EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1103

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1103 tal-5 ta’ Lulju 2021 dwar ir-rikonoxximent tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Brażil għal tranżazzjonijiet derivattivi li jidħlu fihom l-istituzzjonijiet Brażiljani skont ir-regolament tal-Bank Ċentrali tal-Brażil bħala ekwivalenti għal ċerti rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/4840

ĠU L 238, 6.7.2021, p. 84–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1103/oj

6.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 238/84


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1103

tal-5 ta’ Lulju 2021

dwar ir-rikonoxximent tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Brażil għal tranżazzjonijiet derivattivi li jidħlu fihom l-istituzzjonijiet Brażiljani skont ir-regolament tal-Bank Ċentrali tal-Brażil bħala ekwivalenti għal ċerti rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jipprevedi mekkaniżmu li bih il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza li permezz tagħhom l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jiġu ddikjarati ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 sabiex il-kontropartijiet li jidħlu fi tranżazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet tkun stabbilita f’dak il-pajjiż terz, jitqiesu li ssodisfaw dawk ir-rekwiżiti billi jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-reġim legali ta’ dak il-pajjiż terz. Id-dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiġifieri li jitnaqqas ir-riskju sistemiku u li tiżdied it-trasparenza tas-swieq tad-derivattivi billi tiġi żgurata l-applikazzjoni internazzjonalment konsistenti tal-prinċipji miftiehma mal-pajjiżi terzi u stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(2)

L-Artikolu 11(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li huwa ssupplimentat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 (2) u bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 (3), jistabbilixxi r-rekwiżiti legali tal-Unjoni dwar il-konferma f’waqtha tat-termini ta’ kuntratt tad-derivattivi OTC, it-twettiq ta’ eżerċizzju ta’ kompressjoni tal-portafoll u l-arranġamenti li taħthom il-portafolli jiġu rikonċiljati fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali (“CCP”). Barra minn hekk, dawk id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-obbligi ta’ valwazzjoni u ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal dawk il-kuntratti (“tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali”) kif ukoll l-obbligi dwar l-iskambju ta’ kollateral (“marġni”) bejn il-kontropartijiet.

(3)

Sabiex ir-reġim legali, superviżorju u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jitqies ekwivalenti għar-reġim tal-Unjoni fir-rigward tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali u r-rekwiżiti tal-marġini, jenħtieġ li l-eżitu sostantiv tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiżgura l-protezzjoni tas-segretezza professjonali li hija ekwivalenti għall-protezzjoni prevista fl-Artikolu 83 ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, arranġamenti ekwivalenti legali, superviżorji u ta’ infurzar għandhom jiġu applikati b’mod effettiv b’mod ekwu u mingħajr distorsjoni f’dak il-pajjiż terz. Il-valutazzjoni tal-ekwivalenza għalhekk tinkludi verifika dwar jekk l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jiżgurawx li l-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP u konklużi minn tal-inqas kontroparti waħda stabbilita f’dak il-pajjiż terz ma jesponux is-swieq finanzjarji fl-Unjoni għal livell ogħla ta’ riskju u konsegwentement ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta’ riskju sistemiku fl-Unjoni.

(4)

Din id-Deċiżjoni mhijiex ibbażata biss fuq analiżi komparattiva tar-rekwiżiti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli fil-Brażil, iżda wkoll fuq valutazzjoni tal-eżitu ta’ dawk ir-rekwiżiti, u fuq l-adegwatezza tagħhom biex inaqqsu r-riskji li jitnisslu minn kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP b’mod li jista’ jitqies ekwivalenti għall-effetti tar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(5)

L-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli fil-Brażil għall-kuntratti tad-derivattivi OTC huma stabbiliti f’liġijiet kif ukoll f’ċirkulari, riżoluzzjonijiet u struzzjonijiet maħruġa minn Banco Central do Brasil (“BCB”), Comissão de Valores Mobiliários (“CVM”) u Conselho Monetário Nacional (“CMN”). B’mod partikolari, il-Liġi 6.385/76 tirregola s-suq tat-titoli tal-Brażil; Struzzjoni CVM 461/07 tirregola s-swieq tat-titoli regolati, li jinkludu boroż organizzati, suq organizzat OTC u suq OTC mhux organizzat; Ċirkulari BCB 3.082/02 tistabbilixxi l-kriterji għat-trattament kontabilistiku ta’ derivattivi li huma proprjetà ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u istituzzjonijiet oħra ssorveljati mill-BCB; Resolução CMN 3.505/07 tirregola l-kuntratti tad-derivattivi OTC magħmula fil-Brażil minn istituzzjonijiet finanzjarji Brażiljani u istituzzjonijiet oħra ssorveljati mill-BCB; Resolução CMN 4.277/13 tistabbilixxi rekwiżiti ta’ valwazzjoni skont is-suq u valwazzjoni skont mudell ta’ kuntratti tad-derivattivi konklużi minn istituzzjonijiet finanzjarji u istituzzjonijiet oħra ssorveljati mill-BCB; Instrução CVM 438/06 tistabbilixxi rekwiżiti ta’ valwazzjoni skont is-suq għal ċerti tipi ta’ fondi mutwi; Resoluçao 4.662/18 tfassal rekwiżiti ta’ marġni bilaterali; Resolução BCB 3.263/05 tkopri kompressjoni tal-portafoll; Resolução CMN 4.373/14 tistabbilixxi rekwiżiti għal investituri mhux residenti li jidħlu fi tranżazzjonijiet ta’ derivattivi OTC fil-Brażil u, finalment, il-Liġijiet 4.595/64, 6.385/76, 10.214/01, 12.810/13 jirregolaw is-segretezza professjonali, is-superviżjoni u l-infurzar.

(6)

Resolução BCB 3.263/05 ma tistabbilixxi l-ebda obbligu li titwettaq kompressjoni tal-portafoll u lanqas ma tfassal xi rakkomandazzjoni biex isir dan. Madankollu, tagħmilha possibbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji u istituzzjonijiet oħra ssorveljati mill-BCB li jidħlu fi ftehim li jippermettih. Ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni speċifika dwar il-proċessi ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Ir-regoli għas-soluzzjoni tat-tilwim huma ddeterminati mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Għalhekk, l-arranġamenti Brażiljani jistgħu ma jitqisux ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni fir-rigward tal-kompressjoni tal-portafoll u r-riżoluzzjoni tat-tilwim.

(7)

It-tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC għandhom jiġu rrapportati lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet stabbilit u rregolat fil-Brażil minn kwalunkwe entità Brażiljana li tidħol f’wieħed. Skont il-Liġi 6.385/76, il-validità ta’ tranżazzjoni hija kundizzjonali fuq ir-rapportar tagħha lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Skont ir-Resolução CMN 4.373/14, l-investituri mhux residenti li jidħlu fi tranżazzjonijiet ta’ derivattivi OTC fil-Brażil iridu jkunu rreġistrati ma’ CVM u jridu jirrispettaw il-konfermi legalment vinkolanti tat-tranżazzjonijiet tagħhom. Peress li t-tranżazzjoni trid tiġi rrappurtata miż-żewġ partijiet, ma hemm l-ebda rekwiżit legali għajr ir-regoli tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għall-konferma tat-tranżazzjonijiet, ir-rikonċiljazzjoni tal-portafolli bilaterali jew is-soluzzjoni tat-tilwim. Il-konferma hija simultanja u kontinġenti għar-rapportar. Ir-rappurtar irid isir malajr kemm jista’ jkun u normalment iseħħ fl-istess jum li fih issir it-tranżazzjoni. Bl-istess mod, peress li t-tranżazzjonijiet huma rrapportati miż-żewġ partijiet u kkonfermati fl-istess ħin mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, ma hemm l-ebda rekwiżit li titwettaq rikonċiljazzjoni tal-portafoll peress li, skont il-kostruzzjoni, ma jista’ jkun hemm l-ebda diskrepanza bejn il-portafolli tal-kontropartijiet. L-arranġamenti Brażiljani għall-konferma f’waqtha u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll għandhom għalhekk jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti korrispondenti tal-Unjoni.

(8)

Taħt Resolução CMN 3.505/07 u Resolução CMN 4.277/13, il-valutazzjoni, jew permezz ta’ valwazzjoni skont is-suq jew valwazzjoni skont mudell, hija obbligatorja kuljum għall-banek negozjanti, fergħat lokali ta’ banek barranin, sussidjarji lokali ta’ banek barranin kif ukoll maniġers ta’ fondi u assi, kollha rregolati mill-BCB. L-obbligu ma japplikax għal kooperattivi, assiguraturi, riassiguraturi, fondi tal-pensjonijiet u kontropartijiet korporattivi mhux finanzjarji oħra li huma obbligati biss li jwettqu valutazzjoni ta’ kuljum meta jappartjenu għal konglomerat finanzjarju li jinkludi wkoll bank multiplu, kummerċjali, ta’ investiment, ta’ skambju jew ta’ tfaddil. L-arranġamenti Brażiljani jistgħu għalhekk jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti korrispondenti tal-Unjoni sal-punt li din id-deċiżjoni tkun limitata għal tranżazzjonijiet li jsiru ma’ kontropartijiet regolati mill-BCB.

(9)

Meta jitqies l-obbligu li t-tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC jiġu rrapportati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet regolati fil-Brażil u l-konsegwenzi legali ta’ tali obbligu, jista’ għalhekk jiġi kkunsidrat approċċ fuq żewġ livelli fil-każ tal-Brażil u jippermetti li jiġi konkluż li fir-rigward tal-konferma fil-ħin u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, ir-rekwiżiti applikabbli fil-Brażil jistgħu jitqiesu ekwivalenti fl-eżitu għal dawk stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013. Barra minn hekk, ir-regoli applikabbli fil-Brażil għall-valutazzjoni ta’ kuljum huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 sal-punt li t-tranżazzjonijiet jitwettqu ma’ banek negozjanti, fergħat lokali ta’ fergħat barranin, sussidjarji lokali ta’ banek barranin, maniġers ta’ fondi u assi kif ukoll kooperattivi, assiguraturi u riassiguraturi, fondi tal-pensjonijiet u kontropartijiet korporattivi mhux finanzjarji oħra li jappartjenu għal konglomerat finanzjarju li jinkludi wkoll bank multiplu, kummerċjali, tal-investiment, tal-kambju jew tat-tfaddil. Meta jitqies il-fatt li l-maġġoranza tat-tranżazzjonijiet transkonfinali tad-derivati OTC jitwettqu minn kontropartijiet irregolati mill-BCB, din id-deċiżjoni għandha għalhekk tkun limitata għal tranżazzjonijiet imwettqa bejn kontropartijiet regolati mill-BCB u kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni u soġġetti għar-rekwiżit korrispondenti skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013.

(10)

Fir-rigward tal-marġnijiet għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP, ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-Brażil jikkonsistu f’Resoluçao CMN 4.662/18 u ċ-Ċirkulari BCB 3.902/18 (ir-regoli dwar il-marġni tal-Brażil).

(11)

Kif stabbilit fir-regoli tal-Brażil dwar il-marġni, il-kontropartijiet b’ambitu ta’ applikazzjoni huma l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha jew istituzzjonijiet oħra skont ir-regolament tal-BCB li għandhom nozzjonali aggregat medju tal-grupp operazzjonali ta’ tranżazzjonijiet fl-ambitu ta’ aktar minn BRL 25 biljun. It-tranżazzjonijiet fl-ambitu jkopru sett ta’ tranżazzjonijiet derivattivi OTC ekwivalenti għal dak tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, bl-eċċezzjoni ta’ derivattivi ta’ komoditajiet saldati b’mod fiżiku, iżda li jinkludu derivattivi tad-deheb li huma kkunsidrati tranżazzjonijiet f’ambitu, li huma koperti mir-regoli dwar il-marġni tal-Unjoni iżda mhux mir-regoli dwar il-marġni tal-Brażil; u opzjonijiet ta’ ekwità, li huma koperti mir-regoli dwar il-marġni tal-Brażil iżda jibbenefikaw minn eżenzjoni temporanja skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251. Barra minn hekk, u b’mod simili għall-qafas applikabbli fl-Unjoni, it-tranżazzjonijiet intragrupp, forwards u swaps FX saldati fiżikament u tranżazzjonijiet bi strumenti li d-definizzjoni tagħhom hija simili għal dik ta’ bonds koperti fl-Unjoni, huma esklużi mis-sett ta’ tranżazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li dawn jingħaddu meta jiġi ddeterminat l-ammont nozzjonali aggregat medju tal-grupp operazzjonali. Għaldaqstant jenħtieġ li din id-deċiżjoni ma tapplikax għal derivattivi ta’ komoditajiet saldati b’mod fiżiku, bl-eċċezzjoni tad-derivattivi tad-deheb.

(12)

Il-kontropartijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni jridu jimpustaw u jiġbru marġni ta’ varjazzjoni mill-1 ta’ Settembru 2019. Kontropartijiet b’ambitu ta’ applikazzjoni b’medja ta’ grupp operazzjonali nozzjonali aggregat ta’ tranżazzjonijiet fl-iskop’ il fuq minn BRL 2,250 biljun iridu jimpustaw u jiġbru marġni inizjali mill-1 ta’ Settembru 2019 filwaqt li kontropartijiet fl-ambitu ta’ applikazzjoni taħt dak il-limitu jridu jimpustaw u jiġbru marġni inizjali mill-1 ta’ Settembru 2020. Din id-deċiżjoni għandha għalhekk tkun limitata għal tranżazzjonijiet bejn kontropartijiet soġġetti għall-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u kontropartijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni soġġetti għar-rekwiżit ta’ imputazzjoni u ġbir ta’ varjazzjoni u marġni inizjali skont ir-regoli dwar il-marġni tal-Brażil.

(13)

Ir-regoli dwar il-marġni tal-Brażil jippermettu ammont ta’ trasferiment minimu kkombinat ta’ marġnijiet inizjali u ta’ varjazzjoni ta’ BRL 1,5 miljun, filwaqt li l-livell limitu fl-Artikolu 25 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 huwa ta’ EUR 500 000. Ir-regoli dwar il-marġni tal-Brażil jippermettu wkoll li l-marġni inizjali jitnaqqas b’ammont sa BRL 150 miljun. Kontropartijiet b’ambitu ta’ applikazzjoni b’ammont kombinat ta’ marġni inizjali taħt dak il-livell limitu mhumiex meħtieġa li jiskambjaw marġni inizjali. L-Artikolu 29 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jipprevedi eżenzjoni simili, u jistabbilixxi l-livell limitu għal EUR 50 miljun. Meta titqies id-differenza marġinali fil-valur ta’ dawk il-muniti, jenħtieġ li dawn l-ammonti jiġu meqjusa bħala ekwivalenti.

(14)

Bl-istess mod bħall-metodu standardizzat għall-kalkolu tal-marġni inizjali stabbilit fl-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, ir-regoli tal-Brażil dwar il-marġni jippermettu l-użu ta’ mudell standardizzat ekwivalenti għal dak stipulat fl-anness imsemmi. Madankollu, ir-regoli dwar il-marġni tal-Brażil ma jippermettux l-użu ta’ mudelli interni jew ta’ partijiet terzi għall-kalkolu tal-marġni inizjali. Għalkemm ir-rekwiżiti fir-regoli tal-Brażil dwar il-marġni għall-kalkolu tal-marġni inizjali huma għalhekk aktar restrittivi mir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, madankollu, jenħtieġ li jitqiesu ekwivalenti għall-fini ta’ din id-deċiżjoni.

(15)

Ir-rekwiżiti tar-regoli tal-Brażil dwar il-marġni dwar kollateral eliġibbli u dwar kif dak il-kollateral jiġi miżmum u segregat huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Ir-regoli tal-Brażil dwar il-marġni fihom lista ekwivalenti ta’ kollateral eliġibbli iżda ma jirrikjedux li l-kontropartijiet jiddiversifikaw b’mod raġonevoli l-kollateral miġbur, inkluż billi jillimitaw it-titoli b’likwidità baxxa sabiex jevitaw il-konċentrazzjoni tal-kollateral, b’mod simili għall-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Madankollu, peress li dawn ir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni skont l-Artikolu 8 japplikaw għall-kontropartijiet tal-Unjoni, jista’ jiġi konkluż li r-rekwiżiti tal-kollateral skont l-applikazzjoni tar-regoli tal-Brażil dwar il-marġni jirriżultaw f’eżitu ekwivalenti għal dak tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Ir-regoli tal-Brażil dwar il-marġni għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP għandhom għalhekk jitqiesu ekwivalenti għal dawk previsti fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(16)

Fir-rigward tal-livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tas-segretezza professjonali fil-Brażil, il-Liġijiet 4.595, tal-1964, 6.385, tal-1976, tal-10.214, tal-2001 u 12.810, tal-2013, jagħtu s-setgħa lil BCB u lil CVM jitolbu kwalunkwe data dwar tranżazzjonijiet derivattivi minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Liġi Komplimentari 105 tal-2001 (LC 105) tispeċifika li d-data kollha trid tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali. F’dan il-kuntest, jekk kwalunkwe awtorità domestika jew barranija oħra teħtieġ data minn repożitorji tan-negozju Brażiljani, jenħtieġ li formalment tissottometti t-talba tagħha lil BCB u/jew CVM, li se jwettqu l-analiżi tagħhom, filwaqt li jqisu, fost affarijiet oħra, ir-restrizzjonijiet imposti minn LC 105, u l-ħtieġa għal ftehim formali tiġi analizzata fuq bażi ta’ każ b’każ. Għalhekk, flimkien, jenħtieġ li dawn il-liġijiet jitqiesu li jipprovdu livell ekwivalenti ta’ protezzjoni fir-rigward tas-segretezza professjonali bħal dak previst fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(17)

Is-CMN hija l-ogħla awtorità fi ħdan is-sistema finanzjarja nazzjonali fil-Brażil, u hija responsabbli għall-formulazzjoni ta’ politiki monetarji u ta’ kreditu b’mod ġenerali. Il-BCB huwa subordinat għas-CMN u huwa responsabbli għall-politika monetarja, il-ġestjoni tar-riżervi internazzjonali, is-superviżjoni bankarja u s-sorveljanza tal-kapital u l-kreditu barranin. Il-BCB jinforza r-regolamenti prudenzjali u jaġixxi wkoll bħala awtorità monetarja, u bħala tali huwa responsabbli biex jiżgura l-istabbiltà sistemika. Sabiex jitrażżnu l-prattiki irregolari, jiġu implimentati miżuri edukattivi u jiġu kkonfrontati sitwazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw is-sistema finanzjarja nazzjonali, il-BCB jista’ joħroġ penali amministrattivi, jadotta miżuri prekawzjonarji jew proviżorji, joħroġ ittra ta’ impenn u jimponi sospensjonijiet jew restrizzjonijiet. Il-MKV huwa subordinat għas-CMN u huwa responsabbli għar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tas-swieq kapitali, inklużi emittenti tat-titoli, boroż u swieq OTC, u l-istituzzjonijiet li huma parti mis-sistema għad-distribuzzjoni tat-titoli. Il-MKV għandu l-għan li jżomm is-suq effiċjenti u jrawwem l-iżvilupp, u wkoll jistinka biex jipproteġi lill-investituri u jżomm prattiki ekwi fis-suq tat-titoli, filwaqt li jinforza r-regoli dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni u t-trasparenza. Jenħtieġ li l-miżuri disponibbli għall-BCB u l-MKV jitqiesu li jipprovdu għall-applikazzjoni effettiva tal-arranġamenti legali, regolatorji u ta’ infurzar rilevanti skont ir-regoli tad-derivati OTC tal-Brażil b’mod ekwu u mingħajr distorsjoni biex jiġu żgurati superviżjoni u infurzar effettivi.

(18)

Din id-Deċiżjoni tirrikonoxxi l-ekwivalenza tar-rekwiżiti vinkolanti stabbiliti fil-liġi Brażiljana relatata mal-kuntratti tad-derivattivi OTC applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-ESMA, se tkompli twettaq monitoraġġ fuq bażi regolari tal-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar għal dawn il-kuntratti tad-derivattivi OTC u l-applikazzjoni konsistenti u effettiva tagħhom dwar il-konferma fil-ħin, il-kompressjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, il-valutazzjoni, is-soluzzjoni tat-tilwim u r-rekwiżiti tal-marġni applikabbli għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP fuq il-bażi li fuqha ttieħdet din id-Deċiżjoni. Bħala parti mill-isforzi ta’ monitoraġġ tagħha, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-BCB u lill-CVM jipprovdu informazzjoni dwar l-iżviluppi regolatorji u superviżorji. Il-Kummissjoni tista’ twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin, fejn l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid id-dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza mogħtija b’din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista’ twassal għar-revoka ta’ din id-Deċiżjoni, li b’konsegwenza tagħmel lill-kontropartijiet awtomatikament soġġetti mill-ġdid għar-rekwiżiti kollha stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(19)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Brażil għall-konferma f’waqtha, il-valutazzjoni ta’ kuljum u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll li huma applikati għal tranżazzjonijiet regolati bħala derivattivi OTC mill-Banco Central do Brasil (“BCB”) u mill-Comissão de Valores Mobiliários (“CVM”) u li mhumiex ikklerjati ċentralment minn CCP għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet għal dawk it-tranżazzjonijiet tkun kontroparti fl-ambitu għall-finijiet tar-regoli dwar il-marġni tal-Brażil.

Artikolu 2

Għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Brażil għall-iskambju ta’ kollateral li huma applikati għal tranżazzjonijiet regolati bħala derivattivi OTC mill-BCB u s-CVM, bl-eċċezzjoni ta’ derivattivi ta’ komoditajiet saldati fiżikament iżda li ma jinkludux derivattivi tad-deheb, u li mhumiex ikklerjati minn CCP għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet għal dawk it-tranżazzjonijiet tkun kontroparti fl-ambitu għall-fini tar-regoli dwar il-marġni tal-Brażil.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 11).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta’ Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 9).


Top