Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020L0365

    Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2020/365 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fl-issaldjar u fix-xogħlijiet tal-aħħar użati f’ċerti magni tal-kombustjoni li jinżammu fl-idejn (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2019/9066

    ĠU L 67, 5.3.2020, p. 125–128 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2020/365/oj

    5.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 67/125


    DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/365

    tas-17 ta’ Diċembru 2019

    li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fl-issaldjar u fix-xogħlijiet tal-aħħar użati f’ċerti magni tal-kombustjoni li jinżammu fl-idejn

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2011/65/UE teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għall-applikazzjonijiet eżentati elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE.

    (2)

    Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

    (3)

    Iċ-ċomb hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

    (4)

    Bid-Direttiva ta’ Delega (UE) 2014/72/UE (2), il-Kummissjoni tat eżenzjoni għall-użu taċ-ċomb fl-issaldjar u fix-xogħlijiet tal-aħħar ta’ komponenti elettriċi u elettroniċi u fix-xogħlijiet tal-aħħar tal-unitajiet ta’ ċirkwit stampati użati fil-moduli ta’ ignixin u f’sistemi oħrajn ta’ kontroll, kemm elettriċi kif ukoll elettroniċi, tal-magna, li għal raġunijiet tekniċi għandhom jiġu mmuntati direttament fuq il-kaxxa tal-krank jew fuq iċ-ċilindru ta’ magni tal-kombustjoni li jinżammu fl-idejn (il-klassijiet SH:1, SH:2, SH:3 tad-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3)) (“l-eżenzjoni”) bl-inklużjoni ta’ dawk l-applikazzjonijiet fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. Għall-kategoriji 1 sa 7 u 10, l-eżenzjoni kellha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2018, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta’ dik id-Direttiva.

    (5)

    Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid tal-eżenzjoni għall-kategoriji 6 u 11 (“it-talba għat-tiġdid”) fit-30 ta’ Ġunju 2017, jiġifieri fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE. Skont dik id-dispożizzjoni, l-eżenzjoni tibqa’ valida sakemm tiġi adottata deċiżjoni dwar it-talba għat-tiġdid.

    (6)

    L-evalwazzjoni tat-talba għat-tiġdid kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati skont l-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE.

    (7)

    Iċ-ċomb huwa element komuni ta’ lligar f’materjal tal-issaldjar biex jiġi kkontrollat il-punt tat-tidwib. Materjali alternattivi biex jissostitwixxu s-sustanza ristretta ġew ittestjati b’suċċess. Madankollu, jeħtieġ żmien addizzjonali sabiex tkun żgurata l-affidabbiltà tal-prodotti mingħajr ċomb.

    (8)

    Bħalissa, ma hemm l-ebda alternattiva mingħajr ċomb disponibbli fis-suq li tipprovdi livell suffiċjenti ta’ affidabbiltà għall-applikazzjonijiet koperti mill-eżenzjoni.

    (9)

    Minħabba n-nuqqas ta’ sostituti affidabbli, is-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni taċ-ċomb għadha xjentifikament u teknikament imprattikabbli f’ċerti magni b’kombustjoni li jinżammu fl-idejn. Għalhekk, jixraq li tiġġedded l-eżenzjoni. It-tiġdid tal-eżenzjoni huwa konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u għalhekk ma jdgħajjifx il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mogħtija minnu.

    (10)

    L-eżenzjoni għall-kategorija 1 sa 7, 10 u 11 jenħtieġ li tiġi mġedda sal-31 ta’ Marzu 2022, skont il-Artikolu 4(3) u skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi għaddejjin biex tinstab sostituzzjoni affidabbli, aktarx li t-tul tal-eżenzjoni mhux se jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

    (11)

    Għall-kategoriji 8 u 9, l-eżenzjoni attwali tibqa’ valida għall-perjodi ta’ validità stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li d-dati tal-iskadenza jiżdiedu fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

    (12)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata kif xieraq,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu 2021 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ April 2021.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir din ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

    (2)  Id-Direttiva ta’ Delega tal-Kummissjoni 2014/72/UE tat-13 ta’ Marzu 2014 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fl-issaldjar u fix-xogħlijiet tal-aħħar ta’ komponenti elettriċi u elettroniċi u fix-xogħlijiet tal-aħħar tal-unitajiet ta’ ċirkwit stampati użati fil-moduli ta’ ignixin u f’sistemi oħrajn ta’ kontroll, kemm elettriċi kif ukoll elettroniċi (ĠU L 148, 20.5.2014, p. 78).

    (3)  Id-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1997 dwar l-approssimazzjoni tal-ligijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri kontra l-emissjoni ta’ inkwinanti ta’ gass u partikolati minn magni tal-kombustjoni interna li għandhom jiġu installati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq (ĠU L 59, 27.2.1998, p. 1). Id-Direttiva 97/68/KE ġiet sostitwita bir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


    ANNESS

    Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-punt 41 huwa sostitwit b’dan li ġej:—

    “41

    Iċ-ċomb fl-issaldjar u fix-xogħlijiet tal-aħħar ta’ komponenti elettriċi u elettroniċi u fix-xogħlijiet tal-aħħar tal-unitajiet ta’ ċirkwit stampati użati fil-moduli ta’ ignixin u f’sistemi oħrajn ta’ kontroll, kemm elettriċi kif ukoll elettroniċi, tal-magna, li għal raġunijiet tekniċi għandhom jiġu mmuntati direttament fuq il-kaxxa tal-krank jew fuq iċ-ċilindru ta’ magni tal-kombustjoni li jinżammu fl-idejn (il-klassijiet SH:1, SH:2, SH:3 tad-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (*1))

    Tapplika għall-kategoriji kollha u tiskadi:

    fil-31 ta’ Marzu 2022 għall-kategoriji 1 sa 7, 10 u 11;

    fil-21 ta’ Lulju 2021 għall-kategoriji 8 u 9 minbarra għall-apparat dijanostiku in vitro u għall-istrumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali;

    fil-21 ta’ Lulju 2023 għall-apparat dijanostiku in vitro tal-kategorija 8;

    fil-21 ta’ Lulju 2024 għall-istrumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali tal-kategorija 9.


    (*1)  Id-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1997 dwar l-approssimazzjoni tal-ligijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri kontra l-emissjoni ta’ inkwinanti ta’ gass u partikolati minn magni tal-kombustjoni interna li għandhom jiġu installati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq (ĠU L 59, 27.2.1998, p. 1).”


    Top