Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1024

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1024 tas-7 ta’ April 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali fir-rigward tal-emendi tal-Anness III għal dik il-Konvenzjoni

ST/7010/2022/INIT

ĠU L 172, 29.6.2022, pp. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1024/oj

29.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1024

tas-7 ta’ April 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali fir-rigward tal-emendi tal-Anness III għal dik il-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 192(1) u 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (il-“Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Frar 2004 u ġiet konkluża f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE (1).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jimplimenta l-Konvenzjoni fi ħdan l-Unjoni (2).

(3)

Skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tista’ telenka kimiċi fl-Anness III għall-Konvenzjoni.

(4)

Fl-għaxar laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni hija mistennija tadotta deċiżjonijiet biex telenka aktar kimiċi fl-Anness III għall-Konvenzjoni.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-Partijiet importaturi jibbenefikaw mill-protezzjoni offruta mill-Konvenzjoni, u peress li l-kriterji rilevanti kollha skont il-Konvenzjoni huma ssodisfati, huwa meħtieġ u xieraq li tiġi appoġġata r-rakkomandazzjoni mill-Kumitat ta’ Reviżjoni dwar Kimika taħt il-Konvenzjoni fir-rigward tal-inklużjoni fl-Anness III għall-Konvenzjoni tal-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos krisotil, l-etere tad-dekabromodifenil, il-fentijon (ċerti formulazzjonijiet likwidi li fihom id-diklorur tal-parakwat u l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imluħa tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA. L-użu ta’ dawk is-sustanzi kimiċi diġà huwa pprojbit jew ristrett severament fi ħdan l-Unjoni, u, skont ir-Regolament (UE) Nru 649/2012, il-biċċa l-kbira tagħhom huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ esportazzjoni li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ skont il-Konvenzjoni.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fir-rigward tal-emendi għall-Anness III għall-Konvenzjoni, peress li dawk l-emendi ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali għandha tkun li tappoġġa l-emenda tal-Anness III għall-Konvenzjoni fir-rigward tal-inklużjoni tal-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos krisotil, l-etere tad-dekabromodifenil, il-fentijon (formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), il-formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat f’livell ta’ 276 g/L jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat f’livell ta’ 200 g/L jew aktar, u l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imluħa tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA.

Artikolu 2

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jaqblu dwar irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikoli 1 fid-dawl tal-iżviluppi waqt l-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. DENORMANDIE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE tal-25 ta’ Settembru 2006 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60).


Top