This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023D0936
Decision (EU) 2023/936 of the European Parliament and of the Council of 10 May 2023 on a European Year of Skills (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni (UE) 2023/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar Sena Ewropea tal-Ħiliet (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni (UE) 2023/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar Sena Ewropea tal-Ħiliet (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
PE/12/2023/REV/1
ĠU L 125, 11.5.2023, p. 1–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
11.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 125/1 |
DEĊIŻJONI (UE) 2023/936 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-10 ta’ Mejju 2023
dwar Sena Ewropea tal-Ħiliet
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 149 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati hija kruċjali biex jiġu żgurati tranżizzjoni ekoloġika u tranżizzjoni diġitali soċjalment ekwi u ġusti, u biex jissaħħu l-kompetittività u r-reżiljenza sostenibbli tal-Unjoni fid-dawl ta’ xokkijiet esterni avversi, bħall-pandemija tal-COVID-19 jew il-konsegwenzi negattivi tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Ħiliet aktar adegwati u mqabbla aħjar jiftħu opportunitajiet ġodda u jagħtu s-setgħa lill-individwi biex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol, fis-soċjetà u fid-demokrazija, biex jisfruttaw l-opportunitajiet tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali kif ukoll jibbenefikaw minnhom, u biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. |
(2) |
Madwar l-Unjoni kollha, l-impjegaturi jirrapportaw li huwa diffiċli biex isibu ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa. L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, fir-rapport tagħha intitolat “ir-Rapport dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema u s-surpluses” u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, fir-rapport tagħha intitolat “L-Iżvilupp tal-ħiliet taċ-ċibersigurtà fl-UE” identifikaw illi 28 professjoni ġew ikklassifikati li kellhom nuqqasijiet fil-ħiliet fl-2021, inklużi fis-setturi tal-kura tas-saħħa, tal-ospitalità, tal-kostruzzjoni u fis-settur tas-servizzi, u identifikaw nuqqasijiet ta’ speċjalisti tal-IT u tas-sigurtà, b’mod partikolari esperti taċ-ċibersigurtà, u ħaddiema bi sfond xjentifiku, teknoloġiku, tal-inġinerija u tal-matematika. L-akbar restrizzjoni għal tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ta’ suċċess hija dejjem aktar in-nuqqas ta’ ħaddiema bil-ħiliet it-tajba. In-nuqqas ta’ ħaddiema jista’ jkun ukoll, f’xi każijiet, ir-riżultat ta’ impjiegi mhux attraenti u kondizzjonijiet tax-xogħol ħżiena. L-indirizzar ta’ dawk il-kwistjonijiet, permezz ta’ offerti ta’ impjiegi ta’ kwalità u politiki favur iż-żamma ta’ tali impjiegi, huwa importanti għal suq tax-xogħol li jiffunzjona tajjeb. F’ħafna Stati Membri, it-tixjiħ demografiku huwa mistenni li jaċċellera matul id-deċennju li ġej hekk kif il-koorti tal-“baby boom” jirtiraw, u jiżdied il-bżonn li jsir użu mill-potenzjal sħiħ tal-adulti kollha fl-età tax-xogħol, tkun xi tkun l-oriġini tagħhom, permezz ta’ investimenti kontinwi fil-ħiliet tagħhom kif ukoll permezz tal-attivazzjoni ta’ aktar persuni, b’mod partikolari n-nisa u ż-żgħażagħ speċjalment dawk li m’għandhomx impjieg, jew li huma barra mill-edukazzjoni jew mit-taħriġ (NEETs), li jiffaċċjaw sfidi speċifiċi li jfixklu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Strateġiji ta’ ħiliet effiċjenti u komprensivi, aċċess akbar għal opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ minn gruppi żvantaġġati, u l-ġlieda kontra l-isterjotipi, b’mod partikolari l-istereotipi marbuta mal-ġeneru, jgħinu biex jiżdiedu l-impjiegi u jitnaqqsu n-nuqqasijiet ta’ ħiliet. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni soċjalment ekwa u inklużiva, tali miżuri jistgħu jkunu kkomplementati b’soluzzjonijiet għal persuni li ma jistgħux jitħarrġu mill-ġdid u jtejbu l-ħiliet tagħhom. |
(3) |
Id-disponibbiltà ta’ persunal b’ħiliet speċjalizzati u maniġers ta’ esperjenza, li jkollhom rwol essenzjali fit-tkabbir sostenibbli tal-Unjoni, tibqa’ wkoll l-aktar problema serja għal kwart tal-25 miljun intrapriża żgħira u medja (SMEs) tal-Unjoni, li jikkostitwixxu s-sinsla tal-ekonomija u tal-prosperità tal-Unjoni, filwaqt li jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha u jimpjegaw 83 miljun persuna. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 intitolata “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” tirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-SMEs għall-kompetittività u l-prosperità tal-Unjoni. |
(4) |
In-nuqqas ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati adegwati u r-rata baxxa ta’ parteċipazzjoni ta’ adulti fl-età tax-xogħol f’attivitajiet ta’ taħriġ inaqqsu l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol, u jirriżultaw f’inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi li jirrappreżentaw sfida sinifikanti għall-Unjoni. In-nuqqas ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati adegwati u r-rata baxxa ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ taħriġ jindikaw ukoll potenzjal konsiderevoli mhux sfruttat ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet biex jgħin fil-mitigazzjoni tan-nuqqas dejjem akbar ta’ ħaddiema f’setturi bħall-manifattura u s-servizzi, u b’mod partikolari f’attivitajiet ekonomiċi relatati mal-ospitalità u mal-manifattura ta’ tagħmir tal-kompjuters u elettroniku, u fis-settur tal-kura. Madankollu, il-livell ta’ parteċipazzjoni fl-apprendiment għall-adulti fl-Unjoni staġna matul l-aħħar deċennju u 21 Stat Membru ma laħqux il-mira fil-livell tal-Unjoni għall-2020. Għal ħafna adulti fl-età tax-xogħol, bħal dawk f’forom atipiċi ta’ xogħol, l-impjegati ta’ SMEs, il-persuni qiegħda, inattivi jew b’livell baxx ta’ kwalifiki, spiss ma jkunux jistgħu jilħqu l-opportunitajiet għall-iżvilupp tal-ħiliet. Iż-żieda fl-opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet għal dawk il-gruppi u għall-adulti kollha fl-età tax-xogħol, tikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni għal rata ta’ impjieg ta’ 78 % għall-adulti bejn 20 u 64 sena li għalihom ir-rata tal-impjieg fl-2021 kienet ta’ 73,1 %. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi pprovdut appoġġ effettiv lill-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet u lil dawk qiegħda skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: opportunitajiet ġodda għall-adulti (3) u tal-15 ta’ Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol (4). |
(5) |
Il-Prinċipju Nru 1 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-“Pilastru”) jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex jinżammu u jinkisbu ħiliet li jippermettulhom jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġjaw b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Il-Prinċipju Nru 4 tal-Pilastru jirreferi għal appoġġ attiv għall-impjieg, fejn kulħadd għandu d-dritt għal assistenza f’waqtha u mfassla apposta biex jittejbu l-prospetti ta’ impjieg jew ta’ impjieg indipendenti ta’ dak li jkun, inkluż id-dritt li jirċievi appoġġ għal taħriġ u kwalifika mill-ġdid. Il-Prinċipju Nru 5 tal-Pilastru dwar impjieg sigur u adattabbli jiddikjara li, irrispettivament mit-tip tar-relazzjoni ta’ impjieg u minn kemm idum dan l-impjieg, il-ħaddiema għandhom dritt igawdu minn trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, tal-aċċess għall-protezzjoni soċjali u tat-taħriġ. L-Artikolu 14(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) jiddikjara li kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għall-formazzjoni professjonali u kontinwa. |
(6) |
Il-Prinċipju Nru 3 tal-Pilastru jissottolinja li irrispettivament mill-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etniċi, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, kulħadd għandu d-dritt għal trattament u opportunitajiet ugwali, inklużi l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet jenħtieġ li tiġi implementata b’mod li jkun inklużiv u li jippromwovi b’mod attiv l-ugwaljanza għal kulħadd. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, adottat mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-4 ta’ Marzu 2021, jindika li billi tiżdied il-parteċipazzjoni ta’ gruppi li bħalissa huma sottorappreżentati, huwa possibbli li jinkiseb tkabbir fl-impjiegi aktar inklużiv. |
(7) |
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Lulju 2020 intitolata “L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza”, tappella għal rivoluzzjoni tal-ħiliet biex jiġi żgurat l-irkupru tal-ekonomija, biex jissaħħu l-kompetittività globali u l-ekwità soċjali tal-Ewropa u biex it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali jinbidlu f’opportunitajiet għal kulħadd. L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għandha l-għan li trawwem azzjoni kollettiva dwar il-ħiliet, biex tiżgura li l-kontenut tat-taħriġ ikun allinjat mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jevolvu, u biex tqabbel b’mod aħjar l-opportunitajiet ta’ taħriġ mal-aspirazzjonijiet tan-nies sabiex tinkoraġġixxi t-teħid ta’ tali opportunitajiet ta’ taħriġ mal-popolazzjoni kollha fl-età tax-xogħol. Il-Parlament Ewropew laqa’ l-objettivi u l-azzjonijiet tal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Frar 2021 (5). |
(8) |
Fil-25 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill Ewropew laqa’, fil-konklużjonijiet tiegħu, l-miri ewlenin tal-Unjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Porto tat-8 ta’ Mejju 2021, u b’hekk laqa’ l-ambizzjoni li sal-2030 tiġi żgurata rata ta’ impjieg li tkun tal-anqas ekwivalenti għal 78 % u li tal-anqas 60 % tal-adulti kollha jipparteċipaw f’taħriġ kull sena. |
(9) |
Fl-14 ta’ Settembru 2022, il-President tal-Kummissjoni ħabbret fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni li l-Kummissjoni se tipproponi li tagħmel l-2023 is-Sena Ewropea tal-Ħiliet. Hija indikat il-problema tan-nuqqas ta’ ħaddiema f’ċerti setturi u ssottolinjat l-importanza ta’ investimenti fl-edukazzjoni professjonali u fit-titjib tal-ħiliet. Issottolinjat ukoll li parti mis-soluzzjoni trid tkun li jiġu attirati l-ħiliet it-tajba lejn l-Unjoni, liema soluzzjoni għandha tkun appoġġata billi jitħaffef u jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Permezz tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet, il-Kummissjoni tfittex li żżid il-momentum u trawwem l-implimentazzjoni tal-ħafna azzjonijiet li kienet ħadet diġà biex issaħħaħ it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet fl-Unjoni biex tindirizza n-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol. L-għan tass-Sena Ewropea tal-Ħiliet, permezz ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet, huwa li tappoġġa t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-Unjoni, sabiex tagħti spinta lill-kompetittività tagħha u tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. |
(10) |
Fil-15 ta’ Settembru 2021, il-President tal-Kummissjoni ħabbret fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni t-tnedija ta’ djalogu strutturat fl-ogħla livell biex jissaħħu l-impenji dwar il-ħiliet diġitali u l-edukazzjoni. L-Istati Membri ħatru koordinaturi nazzjonali għal dak il-proċess. Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet tibni fuq dak il-proċess ta’ djalogu strutturat, filwaqt li tespandi l-enfasi tagħha biex tkun allinjata mal-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni. |
(11) |
Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet issegwi s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 li fittxet li tagħti s-setgħa, tonora, tappoġġa u tinvolvi liż-żgħażagħ, inklużi dawk b’anqas opportunitajiet, f’perspettiva ta’ wara l-pandemija tal-COVID-19, bil-ħsieb li jkollha impatt pożittiv fit-tul fuq iż-żgħażagħ. Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 enfasizzat l-importanza tal-ħiliet sabiex jinstab impjieg ta’ kwalità tajba għaż-żgħażagħ u biex jespandu l-opportunitajiet ta’ impjieg tagħhom. |
(12) |
Billi tippromwovi mentalità ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet madwar l-Unjoni, is-Sena Ewropea tal-Ħiliet jista’ jkollha impatt pożittiv usa’ fuq is-soċjetà u fuq id-demokrazija, peress li forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati aħjar tfisser ukoll ċittadini aktar attivi u involuti. It-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet jagħtu lill-ħaddiema l-ħiliet meħtieġa biex jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ impjieg ta’ kwalità aħjar, biex itejbu l-benesseri tagħhom fuq il-post tax-xogħol u biex javvanzaw fl-iżvilupp personali u professjonali tagħhom, filwaqt li jagħtu spinta lill-kompetittività tal-ekonomija u li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. |
(13) |
Peress li huma l-impjegaturi, il-ħaddiema, r-rappreżentanti tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, is-sħab soċjali nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, il-kmamar tal-kummerċ, u partijiet ikkonċernati oħra li jafu l-aħjar liema ħiliet huma meħtieġa fl-ekosistemi industrijali tagħhom, it-tisħiħ tal-azzjoni kollettiva tagħhom dwar l-iżvilupp tal-ħiliet irid ikun parti mis-soluzzjoni. Id-djalogu soċjali għalhekk għandu rwol importanti fl-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol. Il-Patt għall-Ħiliet, imniedi mill-Kummissjoni fl-2020 bħala l-ewwel azzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, ilaqqa’ flimkien l-impjegaturi, is-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u partijiet ikkonċernati ewlenin oħra fil-qasam tal-ħiliet, kemm privati kif ukoll pubbliċi. S’issa, aktar minn 700 organizzazzjoni ffirmaw għall-Patt għall-Ħiliet u ġew stabbiliti 12-il sħubija fuq skala kbira f’setturi strateġiċi fi ħdan il-mandat tiegħu, b’wegħdiet li jiġu promossi sitt miljun opportunità ta’ taħriġ. Il-membri tal-Patt għall-Ħiliet jibbenefikaw minn servizzi ddedikati biex jipproduċu riżultati tanġibbli. Id-dimensjonijiet reġjonali u lokali huma importanti wkoll, inkluż b’mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntiera, fejn biex jinstabu ħaddiema bil-ħiliet it-tajba huma meħtieġa miżuri mmirati sabiex jappoġġaw swieq tax-xogħol transfruntiera effettivi. Bl-istess mod, iż-żoni żvantaġġati u remoti, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, jiltaqgħu ma’ sfidi partikolari peress li l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-opportunitajiet ta’ ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet huma limitati. |
(14) |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2021 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (6), tistabbilixxi bħala waħda mill-prijoritajiet strateġiċi tal-qafas “Making lifelong learning and mobilitv a reality for all” (“Nagħmlu l-apprendiment u l-mobilità tul il-ħajja realtà għal kulħadd”), kif ukoll azzjonijiet konkreti mmirati biex jinkisbu l-ħiliet jew jiġu aġġornati, jiġifieri t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet, matul il-ħajja tax-xogħol. |
(15) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment (7) u dwar l-approċċ Ewropew għal mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà (8) jgħinu lin-nies jibdew u jkomplu l-perkorsi tal-apprendiment tagħhom b’mod aktar flessibbli u mmirat. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Novembru 2021 dwar aġenda Ewropea ġdida għat-tagħlim tal-adulti 2021-2030 (9) tippromwovi opportunitajiet ta’ apprendiment formali, mhux formali u informali li jkunu kapaċi jipprovdu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi kollha neċessarji biex tinħoloq Unjoni inklużiva, sostenibbli, soċjalment ġusta u aktar reżiljenti. Tenfasizza l-apprendiment għall-adulti bħala parti importanti mill-apprendiment tul il-ħajja. L-apprendiment, il-gwida għal karriera ta’ kwalità u l-opportunitajiet ta’ awtovalutazzjoni tal-ħiliet huma fost il-miżuri meħtieġa biex jappoġġaw lin-nies tul il-perkorsi tal-apprendiment tagħhom. |
(16) |
Il-politiki attivi msaħħa tas-suq tax-xogħol promossi fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2021 dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE) (10) għandhom l-għan li jappoġġaw it-tranżizzjonijiet lejn impjiegi ġodda matul l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 u t-tqabbil aħjar tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol, appoġġati mis-servizzi tal-impjiegi b’kapaċità amministrattiva suffiċjenti. |
(17) |
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (11) tappoġġa l-immodernizzar tas-sistemi tal-VET biex iż-żgħażagħ u l-adulti jingħataw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jeħtieġu biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol li qed jevolvi u fis-soċjetà, biex jimmaniġġjaw l-irkupru u t-tranżizzjonijiet ġusti għall-ekonomija ekoloġika u dik diġitali, fi żminijiet ta’ tibdil demografiku u tul iċ-ċikli ekonomiċi kollha. Tippromwovi VET bħala mutur potenzjali għall-innovazzjoni u għat-tkabbir, li toffri l-flessibbiltà meħtieġa biex taddatta għall-bidliet fis-suq tax-xogħol, filwaqt li tipprovdi ħiliet għal professjonijiet li hemm domanda għolja għalihom u li trawwem inklużività u opportunitajiet ugwali. Huwa essenzjali li tiżdied l-attraenza ta’ VET permezz ta’ komunikazzjoni u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, ċentri ta’ eċċellenza vokazzjonali, ekosistemi speċjali għall-VET, u kompetizzjonijiet tal-ħiliet, bħall-Euroskills. |
(18) |
Il-ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika u t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol se jkunu meħtieġa fil-kuntest tal-bidla għal ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi, ċirkolari, inklużiva, reżiljenti u kompetittiva, kif stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, li jistabbilixxi l-perkors għan-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 2021 intitolata “Lesti għall-Mira ta’ 55 %: nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika tirrikonoxxi li t-tranżizzjoni ekoloġika tista’ tirnexxi biss jekk l-Unjoni jkollha l-forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati li teħtieġ biex tibqa’ kompetittiva, u tindika l-azzjonijiet ewlenin tal-Aġenda għall-Ħiliet Ewropej biex il-persuni jingħataw il-ħiliet li huma meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. |
(19) |
It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali li għadhom għaddejjin tal-industrija tal-Unjoni u l-ħtiġijiet relatati tas-suq tax-xogħol jirrikjedu investiment fl-iżvilupp ta’ sistemi tal-VET b’saħħithom madwar l-Unjoni kollha, il-promozzjoni ta’ ħiliet u kompetenzi għas-soluzzjoni tal-problemi għal teknoloġiji ġodda, bħal produzzjoni u makkinarju intelliġenti, robotika avvanzata, cloud computing, intelliġenza artifiċjali, proċessar ta’ data u l-Internet tal-Oġġetti. |
(20) |
L-użu tal-għodod u tat-teknoloġiji diġitali qed jiżdied fl-aspetti kollha tal-ħajja u dan jista’ joħloq distakk diġitali. Il-ħiliet diġitali huma essenzjali għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, iżda wkoll għall-kwalità tal-ħajja u għat-tixjiħ attiv. Fl-Unjoni, aktar minn 90 % tar-rwoli professjonali jirrikjedu livell bażiku ta’ għarfien diġitali, filwaqt li madwar 42 % taċ-ċittadini fl-Unjoni, inklużi 37 % tal-ħaddiema, ma għandhomx ħiliet diġitali bażiċi. Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) tistabbilixxi l-objettiv li jiġi żgurat li sal-2030 tal-anqas 80 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni tal-anqas ikollhom ħiliet diġitali bażiċi, u tistabbilixxi l-mira ta’ 20 miljun speċjalista impjegati fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) sal-2030, bl-għan li tinkiseb konverġenza bejn il-ġeneri. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2018 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali tenfasizza wkoll in-nuqqas ta’ kapaċità ta’ programmi speċjalizzati ta’ edukazzjoni u taħriġ biex jitħarrġu esperti addizzjonali tal-ICT. Barra minn hekk, fil-komunikazzjoni tat-30 ta’ Settembru 2020 fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li jenħtieġ li jintużaw mezzi teknoloġiċi biex tiġi ffaċilitata l-aċċessibbiltà u tissaħħaħ il-flessibbiltà tal-opportunitajiet ta’ apprendiment, inkluż it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet. |
(21) |
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021 intitolata “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa” tappella għal azzjoni deċiżiva sabiex l-apprendiment tul il-ħajja jsir realtà għal kulħadd u jiġi żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ iżommu l-pass ma’ u jgħinu fit-twettiq tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Hija tissottolinja li forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati hija essenzjali biex ikun żgurat lidawk it-tranżizzjonijiet jirnexxu, jappoġġaw il-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni, u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. Hija tirrikonoxxi wkoll l-importanza ta’ sħubijiet b’saħħithom bejn l-Unjoni, l-Istati Membri, is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra u l-kooperazzjoni bejn l-ekosistemi industrijali u fi ħdanhom. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2021 intitolata “Bini ta’ ekonomija għas-servizz tan-nies: pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali” tenfasizza li l-ekonomija soċjali tista’ taqdi rwol deċiżiv peress li hija proponent importanti ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali soċjalment ekwi u inklużivi u mutur ewlieni tal-innovazzjoni soċjali, inkluż fil-qasam tat-taħriġ mill-ġdid u tat-titjib tal-ħiliet. |
(22) |
Li jiġu attirati ċittadini b’ħiliet speċjalizzati minn pajjiżi terzi jista’ jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ ħiliet u ta’ ħaddiema tal-Unjoni. Id-Direttiva (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) hi kisba ewlenija biex jiġi attirat talent b’livell għoli ta’ ħiliet speċjalizzati fis-suq tax-xogħol. Fil-komunikazzjoni tagħha tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar il-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, il-Kummissjoni tpoġġi wkoll enfasi qawwija fuq il-migrazzjoni tal-ħaddiema u fuq l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2022 intitolata “Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE” għandha l-għan li ssaħħaħ il-qafas legali u l-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam. Din tipproponi r-riformulazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE (14) u tad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), bil-għan li jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-ammissjoni fl-Unjoni ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi mil-livelli kollha ta’ ħiliet, u li jiġu mtejba d-drittijiet tagħhom u l-protezzjoni tagħhom mill-isfruttament tal-ħaddiema. Il-Kummissjoni se tkompli tniedi Riżerva ta’ Talent tal-UE biex tiffaċilita t-tqabbil tax-xogħol ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u qed taħdem lejn it-tnedija ta’ sħubijiet ta’ talent imfassla apposta ma’ pajjiżi sħab ewlenin speċifiċi. sabiex tagħti spinta lill-mobbiltà internazzjonali tal-forza tax-xogħol u lill-iżvilupp tat-talent b’mod ċirkolari u ta’ benefiċċju reċiproku. Barra minn hekk, l-Unjoni tkompli tkun l-kontributur ewlieni għall-finanzjament globali għall-edukazzjoni li jiffoka speċjalment fuq it-taħriġ tal-għalliema, l-edukazzjoni tal-bniet u VET. Din il-ħidma, taħt il-kappa tal-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-1 ta’ Diċembru 2021 fuq il-Global Gateway, hija komplementari mal-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni. |
(23) |
Il-fiduċja fil-kwalifiki, u fit-trasparenza tagħhom, kemm jekk miksuba fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiż terz, huma kruċjali biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tagħhom. L-għodod tal-Unjoni bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-Europass, l-ESCO, l-Għodda tal-UE għall-Profili tal-Ħiliet għaċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi, il-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment, il-portal EURES u oqfsa ta’ kompetenzi tal-Unjoni rilevanti, huma punt tat-tluq biex jgħinu jżidu t-trasparenza u l-komparabbiltà tal-ħiliet u tal-kwalifiki. Biex ikollna swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw tajjeb, il-ħiliet iridu jiġu mifhuma u jingħataw valur, kemm jekk jinkisbu f’ambjenti formali, mhux formali jew informali. It-tisħiħ ulterjuri tal-identifikazzjoni u tad-dokumentazzjoni tal-ħiliet, kif ukoll gwida biex il-ħiliet isiru viżibbli, huma passi kruċjali lejn trasparenza u portabbiltà aħjar tal-ħiliet kollha, inklużi ħiliet trasversali, bħall-ħiliet lingwistiċi, il-ħsieb kritiku, l-intraprenditorija, il-kreattività, il-kompetenzi interkulturali, il-ħidma f’tim u l-litteriżmu medjatiku. |
(24) |
F’ħafna Stati Membri, l-investimenti pubbliċi u privati fit-taħriġ mill-ġdid u fit-titjib tal-ħiliet mhumiex biżżejjed. Ħafna impjegaturi, b’mod partikolari l-SMEs, ma jipprovdux jew ma jiffinanzjawx taħriġ għall-persunal tagħhom, u individwi f’xogħol atipiku għandhom anqas jew ma għandhom l-ebda aċċess għal taħriġ sponsorjat mill-impjegatur. Tali inugwaljanzi jistgħu jikkompromettu l-benesseri u s-saħħa tal-individwi, inaqqsu l-kompetittività ekonomika, jirriżultaw f’opportunitajiet mitlufa u ostakli għall-innovazzjoni, u jirriskjaw li persuni jitħallew jibqgħu lura fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali lejn attivitajiet ekonomiċi aktar sostenibbli. L-allokazzjoni ta’ riżorsi sabiex jiġi żgurat illi l-impjegati jkunu jistgħu jaħdmu bl-aħħar teknoloġiji hija importanti għall-kompetittività tal-impriżi. Huwa meħtieġ qafas ta’ abilitazzjoni li jiftaħ u jinċentiva l-investimenti finanzjarji tal-impjegaturi fil-ħiliet u li jagħti viżibbiltà lill-valur ekonomiku tat-taħriġ mill-ġdid u tat-titjib tal-ħiliet. Pereżempju, il-Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs għandu l-għan li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi u għall-ħiliet. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi jkunu jirrikjedu li impjegatur jipprovdi t-taħriġ sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jwettqu x-xogħol li jkunu ġew impjegati għalih, dan it-taħriġ għandu jingħata lill-ħaddiema mingħajr ħlas, għandu jgħodd bħala ħin tax-xogħol u, fejn possibbli, għandu jsir waqt il-ħinijiet tax-xogħol. |
(25) |
Fl-imgħoddi, l-Unjoni rat żidiet sinifikanti fl-investimenti pubbliċi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ inizjali. Madankollu, sal-llum, dan ma ġiex akkumpanjat minn żidiet korrispondenti fl-investimenti u mill-iżvilupp ta’ approċċ olistiku għall-appoġġ tal-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet tul il-ħajja tax-xogħol kollha. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2020 jistiednu lill-Istati Membri biex “jesploraw mudelli possibbli għal finanzjament pubbliku u privat ta’ apprendiment tul il-ħajja u l-iżvilupp ta’ ħiliet fuq livell individwali”, u jistiednu lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri f’dawk l-isforzi. |
(26) |
Appoġġ sinifikanti ta’ finanzjament tal-Unjoni huwa disponibbli għat-taħriġ mill-ġdid u għat-titjib tal-ħiliet, pereżempju permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-programm InvestEU (InvestEU), il-Programm Ewropa Diġitali, Erasmus+, Orizzont Ewropa, il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE), il-Fond għall-Modernizzazzjoni u l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali. Il-FSE+ jibqa’ l-għodda ewlenija ta’ finanzjament tal-Unjoni li biha tinvesti f’aktar ħiliet u ħiliet aħjar tal-forza tax-xogħol, b’mod partikolari billi jappoġġa l-istituzzjonijiet u s-servizzi biex jivvalutaw u jantiċipaw il-ħtiġijiet u l-isfidi b’rabta mal-ħiliet, filwaqt li jappoġġa opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet għall-ħaddiema offruti mis-setturi pubbliċi u privati. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ Imsaħħa għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jirċievu offerta ta’ kwalità tajba ta’ impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta ma jibqgħux jirċievu edukazzjoni formali. Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri taħt il-RRF għandhom dimensjoni ta’ ħiliet prominenti, spiss marbuta ma’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari l-appoġġ għall-impjieg taż-żgħażagħ. Fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza approvati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill sal-llum, madwar 20 % tan-nefqa soċjali hija ddedikata għall-“impjiegi u l-ħiliet”. |
(27) |
L-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU) kien l-ewwel strument tal-pakkett għall-irkupru NextGenerationEU li għamel pagamenti għall-irkupru tal-Istati Membri. Dan għen biex jinħolqu l-impjiegi u jsir investiment fil-ħiliet fir-reġjuni l-aktar fil-bżonn. Il-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba avvenimenti ta’ ristrutturar fuq skala kbira jistgħu jibbenefikaw ukoll minn appoġġ permezz tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati biex isibu impjiegi ġodda, pereżempju permezz ta’ edukazzjoni u taħriġ ulterjuri u gwida u pariri dwar il-karrieri mfassla apposta. |
(28) |
Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jirrikonoxxi li t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet t-tal-ħaddiema u ta’ dawk li qed ifittxu impjieg huwa strument meħtieġ biex tiġi żgurata tranżizzjoni ekoloġika ekwa u inklużiva u biex jiġu mmitigati l-konsegwenzi avversi ta’ dik it-tranżizzjoni. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (18) tistabbilixxi gwida speċifika biex tgħin lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw pakketti ta’ politika dwar l-aspetti rilevanti mil-lat soċjali u tal-impjiegi, inklużi l-politiki ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli (19) tippromwovi politiki u programmi biex jiġi żgurat li l-istudenti ta’ kull età jiksbu l-għarfien u l-ħiliet biex jibbenefikaw minn suq tax-xogħol li qed jinbidel, jgħixu b’mod sostenibbli u jieħdu azzjoni għal futur sostenibbli. |
(29) |
InvestEU, fl-ambitu tat-tieqa tiegħu għall-investiment soċjali u l-ħiliet, jappoġġa d-domanda għall-ħiliet u l-provvista tagħhom, filwaqt li jtejjeb il-ħiliet jew l-użu tal-ħiliet tar-riċevituri aħħarija u jrawwem is-swieq ta’ investiment fil-ħiliet. InvestEU jappoġġa wkoll investimenti ġenerali fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u f’servizzi relatati. Barra minn hekk, l-iskema għal tranżizzjoni ġusta fl-ambitu tal-InvestEU tappoġġa l-investimenti, inklużi dawk immirati lejn l-appoġġ għat-taħriġ mill-ġdid u għat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, f’reġjuni li huma suġġetti għal pjan għal tranżizzjoni ġusta approvat, skont ir-Regolament (UE) 2021/1056, u proġetti li huma ta’ benefiċċju għal dawk ir-reġjuni, dment li jkunu kruċjali għat-tranżazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ta’ dawk it-territorji. |
(30) |
Għarfien espert imfassal apposta permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku tal-Kummissjoni jista’ jgħin lill-Istati Membri jwettqu riformi marbuta ma’ strateġiji nazzjonali jew reġjonali dwar il-ħiliet, li jsarrfu l-finanzjament temporanju tal-Unjoni f’titjib dejjiemi fl-opportunitajiet disponibbli ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet. L-apprendiment reċiproku, iffaċilitat mill-Kummissjoni, jista’ jappoġġa wkoll il-proċess. |
(31) |
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2021 bit-titolu “Unjoni ta’ Ugwaljanza: L-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030” għandha l-għan li tiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa ta’ persuni b’diżabbiltà fis-soċjetà, fuq bażi ugwali ma’ oħrajn fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi, filwaqt li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Fl-istrateġija proposta, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tiżgura li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jieħdu sehem fit-taħriġ u jitgħallmu ħiliet ġodda, bħala rekwiżit fundamentali għall-impjieg u l-indipendenza. |
(32) |
Fil-livell tal-Unjoni, l-allokazzjoni finanzjarja neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tiġi identifikata fil-baġit tal-programmi kontribwenti f’konformità mal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 u 2021-2027. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħala awtorità baġitarja, jenħtieġ li l-għan ikun li tipprovdi finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni li tal-anqas ikun ekwivalenti għal EUR 9,3 miljun għall-ispejjeż operazzjonali. Jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju għas-Sena Ewropea tal-Ħiliet jiġi pprovdut mill-programmi u mill-istrumenti rilevanti tal-Unjoni, soġġett għad-disponibbiltà ta’ finanzjament, u f’konformità mar-regoli applikabbli. Il-finanzjament tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet jenħtieġ li ma jkunx ta’ detriment għall-finanzjament ta’ proġetti fil-programmi attwali tal-Unjoni u jenħtieġ li jkollu l-għan li jiżgura legat dejjiemi tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet. |
(33) |
Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Deċiżjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
(34) |
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Il-perjodu mid-9 ta’ Mejju 2023 sat-8 ta’ Mejju 2024 għandu jiġi ddeżinjat bħala “Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet ".
Artikolu 2
Objettivi
F’konformità mal-Prinċipji Nri 1, 4 u 5 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa u l-miri ewlenin tal-Unjoni stabbiliti mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-objettiv ġenerali tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet għandu jkun li tippromwovi ulterjorment mentalità ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet f’konformità mal-kompetenzi, mal-liġi u mal-prattika nazzjonali. Billi tkompli tippromwovi l-mentalità ta’ taħrig mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet is-Sena Ewropea tal-Ħiliet għandha jkollha l-għan li tagħti spinta lill-kompetittività tal-impriżi Ewropej, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), u tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, bil-ħsieb li jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali b’mod soċjalment ekwu, inklużiv u ġust, biex b’hekk tippromwovi aċċess ugwali għall-iżvilupp tal-ħiliet u għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi u tas-segregazzjoni fl-edukazzjoni u fit-taħriġ u tikkontribwixxi għall-apprendiment kontinwu u l-progressjoni tal-karriera, filwaqt li n-nies jingħataw is-setgħa ta’ aċċess għal impjiegi ta’ kwalità u li jipparteċipaw bis-sħiħ fl-ekonomija u fis-soċjetà. B’mod aktar speċifiku, l-attivitajiet tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet għandhom jippromwovu politiki tal-ħiliet u investimenti biex jiżguraw li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u fl-irkupru ekonomiku u, b’mod partikolari, biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema billi jingħalqu d-distakki u l-ispariġġi fil-ħiliet għal forza tax-xogħol u soċjeta’ emanċipati, kapaċi jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, billi:
(1) |
jippromwovu żieda f’investiment li jkun aktar effettiv u inklużiv fil-livelli kollha, fost l-oħrajn minn impjegaturi pubbliċi u privati, b’ mod partikolari minn SMEs, fil-forom kollha ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet, edukazzjoni u taħriġ biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-forza tax-xogħol attwali u futura fl-Unjoni, inkluż appoġġ għan-nies fl-immaniġġjar tat-tranżizzjonijiet bejn impjieg u ieħor, it-tixjiħ attiv, u biex jibbenefikaw mill-opportunitajiet ġodda li ġġib magħha t-tranżizzjoni ekonomika li għaddejja bħalissa; |
(2) |
isaħħu r-rilevanza u l-forniment tal-ħiliet permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali transsettorjali u settorjali, mas-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi, mal-impriżi, mal-entitajiet tas-soċjetà ċivili, mal-fornituri tas-servizzi soċjali mingħajr skop ta’ qligħ u mal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fosthom, u bl-iżvilupp ta’ approċċi konġunti mal-fergħat kollha tal-gvern fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali, reġjonali u lokali u billi jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kwalifiki; |
(3) |
iqabblu l-aspirazzjonijiet, il-ħtiġijiet u l-ħiliet tan-nies, inklużi l-ħiliet miksuba fil-qafas tal-mobbiltà, mal-ħtiġijiet u mal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol, speċjalment dawk offruti mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, is-setturi ġodda emerġenti u s-setturi ewlenin li jeħtieġu rkupru mill-pandemija tal-COVID-19 billi jiżguraw li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu integrati aktar nies fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari n-nisa u ż-żgħażagħ, speċjalment dawk barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs), persuni b’livell baxx ta’ ħiliet speċjalizzati, ħaddiema akbar fl-età, persuni b’diżabilità, nies minn ambjenti żvantaġġati u diversi, nies li jgħixu f’żoni remoti u fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll nies spostati mill-Ukrajna; |
(4) |
jattiraw persuni minn pajjiżi terzi bil-ħiliet meħtieġa fl-Istati Membri, billi jippromwovu l-opportunitajiet ta’ apprendiment, filwaqt li jinkludu, meta neċessarji, l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-lingwi, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-mobbiltà, u billi jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki. |
Artikolu 3
Tipi ta’ miżuri
1. It-tipi ta’ miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 għandhom jinkludu attivitajiet fil-livell tal-Unjoni u, jibnu fuq possibilitajiet eżistenti, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, meta rilevanti f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, bħal:
(a) |
konferenzi online u wiċċ imb wiċċ, diskussjonijiet f’forum u avvenimenti ulterjuri biex jiġi promoss id-dibattitu dwar ir-rwol u l-kontribut tal-politiki dwar il-ħiliet biex jinkiseb tkabbir ekonomiku kompetittiv u sostenibbli fid-dawl tat-tibdil demografiku, u tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, biex b’hekk tiġi appoġġata wkoll ċittadinanza attiva u involuta, u biex jiġu mobilizzati l-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jiġi żgurat li aċċess għall-opportunitajiet ta’ edukazzjoni, taħriġ u apprendiment ikun realtà fil-prattika; |
(b) |
gruppi ta’ ħidma, laqgħat tekniċi u avvenimenti oħra biex iħeġġu diskussjoni u apprendiment reċiproku dwar l-azzjonijiet u l-approċċi li l-partijiet ikkonċernati pubbliċi, privati u tat-tielet settur jistgħu jieħdu, inkluż it-tħejjija, il-pubblikazzjoni u t-tixrid ta’ prattiki tajba, linji gwida u dokumenti ta’ sostenn oħra li jirriżultaw minn dawk l-avvenimenti; |
(c) |
inizjattivi mmirati, inter alia, lejn individwi, impjegaturi, b’mod partikulari l-SMEs, kmamar tal-kummerċ u tal-industrija, is-sħab soċjali, awtoritajiet pubbliċi, fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jippromwovu l-forniment, il-finanzjament u l-adozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet u biex jimmassimizzaw il-benefiċċji u l-potenzjal ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati; |
(d) |
kampanji ta’ informazzjoni, ta’ komunikazzjoni komprensiva u ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-inizjattivi tal-Unjoni għat-taħriġ mill-ġdid u għat-titjib tal-ħiliet u għall-apprendiment kontinwu, il-promozzjoni tal-implimentazzjoni u tat-twettiq ta’ inizjattivi bħal dawn fil-prattika u l-adozzjoni tagħhom minn benefiċjarji potenzjali; |
(e) |
żieda fid-djalogu mas-sħab soċjali u ma’ gruppi u networks eżistenti tal-partijiet ikkonċernati, inkluż permezz ta’ pjattaformi online stabbiliti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u l-iżgurar ta’ opportunitajiet ta’ involviment għall-partijiet ikkonċernati marbuta mas-Sena Ewropea tal-Ħiliet; |
(f) |
promozzjoni tat-tfassil ta’ strateġiji u taħriġ nazzjonali, settorjali u speċifiċi għall-kumpaniji, inkluż permezz tad-djalogu soċjali u l-involviment tas-sħab soċjali; |
(g) |
implimentazzjoni u, skont kif ikun neċessarju, żvilupp ulterjuri ta’ għodod ta’ intelligence dwar il-ħiliet, filwaqt li jiġu promossi u jixxerrdu l-applikazzjoni tagħhom fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet attwali u futuri, b’mod partikolari dawk marbuta mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, mas-setturi ewlenin li jeħtieġu rkupru mill-pandemija tal-COVID-19, mal-kriżi tal-enerġija u mal-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; |
(h) |
promozzjoni u tkomplija tal-implimentazzjoni ta’ għodod u ta’ strumenti għal aktar trasparenza tal-kwalifiki, inklużi kwalifiki miksuba barra mill-Unjoni, u għall-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali; |
(i) |
promozzjoni ta’ programmi, opportunitajiet ta’ finanzjament, proġetti, azzjonijiet u networks ta’ rilevanza għall-partijiet ikkonċernati pubbliċi, privati u mhux governattivi involuti fit-tfassil, fit-tixrid u fl-implimentazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet, apprendiment u VET. |
2. Il-Kummissjoni tista’ tidentifika attivitajiet oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 u tippermetti li r-referenzi għas-Sena Ewropea tal-Ħiliet jintużaw fil-promozzjoni ta’ dawk l-attivitajiet safejn dawn jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ dawk l-objettivi. L-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw ukoll tali attivitajiet oħra u jissuġġeruhom lill-Kummissjoni.
Artikolu 4
Koordinazzjoni fil-livell nazzjonali
L-organizzazzjoni tal-parteċipazzjoni fis-Sena Ewropea tal-Ħiliet fil-livell nazzjonali u reġjonali għandha tkun responsabbiltà tal-Istati Membri. Għal dak l-għan, kull Stat Membru għandu jiddeżinja koordinatur nazzjonali jew korp ta’ koordinazzjoni, f’konformità maċ-ċirkostanzi u mal-prattiki nazzjonali, b’kompetenza fil-qasam tal-politiki u tal-ħiliet tax-xogħol. Il-koordinatur nazzjonali jew il-korp ta’ koordinazzjoni għandu jkun il-punt ta’ kuntatt għal kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni u għandu jikkoordina, b’mod olistiku, l-attivitajiet tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet fl-Istat Membri rispettivi, filwaqt li jippermetti l-involviment tal-partijiet kkonċernati rilevanti.
Artikolu 5
Koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni
1. Il-koordinazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet fil-livell tal-Unjoni għandu jkollha approċċ trasversali bil-ħsieb li jinħolqu sinerġiji bejn id-diversi programmi u inizjattivi tal-Unjoni fil-qasam tal-ħiliet.
2. Il-Kummissjoni għandha toqgħod fuq l-għarfien espert u l-assistenza tal-aġenziji tal-Unjoni rilevanti fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet, b’mod partikolari l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà.
3. Il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħat tal-koordinaturi nazzjonali jew tar-rappreżentanti tal-korpi ta’ koordinazzjoni sabiex tikkoordina l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3. Dawk il-laqgħat għandhom iservu bħala opportunitajiet ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali. Ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti jistgħu jipparteċipaw f’dawk il-laqgħat bħala osservaturi.
4. Il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha mill-qrib mas-sħab soċjali, mas-soċjetà ċivili, mal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, mal-korpi tas-suq tax-xogħol, ma’ min ikun qed jitgħallem, u mar-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet jew korpi attivi fil-qasam tal-ħiliet, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-apprendiment kontinwu, sabiex jassistu fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet fil-livell tal-Unjoni.
Artikolu 6
Kooperazzjoni fil-livell internazzjonali
Għall-fini tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet il-Kummissjoni għandha, fejn meħtieġ, tikkoopera ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, b’mod partikolari mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, mal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura u mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati internazzjonali oħrajn, filwaqt li tiżgura l-viżibbiltà tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni.
Artikolu 7
Monitoraġġ u evalwazzjoni
Sal-31 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tal-inizjattivi previsti f’din id-Deċiżjoni u implimentati fl-Istati Membri u madwar l-Unjoni kollha kemm hi. Dak ir-rapport għandu jinkludi ideat għal sforzi komuni ulterjuri fil-qasam tal-ħiliet sabiex jinħoloq legat dejjiemi tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, l-10 ta’ Mejju 2023.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
J. ROSWALL
(1) ĠU C 100, 16.3.2023, p. 123.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Marzu 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2023.
(3) ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.
(5) ĠU C 465, 17.11.2021, p. 110.
(7) ĠU C 243, 27.6.2022, p. 26.
(8) ĠU C 243, 27.6.2022, p. 10.
(9) ĠU C 504, 14.12.2021, p. 9.
(11) ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1.
(12) Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4).
(13) Id-Direttiva (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE (ĠU L 382, 28.10.2021, p. 1).
(14) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44).
(15) Id-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU L 343, 23.12.2011, p. 1).
(16) Id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105).
(17) Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).