Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1004

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1004 tas-17 ta’ Ġunju 2022 li tawtorizza lill-Finlandja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut lil ċerti pompi tas-sħana, bojlers elettriċi u pompi tal-ilma li jiċċirkolaw mill-ġdid, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    ST/9659/2022/INIT

    ĠU L 168, 27.6.2022, p. 84–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1004/oj

    27.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 168/84


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1004

    tas-17 ta’ Ġunju 2022

    li tawtorizza lill-Finlandja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut lil ċerti pompi tas-sħana, bojlers elettriċi u pompi tal-ilma li jiċċirkolaw mill-ġdid, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Awwissu 2021, il-Finlandja, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, talbet awtorizzazzjoni biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut lill-pompi tas-sħana u lill-bojlers elettriċi li jiġġeneraw is-sħana għan-network tat-tisħin distrettwali, lill-pompi tas-sħana b’output termiku nominali ta’ mill-inqas 0,5 MW mhux konnessi man-network tat-tisħin distrettwali, u lill-pompi tal-ilma li jiċċirkolaw mill-ġdid fl-impjanti tat-tisħin ġeotermali. L-awtoritajiet Finlandiż ipprovdew aktar informazzjoni u kjarifiki b’appoġġ għat-talba fl-4 ta’ Novembru 2021, fis-26 ta’ Jannar 2022, u fis-16 ta’ Frar 2022.

    (2)

    Permezz tar-rata mnaqqsa prevista, il-Finlandja għandha l-għan li żżid l-elettrifikazzjoni tas-settur tal-użu finali tat-tisħin u li tippromwovi l-produzzjoni tas-sħana mhux mill-kombustjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Iż-żieda fl-użu ta’ installazzjonijiet tat-tisħin li jaħdmu bl-elettriku hija mistennija li tagħti benefiċċji ambjentali u klimatiċi.

    (3)

    Li l-Finlandja titħalla tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut lill-pompi tas-sħana u lill-bojlers elettriċi li jiġġeneraw is-sħana għan-network tat-tisħin distrettwali, lill-pompi tas-sħana b’output termiku nominali ta’ mill-inqas 0,5 MW li ma jkunux konnessi man-network tat-tisħin distrettwali u lill-pompi tal-ilma li jiċċirkolaw mill-ġdid fl-impjanti tat-tisħin ġeotermali, ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tiżdied l-elettrifikazzjoni tas-settur tal-użu finali tat-tisħin. Tali installazzjonijiet tat-tisħin jippromwovu t-tranżizzjoni ekoloġika u jnaqqsu l-użu tal-produzzjoni tas-sħana abbażi tal-fjuwils ta’ kombustjoni. Dawk l-installazzjonijiet għadhom ma humiex kompetittivi fis-suq, u l-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa mnaqqsa kif mitluba mill-Finlandja tillimita l-piż amministrattiv. Għalhekk, dik il-miżura x’aktarx li ma twassalx għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-ħajja tagħha u għalhekk mhux ser taffettwa b’mod negattiv il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Artikolu 19(1) ta’ dik id-Direttiva għandu jkollha żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu tal-awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti neċessarji, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2027. Madankollu, biex ma jiddgħajjifx l-iżvilupp ġenerali futur tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li jiġi stipulat li, f’każ li l-Kunsill, li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li għalihom ma tkunx tista’ tiġi adattata l-awtorizzazzjoni, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika fid-data li fiha dik is-sistema ġenerali modifikata ssir applikabbli.

    (5)

    Sabiex l-operaturi tal-installazzjoni jkunu jistgħu jsegwu l-promozzjoni tal-pompi tas-sħana u tal-bojlers elettriċi li jiġġeneraw is-sħana għan-network tat-tisħin distrettwali, il-pompi tas-sħana b’output termiku nominali ta’ mill-inqas 0,5 MW mhux konnessi man-network tat-tisħin distrettwali, u l-pompi tal-ilma li jiċċirkolaw mill-ġdid fl-impjanti tat-tisħin ġeotermali, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-Finlandja tkun tista’ tapplika t-tnaqqis fit-taxxa, kif mitlub, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022. Billi tipprevedi l-applikazzjoni minn data qabel l-awtorizzazzjoni ssir effettiva, l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi jiġu rispettati, peress li l-awtorizzazzjoni ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

    (6)

    Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Diment li l-livell minimu ta’ tassazzjoni msemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE, kif stabbilit għall-użu kummerċjali fit-Tabella C tal-Anness I għal dik id-Direttiva, jiġi rrispettat, il-Finlandja hija awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut lil kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    pompi tas-sħana u bojlers elettriċi li jiġġeneraw is-sħana għan-network tat-tisħin distrettwali;

    (b)

    pompi tas-sħana b’output termiku nominali ta’ mill-inqas 0,5 MW mhux konnessi man-network tat-tisħin distrettwali;

    (c)

    pompi tal-ilma li jiċċirkolaw mill-ġdid fl-impjanti tat-tisħin ġeotermali.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    Madankollu, f’każ li l-Kunsill, li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li għalihom l-awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni ma tkunx ġiet adattata, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fid-data li fiha dik is-sistema ġenerali modifikata ssir applikabbli.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. LE MAIRE


    (1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.


    Top