EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2115

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2115 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza tas-self offrut fuq pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/4830

ĠU L 287, 8.11.2022, p. 33–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2115/oj

8.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 287/33


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2115

tat-13 ta’ Lulju 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza tas-self offrut fuq pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 20(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa meħtieġ li l-investituri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-investiment. Peress li proġett ta’ finanzjament kollettiv wieħed jista’ joffri aktar minn self wieħed, huwa meħtieġ, meta tiġi speċifikata l-metodoloġija għall-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza tal-proġetti offruti fuq pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv, li jiġu stabbiliti regoli għall-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza fil-livell ta’ kull self individwali fir-rigward ta’ proġett ta’ finanzjament kollettiv partikolari offrut fuq pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv. Definizzjoni ta’ inadempjenza f’livell aktar granulari, jiġifieri, fil-livell tas-self, tippermetti li jinqabdu każijiet fejn sid ta’ proġett x’aktarx ma jissodisfax l-obbligi ta’ kreditu tiegħu relatati ma’ self wieħed iżda mhux ma’ oħrajn. Għalhekk, għall-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza tal-proġetti offruti fuq pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jenħtieġ li ma jikkunsidrawx awtomatikament is-self differenti għall-istess proġett bħala kollu inadempjenti fl-istess ħin. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jenħtieġ li jivvalutaw jekk xi indikazzjonijiet ta’ inadempjenza humiex relatati mal-proġett ta’ finanzjament kollettiv kollu kemm hu, aktar milli self partikolari. B’mod partikolari, fejn parti sinifikanti tas-self relatat ma’ proġett ta’ finanzjament kollettiv tkun inadempjenti, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jistgħu jqisu li huwa improbabbli li s-self l-ieħor ta’ dak il-proġett ta’ finanzjament kollettiv jitħallas kollu mingħajr rikors għal azzjonijiet, inkluż ir-realizzazzjoni tas-sigurtà u t-trattament ta’ dak is-self bħala inadempjenti wkoll.

(2)

Huwa meħtieġ li jiġi evitat arbitraġġ regolatorju u li l-investituri jkunu jistgħu jqabblu l-prestazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jipprovdu servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jikkonsistu fil-faċilitazzjoni tal-għoti ta’ self, u, b’mod partikolari, il-kwalità tal-proġetti offruti fuq il-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv. Għalhekk huwa xieraq li jiġu speċifikati l-elementi li abbażi tagħhom jenħtieġ li tali fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv iqisu li seħħet inadempjenza fir-rigward ta’ self offrut fuq il-pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv tagħhom. Għalhekk jenħtieġ li dawk il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ikollhom fis-seħħ proċessi effettivi li jippermettulhom jiksbu l-informazzjoni meħtieġa sabiex jidentifikaw, mingħajr dewmien żejjed, l-okkorrenza tal-inadempjenza tas-self offrut fuq il-pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv tagħhom.

(3)

L-Artikolu 20(1), tar-Regolament (UE) 2020/1503 jirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jipprovdu servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jikkonsistu fil-faċilitazzjoni tal-għoti ta’ self jiżvelaw kull sena r-rati ta’ inadempjenza tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv offruti fuq il-pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv tagħhom matul mill-inqas is-36 xahar preċedenti u jippubblikaw dikjarazzjoni tal-eżitu fi żmien erba’ xhur mit-tmiem ta’ kull sena finanzjarja li tindika r-rata ta’ inadempjenza mistennija u attwali tas-self kollu li jkunu ffaċilitaw. Sabiex jiġi żgurat li l-investituri u l-investituri potenzjali jkollhom aċċess għal informazzjoni b’orizzonti ta’ żmien simili għall-metriċi tar-riskji u l-gwadanji fir-rigward tas-self offrut fuq pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv, huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-konsistenza mal-Artikolu 180(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u jintużaw rati ta’ inadempjenza ta’ sena bħala referenza għall-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza. Ir-rati ta’ inadempjenza ta’ sena jirrappreżentaw is-sehem ta’ self li jmur minn status mhux inadempjenti għal status inadempjenti mill-inqas darba matul perjodu ta’ osservazzjoni ta’ sena. Għalhekk, ir-rata ta’ inadempjenza mistennija għandha tipprovdi stima tal-proporzjon ta’ self mhux inadempjenti li huwa mistenni li jkun inadempjenti f’perjodu ta’ osservazzjoni ta’ sena. Konsegwentement, sabiex l-istima ta’ tali rata ta’ inadempjenza mistennija tkun ibbażata fuq ir-rata attwali ta’ inadempjenza, il-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza attwali jenħtieġ li jkun ristrett għal self li jkun fi status mhux inadempjenti fil-bidu tal-perjodu ta’ osservazzjoni ta’ sena. Sabiex tiġi żgurata rappreżentazzjoni komparabbli u ġusta tar-rati ta’ inadempjenza, jenħtieġ li ma tiġi applikata l-ebda skema ta’ ponderazzjoni biex jiġu kkalkulati r-rati ta’ inadempjenza annwali (kalkolu bbażat fuq is-self). Għalhekk, jenħtieġ li l-ammont monetarju tas-self ma jintużax għall-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza biex jiġi evitat li tingħata aktar prevalenza lil xi self f’tali kalkolu. F’każ ta’ preġudizzju minħabba l-preżenza ta’ self fuq terminu qasir, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jipprovdu servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jikkonsistu fil-faċilitazzjoni tal-għoti ta’ self jenħtieġ li jaġġustaw il-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza. Sabiex tiġi żgurata rappreżentazzjoni ġusta tar-rati ta’ inadempjenza lill-investituri, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jipprovdu servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jikkonsistu fil-faċilitazzjoni tal-għoti ta’ self jenħtieġ li ma jimmanipulawx jew ma jirrappreżentawx ħażin ir-rati ta’ inadempjenza ppubblikati f’konformità mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2020/1503.

(4)

Data inkonsistenti, mhux preċiża, mhux kompluta jew skaduta tista’ twassal għal żbalji u fil-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv. Konsegwentement, sabiex jiġu żgurati l-affidabbiltà u l-kwalità għolja tad-data, il-proċeduri relatati mal-ġbir u l-ħżin tad-data jenħtieġ li jkunu robusti u ddokumentati sew.

(5)

Il-metodu intern tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għall-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza attwali u mistennija jenħtieġ li jkun ibbażat fuq informazzjoni dwar il-prestazzjoni ta’ self iffaċilitat minn dawk il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv u l-kategoriji ta’ riskju stabbiliti fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju msemmi fl-Artikolu 19(7), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2020/1503.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Bankarja Ewropea.

(7)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(8)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta l-opinjoni tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 2022,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Inadempjenza ta’ self offrut fuq pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jipprovdu servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jikkonsistu fil-faċilitazzjoni tal-għoti ta’ self għandhom iqisu li seħħet inadempjenza fir-rigward ta’ self partikolari offrut fuq il-pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv tagħhom meta jkunu seħħew xi wieħed mill-avvenimenti li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(a)

il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv iqis li huwa improbabbli li sid il-proġett iħallas bis-sħiħ, jew inkella jissodisfa l-obbligi ta’ kreditu tiegħu relatati mas-self ikkonċernat, mingħajr rikors għal azzjonijiet, bħar-realizzazzjoni tas-sigurtà;

(b)

is-sid tal-proġett ikun qabeż id-data tal-għeluq b’aktar minn 90 jum fuq kwalunkwe obbligu ta’ kreditu materjali relatat mas-self ikkonċernat.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (a), l-elementi li ġejjin għandhom jitqiesu bħala indikaturi tal-improbabbiltà tal-ħlas:

(a)

seħħ ristrutturar f’diffikultà tal-obbligu ta’ kreditu relatat mas-self ikkonċernat fejn dan x’aktarx jirriżulta f’obbligu finanzjarju mnaqqas ikkawżat mill-maħfra materjali, jew il-posponiment, tal-kapital, l-imgħax jew, fejn rilevanti, it-tariffi.

(b)

is-sid tal-proġett applika għal, jew tqiegħed fi, falliment jew protezzjoni simili, fejn dan jevita jew idewwem il-ħlas lura lill-investituri ta’ obbligu ta’ kreditu relatat mas-self ikkonċernat.

Għall-finijiet tal-punt (a), ristrutturar f’diffikultà għandu jitqies li jkun seħħ meta l-konċessjonijiet ikunu ġew estiżi għal sid il-proġett li jkun qed jiffaċċja jew dalwaqt jiffaċċja diffikultajiet biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, punt (b), fejn il-ftehim ta’ kreditu espliċitament jippermetti lil sid il-proġett ibiddel l-iskeda ta’ pagament, jew jissospendi jew jipposponi l-pagamenti taħt ċerti kundizzjonijiet, u fejn sid il-proġett jaġixxi skont id-drittijiet mogħtija f’dak il-ftehim ta’ kreditu, il-pagamenti mibdula, sospiżi jew posposti ma għandhomx jitqiesu skaduti, iżda l-għadd ta’ jiem skaduti għandu jkun ibbażat fuq l-iskeda ta’ pagament il-ġdida ladarba tiġi speċifikata. Madankollu, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom janalizzaw ir-raġunijiet għal tali bidliet fl-iskeda ta’ pagament, jew is-sospensjoni jew il-posponiment tal-pagamenti, u jivvalutaw il-possibbiltà ta’ improbabbiltà tal-ħlas kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a).

4.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżvelaw il-livell limitu ta’ materjalità użat għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1.

5.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jinfurmaw lill-investituri f’każ ta’ inadempjenza ta’ self mingħajr dewmien.

Artikolu 2

Metodoloġija għall-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza tas-self offrut fuq pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv

1.   Għall-finijiet tal-iżvelar imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jikkalkulaw il-medja sempliċi tar-rata ta’ inadempjenza ta’ sena osservata matul il-perjodu kollu ta’ osservazzjoni storika billi jużaw twieqi ta’ osservazzjoni ta’ 12-il xahar li ma jikkoinċidux.

2.   Għall-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza ta’ sena msemmija fil-paragrafu 1, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw dan kollu li ġej:

(a)

li d-denominatur jikkonsisti fl-għadd ta’ self mhux inadempjenti osservat fil-bidu tal-perjodu ta’ osservazzjoni ta’ 12-il xahar;

(b)

li n-numeratur jinkludi s-self kollu kkunsidrat fid-denominatur li kellu mill-inqas event wieħed ta’ inadempjenza matul il-perjodu ta’ osservazzjoni ta’ 12-il xahar.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, self li għalih ma huwa skedat l-ebda pagament fl-iskeda tal-pagamenti matul il-perjodu ta’ osservazzjoni ta’ 12-il xahar għandu jiġi eskluż mis-sett ta’ data użat għall-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza għal dak il-perjodu.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 u irrispettivament minn jekk fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ikunx qed juża sorsi ta’ data esterni, interni jew miġbura, jew taħlita tat-tlieta, it-tul tal-perjodu ta’ osservazzjoni storika sottostanti użat għandu jkun mill-inqas 36 xahar għal mill-inqas sors wieħed. Meta l-perjodu ta’ osservazzjoni disponibbli jkopri perjodu itwal għal kwalunkwe sors, għandu jintuża dak il-perjodu itwal. Fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li ilu jopera għal inqas minn 36 xahar għandu juża l-perjodu li matulu ilu jopera.

5.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżvelaw id-denominatur u n-numeratur użati għall-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza ta’ sena f’konformità mal-paragrafu 2 għall-perijodu ddeterminat f’konformità mal-paragrafu 4.

Artikolu 3

Metodoloġija għall-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza attwali tas-self skont il-kategorija ta’ riskju

1.   Għall-pubblikazzjoni tar-rati ta’ inadempjenza attwali tas-self kollu f’konformità mal-Artikolu 20(1), il-punt (b) (i), tar-Regolament (UE) 2020/1503, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jikkalkulaw il-medji sempliċi tar-rata ta’ inadempjenza ta’ sena osservata skont il-kategorija ta’ riskju matul il-perjodu ta’ osservazzjoni storika kollu bl-użu ta’ twieqi ta’ osservazzjoni ta’ 12-il xahar li ma jikkoinċidux.

2.   Għall-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza ta’ sena skont il-kategorija ta’ riskju, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw dan kollu li ġej:

(a)

li d-denominatur jikkonsisti fl-għadd ta’ self mhux inadempjenti osservat fil-bidu tal-perjodu ta’ osservazzjoni ta’ 12-il xahar fil-kategorija ta’ riskju li għaliha tiġi kkalkulata r-rata ta’ inadempjenza;

(b)

li n-numeratur jinkludi s-self kollu kkunsidrat fid-denominatur li kellu mill-inqas event wieħed ta’ inadempjenza matul il-perjodu ta’ osservazzjoni ta’ 12-il xahar.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, self li għalih ma huwa skedat l-ebda pagament fl-iskeda tal-pagamenti matul il-perjodu ta’ osservazzjoni ta’ 12-il xahar għandu jiġi eskluż mis-sett ta’ data użat għall-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza għal dak il-perjodu.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, irrispettivament minn jekk fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ikunx qed juża sorsi ta’ data esterni, interni jew miġbura, jew taħlita tat-tlieta, it-tul tal-perjodu ta’ osservazzjoni storika sottostanti użat għandu jkun mill-inqas 36 xahar għal mill-inqas sors wieħed. Meta l-perjodu ta’ osservazzjoni disponibbli jkopri perjodu itwal għal kwalunkwe sors, għandu jintuża dak il-perjodu itwal. Fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li ilu jopera għal inqas minn 36 xahar għandu juża l-perjodu li matulu ilu jopera.

5.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżvelaw id-denominatur u n-numeratur użati għall-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza attwali tas-self kollu skont il-kategorija ta’ riskju f’konformità mal-paragrafu 2 għall-perijodu ddeterminat f’konformità mal-paragrafu 4.

Artikolu 4

Metodoloġija għall-kalkolu tar-rata ta’ inadempjenza mistennija tas-self skont il-kategorija ta’ riskju

1.   Għall-pubblikazzjoni tar-rati ta’ inadempjenza mistennija tas-self kollu f’konformità mal-punt (b)(i) tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jibbażaw l-istimi tagħhom tar-rati ta’ inadempjenza mistennija skont il-kategorija ta’ riskju fuq ir-rati ta’ inadempjenza attwali tas-self skont il-kategorija ta’ riskju kkalkulata f’konformità mal-Artikolu 3.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 u irrispettivament minn jekk fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ikunx qed juża sorsi ta’ data esterni, interni jew miġbura, jew taħlita tat-tlieta, għall-istima tar-rata ta’ inadempjenza mistennija tiegħu, it-tul tal-perjodu ta’ osservazzjoni storika sottostanti użat għandu jkun ta’ mill-inqas 36 xahar għal mill-inqas sors wieħed. Meta l-perjodu ta’ osservazzjoni disponibbli jkopri perjodu itwal għal kwalunkwe sors, għandu jintuża dak il-perjodu itwal. Fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li ilu jopera għal inqas minn 36 xahar għandu juża l-perjodu li matulu ilu jopera.

Artikolu 5

Assenjazzjoni għal kategoriji ta’ riskju

Għall-finijiet tal-Artikoli 3 u 4, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jassenjaw is-self individwali lill-kategorija ta’ riskju rilevanti stabbilita fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju abbażi ta’ kriterji sodi u definiti sew u b’kont meħud tal-fatturi rilevanti kollha li jista’ jkollhom effetti sfavorevoli fuq il-prestazzjoni tas-self.

Artikolu 6

Preċiżjoni tad- data

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw il-konsistenza u l-adegwatezza tad-data użata għall-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


Top