This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022D0121
Commission Decision (EU) 2022/121 of 27 January 2022 laying down internal rules concerning the provision of information to data subjects and the restriction of certain of their rights in the context of processing of personal data for the purposes of handling requests and complaints under the Staff Regulations
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/121 tas-27 ta’ Jannar 2022 li tistabbilixxi regoli interni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ ċerti drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tat-trattament ta’ talbiet u lmenti skont ir-Regolamenti tal-Persunal
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/121 tas-27 ta’ Jannar 2022 li tistabbilixxi regoli interni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ ċerti drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tat-trattament ta’ talbiet u lmenti skont ir-Regolamenti tal-Persunal
C/2022/386
ĠU L 19, 28.1.2022, p. 77–83
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
28.1.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 19/77 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/121
tas-27 ta’ Jannar 2022
li tistabbilixxi regoli interni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ ċerti drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tat-trattament ta’ talbiet u lmenti skont ir-Regolamenti tal-Persunal
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 249(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (1) (“ir-Regolamenti tal-Persunal”), jirrikjedu li l-Kummissjoni twieġeb għal ċerti talbiet u lmenti. Dawk il-kompiti jitwettqu prinċipalment mill-Unità “Appelli u Monitoraġġ tal-Każijiet” tad-Direttorat Ġenerali responsabbli għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà (“DĠ HR”), li tistabbilixxi l-fatti rilevanti u tevalwahom minn perspettiva legali sabiex tassisti lill-Awtorità tal-Ħatra jew lill-Awtorità responsabbli għall-Konklużjoni tal-Kuntratti ta’ Impjieg (“l-Awtorità”) fit-teħid ta’ deċiżjoni. |
(2) |
L-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal jobbliga lill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 24 u 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tistabbilixxi proċedura għat-trattament tal-ilmenti mressqa mill-uffiċjali dwar il-mod kif jiġu ttrattati wara jew bħala konsegwenza li jkunu rrapportaw irregolarità serja skont l-Artikoli 22a u 22b tar-Regolamenti tal-Persunal (2). |
(3) |
L-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jirrikjedi li l-Kummissjoni tassisti lill-uffiċjali fi proċedimenti kontra persuni li jwettqu theddid, atti jew kliem ta’ insult jew malafama, jew attakki fuq persuna jew proprjetà li għalihom huma jew membru tal-familja tagħhom huma soġġetti minħabba l-pożizzjoni jew id-dmirijiet tagħhom. |
(4) |
L-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti lil kull persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal li titlob lill-Awtorità tieħu deċiżjoni dwarha, jew tressaq ilment kontra deċiżjoni li taffettwaha b’mod negattiv. |
(5) |
Fil-kuntest ta’ dawk l-attivitajiet, is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni jiġbru u jipproċessaw l-informazzjoni rilevanti. Dik l-informazzjoni tinkludi data personali, b’mod partikolari data dwar l-identifikazzjoni, data ta’ kuntatt u dwar l-imġiba. Is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni jittrażmettu data personali lil servizzi oħra tal-Kummissjoni fuq bażi ta’ “tagħrif skont il-bżonn”. |
(6) |
Id-data personali hija maħżuna f’ambjent elettroniku u sigur biex ma jkunx hemm aċċess illegali jew trasferiment ta’ data lil persuni li m’għandhomx bżonn li jkunu jafu. Wara li jintemm l-ipproċessar, id-data tinżamm f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Kummissjoni (3). |
(7) |
Waqt li twettaq il-kompiti tagħha skont ir-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni hija marbuta li tirrispetta d-drittijiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali rikonoxxuti mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) tat-Trattat, kif ukoll id-drittijiet previsti fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Fl-istess ħin, il-Kummissjoni hija meħtieġa tikkonforma ma’ regoli stretti ta’ kunfidenzjalità u segretezza professjonali. |
(8) |
F’ċerti ċirkostanzi, huwa meħtieġ li jiġu rikonċiljati d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 mal-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u li tiġi żgurata l-effettività tar-rispons tal-Kummissjoni għal allegazzjonijiet ta’ fastidju u mġiba jew attakki oħra mhux xierqa, kif ukoll b’rispett sħiħ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti tad-data oħrajn. F’dan is-sens, l-Artikolu 25(1), il-punti (b), (c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jagħti l-possibbiltà lill-Kummissjoni li tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35, kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 4(1) il-punt (a), sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19 u 20 ta’ dak ir-Regolament. |
(9) |
Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ data personali lill-persuna li fir-rigward tagħha tkun tressqet talba jew ilment “il-persuna kkonċernata”), b’mod partikolari meta l-proċedura toriġina minn talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal li tallega fastidju. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrestrinġi l-għoti ta’ tali informazzjoni lill-persuna kkonċernata sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ min jagħmel it-talba, ta’ min jagħmel l-ilment jew tax-xhud skont l-Artikolu 25(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħmel dan, b’mod partikolari biex tipproteġi lil dawk il-persuni kontra ritaljazzjoni possibbli mill-persuni kkonċernati li kontrihom saru allegazzjonijiet in bona fede, li madankollu ma wasslux għal miżuri mill-amministrazzjoni. F’xi sitwazzjonijiet jista’ jkun meħtieġ li jiġi ristrett l-għoti ta’ tali informazzjoni biex jiġi evitat li jseħħ fastidju jew imġiba jew attakki mhux xierqa oħra fil-Kummissjoni (b’mod partikolari fl-entità organizzattiva fejn il-persuna kkonċernata taħdem flimkien ma’ min jagħmel it-talba, l-ilmentatur u jew ix-xhud). |
(10) |
Jista’ jkun meħtieġ ukoll li jiġu ristretti drittijiet oħra tal-persuna kkonċernata meta l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet jiżvela informazzjoni dwar min jagħmel it-talba, l-ilmentatur jew xhud li jkun talab li l-identità tiegħu ma tiġix żvelata. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrestrinġi d-dritt ta’ aċċess għad-dikjarazzjoni relatata mal-persuna kkonċernata jew mad-drittijiet l-oħra tagħha sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ min jagħmel it-talba, tal-ilmentatur jew tax-xhud għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa 9. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħmel dan skont l-Artikolu 25(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2018/1725. |
(11) |
Jista’ jkun meħtieġ ukoll li jiġu ristretti d-drittijiet tal-persuna kkonċernata sabiex tiġi salvagwardjata funzjoni ta’ monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali f’każ fejn ikun involut objettiv importanti ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni, jiġifieri li tiġi żgurata l-effettività tar-rispons tal-Kummissjoni għal allegazzjonijiet ta’ fastidju u ta’ kwalunkwe mġiba jew attakk mhux xierqa oħra. Il-ġlieda kontra l-fastidju u kwalunkwe mġiba jew attakk ieħor mhux xieraq tikkostitwixxi objettiv importanti ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni, inkluż tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tassisti lill-persunal tagħha skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Sabiex il-membri tal-persunal ma jiġux skoraġġuti milli jirrapportaw każijiet perċepiti ta’ fastidju u mġiba jew attakki oħra mhux xierqa u milli jitolbu assistenza f’dan il-kuntest, li huwa fl-interess pubbliku tal-Unjoni, għandu jiġi żgurat li l-persuni kkonċernati ma jiksbux għarfien tat-talba għal assistenza li tikkonċernahom. Dan jista’ jkun partikolarment pertinenti f’każijiet fejn l-Awtorità ssib li ma seħħ l-ebda fastidju skont it-tifsira tar-Regolamenti tal-Persunal. F’tali sitwazzjoni, l-interess pubbliku tal-Unjoni jeżiġi li l-persuna kkonċernata ma tkunx taf bit-talba għal assistenza sabiex jiġi ppreżervat ir-rikors mill-membri tal-persunal għall-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u sabiex jiġu evitati kunflitti ġodda. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrestrinġi d-drittijiet tal-persuna kkonċernata skont l-Artikolu 25(1), il-punti (c) u (g) tar-Regolament (UE) 2018/1725. |
(12) |
Jista’ jkun meħtieġ ukoll li jiġu ristretti d-drittijiet tal-persuna kkonċernata sabiex jiġu salvagwardjati l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, li dawk li jagħmlu t-talba, l-ilmentaturi jew ix-xhieda jirrapportaw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Pereżempju, dawk li jagħmlu talba, l-ilmentaturi u x-xhieda jistgħu jirrapportaw imġiba mhux xierqa u fastidju psikoloġiku u sesswali. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrestrinġi d-drittijiet tal-persuna kkonċernata skont l-Artikolu 25(1), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2018/1725. |
(13) |
Ir-Regolamenti tal-Persunal jeżiġu li l-Kummissjoni tiżgura li t-talbiet u l-ilmenti skont dawk ir-Regolamenti jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali. Sabiex tiġi żgurata dik il-kunfidenzjalità, filwaqt li jiġu rispettati l-istandards tal-protezzjoni tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jeħtieġ li jiġu adottati regoli interni li skonthom il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punti (b), (c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725. |
(14) |
Ir-regoli interni għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar imwettqa mill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha rigward it-trattament ta’ talbiet u lmenti skont ir-Regolamenti tal-Persunal. |
(15) |
Sabiex tikkonforma mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-individwi kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u bid-drittijiet tagħhom b’mod trasparenti u koerenti permezz ta’ avviż ta’ protezzjoni tad-data ppubblikat fuq il-websajt tal-Kummissjoni. Fejn rilevanti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma individwalment, b’mezzi xierqa, lis-suġġetti tad-data involuti f’talba jew ilment, jiġifieri, dawk li jagħmlu t-talba u l-ilmentaturi, il-persuni kkonċernati u x-xhieda. |
(16) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza r-restrizzjonijiet kollha b’mod trasparenti u tirreġistra kull applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fis-sistema ta’ reġistrazzjoni korrispondenti. |
(17) |
Fir-rigward tar-restrizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, li jipprevedi li fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data, is-suġġett tad-data għandu jiġi infurmat fi żmien xahar, jenħtieġ li l-Kummissjoni, fi żmien xahar, tfassal rekord li jiddeskrivi r-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata. Dak ir-rekord jenħtieġ li jinkludi valutazzjoni każ b’każ tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni. |
(18) |
Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-kontrolluri jistgħu jiddiferixxu, iħallu barra jew jiċħdu l-għoti ta’ informazzjoni relatata mar-raġunijiet prinċipali għall-applikazzjoni ta’ restrizzjoni għas-suġġett tad-data jekk l-għoti ta’ dik l-informazzjoni jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tar-restrizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikoli 16 u 35 ta’ dak ir-Regolament. |
(19) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi b’mod regolari r-restrizzjonijiet imposti sabiex tiżgura li d-drittijiet tas-suġġett tad-data li jiġi infurmat skont l-Artikoli 16 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jiġu ristretti biss sakemm tali restrizzjonijiet ikunu meħtieġa għar-raġunijiet elenkati fil-premessa 8. |
(20) |
L-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet għandha tiġi rieżaminata meta tingħata tweġiba għat-talbiet imressqa skont l-Artikoli 22c u 24 u l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u għall-ilmenti mressqa skont l-Artikolu 22c l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jew meta jingħalqu tali talbiet u lmenti, skont liema minnhom jiġi l-ewwel. Wara dan, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-ħtieġa li żżomm xi restrizzjoni fuq bażi annwali. |
(21) |
F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li tinżamm l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni, b’mod partikolari restrizzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, sakemm id-data personali inkwistjoni ma tibqax tinżamm mill-Kummissjoni. F’każ bħal dan, is-suġġett tad-data ma għandux jiġi infurmat dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħu. Tali sitwazzjoni tista’, b’mod partikolari, isseħħ meta jkun hemm riskju għoli li l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ data personali lill-persuna kkonċernata jippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. Dan jista’ jkun il-każ fejn l-Awtorità tirrifjuta talba għall-assistenza magħmula in bona fede għal allegata mġiba mhux xierqa mill-persuna kkonċernata, u fejn il-persuna kkonċernata u min jagħmel it-talba jaħdmu flimkien fl-istess entità organizzattiva. F’sitwazzjoni bħal din, min jagħmel it-talba jirriskja li jkun soġġett għal ritaljazzjoni u l-atmosfera tax-xogħol tal-entità organizzazzjonali tista’ tkun affettwata. F’każ bħal dan, id-data personali tal-persuna kkonċernata għandha tinżamm biss sakemm id-data tkun rilevanti għat-trattament tat-talba u/jew tal-ilment u sakemm din tal-aħħar tista’ tkun is-suġġett ta’ litigazzjoni. |
(22) |
Jenħtieġ li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea jwettaq rieżami indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma’ din id-deċiżjoni. |
(23) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat u ta l-opinjoni tiegħu fit-23 ta’ Settembru 2021, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni biex tinforma lis-suġġetti tad-data dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom skont l-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725 meta tittratta talbiet u lmenti skont ir-Regolamenti tal-Persunal.
Hija tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li bihom il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punti (b), (c), (g) u (h) ta’ dak ir-Regolament.
2. Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni għall-finijiet tat-trattament ta’ talbiet u lmenti skont l-Artikoli 22c u 24 u l-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal.
3. Il-kategoriji ta’ data personali koperti minn din id-Deċiżjoni jinkludu data dwar l-identifikazzjoni, il-kuntatt u l-imġiba kif ukoll kategoriji speċjali ta’ data personali skont it-tifsira tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Artikolu 2
Eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet applikabbli
1. Meta l-Kummissjoni teżerċita d-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tqis jekk tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament.
2. Soġġett għall-Artikoli 3 sa 7, fejn l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward ta’ data personali pproċessata mill-Kummissjoni jimmina r-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 25(1), il-punti (b), (c), (g) jew (h) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni ta’:
(a) |
l-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725; kif ukoll |
(b) |
Il-prinċipju tat-trasparenza stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2018/1725 sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19 u 20 ta’ dak ir-Regolament, sabiex jiġu salvagwardjati l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, li r-rikjedenti, l-ilmentaturi jew ix-xhieda jirrappurtaw lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-persuna kkonċernata b’allegazzjonijiet ta’ fastidju jew imġiba jew attakki oħra mhux xierqa. |
3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni li jistabbilixxu regoli interni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ ċerti drittijiet skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.
4. Kwalunkwe restrizzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun neċessarja u proporzjonata, meta jitqiesu r-riskji għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data.
5. Qabel ma jiġu applikati r-restrizzjonijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq valutazzjoni “każ b’każ” tan-neċessità u l-proporzjonalità tagħhom. Ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal dak li hu strettament meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv tagħhom.
Artikolu 3
L-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data
1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lis-suġġetti tad-data kollha dwar l-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom għall-fini li jiġu ttrattati t-talbiet u l-ilmenti skont ir-Regolamenti tal-Persunal.
2. Il-Kummissjoni għandha tinforma individwalment, b’mezzi xierqa, lir-rikjedenti u lill-ilmentaturi, lill-persuni kkonċernati, kif ukoll lix-xhieda mitluba biex jipprovdu informazzjoni fir-rigward ta’ tali talbiet jew ilmenti, dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.
3. Fejn il-Kummissjoni tirrestrinġi f’konformità mal-Artikolu 2, b’mod sħiħ jew parzjali, l-għoti ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 lill-persuni kkonċernati, li d-data personali tagħhom tiġi pproċessata għall-fini tat-trattament ta’ talbiet u lmenti skont ir-Regolamenti tal-Persunal, hija għandha tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 6.
Artikolu 4
Dritt ta’ aċċess mis-suġġetti tad-data, dritt ta’ tħassir u dritt ta’ restrizzjoni tal-ipproċessar
1. Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi, b’mod sħiħ jew parzjali, id-dritt tal-aċċess tas-suġġetti tad-data għad-data personali, id-dritt għat-tħassir jew id-dritt għar-restrizzjoni tal-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikoli 17, 19 u 20 tar-Regolament (UE) 2018/1725 rispettivament, hija għandha tgħarraf lis-suġġett tad-data kkonċernat b’dan li ġej fit-tweġiba tagħha għat-talba għall-aċċess, għat-tħassir jew għar-restrizzjoni tal-ipproċessar:
(a) |
bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet ewlenin għaliha; |
(b) |
bil-possibbiltà li jibgħat ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jitlob rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
2. L-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-restrizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi miċħud sakemm ikun qed jikkanċella l-fini tar-restrizzjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tniżżel ir-raġunijiet għal tali restrizzjoni skont l-Artikolu 6.
4. Meta d-dritt ta’ aċċess ikun totalment jew parzjalment ristrett, is-suġġett tad-data għandu jeżerċita d-dritt ta’ aċċess tiegħu permezz tal-intermedjarju tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, skont l-Artikolu 25(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Artikolu 5
Komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali tas-suġġetti tad-data
Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi l-komunikazzjoni ta’ ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tieħu nota tar-raġunijiet għar-restrizzjoni u tirrekordja u tirreġistra dawn ir-raġunijiet skont l-Artikolu 6. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-rekord lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fil-ħin tan-notifika tal-ksur tad-data personali.
Artikolu 6
Dokumentazzjoni u reġistrazzjoni tar-restrizzjonijiet
1. Il-Kummissjoni għandha tieħu nota tar-raġunijiet għal kull restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, fosthom valutazzjoni tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni, filwaqt li tqis l-elementi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
2. Ir-rekord għandu jiddikjara kif l-eżerċizzju tad-dritt mis-suġġett tad-data rilevanti jimmina waħda jew aktar mir-raġunijiet applikabbli elenkati fl-Artikolu 25(1), il-punti (b), (c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
3. Ir-rekord u, meta applikabbli, id-dokumenti li jinkludu l-elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Għandhom ikunu disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.
Artikolu 7
Tul ta’ żmien tar-restrizzjonijiet
1. Ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 għandhom ikomplu japplikaw sakemm jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.
2. Fejn ir-raġunijiet għal restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 3, 4 jew 5 ma jibqgħux japplikaw, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjoni.
3. Hija għandha tipprovdi wkoll ir-raġunijiet prinċipali għall-applikazzjoni ta’ dik ir-restrizzjoni lis-suġġett tad-data u tinfurmah dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
4. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 meta twieġeb għal talbiet ippreżentati skont l-Artikoli 22c u 24 u l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, u għal ilmenti, ippreżentati skont l-Artikolu 22c u l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jew, meta tali talbiet jew ilmenti jingħalqu, skont liema minnhom tiġi l-ewwel. Wara dan, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-ħtieġa li tinżamm kwalunkwe restrizzjoni fuq bażi annwali. Ir-rieżami għandha tinkludi valutazzjoni tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni, filwaqt li tqis l-elementi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Artikolu 8
Salvagwardji u perjodi ta’ ħażna
1. Il-Kummissjoni, rispettivament l-Unità tal-Appelli u l-Monitoraġġ tal-Każijiet tad-DĠ HR għandha timplimenta salvagwardji biex tipprevjeni l-abbuż u l-aċċess illegali għal jew it-trasferiment ta’ data personali li fir-rigward tagħha japplikaw jew jistgħu jiġu applikati restrizzjonijiet. Dawn is-salvagwardji għandhom jinkludu miżuri tekniċi u organizzattivi bħal:
(a) |
definizzjoni ċara tar-rwoli, ir-responsabbiltajiet, id-drittijiet ta’ aċċess u l-passi proċedurali; |
(b) |
ambjent elettroniku sigur li jipprevjeni l-aċċess jew it-trasferiment illegali jew aċċidentali ta’ data elettronika lil persuni mhux awtorizzati; |
(c) |
ħażna u pproċessar siguri tad-dokumenti stampati limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-ipproċessar; |
(d) |
monitoraġġ dovut tar-restrizzjonijiet u rieżami perjodiku tal-applikazzjoni tagħhom. Ir-rieżamijiet imsemmija fil-punt (d) għandhom isiru mill-inqas kull sitt xhur. |
2. Ir-restrizzjonijiet għandhom jitneħħew hekk kif iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom ma jibqgħux japplikaw.
3. Id-data personali għandha tinżamm skont ir-regoli ta’ żamma applikabbli tal-Kummissjoni, li għandhom jiġu definiti fir-rekords miżmuma taħt l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Fi tmiem il-perjodu ta’ żamma, id-data personali għandha titħassar, tiġi anonimizzata jew trasferita fl-arkivji skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Artikolu 9
Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni
1. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni għandu jiġi infurmat mingħajr dewmien żejjed kull meta d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu ristretti skont din id-Deċiżjoni. Meta jitlob dan, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkun ipprovdut b’aċċess għar-rekord u għal kwalunkwe dokumenti li fihom elementi fattwali u legali sottostanti.
2. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista’ jitlob rieżami tar-restrizzjoni. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.
3. Il-Kummissjoni għandha tiddokumenta l-involviment tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’kull każ fejn jiġu ristretti d-drittijiet u l-obbligi msemmijin fl-Artikolu 2(2).
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Avviż Amministrattiv Nru 79-2013 tad-19 ta’ Diċembru 2013 “ Aġġornament tal-arranġamenti għas-sottomissjoni ta’ talbiet u lmenti (l-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal) u talbiet għal assistenza (l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal)”.
(3) Iż-żamma tal-fajls fil-Kummissjoni hija rregolata mil-Lista Komuni ta’ Żamma fil-Livell tal-Kummissjoni, dokument regolatorju fil-forma ta’ skeda ta’ ritenzjoni li tistabbilixxi l-perjodi ta’ żamma għat-tipi differenti ta’ fajls tal-Kummissjoni (SEC(2019)900). Il-perjodi ta’ żamma għal data personali huma indikati fl-avviż ta’ privatezza dwar it-trattament ta’ talbiet u lmenti skont ir-Regolamenti tal-Persunal.
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).