Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1080

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1080 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità 16, 37 u 41, u l-Istandards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju 1, 3 u 9 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/4530

    ĠU L 234, 2.7.2021, p. 90–98 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1080/oj

    2.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 234/90


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1080

    tat-28 ta’ Ġunju 2021

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità 16, 37 u 41, u l-Istandards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju 1, 3 u 9

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

    (2)

    Fl-14 ta’ Mejju 2020, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika diversi emendi minuri għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standard, IAS) 16 Proprjetà, Impjant u Tagħmir, l-IAS 37 Dispożizzjonijiet, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti, u l-Istandards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju (International Financial Reporting Standards, IFRS) 3 Kombinamenti ta’ Negozji. Dawn l-emendi jipprovdu aktar kjarifiki għal applikazzjoni aktar konsistenti tal-istandards, jew jaġġornaw ir-referenzi.

    (3)

    Fl-14 ta’ Mejju 2020, l-IASB ħareġ ukoll Annual Improvements to IFRS Standards 2018–2020 Cycle fil-qafas tal-proċess ta’ titjib regolari tiegħu. It-titjib annwali għandu l-għan li jissimplifika u jiċċara l-istandards eżistenti. L-objettiv tat-titjib annwali huwa li jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux urġenti, iżda neċessarji, diskussi mill-IASB waqt iċ-ċiklu tal-proġett rigward oqsma ta’ inkonsistenza fl-Istandards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju jew fejn tkun meħtieġa kjarifika tat-test. It-titjib annwali fih emendi għall-IAS 41 Agrikoltura, l-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta’ Standards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju, u l-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji.

    (4)

    Wara l-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-emendi għall-IAS 16 Proprjetà, Impjant u Tagħmir, l-IAS 37 Dispożizzjonijiet, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti, l-IAS 41 Agrikoltura, l-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta’ Standards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju, l-IFRS 3 Kombinamenti ta’ Negozji, u l-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

    (5)

    Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    l-Istandard Internazzjonali ta’ Kontabilità (IAS) 16 Proprjetà, Impjant u Tagħmir huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

    (b)

    l-IAS 37 Dispożizzjonijiet, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

    (c)

    l-IAS 41 Agrikoltura huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

    (d)

    l-Istandard Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

    (e)

    l-IFRS 3 Kombinamenti ta’ Negozji huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

    (f)

    l-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

    Artikolu 2

    Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta’ Jannar 2022.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


    ANNESS

    Emendi għall-IAS 16 Proprjetà, Impjant u Tagħmir

    Emenda għall-IAS 37 Dispożizzjonijiet, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti

    Emendi għall-IFRS 3 Kombinamenti ta’ Negozji

    Titjib annwali għall-Istandards tal-IFRS Iċ-ċiklu 2018-2020

    Emendi għall-IAS 16 Proprjetà, Impjant u Tagħmir

    Il-paragrafi 17 u 74 huma emendati; jiżdiedu l-paragrafi 20 A, 74 A, 80D u 81N. Ir-rekwiżiti li qabel kienu fil-paragrafu 74(d) ma ġewx emendati iżda tmexxew għall-paragrafu 74 A(a).

    KEJL MAR-RIKONOXXIMENT

    ...

    Elementi ta’ spiża

    ...

    17.

    Eżempji ta’ spejjeż direttament attribwibbli huma:

    ...

    (e)

    l-ispejjeż tal-ittestjar dwar jekk l-assi jkunx qed jaħdem tajjeb (jiġifieri jiġi vvalutat jekk il-prestazzjoni teknika u fiżika tal-assi tkunx tali li jkun jista’ jintuża fil-produzzjoni jew fil-provvista ta’ prodotti jew servizzi, għall-kiri lil oħrajn, jew għal finijiet amministrattivi); kif ukoll

    ...

    ...

    20 A

    Entrati jistgħu jiġu prodotti filwaqt li jinġieb oġġett ta’ proprjetà, impjant u tagħmir fil-post u fil-kundizzjoni meħtieġa biex dan ikun jista’ jaħdem bil-mod intenzjonat mill-maniġment (bħal kampjuni prodotti waqt l-ittestjar ta’ jekk l-assi huwiex qed jiffunzjona kif suppost). Entità tirrikonoxxi r-rikavat mill-bejgħ ta’ kull oġġett bħal dan, u l-ispiża ta’ dawn l-entrati, fi profitt jew telf skont l-Istandards applikabbli. L-entità tkejjel l-ispiża ta’ dawk l-entrati li japplikaw ir-rekwiżiti ta’ kejl tal-IAS 2.

    ...

    ŻVELAR

    ...

    74.

    Ir-rapporti finanzjarji għandhom isemmu wkoll:

    ...

    (b)

    l-ammont ta’ nfiq rikonoxxut fl-ammont miżmum fil-kotba ta’ oġġett ta’ proprjetà, impjant u tagħmir matul iż-żmien tal-kostruzzjoni tiegħu; kif ukoll

    (c)

    l-ammont ta’ impenji kuntrattwali għall-akkwiżizzjoni ta’ proprjetà, impjanti u tagħmir

    74 A

    Jekk mhux ippreżentati separatament fir-rapport tad-dħul komplessiv, ir-rapporti finanzjarji għandhom isemmu wkoll:

    (a)

    l-ammont ta’ kumpens minn terzi persuni għal entrati ta’ proprjetà, impjanti u tagħmir li ġew indeboliti, mitlufa jew mogħtija, li huwa inkluż fi profitt jew telf; kif ukoll

    (b)

    l-ammonti ta’ rikavati u spejjeż inklużi fil-profitt jew it-telf skont il-paragrafu 20 A li huma relatati ma’ entrati prodotti li mhumiex output mill-attivitajiet ordinarji tal-entità, u liema entrata(i) fir-rapport tad-dħul komprensiv tinkludi/jinkludu tali rikavati u spejjeż bħal dawn.

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI

    ...

    80D

    Proprjetà, Impjant u Tagħmir - Ir-rikavat qabel l-Użu Maħsub, maħruġ f’Mejju 2020, emenda l-paragrafi 17 u 74 u żied il-paragrafi 20 A u 74 A. Entità għandha tapplika dawn l-emendi retrospettivament, iżda biss għal oġġetti ta’ proprjetà, impjant u tagħmir li jinġiebu fil-post u fil-kundizzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jaħdmu bil-mod intenzjonat mill-maniġment fl-aktar perjodu bikri jew wara, ippreżentat fir-rapporti finanzjarji li fihom l-entità tapplika għall-ewwel darba l-emendi. L-entità għandha tirrikonoxxi l-effett kumulattiv tal-applikazzjoni inizjali tal-emendi bħala aġġustament għall-bilanċ tal-ftuħ ta’ qligħ imfaddal (jew komponent ieħor ta’ ekwità, kif jixraq) fil-bidu tal-perjodu bikri ppreżentat.

    DATA EFFETTIVA

    ...

    81N

    Proprjetà, Impjant u Tagħmir - Ir-Rikavat qabel l-Użu Maħsub, maħruġ f’Mejju 2020, emenda l-paragrafi 17 u 74, u żied il-paragrafi 20 A, 74 A u 80D. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi ta’ rappurtar annwali li jibdew l-1 ta’ Jannar 2022, jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dawn l-emendi għal perjodu preċedenti, għandha tiżvela dan il-fatt.

    Emenda għall-IAS 37 Dispożizzjonijiet, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti

    Jiżdiedu l-paragrafi 68 A, 94 A u 105 u l-paragrafu 69 huwa emendat. Il-paragrafu 68 mhuwiex emendat iżda huwa inkluż hawnhekk għal referenza faċli.

    APPLIKAZZJONI TAR-REGOLI TA’ RIKONOXXIMENT U TA’ KEJL

    ...

    Kuntratti onerużi

    ...

    68.

    Dan l-Istandard jiddefinixxi kuntratt oneruż bħala kuntratt li fih l-ispejjeż inevitabbli biex jiġu ssodisfati l-obbligi fil-kuntratt jeċċedu l-benefiċċji ekonomiċi mistennija li jkunu riċevuti permezz tiegħu. L-ispejjeż inevitabbli minħabba l-kuntratt jirriflettu l-inqas spiża netta biex wieħed joħroġ minn kuntratt, li huwa l-inqas bejn l-ispiża għat-twettiq tiegħu u ta’ kull kumpens jew penali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ twettiq tiegħu.

    68 A

    L-ispiża tat-twettiq ta’ kuntratt tinkludi l-ispejjeż relatati direttament mal-kuntratt. L-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu direttament ma’ kuntratt jikkonsistu kemm:

    (a)

    mill-ispejjeż inkrimentali biex jitwettaq dak il-kuntratt - pereżempju, xogħol dirett u materjali; kif ukoll

    (b)

    mill-allokazzjoni ta’ spejjeż oħra li għandhom x’jaqsmu direttament mat-twettiq ta’ kuntratti - pereżempju, allokazzjoni tat-tariffa għad-deprezzament għal oġġett ta’ proprjetà, impjant u tagħmir użat fit-twettiq ta’ dak il-kuntratt, fost oħrajn.

    69.

    Qabel ikun stabbilit provvediment separat għal kuntratt oneruż, entità tirrikonoxxi kull telf minn indeboliment li jkun seħħ fuq assi użati biex jitwettaq il-kuntratt (ara l-IAS 36).

    ...

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI

    ...

    94 A

    Kuntratti Onerużi - L-ispiża biex Jitwettaq Kuntratt, maħruġ f’Mejju 2020, żied il-paragrafu 68 A u emenda l-paragrafu 69. Entità għandha tapplika dawn l-emendi għal kuntratti li għalihom tkun għadha ma ssodisfatx l-obbligi kollha tagħha fil-bidu tal-perjodu ta’ rappurtar annwali li fih tapplika l-emendi għall-ewwel darba (id-data tal-applikazzjoni inizjali). L-entità ma għandhiex terġa’ tiddikjara mill-ġdid informazzjoni komparattiva. Minflok, il-kerrej jirrikonoxxi l-effett kumulattiv tal-applikazzjoni inizjali tal-emendi bħala aġġustament għall-bilanċ tal-ftuħ ta’ qligħ imfaddal jew komponent ieħor ta’ ekwità, kif jixraq, fid-data tal-applikazzjoni inizjali.

    DATA EFFETTIVA

    ...

    105.

    Kuntratti Onerużi - L-ispiża biex Jitwettaq Kuntratt, maħruġ f’Mejju 2020, żied il-paragrafi 68 A u 94 A u emenda l-paragrafu 69. Entità għandha tapplika dawn l-emendi għall-perjodi ta’ rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2022, jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dawn l-emendi għal perjodu preċedenti, għandha tiżvela dan il-fatt.

    Emendi għall-IFRS 3 Kombinamenti ta’ Negozji

    Il-paragrafu 11 huwa emendat u n-nota ta’ qiegħ il-paġna għall-Qafas għat-Tħejjija u l-Preżentazzjoni ta’ Rapporti Finanzjarji fil-paragrafu 11 hija mħassra. Il-paragrafi 14, 21, 22 u 23 huma emendati u jiżdiedu l-paragrafi 21 A, 21B, 21C, 23 A u 64Q. Tiżdied intestatura fuq il-paragrafu 21 A u huma emendati l-intestaturi taħt il-paragrafu 21 u fuq il-paragrafu 22. Il-paragrafu 10 mhuwiex emendat iżda huwa inkluż għal referenza faċli.

    IL-METODU TAL-AKKWIŻIZZJONI

    ...

    Rikonoxximent u kejl ta’ assi identifikabbli akkwistati, ta’ obbligazzjonijiet merfugħa u ta’ kull interess li ma jagħtix kontroll fl-akkwiżit

    Prinċipju ta’ rikonoxximent

    10.

    Sa mid-data tal-akkwiżizzjoni, l-akkwirent għandu jirrikonoxxi, separatament mill-avvjament, l-assi identifikabbli akkwistati, l-obbligazzjonijiet merfugħa u kull interess li ma jagħtix kontroll fl-akkwiżit. Ir-rikonoxximent tal-assi identifikabbli akkwistati u tal-obbligazzjonijiet merfugħa huwa soġġett għall-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 11 u 12.

    Kundizzjonijiet tar-rikonoxximent

    11.

    Biex jikkwalifikaw għar-rikonoxximent bħala parti mill-applikazzjoni tal-metodu tal-akkwiżizzjoni, l-assi identifikabbli akkwistati u l-obbligazzjonijiet merfugħa jridu jissodisfaw id-definizzjonijiet ta’ assi u obbligazzjonijiet fil-Qafas għat-Tħejjija ta’ Rapporti Finanzjarji fid-data tal-akkwiżizzjoni. Pereżempju, spejjeż li l-akkwirent jistenna iżda mhuwiex obbligat li jġarrab fil-futur biex iwettaq il-pjan tiegħu biex joħroġ minn attività tal-akkwiżit jew biex jittermina l-impjieg jew jagħmel rilokazzjoni tal-impjegati tal-akkwiżit mhumiex obbligazzjonijiet fid-data tal-akkwiżizzjoni. Għalhekk, l-akkwirent ma jirrikonoxxix dawn l-ispejjeż bħala parti mill-applikazzjoni tal-metodu tal-akkwiżizzjoni. Minflok, l-akkwirent jirrikonoxxi dawk l-ispejjeż fir-rapporti finanzjarji ta’ wara l-kombinament skont IFRSs oħrajn.

    ...

    14.

    Il-paragrafi B31 - B40 jipprovdu gwida dwar ir-rikonoxximent ta’ assi intanġibbli. Il-paragrafi 21 A-28B jispeċifikaw it-tipi ta’ assi u obbligazzjonijiet identifikabbli li jinkludu uħud li għalihom dan l-IFRS jipprovdi eċċezzjonijiet limitati għall-prinċipju u l-kundizzjonijiet tar-rikonoxximent.

    ...

    Eċċezzjonijiet għall-prinċipji tar-rikonoxximent jew tal-kejl

    21.

    Dan l-IFRS jipprovdi eċċezzjonijiet limitati għall-prinċipji tiegħu tar-rikonoxximent u tal-kejl. Il-paragrafi 21 A-31 A jispeċifikaw kemm l-entrati li għalihom huma pprovduti eċċezzjonijiet kif ukoll in-natura ta’ dawn l-eċċezzjonijiet. L-akkwirent għandu jikkontabbilizza dawn l-entrati billi japplika r-rekwiżiti fil-paragrafi 21 A-31 A, bir-riżultat li xi entrati jiġu:

    (a)

    rikonoxxuti jew billi jiġu applikati l-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent flimkien ma’ dawk fil-paragrafi 11 u 12 jew billi jiġu applikati r-rekwiżiti ta’ IFRSs oħrajn, b’riżultati li jvarjaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju u l-kundizzjonijiet tar-rikonoxximent.

    (b)

    mkejla b’ammont differenti mill-valuri ġusti tagħhom fid-data tal-akkwiżizzjoni.

    Eċċezzjoni għall-prinċipju tar-rikonoxximent

    Obbligazzjonijiet u obbligazzjonijiet kontinġenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-IAS 37 jew tal-IFRIC 21

    21 A

    Il-paragrafu 21B japplika għal obbligazzjonijiet u obbligazzjonijiet kontinġenti li jkunu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-IAS 37 Provvedimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti jew IFRIC 21 Imposti jekk ikunu saru separatament aktar milli assunti f’kombinament ta’ negozji.

    21B

    Il-Qafas Kunċettwali għar-Rappurtar Finanzjarju jiddefinixxi obbligazzjoni bħala “obbligu preżenti tal-entità li titrasferixxi riżorsa ekonomika bħala riżultat ta’ avvenimenti fl-imgħoddi”. Għal provvediment jew obbligazzjoni kontinġenti li jkun fl-ambitu tal-IAS 37, l-akkwirent għandu japplika l-paragrafi 15-22 tal-IAS 37 biex jiddetermina jekk fid-data tal-akkwiżizzjoni jeżistix obbligu preżenti bħala riżultat ta’ avvenimenti fl-imgħoddi. Għal imposta li tkun fl-ambitu tal-IFRIC 21, l-akkwirent għandu japplika l-IFRIC 21 biex jiddetermina jekk l-avveniment li jobbliga li jwassal għal obbligazzjoni biex titħallas l-imposta seħħx fid-data tal-akkwiżizzjoni.

    21C

    Obbligu preżenti identifikat skont il-paragrafu 21B jista’ jissodisfa d-definizzjoni ta’ obbligazzjoni kontinġenti stabbilita fil-paragrafu 22(b). Jekk ikun hekk, il-paragrafu 23 japplika għal din l-obbligazzjoni kontinġenti.

    Obbligazzjonijiet kontinġenti u assi kontinġenti

    22.

    L-IAS 37 jiddefinixxi obbligazzjoni kontinġenti bħala:

    (a)

    obbligu possibbli li jinħoloq minn avvenimenti fl-imgħoddi u li l-eżistenza tiegħu tiġi kkonfermata biss meta jseħħ jew ma jseħħx avveniment futur inċert, wieħed jew aktar, li mhuwiex/mhumiex fil-kontroll sħiħ tal-entità; jew

    (b)

    obbligazzjoni preżenti li toriġina minn avvenimenti li seħħew fil-passat iżda mhux rikonoxxuta għax:

    (i)

    mhux probabbli li jkun meħtieġ ħruġ ta’ riżorsi li jkun fihom benefiċċji ekonomiċi biex isir is-saldu tal-obbligu; jew

    (ii)

    l-ammont tal-obbligu ma jistax jitkejjel b’biżżejjed affidabbiltà.

    23.

    L-akkwirent għandu jirrikonoxxi sa mid-data tal-akkwiżizzjoni obbligazzjoni kontinġenti li jkun ħa fuqu f’kombinament ta’ negozji jekk tkun obbligazzjoni preżenti li tirriżulta minn avvenimenti fil-passat u l-valur ġust tagħha jista’ jitkejjel b’mod affidabbli. Għalhekk, għall-kuntrarju tal-paragrafi 14(b), 23, 27, 29 u 30 tal-IAS 37, l-akkwirent jirrikonoxxi obbligazzjoni kontinġenti li jkun ħa fuqu f’kombinament ta’ negozji fid-data tal-akkwiżizzjoni anki jekk ma jkunx probabbli li se jkun meħtieġ ħruġ ta’ riżorsi li jirrappreżentaw benefiċċji ekonomiċi biex titħallas l-obbligazzjoni. Il-paragrafu 56 ta’ dan l-IFRS jagħti gwida dwar il-kontabilità sussegwenti għall-obbligazzjonijiet kontinġenti.

    23 A

    L-IAS 37 jiddefinixxi assi kontinġenti bħala “assi possibbli li jirriżulta minn avvenimenti li seħħew fl-imgħoddi u li l-eżistenza tiegħu tkun ikkonfermata biss bl-okkorrenza jew nuqqas ta’ okkorrenza ta’ avveniment futur inċert wieħed jew aktar li ma huwiex għal kollox fil-kontroll tal-entità”. L-akkwirent ma għandux jirrikonoxxi assi kontinġenti fid-data tal-akkwiżizzjoni.

    ...

    DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

    Data effettiva

    ...

    64Q

    Referenza għall-Qafas Kunċettwali, maħruġa f’Mejju 2020, emendat il-paragrafi 11, 14, 21, 22 u 23 u żiedet il-paragrafi 21 A, 21B, 21C u 23 A. Entità għandha tapplika dawn l-emendi għal kombinamenti ta’ negozji li d-data tal-akkwiżizzjoni tagħhom tkun fil-bidu jew wara l-bidu tal-ewwel perjodu ta’ rappurtar annwali li jibda fl-1 ta’ Jannar 2022 jew wara. L-applikazzjoni iktar kmieni hija permessa jekk fl-istess waqt entità tapplika wkoll l-emendi l-oħra li saru mill-Emendi għar-Referenzi tal-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS, maħruġa f’Marzu 2018.

    Emenda għall-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta’ standards internazzjonali ta’ rappurtar finanzjarju

    Jiżdied il-paragrafu 39AG u, fl-Appendiċi D, jiżdied il-paragrafu D13 A. Il-paragrafu D1(f) huwa emendat.

    DATA EFFETTIVA

    ...

    39AG

    Titjib Annwali għall-Istandards IFRS 2018-2020, maħruġ f’Mejju 2020, emenda l-paragrafu D1(f) u żied il-paragrafu D13 A. Entità għandha tapplika dawn l-emendi għall-perjodi ta’ rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2022, jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika l-emenda għal perjodu aktar kmieni, hija għandha tiżvela dan.

    Appendiċi D

    Eżenzjoni minn IFRSs oħrajn

    Dan l-appendiċi huwa parti integrali tal-IFRS.

    D1

    Entità tista’ tagħżel li tuża waħda jew aktar minn dawn l-eżenzjonijiet:

    ...

    (f)

    differenzi kumulattivi fil-qlib (il-paragrafi D12-D13 A);

    ...

    Differenzi kumulattivi fil-qlib

    ...

    D13 A

    Minflok ma tapplika l-paragrafu D12 jew il-paragrafu D13, sussidjarja li tuża l-eżenzjoni fil-paragrafu D16(a) tista’ tagħżel, fir-rapporti finanzjarji tagħha, li tkejjel id-differenzi kumulattivi fil-qlib għall-operazzjonijiet barranin kollha bl-ammont riportat li jkun inkluż fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-kumpanija prinċipali, fuq il-bażi tad-data ta’ tranżizzjoni tal-kumpanija prinċipali għall-IFRSs, jekk ma jkunux saru aġġustamenti għall-proċeduri ta’ konsolidazzjoni u għall-effetti tal-kombinazzjoni ta’ negozji li fiha l-kumpanija prinċipali tkun akkwistat lis-sussidjarja. Elezzjoni simili hija disponibbli għal kumpanija assoċjata jew impriża bi sħab li tuża l-eżenzjoni fil-paragrafu D16(a).

    ...

    Emenda għall-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji

    Jiżdiedu l-paragrafu 7.1.9, il-paragrafu 7.2.35 u l-intestatura tiegħu, u l-paragrafu B3.3.6 A. Il-paragrafu B3.3.6 huwa emendat. Ir-rekwiżiti fil-paragrafu B3.3.6 A ma ġewx emendati iżda ġew trasferiti mill-paragrafu B3.3.6.

    Kapitolu 7 Data effettiva u tranżizzjoni

    7.1.   DATA EFFETTIVA

    ...

    7.1.9.

    Titjib Annwali għall-Istandards tal-IFRS - 2018-2020, maħruġ f’Mejju 2020, żied il-paragrafi 7.2.35 u B3.3.6 A u emenda l-paragrafu B3.3.6. Entità għandha tapplika dawn l-emendi għall-perjodi ta’ rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2022, jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika l-emenda għal perjodu aktar kmieni, hija għandha tiżvela dan.

    7.2.   TRANŻIZZJONI

    ...

    Tranżizzjoni għal Titjib Annwali għall-Istandards tal-IFRS

    7.2.35.

    Entità għandha tapplika t-Titjib Annwali għall-Istandards tal-IFRS 2018–2020 għal obbligazzjonijiet finanzjarji li jkunu mmodifikati jew skambjati fil-bidu tal-perjodu annwali ta’ rapportar jew wara li fih l-entità tapplika l-emenda għall-ewwel darba.

    Appendiċi B

    Gwida għall-Applikazzjoni

    Dan l-Appendiċi hu parti integrali mill-Istandard.

    ...

    RIKONOXXIMENT U RTIRAR TAR-RIKONOXXIMENT (KAPITOLU 3)

    ...

    Irtirar tar-rikonoxximent ta’ obbligazzjonijiet finanzjarji (it-Taqsima 3.3)

    ...

    B3.3.6

    Għall-finijiet tal-paragrafu 3.3.2, it-termini jkunu sostanzjalment differenti jekk il-valur preżenti skontat tal-flussi tal-flus taħt it-termini l-ġodda, inklużi kwalunkwe miżati mħallsin netti ta’ kwalunkwe miżati riċevuti u skontati bl-użu tar-rata tal-imgħax effettiva oriġinali, ikun mill-inqas 10 fil-mija differenti mill-valur preżenti skontat tal-bqija tal-flussi tal-flus tal-obbligazzjoni finanzjarja oriġinali. Fid-determinazzjoni ta’ dawn it-tariffi mħallsa netti mill-ħlasijiet riċevuti, mutwatarju jinkludi biss tariffi mħallsa jew riċevuti bejn il-mutwatarju u l-mutwanti, fosthom tariffi mħallsa jew riċevuti jew minn mutwatarju jew minn mutwanti f’isem ħaddieħor.

    B3.3.6 A

    Jekk skambju ta’ strumenti ta’ dejn jew modifika fit-termini hi mniżżla bħala fidi, kull spiża jew dritt imġarrba huma rikonoxxuti bħala parti mill-qligħ jew telf marbut mal-fidi. Jekk l-iskambju jew il-modifika ma tiġix imniżżla bħala fidi, kull spiża jew dritt imġarrba jaġġustaw l-ammont miżmum fil-kotba tal-obbligazzjoni u huma amortizzati fuq il-bqija tat-terminu tal-obbligazzjoni modifikata.

    ...

    Emenda għall-IAS 41 Agrikoltura

    Il-paragrafu 22 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 65.

    RIKONOXXIMENT U KEJL

    ...

    22.

    Entità ma tinkludi ebda flussi ta’ flus mill-finanzjament ta’ assi, tassazzjoni, jew stabbiliment mill-ġdid ta’ assi bijoloġiċi wara l-ħsad (pereżempju, l-ispiża biex jerġgħu jitħawwlu siġar f’foresta ta’ pjantaġġun wara l-ħsad).

    ...

    DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

    ...

    65.

    Titjib Annwali għall-Istandards tal-IFRS, 2018-2020, maħruġ f’Mejju 2020, emenda l-paragrafu 22. Entità għandha tapplika dawn l-emendi għal tranżazzjonijiet li fihom hija tikseb kontroll bi sħab fil-bidu jew wara l-bidu tal-ewwel perjodu ta’ rappurtar annwali li jibda fl-1 ta’ Jannar 2022 jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika l-emenda għal perjodu aktar kmieni, hija għandha tiżvela dan.

    Top