EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1051

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1051 tat-22 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1754 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

ST/7423/2023/INIT

ĠU L 141, 31.5.2023, p. 34–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1051/oj

31.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/34


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1051

tat-22 ta’ Mejju 2023

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1754 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(6), il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Liżbona tal-31 ta’ Ottubru 1958 għall-Protezzjoni tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom (“it-Trattat ta’ Liżbona”) huwa trattat amministrat mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO). Il-Ftehim ta’ Liżbona joħloq unjoni speċjali (l-“Unjoni Speċjali”) fil-qafas tal-Unjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali. Din hija miftuħa għall-partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, iffirmata f’Pariġi, fl-20 ta’ Marzu 1883. Il-partijiet kontraenti tiegħu (“il-partijiet”) għandhom jipproteġu fit-territorji tagħhom id-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ prodotti tal-partijiet l-oħrajn rikonoxxuti u protetti bħala tali fil-pajjiż ta’ oriġini u rreġistrati fil-Bureau Internazzjonali tal-WIPO, sakemm ma jiddikjarawx f’perjodu ta’ sena minn meta tasal in-notifika tar-reġistrazzjoni li ma jistgħux jiżguraw il-protezzjoni.

(2)

Seba’ Stati Membri huma partijiet għall-Ftehim ta’ Liżbona, jiġifieri l-Bulgarija, iċ-Ċekja, Franza, l-Italja, l-Ungerija, il-Portugall u s-Slovakkja. L-Unjoni nnifisha ma hijiex parti għall-Ftehim ta’ Liżbona peress li pajjiżi biss jistgħu jaderixxu ma’ dan il-Ftehim.

(3)

Wara rieżami tal-Ftehim ta’ Liżbona, fl-20 ta’ Mejju 2015 il-Konferenza Diplomatika tal-WIPO adottat l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (1) (“l-Att ta’ Ġinevra”). L-Att ta’ Ġinevra jestendi l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini għall-indikazzjonijiet ġeografiċi kollha u jippermetti li l-organizzazzjonijiet intergovernattivi jsiru partijiet għalih.

(4)

Fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2017 (2), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti”) ddeċidiet li n-negozjar tal-Att ta’ Ġinevra jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni mill-Artikolu 3(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni msemmija fl-Artikolu 207(1) TFUE.

(5)

Fis-27 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni għamlet proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra abbażi tal-Artikolu 207 u l-Artikolu 218(6), il-punt (a), TFUE. Fid-dawl tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fir-rigward tan-negozjar tal-Att ta’ Ġinevra, dik il-proposta pprevediet li l-Unjoni waħedha taderixxi ma’ dak l-Att

(6)

Fis-7 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill adotta b’mod unanimu d-Deċiżjoni (UE) 2019/1754 (3) dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra f’konformità mal-Artikolu 293(1) TFUE. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1754 jipprevedi li l-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu dan huma awtorizzati li jirratifikaw l-Att ta’ Ġinevra jew jaderixxu miegħu, kif opportun, flimkien mal-Unjoni u fl-interess tagħha, b’rispett sħiħ tal-kompetenza esklużiva tagħha. L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1754 jipprevedi li, fl-Unjoni Speċjali, l-Unjoni u kwalunkwe Stat Membru li jirratifika l-Att ta’ Ġinevra jew jaderixxi miegħu huma rrappreżentati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1754 jipprevedi wkoll li l-Unjoni hija responsabbli biex tiżgura l-eżerċitar tad-drittijiet u t-twettiq tal-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jirratifikaw l-Att ta’ Ġinevra jew jaderixxu miegħu.

(7)

F’dikjarazzjoni li ddaħħlet fil-minuti tal-Kunsill relatati mal-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1754, il-Kummissjoni oġġezzjonat għall-possibbiltà li l-Istati Membri kollha li jixtiequ jagħmlu dan ikunu awtorizzati jirratifikaw l-Att ta’ Ġinevra jew jaderixxu miegħu, flimkien mal-Unjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li kienet lesta li taqbel li s-seba’ Stati Membri li huma diġà partijiet għall-Ftehim ta’ Liżbona, u li għandhom drittijiet estensivi ta’ proprjetà intellettwali rreġistrati skont dak il-Ftehim, setgħu jiġu awtorizzati jaderixxu mal-Att ta’ Ġinevra fl-interess tal-Unjoni.

(8)

L-Att ta’ Ġinevra daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 2020, tliet xhur wara li l-Unjoni ddepożitat l-istrument ta’ adeżjoni tagħha, u b’hekk l-għadd ta’ partijiet tela’ għall-ħamsa meħtieġa.

(9)

Fis-17 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni ppreżentat rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1754 minħabba ksur tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 293(1) TFUE, tal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE, tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali u tad-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni, u, alternattivament, minħabba ksur tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 207 TFUE u d-dmir li jiġu ddikjarati r-raġunijiet.

(10)

Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tannulla d-Deċiżjoni (UE) 2019/1754, sa fejn dik id-Deċiżjoni tawtorizza lill-Istati Membri kollha jaderixxu mal-Att ta’ Ġinevra. Madankollu l-Kummissjoni talbet ukoll lill-Qorti żżomm l-effetti tal-partijiet ta’ dik id-Deċiżjoni li talbet li jiġu annullati, b’mod partikolari kwalunkwe użu tal-awtorizzazzjoni mogħtija għall-adeżjoni mal-Att ta’ Ġinevra, implimentata qabel id-data tal-għoti tas-sentenza mis-seba’ Stati Membri li diġà huma partijiet għall-Ftehim ta’ Liżbona. Il-Kummissjoni indikat li setgħet, eċċezzjonalment, taċċetta kompromess li permezz tiegħu s-seba’ Stati Membri li huma partijiet għall-Ftehim ta’ Liżbona jaderixxu mal-Att ta’ Ġinevra sabiex jiġu evitati problemi relatati mal-kontinwità tad-drittijiet.

(11)

Fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Novembru 2022 (4), il-Qorti annullat l-Artikolu 3 u, sal-punt li fih referenzi għall-Istati Membri, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1754.

(12)

Fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Novembru 2022, il-Qorti rrikonoxxiet ukoll il-ħtieġa tal-ippreżervar tal-anzjanità u l-kontinwità tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skont il-Ftehim ta’ Liżbona fis-seba’ Stati Membri li diġà kienu partijiet għal dak il-Ftehim, b’mod partikolari, f’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE, sabiex jiġu protetti d-drittijiet miksuba derivati minn dawk ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali. Għalhekk, il-Qorti ddikjarat li l-effetti tal-partijiet annullati tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1754 jenħtieġ li jinżammu għall-Istati Membri li diġà għamlu użu mill-awtorizzazzjoni biex jirratifikaw l-Att ta’ Ġinevra jew jaderixxu miegħu sad-dħul fis-seħħ, f’perjodu raġonevoli ta’ mhux aktar minn sitt xhur mid-data tal-għoti tas-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tal-Kunsill.

(13)

Fid-dawl tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u l-possibbiltà li l-Unjoni taderixxi mal-Att ta’ Ġinevra, huwa biss f’ċerti ċirkostanzi strettament ġustifikati u speċifiċi li l-Istati Membri jistgħu jiġu awtorizzati, fl-interess tal-Unjoni, li jaderixxu flimkien mal-Unjoni.

(14)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jipprevedi dispożizzjonijiet tranżitorji għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini li joriġinaw mill-Istati Membri diġà rreġistrati skont il-Ftehim ta’ Liżbona. Abbażi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, is-seba’ Stati Membri li huma partijiet għall-Ftehim ta’ Liżbona nnotifikaw lill-Kummissjoni sal-14 ta’ Novembru 2022 li kienu għażlu li jitolbu r-reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Att ta’ Ġinevra tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini diġà rreġistrati skont il-Ftehim ta’ Liżbona.

(15)

Minħabba dawk iċ-ċirkostanzi speċifiċi, huwa xieraq li tiġi emendata d-Deċiżjoni (UE) 2019/1754 sabiex is-seba’ Stati Membri li kienu partijiet għall-Ftehim ta’ Liżbona qabel id-dħul fis-seħħ tal-Att ta’ Ġinevra jiġu awtorizzati, b’rispett sħiħ tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, li jirratifikaw ukoll l-Att ta’ Ġinevra jew jaderixxu miegħu, strettament sa fejn huwa meħtieġ biex jiġu ppreżervati, fl-interess tal-Unjoni, l-anzjanità u l-kontinwità tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini diġà rreġistrati minn dawk l-Istati Membri skont il-Ftehim ta’ Liżbona.

(16)

Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni (UE) 2019/1754 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni (UE) 2019/1754

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1754 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Stati Membri li kienu partijiet għall-Ftehim ta’ Liżbona fis-26 ta’ Frar 2020, jiġifieri l-Bulgarija, iċ-Ċekja, Franza, l-Italja, l-Ungerija, il-Portugall u s-Slovakkja, huma b’dan awtorizzati, b’rispett sħiħ tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, li jirratifikaw l-Att ta’ Ġinevra jew li jaderixxu miegħu, flimkien mal-Unjoni, strettament sa fejn l-adeżjoni tagħhom hija meħtieġa biex tippreżerva, fl-interess tal-Unjoni, l-anzjanità u l-kontinwità tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini diġà rreġistrati minn dawk l-Istati Membri skont il-Ftehim ta’ Liżbona, u li jikkonformaw mal-obbligi previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fl-Unjoni Speċjali, l-Unjoni u dawk l-Istati Membri li rratifikaw l-Att ta’ Ġinevra jew aderixxew miegħu skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu rappreżentati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17(1) TUE. L-Unjoni għandha tkun responsabbli biex tiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet u t-twettiq tal-obbligi tal-Unjoni skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

E. BUSCH


(1)  ĠU L 271, 24.10.2019, p. 15.

(2)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Reviżjoni tal-Ftehim ta’ Liżbona), C-389/15, ECLI:EU:C:2017:798.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 tas-7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, p. 12).

(4)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-24/20, ECLI:EU:C:2022:911.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1).


Top