjoni dwar l-għadd globali ta’ aċċidenti b’korrimenti jew l-għadd globali ta’ korrimenti relatati mal-użu ta’ oġġetti pirotekniċi kif ukoll l-għadd ta’ korrimenti li jirriżultaw mill-aċċidenti skont il-grupp ta’ età u t-tip ta’ korriment. Sabiex tinftiehem aħjar il-kawżalità u, sussegwentement, jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika nazzjonali jew tal-Unjoni, jenħtieġ li tiġi pprovduta data addizzjonali jekk tkun disponibbli. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri, meta l-ġbir tad-data meħtieġa ma jkunx possibbli, jenħtieġ li jiġi permess ir-rapportar tad-data estrapolata minn kampjuni rappreżentattivi. |
(4) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Oġġetti Pirotekniċi, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Data obbligatorja minima
1. Mill-1 ta’ Jannar 2024, l-Istati Membri għandhom jiġbru, għal kull sena kalendarja, mill-inqas id-data li ġejja dwar aċċidenti li seħħew fit-territorju tagħhom, li kienu relatati mal-użu ta’ oġġetti pirotekniċi tal-kategoriji F1 sa F4:
(a) |
l-għadd globali ta’ aċċidenti b’korrimenti jew l-għadd globali ta’ korrimenti relatati mal-użu ta’ oġġetti pirotekniċi; |
(b) |
l-għadd ta’ korrimenti diviż bil-gruppi ta’ età tal-vittmi li ġejjin:
|
(c) |
l-għadd ta’ korrimenti skont it-tip fil-kategoriji li ġejjin:
|
(d) |
l-għadd ta’ korrimenti skont il-grad ta’ severità fil-kategoriji li ġejjin:
|
2. Meta l-ġbir tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunx possibbli, l-Istati Membri jistgħu jiġbru d-data minn kampjun rappreżentattiv u jestrapolawha.
3. Meta l-ġbir ta’ data, kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, ma jkunx possibbli f’sena partikolari, l-Istati Membri għandhom jiġbru d-data l-oħra kollha dwar l-aċċidenti relatati mal-użu ta’ oġġetti pirotekniċi tal-kategoriji F1 sa F4 li tkun disponibbli għalihom.
Artikolu 2
Data addizzjonali
Flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom jiġbru d-data li ġejja, meta tkun disponibbli:
(a) |
it-tip ta’ oġġetti pirotekniċi li jikkawżaw l-aċċident; |
(b) |
l-informazzjoni dwar jekk l-aċċident kienx ikkawżat minn użu skorrett, l-użu ħażin, jew il-funzjonament ħażin tal-oġġett; |
(c) |
l-informazzjoni dwar jekk l-oġġett tqegħidx fis-suq illegalment; |
(d) |
kwalunkwe informazzjoni oħra li Stat Membru jqis importanti għall-analiżi tad-data dwar l-aċċidenti. |
Artikolu 3
Trażmissjoni tal-informazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data msemmija fl-Artikoli 1 u 2 għal kull sena kalendarja lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Ottubru tas-sena kalendarja sussegwenti.
2. Meta l-Istati Membri jittrażmettu d-data f’konformità l-Artikolu 1(2), huma għandhom jindikaw liema data ġiet estrapolata.
3. Meta l-Istati Membri jittrażmettu d-data f’konformità mal-Artikolu 1(3), huma għandhom jippreżentaw ġustifikazzjoni li tispjega għaliex la l-ġbir u lanqas l-estrapolazzjoni tad-data ma kienu possibbli f’dik is-sena.
4. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-data msemmija fl-Artikoli 1(1), 1(2) u 2 bl-użu tal-format elettroniku li għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2023.
Għall-Kummissjoni
Thierry BRETON
Membru tal-Kummissjoni