Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2531

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2531 tal-1 ta’ Diċembru 2022 li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

    C/2022/8620

    ĠU L 328, 22.12.2022, p. 78–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/01/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2531/oj

    22.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 328/78


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2531

    tal-1 ta’ Diċembru 2022

    li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3), l-Artikolu 12, l-Artikolu 14(6), l-Artikolu 41, l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 66(5), l-Artikolu 67, l-Artikoli 75(5) u l-Artikolu 76(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi qafas legali ġdid għall-Politika Agrikola Komuni (PAK) biex itejjeb it-twettiq tagħha tal-objettivi tal-Unjoni stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dak ir-Regolament jispeċifika wkoll dawn l-objettivi tal-Unjoni li għandhom jinkisbu mill-PAK u jiddefinixxi t-tipi ta’ intervent kif ukoll ir-rekwiżiti komuni tal-Unjoni applikabbli għall-Istati Membri, filwaqt li jħalli l-flessibbiltà lill-Istati Membri fit-tfassil tal-interventi li għandhom jiġu pprovduti fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) 2021/2115 jipprevedi tipi ta’ intervent għall-iżvilupp rurali. Minħabba dan, ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.

    (3)

    F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni adottat rekwiżiti addizzjonali skont ir-Regolament (UE) 2021/2115 għat-tfassil tal-interventi li għandhom jiġu speċifikati fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, inter alia għall-iżvilupp rurali, jiġifieri bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 (4). Dak ir-Regolament Delegat jissostitwixxi r-regoli attwalment stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 (5).

    (4)

    Jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 154(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115, jenħtieġ li jkompli japplika fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-iżvilupp rurali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 sal-31 ta’ Diċembru 2025 u fir-rigward tan-nefqa mġarrba mill-benefiċjarji u mħallsa mill-aġenzija tal-pagamenti fil-qafas ta’ dawk il-programmi tal-iżvilupp rurali sal-31 ta’ Diċembru 2025.

    (5)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Tħassir tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 u dispożizzjoni tranżizzjonali

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.

    Madankollu għandu jkompli japplika fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-iżvilupp rurali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 sal-31 ta’ Diċembru 2025 u fir-rigward tan-nefqa mġarrba mill-benefiċjarji u mħallsa mill-aġenzija tal-pagamenti fil-qafas ta’ dawk il-programmi tal-iżvilupp rurali sal-31 ta’ Diċembru 2025.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-perjodu mill-2023 sal-2027 skont dak ir-Regolament kif ukoll regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 52).

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 18).


    Top