Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2565

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2565 tal-11 ta’ Ottubru 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/444 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni

    C/2022/5976

    ĠU L 330, 23.12.2022, p. 130–133 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2565/oj

    23.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 330/130


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2565

    tal-11 ta’ Ottubru 2022

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/444 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/444 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-programm “Dwana” għal kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1294/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-indikaturi għar-rapportar dwar il-progress tal-Programm fil-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/444 huma elenkati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    Matul l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm Dwana 2020 (2), il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li jiġi aġġustat u ssimplifikat il-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tal-Programm. Il-Kummissjoni għalhekk irrevediet l-approċċ tal-prestazzjoni tal-Programm biex tiżgura r-rilevanza tal-indikaturi magħżula kollha għall-fini ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-programm.

    (3)

    Għalkemm l-indikaturi elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2021/444 huma adattati għall-fini ta’ monitoraġġ annwali tal-prestazzjoni, ma jippermettux monitoraġġ u evalwazzjoni suffiċjenti u komprensivi tal-attivitajiet u tar-riżultati tal-Programm fil-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tiegħu. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu stabbiliti indikaturi addizzjonali bħala parti mill-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni. Jenħtieġ li dawk l-indikaturi addizzjonali jkejlu l-outputs, ir-riżultati u l-impatti tal-Programm.

    (4)

    Biex jiġi żgurat li d-data għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-Programm tinġabar b’mod effiċjenti, b’mod effettiv u fil-ħin, jenħtieġ li jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonati biex jiġi evitat rapportar doppju u jittaffa l-piż amministrattiv.

    (5)

    Sabiex jiġi żgurat allinjament mal-bidu tal-perjodu ta’ rapportar b’rabta mal-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tal-Programm, jenħtieġ li dan ir-Regolament Delegat japplika b’mod retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2022,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Indikaturi tal-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni u rekwiżiti ta’ rapportar

    1.   Meta jiġi mmonitorjat u evalwat il-Programm f’konformità mal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2021/444, għandhom jintużaw l-indikaturi li ġejjin bħala parti mill-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni:

    (a)

    l-indikaturi stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2021/444;

    (b)

    l-indikaturi stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, li għandhom ikejlu l-outputs, ir-riżultati u l-impatti tal-Programm.

    2.   L-indikaturi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitkejlu kull sena, għajr l-indikaturi tal-impatt imsemmija fil-punti (1)(a), 1(b), (2), u (3)(a) tal-Anness ta’ dan ir-Regolament li għandhom jitkejlu kull sentejn u bħala parti mill-evalwazzjonijiet interim u finali, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/444.

    3.   Meta meħtieġ mill-Kummissjoni, ir-riċevituri tal-fondi tal-Programm għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-data u bl-informazzjoni relatati mal-indikaturi msemmija fil-paragrafu 1, li huma rilevanti għall-fini li jikkontribwixxu għall-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ottubru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 87, 15.3.2021, p. 1.

    (2)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, Mid-term evaluation of the Customs 2020 programme: final report, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2019, https://data.europa.eu/doi/10.2778/923910


    ANNESS

    Lista ta’ indikaturi addizzjonali fir-rigward tal-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tal-Programm Dwana msemmi fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2021/444

    A.   Indikaturi tal-output:

    (1)

    Żvilupp tal-komponenti komuni tas-Sistemi Elettroniċi Ewropej (EES):

    (a)

    l-għadd ta’ proġetti tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) fil-fażi tal-bidu;

    (b)

    l-għadd ta’ proġetti tal-IT fil-fażi tal-eżekuzzjoni;

    (c)

    il-proporzjon tal-proġetti tal-IT li l-kost reali tagħhom huwa kif ippjanat;

    (d)

    il-proporzjon tal-proġetti tal-IT bl-istatus “ekoloġiku” skont ir-rekwiżiti previsti fil-Pjan Strateġiku Pluriennali għad-Dwana (MASP-C).

    (2)

    Twettiq tal-komponenti komuni tal-EES:

    (a)

    l-għadd ta’ proġetti tal-IT rilaxxati għall-produzzjoni kif meħtieġ skont id-dritt tal-Unjoni;

    (b)

    il-proporzjon tal-komponenti komuni tal-EES imwettqa skont l-iskeda ta’ żmien tal-MASP-C;

    (c)

    l-għadd ta’ reviżjonijiet li saru fl-iskedi ta’ żmien għat-twettiq tal-komponenti komuni tal-EES.

    (3)

    Affidabbiltà tal-EES (il-Kapaċità tan-Network Komuni ta’ Komunikazzjoni).

    (4)

    Affidabbiltà tas-servizzi ta’ appoġġ tal-IT:

    (a)

    il-proporzjon tal-biljetti ta’ “inċidenti” riżolti fil-ħin;

    (b)

    is-sodisfazzjon tal-utenti bis-servizzi tal-appoġġ ipprovduti.

    (5)

    Livell ta’ appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet ipprovdut permezz ta’ azzjonijiet kollaborattivi (il-Kwalità tal-azzjonijiet kollaborattivi).

    (6)

    Grad ta’ għarfien dwar il-Programm.

    B.   Indikaturi tar-riżultati:

    (1)

    Livell ta’ koerenza tal-leġiżlazzjoni u l-politika doganali u l-implimentazzjoni tagħhom (il-kontribut tal-komponenti komuni l-ġodda tal-EES biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni koerenti tad-dritt u l-politika tal-Unjoni).

    (2)

    Livell ta’ kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet nazzjonali:

    (a)

    il-kontribut tal-komponenti komuni l-ġodda tal-EES biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet nazzjonali;

    (b)

    l-għadd ta’ utenti attivi fuq il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni online;

    (c)

    l-għadd ta’ interazzjonijiet fuq il-pjattaforma kollaborattiva;

    (d)

    is-sodisfazzjon tal-utenti bil-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni online.

    (3)

    Proċeduri elettroniċi simplifikati għall-operaturi ekonomiċi:

    (a)

    l-għadd tal-operaturi ekonomiċi rreġistrati;

    (b)

    l-għadd ta’ applikazzjonijiet.

    (4)

    Prestazzjoni operazzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali:

    (a)

    il-kontribut tal-komponenti komuni l-ġodda tal-EES biex titjieb il-prestazzjoni operazzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali;

    (b)

    il-kontribut tal-outputs tal-azzjonijiet kollaborattivi u ta’ kompetenza umana biex titjieb il-prestazzjoni operazzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali.

    (5)

    Dwana — Innovazzjoni fil-qasam tal-politika doganali:

    (a)

    il-kontribut tal-komponenti komuni l-ġodda tal-EES għall-innovazzjoni fil-qasam tal-politika doganali;

    (b)

    il-kontribut tal-outputs tal-azzjonijiet kollaborattivi u ta’ kompetenza umana għall-innovazzjoni fil-qasam tal-politika doganali.

    C.   Indikaturi tal-impatt:

    (1)

    Evoluzzjoni tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri:

    (a)

    l-ammont ta’ dazji mhux imħallsa, fosthom dazji doganali, dazji kumpensatorji u anti-dumping fuq prodotti u servizzi, relatati ma’ frodi u irregolaritajiet li nstabu li għandhom jiġu rkuprati;

    (b)

    il-każijiet ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet li nstabu li jinvolvu dazji.

    (2)

    Evoluzzjoni tas-sigurtà u tas-sikurezza tal-Unjoni u tar-residenti tagħha (is-sekwestri ta’ oġġetti u ta’ sustanzi li jkunu ta’ theddida għas-sikurezza u għas-sigurtà).

    (3)

    Evoluzzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ attività kummerċjali leġittima:

    (a)

    l-effiċjenza tal-iżdoganar doganali u tal-ġestjoni tal-fruntieri (f’termini ta’ żmien ta’ żdoganar);

    (b)

    il-kontribut lejn Unjoni Doganali ħielsa mill-karti.


    Top