EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2545

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2022/2545 tad-19 ta’ Diċembru 2022 dwar l-istabbiliment tal-qafas għall-allokazzjoni tal-kostijiet relatati mal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u tal-immaniġġar tad-dejn permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata

C/2022/9701

ĠU L 328, 22.12.2022, p. 123–135 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/07/2024; Imħassar b' 32024D1974

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2545/oj

22.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/123


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE, Euratom) 2022/2545

tad-19 ta’ Diċembru 2022

dwar l-istabbiliment tal-qafas għall-allokazzjoni tal-kostijiet relatati mal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u tal-immaniġġar tad-dejn permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 220a tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2022/2434 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jintroduċi l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu uniku ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u tal-immaniġġar tad-dejn imwettqa mill-Kummissjoni fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (ir-“Regolament Finanzjarju”). Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE, Euratom) 2022/2434, l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata għandha tapplika għall-programmi ta’ assistenza finanzjarja li għalihom l-atti bażiċi jidħlu fis-seħħ fid-9 ta’ Novembru 2022 jew wara.

(2)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata. L-applikazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata teħtieġ l-adozzjoni ta’ sett ta’ regoli biex tiġi determinata l-allokazzjoni tal-kostijiet rispettivi għall-programmi ta’ assistenza finanzjarja rilevanti, li jenħtieġ li jiżguraw li l-kostijiet kollha mġarrba mill-Unjoni li jkunu relatati mal-assistenza finanzjarja jiġu ddebitati lill-benefiċjarju.

(3)

Il-metodoloġija għall-allokazzjoni tal-kostijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata permezz tan-NextGenerationEU (NGEU) ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1095 (3). Huwa xieraq li dawn l-arranġamenti jiġu estiżi għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u tal-immaniġġar tad-dejn imwettqa permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata skont l-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju.

(4)

Jenħtieġ li l-obbligi ta’ ripagament jibqgħu tal-benefiċjarji tal-assistenza finanzjarja, f’konformità mal-Artikolu 220(5), il-punt (e) tar-Regolament Finanzjarju u f’konformità mal-prinċipji baġitarji tal-ġestjoni finanzjarja tajba u tal-ekwilibriju. Jenħtieġ li l-kostijiet kollha jiġġarrbu mill-benefiċjarji abbażi ta’ metodoloġija unika għall-allokazzjoni tal-kostijiet li tiżgura allokazzjoni trasparenti u proporzjonali tal-kostijiet.

(5)

Jenħtieġ li l-metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet tiżgura li ma jkun hemm l-ebda sussidju inkroċjat tal-kostijiet minn kategorija waħda ta’ benefiċjarju minn oħra. Jenħtieġ li l-kostijiet tas-selfiet jiġu imputati bis-sħiħ lill-benefiċjarji ta’ dawk is-selfiet, minn naħa waħda, u l-kostijiet ta’ ammonti mhux ripagabbli lill-Baġit tal-UE, min-naħa l-oħra, abbażi tal-kostijiet reali mġarrba biex jiżdied u jiġi żburżat is-sehem rispettiv tar-rikavati lill-benefiċjarji differenti. Jenħtieġ li l-metodoloġija tkopri l-kostijiet kollha mġarrba mill-Unjoni għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u tal-immaniġġar tad-dejn, inklużi l-kostijiet amministrattivi kollha, u jenħtieġ li din tiżgura li jiġu kkalkulati kategoriji differenti ta’ kostijiet għal kull żborż.

(6)

Sabiex jiġi żgurat trattament ġust u ugwali bejn il-benefiċjarji, jenħtieġ li l-Kummissjoni timplimenta metodoloġija komuni u unifikata għall-kostijiet, applikabbli għat-tipi kollha ta’ żborżi (dawk ripagati mill-baġit tal-Unjoni, u dawk ripagati mill-benefiċjarji), li timputa l-kostijiet lill-benefiċjarji abbażi tas-sehem tar-rikavati riċevuti.

(7)

Jenħtieġ li din il-metodoloġija tal-kalkolu u tal-allokazzjoni tal-kostijiet tiddistingwi bejn tliet kategoriji ta’ kostijiet: il-kost tal-finanzjament, il-kost tal-ġestjoni tal-likwidità u l-kostijiet amministrattivi. Il-kost tal-finanzjament jirriżulta mir-rata tal-imgħax u imposti oħra li l-Kummissjoni trid tħallas fuq l-istrumenti differenti maħruġa biex tiffinanzja l-iżborżi inkwistjoni. Il-kostijiet tal-ġestjoni tal-likwidità huma l-kostijiet imġarrba b’riżultat tal-ammonti maħruġa u miżmuma temporanjament fil-kontijiet tal-likwidità bħala riżervi biex jiġu ssodisfati l-pagamenti li ġejjin. Din l-ispiża ġenerali operazzjonali kontinwa hija karatteristika intrinsika tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata u jenħtieġ li tinqasam b’mod ġust bejn il-benefiċjarji kollha. It-tielet kategorija ta’ kostijiet huma l-kostijiet amministrattivi tal-bini tal-kapaċità teknika u operazzjonali biex tiġi implimentata strateġija ta’ finanzjament diversifikata u li jirriżultaw b’mod ċar b’riżultat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata.

(8)

L-attribuzzjoni ġusta u proporzjonata tal-kostijiet għandha titwettaq permezz tal-kompartimentalizzazzjoni tal-iżborżi u tal-istrumenti ta’ finanzjament relatati f’perjodi ta’ żmien (minn hawn’ il quddiem “kompartimenti taż-żmien”). Żborżi preeżistenti u tranżazzjonijiet ta’ teħid b’self relatati mwettqa permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata, li diġà huma assenjati għal kompartimenti taż-żmien għandhom jibqgħu mhux affettwati miż-żieda ta’ żborżi permezz tal-programmi ta’ assistenza finanzjarja fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju. Mill-bidu ta’ tali żborżi ta’ self, kwalunkwe żborż iffinanzjat permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata se jkollu l-kostijiet tiegħu kkalkulati u attribwiti b’mod identiku. Il-vantaġġ ewlieni ta’ dan l-approċċ huwa li l-kost tal-finanzjament ikun l-istess għall-iżborżi kollha attribwiti għall-istess kompartiment taż-żmien li jiżgura li t-teħid b’self ikun imfassal apposta għall-ħtiġijiet tal-iżborż.

(9)

Jenħtieġ li jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda impatt fuq id-distribuzzjoni tal-kostijiet għal ebda wieħed mill-programmi li għalih tapplika l-metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet. Il-metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet sa mill-adozzjoni tagħha tapplika għat-teħid b’self tal-NGEU u għas-selfiet skont ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li għandhom durata u struttura simili. Għaldaqstant, huwa possibbli li jiġu inklużi fl-istess kompartimenti taż-żmien. Jekk jiġi stabbilit programm ġdid ta’ assistenza finanzjarja, b’durata u struttura differenti, li x’aktarx ikollu impatt fuq il-kostijiet, jenħtieġ li din il-metodoloġija tiġi rieżaminata kif xieraq.

(10)

Jenħtieġ li l-kalkolu tal-kost tal-finanzjament li jirriżulta minn tranżazzjonijiet ta’ teħid b’self ikun derivat mill-kostijiet li jirriżultaw mill-operazzjonijiet kollha ta’ teħid b’self matul il-perjodu ta’ sitt xhur madwar id-data tal-iżborż. Din il-kompartimentalizzazzjoni tal-kostijiet tal-finanzjament hija meħtieġa biex jiġi żgurat li l-kost tal-finanzjament impost fuq l-iżborż ikun marbut mill-qrib mar-rati prevalenti tas-suq fiż-żmien meta jsir. Dan l-approċċ ifisser li l-kost preċiż tal-finanzjament ikun iffissat biss meta titlesta l-aggregazzjoni ta’ finanzjament fl-għeluq tal-kompartiment ta’ żmien ta’ sitt xhur, iżda l-prezzijiet indikattivi se jkunu disponibbli għall-benefiċjarji tas-self qabel il-kost finali. Jenħtieġ li l-benefiċjarji tas-self jew, għad-dħul assenjat estern skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/2094 (5), il-baġit tal-UE jħallas l-istess imposta. Dan jevita l-arbitrarjetà jew il-ħtif ta’ opportunità li jikkaratterizza l-metodu tradizzjonali back-to-back fejn il-kostijiet għal xi benefiċjarju partikolari kienu t-termini li setgħu jinkisbu f’jum partikolari li fih jkun sar it-teħid b’self.

(11)

Jenħtieġ li kull kompartiment taż-żmien ikun attiv għal perjodu ta’ sitt xhur li jibda mill-1 ta’ Jannar jew mill-1 ta’ Lulju. Madankollu, jenħtieġ li l-ewwel kompartiment taż-żmien ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni.

(12)

Filwaqt li l-kost tal-finanzjament jista’ jvarja bejn il-kompartimenti taż-żmien ta’ sitt xhur minħabba differenzi fil-kundizzjonijiet ta’ finanzjament lil hinn mill-kontroll tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni se timmaniġġa l-operazzjonijiet tat-teħid b’self u tal-immaniġġar tad-dejn sabiex tiżgura li kull kompartiment taż-żmien ikollu profili ta’ maturità simili kemm jista’ jkun.

(13)

L-istrateġija ta’ finanzjament tal-Kummissjoni tippermetti ġestjoni aħjar tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax u riskji finanzjarji oħra. Filwaqt li r-rati tal-imgħax imposti fuq il-benefiċjarji tas-self se jkunu stabbli, se jkun meħtieġ rikalkolu perjodiku u marġinali tar-rati meta l-istrumenti li jimmaturaw fl-aggregazzjoni ta’ finanzjament jeħtieġ li jiġu sostitwiti. Jekk ikun ġustifikat, il-Kummissjoni se tiżviluppa l-kapaċità tagħha li tuża derivattivi bħal swaps biex timmaniġġa kwalunkwe riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax li jifdal u toffri l-opzjoni ta’ selfiet b’rata tal-imgħax fissa lil benefiċjarju. Jenħtieġ li l-kostijiet ta’ din il-faċilità b’rata tal-imgħax fissa jiġġarrbu b’mod sħiħ u esklużiv mill-benefiċjarju li jeżerċita din l-opzjoni.

(14)

Jenħtieġ li l-ammonti ta’ żborżi f’kompartiment taż-żmien ikunu daqs l-ammont tal-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil attribwiti għal dak il-kompartiment taż-żmien. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-iżborżi tar-rikavati jseħħu u jiġu attribwiti lill-istess kompartiment taż-żmien tal-ħruġ tal-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil użati biex jiġu ġġenerati r-rikavati. Madankollu, dewmien mhux previst biex isir l-iżborż jista’ jirriżulta f’sitwazzjonijiet fejn ir-rikavati tal-finanzjament ta’ terminu twil ikunu ġew iġġenerati, iżda ma jkunux jistgħu jiġu żborżati kif skedat inizjalment. F’dan ix-xenarju, l-iżborż jista’ jiġi ttardjat minn kompartiment taż-żmien wieħed għall-kompartiment taż-żmien sussegwenti. Madankollu, jekk il-fondi għal dawn il-ħtiġijiet ta’ finanzjament partikolari jkunu diġà ġew iġġenerati u ġew attribwiti għall-kompartiment taż-żmien preċedenti, dawn ma jistgħux jintużaw għal ħtiġijiet oħra f’dan il-kompartiment taż-żmien. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu attribwiti żborżi għall-kompartiment taż-żmien li għalih ikunu nħarġu l-istrumenti ta’ finanzjament. Jenħtieġ li jkun ugwalment possibbli li l-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil tal-kompartiment taż-żmien li jkun imiss jiġu attribwiti lill-kompartiment taż-żmien preċedenti f’każ li l-ammont ta’ strumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil ta’ dak il-kompartiment taż-żmien ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ammont tal-iżborżi.

(15)

Il-Kummissjoni se jkollha bżonn ukoll xi mezzi biex tantiċipa, fil-kompartiment taż-żmien preċedenti, il-ħtiġijiet tal-iżborż li jinqalgħu kmieni fil-ħajja tal-kompartiment taż-żmien li jmiss. Sabiex ikunu koperti sitwazzjonijiet bħal dawn u jiġi żgurat li l-Kummissjoni jkollha r-riżorsi disponibbli b’termini vantaġġużi biex tagħmel l-iżborżi li jseħħu qrib it-tranżizzjoni bejn il-kompartimenti taż-żmien, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li tattribwixxi l-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil lill-kompartiment taż-żmien sussegwenti.

(16)

Il-kapaċità li tiġi ġestita l-likwidità tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament permezz ta’ aċċess għal teħid b’self għal terminu qasir u ż-żamma ta’ flus għal finijiet prudenzjali hija karatteristika ċentrali u li tiddefinixxi l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata. Din il-ġestjoni tal-likwidità se tippermetti li l-Kummissjoni tissodisfa l-ħtiġijiet kollha ta’ pagament u tadatta l-ħruġ għall-kundizzjonijiet tas-suq. Din il-kapaċità twassal għall-kostijiet li jiġġeneraw rikavati permezz tal-ħruġ ta’ karta ta’ terminu qasir, u li jżommu xi rikavati fuq bażi temporanja f’kont tal-likwidità sabiex tiġi garantita l-kapaċità li jsiru l-pagamenti kollha meta ssir talba. L-operazzjonijiet ta’ mmaniġġar tad-dejn permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata jippermettu mmaniġġar aħjar tar-rata tal-imgħax u ta’ riskju finanzjarju ieħor. Dawn jistgħu jinkludu l-użu ta’ derivattivi bħal swaps għall-immaniġġar tar-rata tal-imgħax jew riskji finanzjarji oħra fir-rigward ta’ self għall-benefiċjarji, jew għad-dħul fi tranżazzjonijiet tas-suq monetarju garantiti jew mhux garantiti. Jenħtieġ li l-kostijiet imġarrba b’rabta ma’ riakkwisti u/jew maż-żamma ta’ bonds proprji għall-finijiet tal-ġestjoni tal-likwidità jitqiesu bħala kostijiet tal-ġestjoni tal-likwidità. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi bażi għall-kalkolu ta’ dawn il-kostijiet ta’ likwidità u l-impożizzjoni tagħhom fuq bażi ġusta u ekwa fuq il-benefiċjarji rilevanti kollha tar-rikavati matul is-sena inkwistjoni.

(17)

Ħtiġijiet ta’ żborż ogħla mill-ammont ta’ strumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil allokati għall-kompartiment taż-żmien rispettiv jew għall-pagamenti tal-imgħax jistgħu jirriżultaw f’defiċit ta’ likwidità ta’ kompartiment taż-żmien. Ħtiġijiet tal-iżborż aktar baxxi mill-ammont tal-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil allokati għall-kompartiment taż-żmien rispettiv jew pagamenti ta’ tifdija riċevuti fir-rigward tal-iżborżi pendenti allokati għall-kompartiment jistgħu jirriżultaw f’surplus ta’ likwidità. Il-kumpens ta’ dawn is-surpluses jew defiċits ta’ likwidità huwa rekwiżiti inevitabbli tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata. Jenħtieġ li dawn il-kostijiet ma jiġġarrbux mill-kompartimenti taż-żmien rispettivi, iżda jenħtieġ li jiġu iżolati u ġestiti bħala parti minn spiża ġenerali distinta tal-ġestjoni tal-likwidità. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi mekkaniżmu biex jiġu separati l-kostijiet li jirriżultaw minn defiċits jew surpluses ta’ likwidità sabiex ikunu jistgħu jiġu assorbiti mill-programm ta’ finanzjament usa’ fil-forma ta’ kostijiet tal-ġestjoni ta’ likwidità. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża l-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità biex jiġi bbilanċjat kwalunkwe bilanċ ta’ flus pożittiv jew negattiv fil-kompartimenti taż-żmien għall-ammont totali ta’ żborżi.

(18)

L-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata teħtieġ l-akkwist ta’ kapaċitajiet ġodda meħtieġa biex jinkiseb l-aktar aċċess vantaġġuż għas-swieq kapitali u biex tiġi żgurata l-manutenzjoni ta’ tali infrastruttura b’mod kontinwu u effettiv. Dan jinkludi l-kostijiet meħtieġa biex jinżammu l-kontijiet tal-likwidità, biex tinkiseb il-kapaċità biex isiru rkanti għall-kambjali u l-bonds tal-UE u biex jiġu implimentati kapaċitajiet interni ġodda għall-ipproċessar tad-data. Jenħtieġ li tali kostijiet li jirriżultaw direttament mill-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tat-teħid b’self u ta’ żborż jiġu trattati bħala spejjeż ġenerali li jiddistingwu l-kostijiet relatati mal-istabbiliment u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tat-teħid b’self u ta’ pagament. Jenħtieġ li dawn il-kostijiet jiġu koperti mill-kost tas-servizz għall-ispejjeż ġenerali amministrattivi.

(19)

Il-kost tas-servizz għall-ispejjeż ġenerali amministrattivi jiġbor fih il-kostijiet amministrattivi kollha mġarrba direttament bl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata. Dawn il-kostijiet għandhom jiġġarrbu bħala kostijiet tal-istabbiliment, relatati ma’ kostijiet ta’ darba għall-bini ta’ kapaċitajiet operazzjonali jew bħala kostijiet rikorrenti, li huma kostijiet inevitabbli direttament attribwibbli għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u tal-immaniġġar tad-dejn permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata u li jseħħu maż-żmien. Filwaqt li l-kostijiet rikorrenti huma kostijiet annwali regolari ddebitati għall-iżborżi li jseħħu f’sena partikolari, jenħtieġ li l-kostijiet tal-istabbiliment ikunu tariffi ta’ darba.

(20)

Il-kostijiet relatati mal-istabbiliment u mal-bini tal-kapaċitajiet ta’ dawn l-operazzjonijiet ilhom jiġġarrbu mill-2021 u diġà ġew attribwiti lill-benefiċjarji tal-programmi ta’ appoġġ finanzjarju tal-NGEU, permezz ta’ spiża ġenerali speċifika għall-istabbiliment. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-benefiċjarji ta’ programmi oħra ta’ assistenza finanzjarja fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju ma jġarrbux kostijiet relatati ma’ dan il-bini ta’ kapaċitajiet preċedenti iżda nefqa futura relatata mal-manutenzjoni ta’ din l-infrastruttura biss. Għaldaqstant, jenħtieġ li s-sehem tal-kostijiet amministrattivi tal-programmi ta’ assistenza finanzjarja fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju, għajr l-NGEU, ikun ristrett għal kostijiet rikorrenti, u dawn il-programmi jiġu trattati bħal kwalunkwe benefiċjarju tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata.

(21)

Jenħtieġ li l-kostijiet amministrattivi inklużi fil-kost tas-servizz għall-ispejjeż ġenerali amministrattivi jkunu limitati għal lista magħluqa ta’ kostijiet eliġibbli, li huma relatati direttament mal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata. It-tariffi kuntrattwali għar-reklutaġġ ta’ persunal ta’ konsulenti esterni jiżdiedu mal-lista ta’ nefqa amministrattiva eliġibbli wara ftehimiet milħuqa fil-kuntest tal-Baġit Annwali għall-2023. L-estensjoni tal-lista ta’ nefqiet amministrattivi eliġibbli ġiet ikkomunikata lill-awtoritajiet tal-Istati Membri qabel l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-kost aggregat tas-servizz għall-ispejjeż ġenerali amministrattivi jirrappreżenta sehem limitat ħafna tal-kostijiet aggregati mill-operazzjonijiet tal-istrateġija finanzjarja diversifikata.

(22)

Il-proċess ta’ fatturazzjoni ex post huwa mfassal biex jiżgura li l-kostijiet jiġu rkuprati fis-sena ta’ wara u sal-mument li l-kostijiet ma jibqgħux jiġu ġġenerati minn operazzjonijiet ta’ teħid b’self, tal-immaniġġar tad-dejn u ta’ pagamenti permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata.

(23)

Eċċezzjonalment għas-selfiet ta’ assistenza finanzjarja lill-Ukrajna mogħtija permezz tar-Regolament (UE) 2022/2463, l-Unjoni tista’ ġġarrab il-kost tal-imgħaxijiet u l-kostijiet amministrattivi relatati mal-għoti u t-teħid b’self f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2022/2463. Ir-riżorsi meħtieġa jiġu pprovduti minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2022/2463. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-fatturazzjoni ta’ dawk il-kostijiet tiġi allinjata mal-fatturazzjoni tal-kostijiet fir-rigward tal-iżborżi bħala dħul assenjat estern skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/2094 u tiġi raggruppata għal kull trimestru tas-sena.

(24)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ avviż ta’ konferma dwar kull żborż, inkluż appoġġ mhux ripagabbli fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) u (c) tar-Regolament (UE) 2020/2094, appoġġ ripagabbli lill-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament (UE) 2020/2094, u selfiet lil Stat Membru jew pajjiż terz permezz ta’ programmi ta’ assistenza finanzjarja fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju.

(25)

Is-selfiet permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata għandhom jiġu implimentati fuq termini finanzjarji standard (profil ta’ maturità u ta’ ripagament) għal kull żborż. Għal appoġġ mhux ripagabbli, jenħtieġ li l-avviż ta’ konferma jkun l-element ta’ sostenn ewlieni li jiddetermina dawn it-termini finanzjarji għall-Baġit tal-UE. L-avviż ta’ konferma għandu jiddetermina t-talba dwar il-kostijiet abbażi tat-termini finanzjarji tagħha. Jenħtieġ li dawn it-termini jinkludu d-data tal-iżborż, l-ammont tal-appoġġ finanzjarju, id-data tal-kost tal-pagamenti ta’ finanzjament u d-data tal-maturità. L-avviż ta’ konferma jikkostitwixxi l-bażi essenzjali li fuqha huwa bbażat l-ippjanar baġitarju, iċ-ċirkwiti finanzjarji u l-kontabbiltà għal appoġġ mhux ripagabbli tal-UE.

(26)

Ir-referenzi xierqa fil-ftehimiet ta’ self se jispeċifikaw li l-kostijiet tal-iżborżi huma ddeterminati bl-applikazzjoni tal-metodoloġija stabbilita b’din id-Deċiżjoni.

(27)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika għat-tranżazzjonijiet ta’ teħid b’self u l-iżborżi kollha permezz tal-programm NGEU, inklużi dawk li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU 1

SUĠĠETT, DEFINIZZJONIJIET U REGOLI ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u prinċipju regolatorju

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi metodoloġija unika u unifikata biex jiġu allokati l-kostijiet imġarrba b’riżultat tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u tal-immaniġġar tad-dejn imwettqa permezz ta’ programmi ta’ assistenza finanzjarja fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju u ta’ appoġġ mhux ripagabbli skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (6) (“il-programmi CAM”).

2.   L-implimentazzjoni tal-metodoloġija għall-allokazzjoni tal-kostijiet għandha tkun iggwidata mill-prinċipji tal-ġustizzja u tat-trattament ugwali, billi jiġi żgurat li l-kostijiet jinfirxu abbażi tas-sehem relattiv tal-appoġġ riċevut.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“benefiċjarju” tfisser Stat Membru jew pajjiż terz li huwa parti ta’ ftehim ta’ self permezz ta’ programm CAM, jew il-baġit tal-Unjoni għal appoġġ mhux ripagabbli skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053;

(2)

“żborż” tfisser it-trasferiment ta’ rikavati miksuba permezz ta’ operazzjonijiet ta’ teħid b’self u tal-immaniġġar tad-dejn biex jiġi ffinanzjat appoġġ ripagabbli jew mhux ripagabbli lil benefiċjarju;

(3)

“strumenti ta’ finanzjament” tfisser bonds, noti, karta kummerċjali, kambjali tal-UE jew kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja xierqa oħra ta’ terminu qasir u/jew twil permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata;

(4)

“perjodu ta’ mgħax” tfisser perjodu ta’ 12-il xahar, jew perjodu ieħor bħal dan li jista’ jiġi speċifikat fl-avviż ta’ konferma, li jibda mid-data tal-iżborż jew mid-data preċedenti tal-pagament tal-imgħax;

(5)

“ġestjoni tal-likwidità” tfisser il-ġestjoni tal-flussi tal-flus relatati mal-istrumenti ta’ finanzjament u l-iżborżi;

(6)

“ftehim ta’ self” tfisser ftehim bejn il-Kummissjoni u benefiċjarju permezz ta’ programm CAM;

(7)

“operazzjonijiet ta’ teħid b’self” tfisser operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2022/2544 (7);

(8)

“operazzjonijiet tal-immaniġġar tad-dejn” tfisser l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2022/2544;

(9)

“finanzjament ta’ terminu qasir” tfisser finanzjament imsemmi fl-Artikolu 2(11) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2022/2544;

(10)

“finanzjament ta’ terminu twil” tfisser finanzjament imsemmi fl-Artikolu 2(10) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2022/2544

Artikolu 3

Tipi ta’ kostijiet

Għandhom jiġu stabbiliti l-kategoriji ta’ kostijiet li ġejjin:

(a)

il-kost tal-finanzjament;

(b)

il-kost tal-ġestjoni tal-likwidità;

(c)

il-kost tas-servizz għall-ispejjeż ġenerali amministrattivi.

KAPITOLU 2

KOST TAL-FINANZJAMENT U KOSTIJIET TAL-ĠESTJONI TAL-LIKWIDITÀ

TAQSIMA 1

Kompartimenti

Artikolu 4

Kompartimenti taż-żmien

1.   Kompartiment taż-żmien għandu jkun attiv għal perjodu ta’ sitt xhur li jibda mill-1 ta’ Jannar jew mill-1 ta’ Lulju. Madankollu, l-ewwel kompartiment taż-żmien għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021.

2.   Il-kompartiment taż-żmien għandu jkun magħmul mill-iżborżi li jkunu saru matul il-perjodu attiv tiegħu u mill-istrumenti ta’ finanzjament relatati allokati għalih. Kwalunkwe żborż għandu jiġi attribwit għall-kompartiment taż-żmien attiv fid-data ta’ dak l-iżborż.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, f’każ li l-ammont tar-rikavati tal-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil attribwit għall-kompartiment taż-żmien preċedenti jaqbeż l-ammont ta’ żborżi attribwiti għal dak il-kompartiment f’konformità mal-ewwel subparagrafu, l-iżborżi għandhom ikomplu jiġu allokati għal dak il-kompartiment taż-żmien sakemm l-ammont totali ta’ żborżi jilħaq l-ammont tar-rikavati ta’ dawk l-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil.

L-iżborż għandu jibqa’ attribwit lill-kompartiment taż-żmien fir-rigward ta’ kwalunkwe ammont pendenti li jkun għad irid isir ripagament tiegħu.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(2), ir-rikavati tal-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil għandhom jiġu attribwiti lil kompartiment taż-żmien.

4.   L-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 5 għandhom jiġu attribwiti lill-kompartiment taż-żmien li jkun attiv fil-mument tal-konklużjoni tal-operazzjoni ta’ teħid b’self li ġġenerathom.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu:

(a)

strumenti ta’ finanzjament iġġenerati bil-ħsieb li jiġi ffinanzjat żborż fil-kompartiment taż-żmien sussegwenti jistgħu jiġu attribwiti lil dak il-kompartiment taż-żmien;

(b)

f’każ li l-ammont tal-iżborżi fi tmiem il-kompartiment taż-żmien attiv jaqbeż l-ammont ta’ rikavati tal-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil, l-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil iġġenerati mill-operazzjonijiet ta’ teħid b’self wara tmiem il-perjodu attiv tal-kompartiment taż-żmien għandhom jiġu attribwiti lil dak il-kompartiment taż-żmien sakemm l-ammont tar-rikavati tal-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil jilħaq l-ammont tal-iżborżi ta’ dak il-kompartiment taż-żmien.

5.   L-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil li jissostitwixxu l-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu twil li jimmaturaw għandhom jiġu attribwiti lill-istess kompartiment taż-żmien. L-Artikolu 6 għandu japplika f’każ ta’ diskrepanza bejn id-data tal-maturità tal-istrument ta’ maturità ta’ terminu twil u d-data tat-teħid b’self tal-istrument ta’ terminu twil li tissostitwiha.

Artikolu 5

Kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità

1.   Il-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità għandu jopera sakemm isir ripagament sħiħ tal-operazzjonijiet tat-teħid b’self awtorizzati fil-programmi CAM.

2.   L-istrumenti ta’ finanzjament ta’ terminu qasir, l-operazzjonijiet tal-ġestjoni tad-dejn u l-kostijiet li jirriżultaw minnhom għandhom jiġu attribwiti lill-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità.

Artikolu 6

Livellar tal-bilanċi tal-likwidità

1.   Il-livell tal-parteċipazzjonijiet ta’ likwidità f’kompartiment taż-żmien għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta’ kuljum bħala d-differenza bejn l-influssi u l-flussi ta’ ħruġ, kif stabbilit fil-pass 3 tal-punt 1 tal-Anness.

2.   Kwalunkwe ammont pożittiv imsemmi fil-paragrafu 1 (“surplus ta’ likwidità”) għandu jkun fuq bażi ta’ kuljum allokat mill-kompartiment taż-żmien għall-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità, kif stabbilit fil-pass 4 tal-punt 1 tal-Anness bil-kost tal-finanzjament tal-kompartiment taż-żmien rilevanti f’dak il-jum.

3.   Kwalunkwe ammont li jikkorrispondi għall-ammont negattiv imsemmi fil-paragrafu 1 (“defiċit ta’ likwidità”) għandu jiġi attribwit fuq bażi ta’ kuljum mill-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità għall-kompartiment taż-żmien, kif stabbilit fil-pass 6 tal-punt 1 tal-Anness, bil-kost tal-finanzjament tal-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità f’dak il-jum.

TAQSIMA 2

Kalkolu tal-kostijiet tal-finanzjament u tal-kostijiet tal-ġestjoni tal-likwidità

Artikolu 7

Kalkolu tal-kost tal-finanzjament ta’ kompartiment taż-żmien

1.   Il-kostijiet tal-finanzjament għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi ta’ kuljum.

2.   Il-kost tal-finanzjament ta’ strument ta’ finanzjament għandu jinkludi l-imgħax ta’ kuljum fir-rigward ta’ kull strument ta’ finanzjament u agio/disagio potenzjali bbażat fuq il-prezz ta’ ħruġ kumplessiv.

3.   Il-kost tal-finanzjament ta’ kuljum tal-kompartiment taż-żmien għandu jinkludi l-kost tal-finanzjament ta’ kuljum tal-istrumenti ta’ finanzjament attribwit għall-kompartiment taż-żmien wara r-riżultati tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) u (3).

Artikolu 8

Kalkolu tal-kost tal-ġestjoni tal-likwidità

1.   Il-kost tal-ġestjoni tal-likwidità għandu jkun it-total tal-kost tar-riport fil-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità, kif stabbilit fil-punt 2 tal-Anness.

2.   Il-kost tar-riport għandu jkun id-differenza bejn l-imgħax akkumulat permezz tal-istrumenti ta’ finanzjament rilevanti tal-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità, il-kostijiet u r-redditi li jirriżultaw mil-livellar ta’ kwalunkwe surplus ta’ likwidità jew defiċits ta’ likwidità msemmija fl-Artikolu 6(2) u (3), u r-redditu fuq l-investiment iġġenerat mill-parteċipazzjonijiet.

3.   Il-kostijiet tal-ġestjoni tal-finanzjament għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi ta’ kuljum.

Artikolu 9

Allokazzjoni tal-kostijiet tal-ġestjoni tal-likwidità

1.   Il-kostijiet tal-ġestjoni tal-likwidità għandhom jiġu kkalkulati bħala t-total tal-kostijiet ta’ kuljum tal-ġestjoni tal-likwidità matul trimestru. Dawn il-kostijiet għandhom jiġu attribwiti lil kull żborż fuq bażi prorata tas-sehem relattiv tal-iżborż għall-ammonti pendenti totali ta’ żborżi fi tmiem it-trimestru.

2.   Il-kost tal-ġestjoni tal-likwidità għandu jkun ikkalkulat abbażi tal-metodoloġija u l-passi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness.

Artikolu 10

Attribuzzjoni tal-kost tal-finanzjament għal żborż

1.   L-iżborżi tal-istess kompartiment taż-żmien għandhom iġorru l-istess kost ta’ finanzjament medju ta’ kuljum sakemm isir ir-ripagament tagħhom.

2.   Għal kull żborż pendenti, il-kost ta’ finanzjament ta’ kuljum għandu jiġi kkalkulat billi l-kost ta’ finanzjament totali tal-kompartiment wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) u (3) jiġi mmultiplikat bl-ammont tal-iżborż diviż bl-ammonti pendenti totali tal-iżborżi tal-kompartiment taż-żmien li għalih jiġi attribwit l-iżborż.

KAPITOLU 3

KOST TAS-SERVIZZ GĦALL-ISPEJJEŻ ĠENERALI AMMINISTRATTIVI

Artikolu 11

Kost tas-servizz għall-ispejjeż ġenerali amministrattivi

Il-kost tas-servizz għall-ispejjeż ġenerali amministrattivi għandu jinkludi kostijiet amministrattivi rikorrenti għall-benefiċjarji u kostijiet ta’ stabbiliment għal self permezz tal-RRF. Dawn għandhom jiġu kkalkulati f’konformità mal-punt 3 tal-Anness.

Artikolu 12

Kostijiet amministrattivi rikorrenti

1.   Il-kostijiet amministrattivi rikorrenti għandhom jinkludu kwalunkwe kost imġarrab mill-Kummissjoni fl-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u tal-immaniġġar tad-dejn, li jinkludu t-tipi li ġejjin: tariffi legali bħal dawk imġarrba għal opinjonijiet ġuridiċi, kostijiet rikorrenti tal-ġestjoni tal-kontijiet, kostijiet għall-awditjar estern, tariffi ta’ manutenzjoni tal-pjattaforma tal-irkant, tariffi tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni, elenkar, taxxi, reġistrazzjoni, tariffi ta’ pubblikazzjoni u ta’ saldu, teknoloġija tal-informazzjoni, spejjeż tar-riċerka relatati mas-suq, u tariffi tal-aġenti kuntrattwali relatati mal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata.

2.   Sa fejn dawn il-kostijiet ikunu komuni għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self implimentati għal programmi oħra ta’ assistenza finanzjarja, il-kostijiet inklużi fil-kalkolu għandhom jiġu kkalkulati abbażi tas-sehem prorata attribwit għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u tal-ġestjoni tad-dejn fis-sena kalendarja rilevanti.

3.   Il-kostijiet amministrattivi rikorrenti għandhom jiġu kkalkulati għal kull żborż riċevut permezz ta’ kull ftehim dwar self fuq bażi prorata tal-iżborż għall-ammonti totali ta’ żborżi fi tmiem is-sena kalendarja.

Artikolu 13

Kostijiet tal-istabbiliment għas-self permezz tal-RRF

1.   Il-kostijiet tal-istabbiliment għas-self permezz tal-RRF għandhom jinkludu kwalunkwe kost imġarrab mill-Kummissjoni fil-bini tal-kapaċità għat-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ teħid b’self, tal-ġestjoni tad-dejn u tal-ġestjoni tal-pagamenti tal-NGEU. Dawn jinkludu kostijiet relatati mal-istabbiliment tal-kontijiet tal-NGEU, l-istabbiliment ta’ pjattaforma tal-irkant, għodda tal-ġestjoni tal-investituri, kostijiet oħra tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tariffi ta’ riċerka u konsulenza relatati mas-suq.

2.   L-Istati Membri li jiffirmaw ftehimiet dwar self permezz tal-RRF għandhom iġarrbu 48 % tal-kostijiet tal-istabbiliment totali.

3.   Fl-2021, fl-2022 u fl-2023, l-Istati Membri għandhom iħallsu l-kostijiet tal-istabbiliment imsemmija fil-paragrafu 1 fuq bażi prorata tal-ammont tas-self skont il-ftehim dwar self permezz tal-RRF iffirmat għall-ammont totali ta’ selfiet skont il-ftehimiet dwar self permezz tal-RRF kollha ffirmati, kif stabbilit fil-punt 3(2)(a) u 3(2)(b) tal-Anness.

4.   Sat-30 ta’ Ġunju 2024, kwalunkwe kost tal-istabbiliment mhux allokat lill-Istati Membri li ffirmaw ftehimiet ta’self permezz tal-RRF għandu jiġi allokat fuq bażi prorata għall-ammont ta’ self iffirmat skont kull ftehim ta’ self permezz tal-RRF għall-ammonti totali ta’ selfiet skont il-ftehimiet ta’ self permezz tal-RRF kollha ffirmati sal-31 ta’ Diċembru 2023, kif stabbilit fil-punt 3(2)(c) tal-Anness.

5.   L-ebda kost tal-istabbiliment addizzjonali għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self ma għandu jkun dovut wara tmiem is-sena 2023 jew allokat għall-programmi CAM, sakemm dawn ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053.

KAPITOLU 4

FATTURAZZJONI

Artikolu 14

Avviż ta’ konferma

1.   Fir-rigward ta’ kull żborż, għandu jiġi stabbilit avviż ta’ konferma li jkun fih it-termini li jwasslu għat-talba dwar il-kostijiet mill-Kummissjoni.

2.   L-avviż ta’ konferma għandu jiddetermina t-termini għall-kost tal-pagament ta’ finanzjament u r-ripagament tal-kapital li għandu jsir ripagament tagħhom mill-baġit tal-Unjoni skont l-Artikolu 5(1), l-ewwel subparagrafu tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 għal appoġġ mhux ripagabbli u mill-benefiċjarji ta’ ftehimiet ta’ self.

3.   L-avviż tal-ftuħ ta’ konferma għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

l-ammont tal-iżborż,

(b)

id-data ta’ maturità,

(c)

l-iskeda ta’ ripagament,

(d)

l-attribuzzjoni tal-iżborż għal kompartiment taż-żmien,

(e)

perjodu tal-imgħax li jindika d-data tal-pagament.

4.   L-avviż ta’ konferma għas-self għandu jinkludi wkoll elementi addizzjonali indikati fil-ftehimiet ta’ self.

Artikolu 15

Fatturazzjoni tal-kostijiet ta’ finanzjament

1.   Il-kost ta’ finanzjament għandu jiġi kkalkulat b’rabta ma’ kull żborż fi tmiem il-perjodu tal-imgħax iddeterminat fl-avviż ta’ konferma.

2.   Il-fatturazzjoni għandha ssir fi tmiem il-perjodu tal-imgħax iddeterminat fl-avviż ta’ konferma. Fir-rigward tal-iżborżi bħala dħul assenjat estern skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/2094 u l-iżborżi skont l-istrument AMF+, f’każ li l-Ukrajna titlob sussidjar tal-kostijiet relatati, il-fatturi jistgħu jiġu raggruppati għal kull trimestru tas-sena.

Artikolu 16

Fatturazzjoni tal-kost tal-ġestjoni tal-likwidità

Il-kost tal-ġestjoni tal-likwidità għandu jiġi fatturat fil-bidu ta’ kull sena kalendarja għall-kost imġarrab matul is-sena kalendarja preċedenti.

Artikolu 17

Fatturazzjoni tal-kost tas-servizz għall-ispejjeż ġenerali amministrattivi

Il-benefiċjarji tas-selfiet għandhom jiġu fatturati fil-bidu ta’ kull sena kalendarja għall-kost tas-servizz għall-ispejjeż ġenerali amministrattivi mġarrba matul is-sena kalendarja preċedenti, fir-rigward tal-kostijiet aggregati allokati skont l-Artikolu 11.

Il-pagamenti mill-benefiċjarji għall-kostijiet tas-servizz għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat intern fis-sens tal-Artikolu 21(3)(a) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 18

Tħassir

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1095 hija mħassra.

Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2022/2434 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu ġenerali ta’ teħid b’self (ĠU L 319, 13.12.2022, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1095 tat-2 ta’ Lulju 2021 li tistabbilixxi l-metodoloġija għall-allokazzjoni tal-kostijiet relatati mal-operazzjonijiet mutwatarji u tal-ġestjoni tad-dejn permezz tan-NextGenerationEU (ĠU L 236, 5.7.2021, p. 75).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi strument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja +) (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2544 tad-19 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-arranġamenti għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u tal-immaniġġar tad-dejn tal-UE permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata u operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati (ara l-paġna 109 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

1.   Kalkolu tal-ispiża tal-finanzjament

L-ispiża tal-finanzjament għandha tiġi kkalkulata fil-fażijiet li ġejjin:

Pass Nru 1: Kalkolu tal-ispejjeż totali ta’ kuljum ta’ strument ta’ finanzjament individwali f’perjodu ta’ żmien jew f’kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità

Id-dovuti ta’ kuljum għandhom jiġu kkalkulati:

Formula

Għal kull strument ta’ finanzjament, l-agio/id-disagio għandhom jitqassmu b’mod lineari tul ħajjet l-istrument:

agio/disagio ta’ kuljum = (100-prezz tal-ħruġ):(data tal-maturità - data tal-ħruġ)

meta l-prezz tal-ħruġ = Prezz li jinkludi kollox (inklużi t-tariffi bankarji)

Għal kull strument ta’ finanzjament, l-ispejjeż totali ta’ kuljum għandhom jiġu kkalkulati:

CoFta’ kuljum għal kull strument = ACCta’ kuljum+agio/disagiota’ kuljum

Pass Nru 2: Kalkolu tal-ispejjeż totali aggregati ta’ kuljum tal-finanzjament

Għal kull perjodu ta’ żmien (TC1-TC11), l-ispejjez totali ta’ kuljum għall-kompartiment qabel l-ibbilanċjar imsemmi fl-Artikolu 5 għandhom ikunu s-somma tal-ispejjez totali ta’ kuljum kollha ta’ kull strument ta’ finanzjament attribwit għall-perjodu ta’ żmien:

CoFTC(x) ta’ kuljum qabel l-ibbilanċjar=∑ CoFta’ kuljum għal kull strument allokat għat-TC(x)

Għall-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità, l-Ispiża tal-Finanzjament għandha tkun:

CoFLMC ta’ kuljum qabel l-ibbilanċjar=∑ CoFta’ kuljum għal kull strument allokat għal-LMC

Pass Nru 3: Kalkolu tal-bilanċi tal-likwidità fil-kompartimenti tal-ħin

Il-livell ta’ parteċipazzjonijiet ta’ likwidità għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta’ kuljum kif ġej:

LikwiditàTC(x) = Dħul [Ħruġ ta’ rikavat + Imgħaxself/għotjiet + Ripagamentiself/għotjiet] – Ħruġ [Żborżi + Kupunidejn pendenti+ Tifdija tad-Dejn]

Pass Nru 4: Kalkolu tal-ispiża tal-finanzjament tal-istrumenti ta’ finanzjament affettwati mis-surplus tal-likwidità

Dan il-pass jidentifika l-parti tas-CoF tal-kompartimenti tal-ħin b’surplus ta’ likwidità li jista’ jiġi attribwit għal-likwidità miżmuma f’dak il-kompartiment.

L-ispejjeż tal-finanzjament relatati mal-istrumenti ta’ finanzjament għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

CoFSurplus tal-LikwiditàTC(surplus) =

CoFTC ta’ kuljum (surplus) qabel l-ibbilanċjar * Likwidità TC ta’ kuljum (surplus): TC (surplus)

CoFTC ta’ kuljum (surplus) wara l-ibbilanċjar = CoFTC ta’ kuljum (surplus) qabel l-ibbilanċjar - CoFsurplus tal-likwiditàTC (surplus)

Pass Nru 5: Kalkolu tal-ispiża tal-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità f’każ li l-ispiża tal-finanzjament tiġi attribwita lilu mill-perjodu ta’ żmien b’surplus tal-likwidità

F’każ li l-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità jirċievi surplus mill-perjodu ta’ żmien, l-ispiża tal-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

CoFLMC ta’ kuljum wara l-ibbilanċjar = CoFLMC ta’ kuljum wara l-ibbilanċjar + ∑ CoFSurplus tal-likwidità TC(surplus)

Pass Nru 6: Il-kalkolu tal-ispiża tal-finanzjament tal-perjodu ta’ żmien b’defiċit ta’ likwidità

Kull defiċit ta’ likwidità f’perjodu ta’ żmien jiġi bbilanċjat bi trasferiment ta’ likwidità mill-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità bl-ispejjeż ta’ kuljum tal-finanzjament tiegħu (Pass Bru 5).

Għal kompartimenti ta’ żmien b’bilanċ tal-likwidità pożittiv, l-ispiża ta’ wara l-ibbilanċjar tal-finanzjament diġà tirriżulta mill-Pass Nru 4 hawn fuq.

CoFtrasferiment ta’ likwidità ta’ kuljum mil-LMC = CoFLMC ta’ kuljum wara l-ibbilanċjar * Ammont ta’ trasferiment: LMC

CoFTC ta’ kuljum (defiċit) ta’ wara l-ibbilanċjar = CoFTC ta’ kuljum (defiċit) ta’ qabel l-ibbilanċjar + CoFTrasferiment tal-likwidità mil-LMC

Filwaqt li l-ispiża tal-finanzjament tista’ tvarja bejn kompartimenti ta’ żmien ta’ sitt xhur minħabba differenzi fil-kundizzjonijiet ta’ finanzjament lil hinn mill-kontroll tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tiġġestixxi l-operazzjonijiet ta’ self u ta’ ġestjoni tad-dejn biex tiżgura li kull perjodu ta’ żmien ikollu profili ta’ maturità simili kemm jista’ jkun.

Pass Nru 7: Il-kalkolu tal-ispiża ta’ kuljum tal-finanzjament tal-iżborż

L-ispiża ta’ kuljum tal-finanzjament tal-iżborż għandha tkun l-ammont tal-iżborż immultiplikat bis-sehem relattiv tal-iżborż b’rabta mal-perjodu ta’ żmien li għalih ikun ġie allokat.

COF tal-iżborż f’TC(x) =

CoFTC(x) ta’ kuljum wara l-ibbilanċjar * ammont pendenti ta’ żborżi: ∑ żborżi pendenti fit-TC(x)

2.   Kalkolu tal-Ispiża tal-Ġestjoni tal-Likwidità

L-ispejjeż tal-ġestjoni tal-likwidità għal kull żborż għandhom jiġu kkalkulati bħala s-somma tal-ispejjeż ta’ kuljum tal-parteċipazzjoni tal-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità wara l-ibbilanċjar tal-bilanċi tal-likwidità tal-kompartimenti tal-ħin matul il-perjodu tal-kalkolu. Kull prospett (jew spiża f’każ ta’ rati negattivi) għandu jitnaqqas kif ġej:

LIQMta’ trimestru= ∑ CoFLMCta’ kuljum wara l-ibbilanċjar matul it-trimestru – RoI tal-parteċipazzjonijiet tal-likwiditàta’ trimestru

Il-LIQM għandu jiġi attribwit għal kull żborż kif ġej:

LIQM tal-iżborż =

LIQMta’ trimestru *

∑ żborż pendentifi tmiem it-trimestru: ∑ żborżi pendentifi tmiem it-trimestru

3.   Kalkolu tal-Ispiża tas-Servizz għall-ispejjeż amministrattivi

3.1.   Kalkolu tal-ispejjeż amministrattivi rikorrenti

L-ispejjeż amministrattivi rikorrenti għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

l-ispejjeż amministrattivi rikorrenti annwali total = ∑ elementi ta’ spiża amministrattiva rikorrenti għas-sena kalendarja

L-ispejjeż amministrattivi rikorrenti għandhom jiġu allokati kif ġej:

l-ispejjeż amministrattivi rikorrenti annwali għal kull benefiċjarju = l-ispejjeż amministrattivi rikorrenti annwali total *

∑ żborż pendenti għall-benefiċjarjufi tmiem is-sena: ∑ żborżi pendentifi tmiem is-sena

3.2.   Kalkolu u allokazzjoni tal-ispejjez ta’ stabbiliment

L-ispejjeż tal-istabbiliment għal kull benefiċjarju ta’ self permezz tal-RRF għandhom jiġu kkalkulati fiż-żewġ passi li ġejjin:

(a)

L-ispejjeż ta’ stabbiliment għal self permezz tal-RRF għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

spejjeż tal-istabbiliment għal self permezz tal-RRF = 48 %*∑ elementi tal-ispejjeż tal-istabbiliment

(b)

L-ispejjeż tal-istabbiliment għas-self tal-RRF għandhom jiġu allokati għas-snin 2021, 2022 u 2023 lil kull Stat Membru li jkun iffirma ftehim ta’ self tal-RRF kif ġej:

spejjeż tal-istabbiliment għal kull self permezz tal-RRF iffirmat = spejjeż tal-istabbiliment għal self permezz tal-RRF*

ammont ta’ self iffirmat għal kull Stat Membru fi tmiem is-sena: ammont massimu totali ta’ self mill-RRF

(c)

Mill-1 ta’ Jannar 2024, kull spiża ta’ stabbiliment mhux allokata għandha tiġi kkalkulata kif ġej:

spiża ta’ stabbiliment mhux allokat għal self permezz tal-RRF = spejjeż ta’ stabbiliment għal self permezz tal-RRF - ∑ spiża ta’ stabbiliment allokata għal self permezz tal-RRF fl-2021, l-2022 u l-2023

Dawn għandhom jiġu allokati bħala spejjeż ta’ stabbiliment addizzjonali għall-iżborżi lill-Istati Membri skont il-ftehim ta’ self permezz tal-RRF kif ġej:

spiża ta’ stabbiliment addizjonali għal kull benefiċjarju = spiża ta’ stabbiliment mhux allokat għal self permezz tal-RRF fi tmiem l-2023*

∑ ammonti ta’ self iffirmati għal kull benefiċjarju fi tmiem l-2023: ammont totali ta’ self fil-ftehimiet ta’ self permezz tal-RRF iffirmati fi tmiem l-2023

3.3.   Kalkolu tal-Ispiża tas-Servizz għal kull benefiċjarju

CoSAnnwali = ∑ Elementi tal-ispejjeż amministrattivi rikorrenti + ∑ Elementi tal-ispejjeż amministrattivi tal-istabbiliment

4.   Glossarju tal-akronimi

ACCdaily

L-ispejjeż tal-imgħax akkumulati mqassma skont il-jum

(ACC) ta’ kuljum

Akkumulazzjonijiet ta’ kuljum ta’ strument ta’ finanzjament individwali

Agio/disagiota’ta’ kuljun

agio jew disagio mqassma skont il-jum

Benefiċjarju

Stat Membru jew pajjiż terz li huwa parti għal ftehim ta’ self skont il-programm CAM, jew il-baġit tal-Unjoni għal appoġġ mhux ripagabbli skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053

COF ta’ pretensjoni individwali f’TC(x)

COF ta’ pretensjoni f’perjodu ta’ żmien X

CoFta’ kuljum għal kull strument

COF ta’ kuljum għal kull strument ta’ finanzjament

CoFLMC ta’ kuljum wara l-ibbilanċjar

COF ta’ kuljum għal-LMC wara l-ibbilanċjar

CoFLMC ta’ kuljum qabel l-ibbilanċjar

COF ta’ kuljum għal-LMC qabel l-ibbilanċjar

CoFTC ta’ kuljum (defiċit) wara l-ibbilanċjar

CoF ta’ kuljum wara l-ibbilanċjar tal-kompartimenti b’defiċit ta’ likwidità inizjali

CoFTC ta’ kuljum (surplus) wara l-ibbilanċjar

CoF ta’ kuljum wara l-ibbilanċjar tal-kompartimenti b’surplus ta’ likwidità inizjali

CoFTC(x) ta’ kuljum qbel l-ibbilanċjar

CoF ta’ kuljum qabel l-ibbilanċjar tal-kompartiment X

CoFSurplus tal-LikwiditàTC(surplus)

CoF ta’ kuljum relatat mas-surplus tal-likwidità fil-perjodu ta’ żmien

CoFTrasferiment tal-likwidità mil-LMC

CoF ta’ kuljum relatat mal-likwidità li tiġi ttrasferita lil-LMC

CoSAnnwali

Is-somma tal-ispejjeż amministrattivi tas-servizz maul is-sena kalendarja

Kupun

Imgħaxijiet imħallsa mill-emittent fuq il-bond

LikwiditàTC(x)

L-ammont ta’ likwidità fil-perjodu ta’ żmien X. Is-surplus jew id-defiċit huwa indikat wara l-Pass Nru 3

Spejjez tal-LMCtrimestru

Spejjeż tal-ġestjoni tal-likwidità matul trimestru

nozzjonali

Ammont nominali

ROI tal-parteċipazzjonijiet tal-likwiditàta’ trimestru

Redditu fuq l-investiment tal-parteċipazzjonijiet tal-likwidità matul trimestru

TC(x)

Is-somma totali tal-pretensjonijiet u l-likwidità tal-perjodu ta’ żmien X


Top