This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R0515
Regulation (EU) 2019/515 of the European Parliament and of the Council of 19 March 2019 on the mutual recognition of goods lawfully marketed in another Member State and repealing Regulation (EC) No 764/2008 (Text with EEA relevance.)
Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' merkanzija kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' merkanzija kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
PE/70/2018/REV/1
ĠU L 91, 29.3.2019, p. 1–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 32008R0764 | 19/04/2020 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32019R0515R(01) | (ES) | |||
Corrected by | 32019R0515R(02) | (CS, ET, EL, GA) |
29.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 91/1 |
REGOLAMENT (UE) 2019/515 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-19 ta' Marzu 2019
dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' merkanzija kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 764/2008
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Is-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu tal-merkanzija huwa żgurat skont it-Trattati. Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet u kull miżura li għandha effett ekwivalenti huma pprojbiti bejn l-Istati Membri. Dik il-projbizzjoni tkopri kwalunkwe miżura nazzjonali li tista' tfixkel, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, l-iskambju intra-Unjoni ta' merkanzija. Il-moviment liberu tal-merkanzija huwa żgurat fis-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni ta' regoli fil-livell tal-Unjoni li jistabbilixxu rekwiżiti komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerta merkanzija jew, għal merkanzija jew aspetti ta' merkanzija mhux koperti b'mod eżawrjenti mir-regoli ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni, permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku kif definit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
(2) |
Prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li jiffunzjona tajjeb jikkomplementa b'mod essenzjali l-armonizzazzjoni tar-regoli fil-livell tal-Unjoni, speċjalment meta jitqies li bosta merkanzija għandha aspetti kemm armonizzati kif ukoll mhux armonizzati. |
(3) |
Jistgħu jinħolqu illegalment ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri jekk, fin-nuqqas ta' regoli ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni li jkopru merkanzija jew ċerti aspetti tal-merkanzija, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tapplika regoli nazzjonali għal merkanzija li tkun kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor, li jirrikjedu li l-merkanzija tissodisfa ċerti rekwiżiti tekniċi, pereżempju rekwiżiti relatati mad-denominazzjoni, il-forma, id-daqs, il-piż, il-kompożizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar jew l-imballaġġ. L-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli għal merkanzija li hija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor tista' tmur kontra l-Artikoli 34 u 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), anki jekk ir-regoli japplikaw għall-merkanzija kollha mingħajr distinzjoni. |
(4) |
Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Skont dan il-prinċipju, l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu l-bejgħ fit-territorju tagħhom ta' merkanzija li tkun kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor, anki fejn dik il-merkanzija tkun ġiet prodotta skont regoli tekniċi differenti, inkluż merkanzija li ma tkunx ir-riżultat ta' proċess ta' manifattura. Iżda l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku mhuwiex assolut. L-Istati Membri jistgħu jirristrinġu l-kummerċjalizzazzjoni ta' merkanzija li tkun ġiet kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor, meta tali restrizzjonijiet ikunu ġustifikati għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 36 TFUE jew abbażi ta' raġunijiet prevalenti oħra ta' interess pubbliku, rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropeafir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, u meta dawk ir-restrizzjonijiet ikunu proporzjonati mal-għan segwit. Dan ir-Regolament jimponi l-obbligu ta' ġustifikazzjoni ċara għar-raġuni wara restrizzjoni jew rifjut ta' aċċess għas-suq. |
(5) |
Il-kunċett ta' raġunijiet prevalenti fl-interess pubbliku huwa kunċett li qed jevolvi żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tal-Artikoli 34 u 36 TFUE. Fejn ikunu jeżistu differenzi leġittimi bejn Stat Membru u ieħor, tali raġunijiet prevalenti jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta' regoli nazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, id-deċiżjonijiet amministrattivi jridu dejjem ikunu ġustifikati sewwa, ikunu leġittimi, ikunu xierqa u li jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità, u l-awtorità kompetenti għandha tieħu d-deċiżjoni l-anqas restrittiva possibbli. Sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern għall-merkanzija, jenħtieġ li r-regoli nazzjonali jkunu adatti għall-iskop tagħhom u jenħtieġ li ma joħolqux ostakli nontariffarji sproporzjonati. Barra minn hekk, deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq fir-rigward ta' merkanzija li tkun kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor ma jridux ikunu bbażati fuq is-sempliċi fatt li l-prodotti li jkunu qed jiġu vvalutati jissodisfaw l-objettiv pubbliku leġittimu segwit mill-Istat Membru b'mod differenti mill-mod li fihom il-merkanzija f'dak l-Istat Membru tissodisfa dak l-objettiv. Sabiex tgħin lill-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi gwida mhux vinkolanti fir rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-kunċett ta' raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku u kif għandu jiġi applikat il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom l-opportunità li jikkontribwixxu u jagħtu feedback dwar il-gwida. |
(6) |
Fil-konklużjonijiet dwar il-Politika tas-Suq Uniku ta' Diċembru 2013, iil-Kunsill Kompetittività nnota li sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet qafas għan-negozji u l-konsumaturi fis-Suq Uniku, jenħtieġ li jintużaw tajjeb l-istrumenti kollha rilevanti, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku. Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar każijiet fejn il-funzjonament tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għadu inadegwat jew problematiku. Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-Politika tas-Suq Uniku ta' Frar 2015, il-Kunsill Kompetittività ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu passi sabiex tiżgura li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jiffunzjona b'mod effettiv u biex tressaq proposti għal dak il-għan. |
(7) |
Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġie adottat sabiex jiffaċilita l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku billi jistabbilixxi proċeduri sabiex tiġi minimizzata l-possibbiltà li jinħolqu ostakli illegali għall-moviment liberu tal-merkanzija li diġà tkun kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor. Minkejja l-adozzjoni ta' dak ir-Regolament, għad hemm bosta problemi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. L-evalwazzjoni mwettqa bejn l-2014 u l-2016 uriet li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku mhux jiffunzjona kif suppost, u li r-Regolament (KE) Nru 764/2008 kellu effett limitat biex jiffaċilita l-applikazzjoni ta' dak il-prinċipju. L-għodod u l-garanziji proċedurali stabbiliti b'dak ir-Regolament fallew fl-għan tagħhom li jtejbu l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Pereżempju, in-netwerk ta' Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti li ġie stabbilit sabiex jipprovdi informazzjoni lill-operaturi ekonomiċi dwar ir-regoli nazzjonali applikabbli u l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ftit li xejn huwa magħruf jew użat mill-operaturi ekonomiċi. Fi ħdan dak in-netwerk, l-awtoritajiet nazzjonali ma jikkooperawx b'mod suffiċjenti. Ir-rekwiżit tan-notifika ta' deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq rarament jitħares. Minħabba f'hekk, għad hemm ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern. |
(8) |
Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 għandu diversi nuqqasijiet, u għalhekk jenħtieġ li jiġi rivedut u msaħħaħ. Għal raġunijiet ta' ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 jenħtieġ li jiġi sostitwit b'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri ċari li jiżguraw il-moviment liberu ta' merkanzija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor u li jiżguraw li l-moviment liberu jkun jista' jiġi limitat biss meta l-Istati Membri jkollhom raġunijiet ta' interess pubbliku leġittimi biex jagħmlu dan u li r-restrizzjoni tkun ġustifikata u proporzjonata. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżgura li d-drittijiet u l-obbligi eżistenti li joħorġu mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jiġu osservati, kemm mill-operaturi ekonomiċi kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali. |
(9) |
Dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-armonizzazzjoni ulterjuri tal-kondizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta' merkanzija bil-għan li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, fejn ikun xieraq. |
(10) |
Huwa wkoll possibbli li l-ostakli għall-kummerċ jirriżultaw ukoll minn tipi oħra ta' miżuri li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu, pereżempju, speċifikazzjonijiet tekniċi mfassla għall-proċeduri tal-akkwist pubbliku jew rekwiżiti għall-użu tal-lingwi uffiċjali fl-Istati Membri. Madankollu, miżuri bħal dawn jenħtieġ li ma jikkostitwixxux regoli tekniċi nazzjonali fis-sens ta' dan ir-Regolament u jenħtieġ li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. |
(11) |
Ir-regoli tekniċi nazzjonali xi drabi jingħataw effett fi Stat Membru permezz ta' proċedura ta' awtorizzazzjoni minn qabel, li biha trid tinkiseb approvazzjoni formali minn awtorità kompetenti qabel ma l-merkanzija tkun tista' titqiegħed fis-suq hemmhekk. L-eżistenza ta' proċedura ta' awtorizzazzjoni minn qabel minnha nnifisha tillimita l-moviment liberu tal-merkanzija. Għalhekk, sabiex tkun ġustifikata fir-rigward tal-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan is-suq intern, proċedura bħal din trid issegwi objettiv ta' interess pubbliku rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, u trid tkun proporzjonata u mhux diskriminatorja. Il-konformità ta' tali proċedura mad-dritt tal-Unjoni trid tiġi vvalutata fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq esklużivament minħabba li l-merkanzija ma jkollhiex awtorizzazzjoni valida minn qabel jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Madankollu, meta ssir applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni obbligatorja minn qabel tal-merkanzija, jenħtieġ li kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva biex tiċħad l-applikazzjoni abbażi ta' regola teknika nazzjonali applikabbli f'dak l-Istat Membru tittieħed biss skont dan ir-Regolament, sabiex l-applikant ikun jista' jibbenefika mill-protezzjoni proċedurali li jipprovdi dan ir-Regolament. L-istess japplika għall-awtorizzazzjoni volontarja minn qabel tal-merkanzija, fejn din teżisti. |
(12) |
Huwa importanti li jiġi ċċarat li t-tipi ta' merkanzija koperti minn dan ir-Regolament jinkludu l-prodotti agrikoli. It-terminu “prodotti agrikoli” jinkludi l-prodotti tas-sajd, kif previst fl-Artikolu 38(1) TFUE. Sabiex tgħin biex tidentifika liema tipi ta' merkanzija huma soġġetti għal dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà u l-benefiċċji tal-iżvilupp ulterjuri ta' lista indikattiva ta' prodotti għar-rikonoxximent reċiproku. |
(13) |
Huwa importanti wkoll li jiġi ċċarat li t-terminu “produttur” jinkludi mhux biss manifatturi ta' merkanzija, iżda wkoll persuni li jipproduċu merkanzija li ma kinitx ir-riżultat ta' proċess ta' manifattura, inkluż prodotti agrikoli, kif ukoll persuni li jippreżentaw ruħhom bħala l-produtturi ta' merkanzija. |
(14) |
Id-deċiżjonijiet ta' qrati jew tribunali nazzjonali li jivvalutaw il-legalità ta' każijiet fejn, minħabba l-applikazzjoni ta' regola teknika nazzjonali, merkanzija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru partikolari ma tingħatax aċċess għas-suq fi Stat Membru ieħor, u d-deċiżjonijiet ta' qrati jew tribunali nazzjonali li japplikaw penali, jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. |
(15) |
Sabiex jibbenefikaw mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, il- merkanzija trid tkun kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li, biex il- merkanzija titqies bħala kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor, il- merkanzija trid tikkonforma mar-regoli rilevanti applikabbli f'dak l-Istat Membru, u trid tkun disponibbli għall-utenti finali f'dak l-Istat Membru. |
(16) |
Biex issir sensibilizzazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet u l-operaturi ekonomiċi nazzjonali tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jipprevedu “klawżoli dwar is-suq uniku” ċari u mhux ambigwi fir-regoli tekniċi nazzjonali tagħhom bil-ħsieb li jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta' dak il-prinċipju. |
(17) |
L-evidenza meħtieġa sabiex jintwera li l- merkanzija tkun kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor tvarja b'mod sinifikanti minn Stat Membru għall-ieħor. Dan jikkawża piżijiet, dewmien u spejjeż addizzjonali bla bżonn għall-operaturi ekonomiċi, u jimpedixxi lill-awtoritajiet nazzjonali milli jiksbu l-informazzjoni neċessarja għall-valutazzjoni tal- merkanzija fil-ħin. Dan jista' jfixkel l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Għalhekk huwa essenzjali li jsir aktar faċli għall-operaturi ekonomiċi biex juru li l- merkanzija tagħhom hija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn awtodikjarazzjoni, li tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni neċessarja kollha dwar il- merkanzija u dwar il-konformità tagħha mar-regoli applikabbli f'dak l-Istat Membru l-ieħor. L-użu ta' dikjarazzjonijiet volontarji jenħtieġ li ma jżommx lill-awtoritajiet nazzjonali milli jieħdu deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq, bil-kondizzjoni li tali deċiżjonijiet ikunu proporzjonati, ġustifikati u jirrispettaw il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u jkunu f'konformità ma' dan ir-Regolament. |
(18) |
Jenħtieġ li jkun possibbli għall-produttur, l-importatur jew id-distributur li jfassal dikjarazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni legali ta' merkanzija għall-finijiet ta' rikonoxximent reċiproku (“dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku”). Il-produttur huwa fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdi l-informazzjoni fid-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku peress li l-produttur jaf il- merkanzija l-iktar u għandu fil-pussess tiegħu l-evidenza meħtieġa għall-verifika tal-informazzjoni fid-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku. Jenħtieġ li l-produttur ikun jista' jagħti mandat lil rappreżentant awtorizzat tiegħu li jfassal tali dikjarazzjonijiet f'isem il-produttur u taħt ir-responsabbiltà tal-produttur. Madankollu, fejn operatur ekonomiku jkun jista' biss jipprovdi l-informazzjoni dwar il-legalità tal-kummerċjalizzazzjoni tal- merkanzija fid-dikjarazzjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li operatur ekonomiku ieħor jipprovdi l-informazzjoni li l- merkanzija qed issir disponibbli għall-utenti finali fl-Istat Membru kkonċernat, dment li dak l-operatur ekonomiku jieħu responsabbiltà għall-informazzjoni li jkun ipprovda fid-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku u jkun jista' jipprovdi l-evidenza meħtieġa biex tiġi vverifikata din l-informazzjoni. |
(19) |
Jenħtieġ li d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku tinkludi dejjem fiha informazzjoni preċiża u sħiħa dwar il- merkanzija. Għalhekk jenħtieġ li d-dikjarazzjoni tinżamm aġġornata sabiex tirrifletti l-bidliet, pereżempju l-bidliet fir-regoli tekniċi nazzjonali rilevanti. |
(20) |
Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni mogħtija f'dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku tkun komprensiva, jenħtieġ li tiġi stabbilita struttura armonizzata għal tali dikjarazzjonijiet li tintuża mill-operaturi ekonomiċi li jkunu jixtiequ jagħmlu tali dikjarazzjonijiet. |
(21) |
Importanti jiġi żgurat li d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku timtela b'mod onest u preċiż. Għalhekk huwa neċessarju li l-operaturi ekonomiċi jiġu meħtieġa jkunu responsabbli għall-informazzjoni pprovduta minnhom fid-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku. |
(22) |
Sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u l-kompetittività tan-negozji li joperaw fil-qasam ta' merkanzija li mhijiex koperta mil-leġislazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li wieħed jibbenefika mit-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat il-forniment tad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jagħmlu d-dikjarazzjonijiet ta' rikonoxximent reċiproku tagħhom pubblikament disponibbli online, dment li d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku tkun faċilment aċċessibbli u tkun f'format affidabbli. |
(23) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li mudell għad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku u linji gwida biex timtela jsiru disponibbli fil-Portal Diġitali Uniku bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. |
(24) |
Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal merkanzija li xi aspetti tagħha biss huma koperti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni. Fejn, skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, l-operatur ekonomiku jkun meħtieġ ifassal dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE biex juri l-konformità ma' dik il-leġislazzjoni, jenħtieġ li dak l-operatur ekonomiku jitħalla jehmeż id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku prevista f'dan ir-Regolament mad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE. |
(25) |
Fejn l-operaturi ekonomiċi jiddeċiedu li ma jużawx id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku, jenħtieġ li jkunu l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni li jagħmlu talbiet definiti 'mod ċar għal informazzjoni li huma jqisu neċessarja biex issir valutazzjoni tal- merkanzija, fir-rigward tal-prinċipju ta' proporzjonalità. |
(26) |
Jenħtieġ li l-operatur ekonomiku jingħata żmien xieraq sabiex jippreżenta dokumenti jew kwalunkwe informazzjoni oħra mitluba mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, jew biex jippreżenta kwalunkwe argument jew kumment fir-rigward tal-valutazzjoni tal- merkanzija inkwistjoni. |
(27) |
Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tirrikjedi li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kwalunkwe abbozz ta' regolament tekniku nazzjonali dwar kwalunkwe prodott, inkluż kwalunkwe prodott agrikolu jew tas-sajd, u dikjarazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom il-promulgazzjoni ta' dak ir-regolament tkun neċessarja. Madankollu, jeħtieġ li jiġi żgurat li, wara l-adozzjoni ta' tali regolament tekniku nazzjonali, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jiġi applikat b'mod korrett għal merkanzija speċifika f'każijiet individwali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri għall-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku f'każijiet individwali, pereżempju, billi jirrikjedi li l-Istati Membri jindikaw ir-regoli tekniċi nazzjonali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni amministrattiva u r-raġuniijiet leġittimi ta' interess pubbliku li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tar-regola teknika nazzjonali fir-rigward ta' prodott li jkun ġie kummerċjalizzat legalment fi Stat Membru ieħor. Il-proporzjonalità tar-regola teknika nazzjonali hija l-bażi li turi l-proporzjonalità tad-deċiżjoni amministrattiva li hija bbażata fuq dik ir-regola. Madankollu, il-mezz li bih trid tintwera l-proporzjonalità tad-deċiżjoni amministrattiva jenħtieġ li jkun stabbilit fuq il-bażi ta' każ b'każ. |
(28) |
Billi d-deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għall-merkanzija li tkun diġà kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor jenħtieġ li jkunu eċċezzjonijiet għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li tali deċiżjonijiet josservaw l-obbligi eżistenti li joħorġu mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita proċedura ċara biex jiġi determinat jekk merkanzija hjiiex kummerċjalizzata legalment f'dak l-Istat Membru l-ieħor u, f'każ li iva, jekk l-interessi pubbliċi leġittimi koperti mir-regola teknika nazzjonali tal-Istat Membru destinatarju jkunux imħarsa b'mod adegwat, f'konformità mal-Artikolu 36 TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li tali proċedura tiżgura li kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva li tkun meħuda tkun proporzjonata u tirrispetta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u tkun f'konformità ma' dan ir-Regolament. |
(29) |
Meta awtorità kompetenti tkun qiegħda tivvaluta l- merkanzija qabel ma tiddeċiedi għandhiex tillimita jew tiċħad l-aċċess għas-suq, dik l-awtorità jenħtieġ li ma tkunx tista' tieħu deċiżjonijiet li tissospendi l-aċċess għas-suq, ħlief meta jkun meħtieġ intervent rapidu sabiex jipprevjeni dannu għas-sigurtà jew is-saħħa ta' persuni, jew sabiex jipprevjeni ħsara lill-ambjent, jew biex jipprevjeni li l- merkanzija ssir disponibbli f'każjiet meta d-disponibbiltà ta' dik il- merkanzija tkun ġeneralment ipprojbita għal raġunijiet ta' moralità pubblika jew ta' sigurtà pubblika, inkluż, pereżempju l-prevenzjoni tal-kriminalità. |
(30) |
Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistabbilixxi sistema ta' akkreditazzjoni li tiżgura l-aċċettazzjoni reċiproka tal-livell ta' kompetenza tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità. Jenħtieġ għalhekk li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma jirrifjutawx li jaċċettaw rapporti ta' testijiet u ċertifikati maħruġa minn korp ta' valutazzjoni tal-konformità akkreditat għal raġunijiet relatati mal-kompetenza ta' dak il-korp. Barra minn hekk, sabiex kemm jista' jkun tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' testijiet u proċeduri li diġà jkun twettqu fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirrifjutawx li jaċċettaw rapporti ta' testijiet u ċertifikati maħruġa minn korpi oħra ta' valutazzjoni tal-konformità skont id-dritt tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu meħtieġa jieħdu kont xieraq tal-kontenut tar-rapporti tat-testijiet jew iċ-ċertifikati ppreżentati. |
(31) |
Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) tispeċifika li prodotti sikuri biss jistgħu jitqiegħdu fis-suq u tistabbilixxi l-obbligi tal-produtturi u tad-distributuri fir-rigward tas-sikurezza tal-prodotti. Hija tagħti d-dritt lill-awtoritajiet kompetenti li jipprojbixxu kwalunkwe prodott perikoluż b'effett immedjat jew li jipprojbixxu prodotti li jistgħu jkunu perikolużi b'mod temporanju għall-perijodu meħtieġ għad-diversi valutazzjonijiet u kontrolli tas-sikurezza. Dik id-Direttiva tiddeskrivi wkoll il-proċedura biex l-awtoritajiet kompetenti japplikaw miżuri xierqa jekk prodotti jippreżentaw riskju, bħall-miżuri msemmija fl-Artikolu 8(1) ta' dik id-Direttiva, u timponi wkoll l-obbligu fuq l-Istati Membri li jinnotifikaw dawk il-miżuri lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jkomplu japplikaw dik id-Direttiva u, b'mod partikolari, il-punti (b) sa (f) tal-Artikolu 8(1) u fl-Artikolu 8(3) ta' dik id-Direttiva. |
(32) |
Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, sistema ta' twissija rapida għan-notifika ta' riskju dirett jew indirett għas-saħħa tal-bniedem li jkun ġej mill-ikel jew l-għalf. Huwa jeħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni, permezz tas-sistema ta' twissija rapida, bi kwalunkwe miżura li jadottaw li tkun immirata li tillimita t-tqegħid fis-suq ta' ikel jew għalf, jew tirtira jew issejjaħ lura ikel jew għalf, għall-fini li titħares is-saħħa tal-bniedem, u li tkun teħtieġ azzjoni rapida. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jkomplu japplikaw dak ir-Regolament u b'mod partikolari l-Artikoli 50(3) u 54 ta' dak ir-Regolament. |
(33) |
Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jistabbilixxi qafas armonizzat tal-Unjoni għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali, u għall-organizzazzjoni ta' attivitajiet uffiċjali oħra għajr il-kontrolli uffiċjali, tul il-katina agroalimentari kollha, b'kont meħud tar-regoli dwar il-kontrolli uffiċjali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u fil-leġislazzjoni settorjali rilevanti tal-Unjoni. Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi proċedura speċifika sabiex jiġi żgurat li l-operaturi ekonomiċi jirrimedjaw sitwazzjoni ta' nuqqas ta' konformità mal-liġi dwar l-ikel u l-għalf, mar-regoli dwar is-saħħa jew il-benessri tal-annimali. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jkomplu japplikaw ir-Regolament (UE) 2017/625 u, b'mod partikolari l-Artikolu 138 tiegħu. |
(34) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jistabbilixxi qafas tal-Unjoni armonizzat biex isiru kontrolli fir-rigward tal-obbligi stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe operatur li jkun konformi ma' dawk l-obbligi jkun intitolat li jkun kopert b'sistema ta' verifiki. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jkomplu japplikaw ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u, b'mod partikolari, l-Artikolu 90 tiegħu. |
(35) |
Kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tispeċifika r-rimedji disponibbli għall-operatur ekonomiku, sabiex operatur ekonomiku jkun jista', skont il-liġi nazzjonali, jappella kontra d-deċiżjoni jew jibda proċedimenti quddiem il-qorti jew it-tribunal nazzjonali kompetenti. Jenħtieġ li d-deċiżjoni amministrattiva tirreferi wkoll għall-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jużaw in-Netwerk għas-Soluzzjoni ta' Problemi fis-Suq Intern (SOLVIT) u li jkollhom aċċess għall-proċedura għas-soluzzjoni ta' problemi prevista f'dan ir-Regolament. |
(36) |
Soluzzjonijiet effettivi għall-operaturi ekonomiċi li jkunu jixtiequ alternattiva faċli għan-negozji meta jikkontestaw deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq huma essenzjali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u konsistenti tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Sabiex jiġu garantiti dawn is-soluzzjonijiet, u sabiex jiġu evitati spejjeż legali, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), jenħtieġ li tkun disponibbli għall-operaturi ekonomiċi proċedura mhux ġudizzjarja għas-soluzzjoni ta' problemi. |
(37) |
Is-SOLVIT huwa servizz ipprovdut mill-amministrazzjoni nazzjonali f'kull Stat Membru li għandu l-għan li jinstabu soluzzjonijiet għallindividwi u n-negozji meta d-drittijiet tagħhom ikunu nkisru mill-awtoritajiet pubbliċi fi Stat Membru ieħor. Il-prinċipji li jirregolaw il-funzjonament tas-SOLVIT huma stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE (12), li skonthom jenħtieġ li kull Stat Membru jipprevedi Ċentru SOLVIT li jkollu riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex jiġi żgurat li ċ-Ċentru SOLVIT jieħu sehem fis-SOLVIT. Jenħtieġ li l-Kummissjoni żżid l-għarfien dwar l-eżistenza u l-benefiċċji tas-SOLVIT, speċjalment fost in-negozji. |
(38) |
Is-SOLVIT huwa mekkaniżmu mhux ġudizzjarju effettiv għas-soluzzjoni ta' problemi li jiġi pprovdut mingħajr ħlas. Jaħdem bi skadenzi qosra u jipprovdi soluzzjonijiet prattiċi lill-individwi u n-negozji meta jkunu qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet biex id-drittijiet tagħhom tal-Unjoni jiġu rikonoxxuti mill-awtoritajiet pubbliċi. Fejn l-operatur ekonomiku, iċ-Ċentru SOLVIT rilevanti u l-Istati Membri involuti kollha jaqblu dwar l-eżitu xieraq, jenħtieġ li ma tkun meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri. |
(39) |
Madankollu, meta l-approċċ informali tas-SOLVIT ifalli, u jkun għad fadal dubji rigward il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni amministrattiva mal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li teżamina l-kwistjoni fuq talba ta' kwalunkwe wieħed miċ-ċentri SOLVIT involuti. Wara l-valutazzjoni tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ opinjoni li tiġi kkomunikata permezz taċ-ċentru SOLVIT rilevanti lill-operatur ekonomiku kkonċernat u lill-awtoritajiet kompetenti, li jenħtieġ li jitqiesu matul il-proċedura SOLVIT. Jenħtieġ li l-intervent tal-Kummissjoni jkun soġġett għal limitu ta' żmien ta' 45 jum ta' xogħol, li jenħtieġ li ma jkunx jinkludi ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tirċievi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali u dokumenti li tikkunsidra bħala neċessarji. Jekk il-każ jiġi solvut matul dan il-perjodu, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tkunx meħtieġa toħroġ opinjoni. Jenħtieġ li tali każijiet tas-SOLVIT ikunu soġġetti għal fluss tax-xogħol separat fil-bażi tad-data tas-SOLVIT u jenħtieġ li ma jkunux inklużi fl-istatistika regolari tas-SOLVIT. |
(40) |
L-opinjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' deċiżjoni amministrattiva li tillimita jew tiċħad l-aċċess għas-suq jenħtieġ li tindirizza biss jekk id-deċiżjoni amministrattiva tkunx kompatibbli mal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Dan huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE u l-obbligu tal-Istati Membri li jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni, fl-indirizzar tal-problemi sistemiċi identifikati fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jistgħu jiġu indirizzati aktar. |
(41) |
Huwa importanti għas-suq intern għall-merkanzija li n-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni affidabbli u speċifika dwar il-liġi fis-seħħ fi Stat Membru partikolari. Il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti jenħtieġ li jkollhom rwol importanti sabiex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-operaturi ekonomiċi, billi jxerrdu informazzjoni dwar regoli speċifiċi għall-prodotti u dwar kif il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jiġi applikat fit-territorju tal-Istati Membri tagħhom. Għalhekk, huwa neċessarju li jissaħħaħ ir-rwol tal-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti bħala l-fornituri prinċipali ta' informazzjoni dwar ir-regoli kollha relatati mal-prodotti, inkluż ir-regoli tekniċi nazzjonali koperti mir-rikonoxximent reċiproku. |
(42) |
Sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-merkanzija, jenħtieġ li l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti jipprovdu, bla ħlas, livell raġonevoli ta' informazzjoni dwar ir-regoli tekniċi nazzjonali tagħhom u l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Jenħtieġ li l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti jkollhom tagħmir u riżorsi adegwati. Skont ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jenħtieġ li jipprovdu tali informazzjoni permezz ta' sit web u jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-kriterji ta' kwalità stabbiliti f'dak ir-Regolament. Il-kompiti tal-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti relatati mal-għoti ta' tali informazzjoni, inkluż kopji elettroniċi ta' jew aċċess online għar-regola teknika nazzjonali, jenħtieġ li jsiru mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jirregolaw id-distribuzzjoni ta' regoli tekniċi nazzjonali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti ma jkunux meħtieġa jipprovdu kopji ta' jew aċċess online għal standards li huma soġġetti għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ta' korpi jew organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni. |
(43) |
Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti hija essenzjali għall-funzjonament bla xkiel tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u għall-ħolqien ta' kultura ta' rikonoxximent reċiproku. Għalhekk, jenħtieġ li l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni u għarfien espert sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u konsistenti tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u dan ir-Regolament. |
(44) |
Għall-finijiet tan-notifika ta' deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq, li tkun tista' ssir komunikazzjoni bejn il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti u li tiġi żgurata l-kooperazzjoni amministrattiva, huwa neċessarju li l-Istati Membri jiġu pprovduti aċċess għal sistema għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni. |
(45) |
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu konferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). |
(46) |
Fejn, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, ikun meħtieġ li tiġi pproċessata data personali, tali pproċessar jenħtieġ li jitwettaq skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali. Kwalunkwe pproċessar ta' data personali skont dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) jew ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). |
(47) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi affidabbli u effiċjenti ta' monitoraġġ sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament u dwar l-impatt tiegħu fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. Jenħtieġ li tali mekkaniżmi ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-objettivi. |
(48) |
Għall-finijiet ta' sensibilizzazzjoni dwar il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u sabiex ikun żgurat li dan ir-Regolament jiġi applikat b'mod korrett u konsistenti, jenħtieġ li jkun previst finanzjament tal-Unjoni ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ, skambju ta' uffiċjali u attivitajiet oħra relatati bil-għan li tittejjeb u tiġi sostnuta l-fiduċja u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti u l-operaturi ekonomiċi. |
(49) |
Sabiex tirrimedja n-nuqqas ta' data preċiża relatata mal-funzjonament tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-impatt tiegħu fuq is-Suq Uniku għall-merkanzija, l-Unjoni jenħtieġ li tiffinanzja l-ġbir ta' tali data. |
(50) |
Jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jitħarsu permezz ta' miżuri proporzjonati tul iċ-ċiklu sħiħ tan-nefqa, li jinkludu l-prevenzjoni, is-sejbien u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod ħażin u, fejn ikun xieraq, penali amministrattivi u finanzjarji. |
(51) |
Huwa xieraq li l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tiġi differita sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi jingħataw żmien suffiċjenti sabiex jadattaw għar-rekwiżiti stabbiliti fih. |
(52) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament fid-dawl tal-objettivi li jsegwi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża d-data miġbura dwar il-funzjonament tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-impatt tiegħu fuq is-suq uniku għall- merkanzija u l-informazzjoni disponibbli fis-sistema ta' informazzjoni u komunikazzjoni sabiex tevalwa dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-evalwazzjoni tiegħu. Skont il-punt 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (17), l-evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament, li jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-effiċjenza, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud, jenħtieġ li tipprovdi l-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt tal-għażliet għal azzjoni ulterjuri. |
(53) |
Billi l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi żgurata l-applikazzjoni bla xkiel, konsistenti u korretta tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1. L-għan ta' dan ir-Regolament hu li jissaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern billi tittejjeb l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u jitneħħew l-ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ.
2. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli u proċeduri dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku f'każijiet individwali b'rabta mal-merkanzija li hija soġġetta għall-Artikolu 34 TFUE u li hija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor, b'kunsiderazzjoni għall-Artikolu 36 -TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
3. Dan ir-Regolament jipprevedi wkoll l-istabbiliment u ż-żamma ta' Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti fl-Istati Membri u l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni fil-kuntest tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament japplika għal merkanzija ta' kwalunkwe tip, inkluż il-prodotti agrikoli skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 38(1) TFUE, u għad-deċiżjonijiet amministrattivi li jkunu ttieħdu jew li jridu jittieħdu minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru tad-destinazzjoni fir-rigward ta' kwalunkwe merkanzija minn dawn li tkun kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor, meta d-deċiżjoni amministrattiva tissodisfa l-kriterji li ġejjin:
(a) |
il-bażi għad-deċiżjoni amministrattiva tkun regola teknika nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru tad-destinazzjoni; u |
(b) |
l-effett dirett jew indirett tad-deċiżjoni amministrattiva jkun li tillimita jew tiċħad l-aċċess għas-suq fl-Istat Membru tad-destinazzjoni. |
Deċiżjoni amministrattiva tinkludi kwalunkwe pass amministrattiv li huwa bbażat fuq regola teknika nazzjonali u li jkollu l-istess jew sostanzjalment l-istess effett legali bħall-effett imsemmi fil-punt (b).
2. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “regola teknika nazzjonali” hija kwalunkwe dispożizzjoni ta' liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva oħra ta' Stat Membru, li jkollha l-karatteristiċi li ġejjin:
(a) |
tkopri merkanzija jew aspetti tal- merkanzija li ma jkunux is-suġġett ta' armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni; |
(b) |
jew tipprojbixxi li merkanzija, jew merkanzija ta' dak it-tip, titqiegħed fis-suq f'dak l-Istat Membru, jew inkella tagħmel il-konformità mad-dispożizzjoni obbligatorja, de facto jew de jure, kull meta merkanzija, jew merkanzija ta' tip partikolari, titqiegħed f'dak is-suq; u |
(c) |
tagħmel mill-anqas waħda minn dawn li ġejjin:
|
3. Il-punt (c)(i) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jkopri wkoll il-metodi u l-proċessi ta' produzzjoni użati fir-rigward ta' prodotti agrikoli kif imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 38(1) TFUE, u fir-rigward ta' prodotti maħsuba għall-użu mill-bniedem jew l-annimali, kif ukoll il-metodi u l-proċessi ta' produzzjoni relatati ma' prodotti oħra, meta dawn ikollhom effett fuq il-karatteristiċi tagħhom.
4. Proċedura ta' awtorizzazzjoni minn qabel fiha nnifisha ma tikkostitwixxix regola teknika nazzjonali għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, iżda deċiżjoni li tinċaħad l-awtorizzazzjoni minn qabel abbażi ta' regola teknika nazzjonali għandha titqies bħala deċiżjoni amministrattiva li għaliha japplika dan ir-Regolament, jekk dik id-deċiżjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.
5. Dan ir-Regolament ma japplikax għal:
(a) |
deċiżjonijiet ta' natura ġudizzjarja meħuda minn qrati jew tribunali nazzjonali; |
(b) |
deċiżjonijiet ta' natura ġudizzjarja meħuda mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi waqt l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reat kriminali fir-rigward tat-terminoloġija, is-simboli jew kwalunkwe referenza materjali għal organizzazzjonijiet mhux kostituzzjonali jew kriminali jew reati ta' natura razzista, diskriminatorja jew ksenofobika. |
6. L-Artikoli 5 u 6 ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-punti (b) sa (f) tal-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/95/KE; |
(b) |
il-punt (a) tal-Artikolu 50(3) u l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002; |
(c) |
l-Artikolu 90 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013; u |
(d) |
l-Artikolu 138 tar-Regolament (UE) 2017/625. |
7. Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-obbligu skont id-Direttiva (UE) 2015/1535 li l-abbozz tar-regolamenti tekniċi nazzjonali jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri qabel l-adozzjoni tagħhom.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor” tfisser li merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip tikkonforma mar-regoli rilevanti applikabbli f'dak l-Istat Membru jew ma humiex soġġetti għal ebda regola ta' dak it-tip f'dak l-Istat Membru, u jsiru disponibbli għall-utenti finali f'dak l-Istat Membru; |
(2) |
“tqegħid fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta' merkanzija għad-distribuzzjoni, konsum jew użu fis-'suq fi ħdan it-territorju ta' Stat Membru waqt attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas jew mingħajr ħlas; |
(3) |
“restrizzjoni tal-aċċess għas-suq” tfisser li jiġu imposti kondizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati qabel ma merkanzija tkun tista' titqiegħwd fis-suq fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, jew kondizzjonijiet għaż-żamma ta' merkanzija f'dak is-suq, li fiż-żewġ każijiet jirrikjedu l-modifika ta' xi waħda jew aktar mill-karatteristiċi ta' dik il-merkanzija, kif imsemmi fil-punt (c)(i) tal-Artikolu 2(2), jew jeħtieġu t-twettiq ta' ttestjar addizzjonali; |
(4) |
“ċaħda tal-aċċess għas-suq” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
|
(5) |
“irtirar” tfisser kwalunkwe miżura maħsuba biex merkanzija li tkun fil-katina tal-provvista tiġu impedita milli titqiegħed fis-suq; |
(6) |
“sejħa lura” tfisser kwalunkwe miżura mmirata biex tittieħed lura merkanzija li tkun diġà saret disponibbli għall-utent finali; |
(7) |
“proċedura ta' awtorizzazzjoni minn qabel” tfisser proċedura amministrattiva skont il-liġi ta' Stat Membru li biha l-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru tkun meħtieġa, fuq il-bażi ta' applikazzjoni minn operatur ekonomiku, li tagħti l-approvazzjoni formali tagħha qabel ma l- merkanzija tkun tista' titqiegħed fis-suq ta' dak l-Istat Membru; |
(8) |
“produttur” tfisser:
|
(9) |
“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fi ħdan l-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand produttur sabiex taġixxi f'isem dak il-produttur fir-rigward tat-tqiegħed ta' merkanzija fis-suq inkwistjoni; |
(10) |
“importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tqiegħed il- merkanzija minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni għall-ewwel darba; |
(11) |
“distributur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, għajr il-produttur jew l-importatur, li tqiegħed merkanzija fis-suq fi Stat Membru; |
(12) |
“operatur ekonomiku” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin fir-rigward tal- merkanzija: il-produttur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur jew id-distributur; |
(13) |
“utent finali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li tkun stabbilita fl-Unjoni, li l- merkanzija tkun saret disponibbli jew tkun qiegħda ssir disponibbli għaliha jew bħala konsumatur barra minn kwalunkwe kummerċ, negozju, artiġjanat jew professjoni jew bħala utent finali professjonali waqt l-attivitajiet industrijali jew professjonali tagħha; |
(14) |
“raġunijiet ta' interess pubbliku leġittimu” tfisser kwalunkwe waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 36 TFUE jew kwalunkwe raġuni prevalenti oħra ta' interess pubbliku; |
(15) |
“korp ta' valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp ta' valutazzjoni tal-konformità kif definit fil-punt 13 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008. |
KAPITOLU II
PROĊEDURI FIR-RIGWARD TAL-APPLIKAZZJONI TAL-PRINĊIPJU TAR-RIKONOXXIMENT REĊIPROKU F'KAŻIJIET INDIVIDWALI
Artikolu 4
Dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku
1. Il-produttur ta' merkanzija, jew ta' merkanzija ta' tip partikolari, li jkunu jew li jkunu ser jitqiegħdu fis-suq fl-Istat Membru tad-destinazzjoni jista' jfassal dikjarazzjoni volontarja ta' kummerċjalizzazzjoni legali ta' merkanzija għall-finijiet ta' rikonoxximent reċiproku (“dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku”) biex juri lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni li l- merkanzija, jew il- merkanzija ta' dak it-tip, hija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor.
Il-produttur jista' jagħti mandat lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu sabiex ifassal id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku f'ismu.
Id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku għandha ssegwi l-istruttura stabbilita fil-Parti I u l-Parti II tal-Anness u għandha tinkludi l-informazzjoni kollha speċifikata fih.
Il-produttur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, meta jkun ingħata l-mandat biex jagħmel dan, jista' jimla d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku bl-informazzjoni stabbilita fil-Parti I tal-Anness biss. F'dak il-każ l-informazzjoni stabbilita fil-Parti II tal-Anness għandha timtela mill-importatur jew mid-distributur.
Alternattivament, iż-żewġ partijiet tad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku jistgħu jitfasslu mill-importatur jew mid-distributur, dment li l-firmatarju jkun jista' jipprovdi l-evidenza msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 5(4).
Id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku għandha titfassal b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Meta dik il-lingwa ma tkunx il-lingwa mitluba mill-Istat Membru tad-destinazzjoni, l-operatur ekonomiku għandu jittraduċi d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku f'lingwa meħtieġa mill-Istat Membru tad-destinazzjoni.
2. L-operaturi ekonomiċi li jiffirmaw id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku jew parti minnha għandhom ikunu responsabbli għall-kontenut u l-eżattezza tal-informazzjoni li huma jipprovdu fid-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku, inkluż il-korrettezza tal-informazzjoni li jittraduċu. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu responsabbli f'konformità mal-liġi nazzjonali.
3. L-operaturi ekonomiċi għandhom jiżguraw li d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku tinżamm aġġornata f'kull ħin, u li tirrifletti kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni li jkunu pprovdew fid-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku.
4. Id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku tista' tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għall-finijiet ta' valutazzjoni li għandha titwettaq skont l-Artikolu 5. Din tista' tiġi pprovduta jew f'forma stampata jew b'mezz elettroniku jew tkun disponibbli online f'konformità mar-rekwiżiti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni.
5. Meta l-operaturi ekonomiċi jagħmlu d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku disponibbli online, japplikaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
it-tip ta' merkanzija jew is-serje li għaliha tapplika d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku għandha tkun faċilment identifikabbli; u |
(b) |
il-mezzi tekniċi użati għandhom jiżguraw navigazzjoni faċli u għandhom ikunu mmonitorjati sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà u l-aċċess għad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku. |
6. Fejn il- merkanzija li għaliha tkun qed tiġi pprovduta d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku tkun soġġetta wkoll għal att tal-Unjoni li jirrikjedi dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku tista' tiġi mehmuża mad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE.
Artikolu 5
Valutazzjoni tal- merkanzija
1. Meta awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni tkun biħsiebha tivvaluta l- merkanzija soġġetta għal dan ir-Regolamentbiex tistabbilixxi jekk il- merkanzija jew il- merkanzija ta' dak it-tip hijiex kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor, u, jekk dan ikun il-każ, jekk l-interessi pubbliċi leġittimi koperti mir-regola teknika nazzjonali applikabbli tal-Istat Membru tad-destinazzjoni humiex protetti b'mod adegwat, b'kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi tal- merkanzija inkwistjoni, din għandha tikkuntattja lill-operatur ekonomiku kkonċernat mingħajr dewmien.
2. Meta tidħol f'kuntatt mal-operatur ekonomiku kkonċernat, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tgħarraf lill-operatur ekonomiku bil-valutazzjoni, filwaqt li tindika l- merkanzija li hija soġġetta għal dik il-valutazzjoni u tispeċifika r-regola teknika nazzjonali jew proċedura ta' awtorizzazzjoni ta' qabel applikabbli. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tgħarraf ukoll lill-operatur ekonomiku bil-possibbiltà li jipprovdi dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku f'konformità mal-Artikolu 4 għall-finijiet ta' dik il-valutazzjoni.
3. L-operatur ekonomiku għandu jitħalla jqiegħed il- merkanzija fis-suq fl-Istat Membru tad-destinazzjoni waqt li l-awtorità kompetenti twettaq il-valutazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u jista' jibqa' jagħmel dan għajr jekk l-opertur ekonomiku jirċievi deċiżjoni amministrattiva li tillimita jew tiċħad aċċess għas-suq għal dik il- merkanzija. Dan il-paragrafu ma għandux japplika meta l-valutazzjoni titwettaq fil-qafas ta' proċedura ta' awtorizzazzjoni minn qabel, jew meta l-awtorità kompetenti tissospendi temporanjament it-tqegħid fis-suq tal- merkanzija li hija soġġetta għal dik il-valutazzjoni skont l-Artikolu 6.
4. Jekk tiġi pprovduta dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku lil awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni skont l-Artikolu 4, f'dak il-każ, għall-finijiet tal-valutazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu:
(a) |
id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku, flimkien ma' kwalunkwe evidenza ta' sostenn neċessarja sabiex tiġi vverifikata l-informazzjoni li tinsab fiha li tkun ġiet ipprovduta bi tweġiba għal talba mill-awtorità kompetenti, għandha tiġi aċċettata mill-awtorità kompetenti bħala suffiċjenti biex turi li l- merkanzija hija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor; u |
(b) |
l-awtorità kompetenti ma għandha tirrikjedi l-ebda informazzjoni jew dokumentazzjoni oħra mingħand l-ebda operatur ekonomiku sabiex jintwera li l- merkanzija hija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor. |
5. Jekk dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku ma tkunx ipprovduta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni skont l-Artikolu 4, f'dak il-każ għall-finijiet tal-valutazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tista' titlob lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati biex jipprovdu d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni li hija neċessarja għal dik il-valutazzjoni li tikkonċerna dan li ġej:
(a) |
il-karatteristiċi tal- merkanzija jew tat-tip ta' merkanzija inkwistjoni; u |
(b) |
il-kummerċjalizzazzjoni legali tal- merkanzija fi Stat Membru ieħor. |
6. L-operatur ekonomiku kkonċernat għandu jitħalla minn tal-anqas 15-il jum ta' xogħol wara t-talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni biex jippreżenta d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 4 jew fil-paragrafu 5, jew biex jippreżenta kwalunkwe argument jew kumment li l-operatur ekonomiku jista' jkollu.
7. Għall-fini tal-valutazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, skont l-Artikolu 10(3), tista' tikkuntattja lill-awtoritajiet kompetenti jew il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti tal-Istat Membru li fih operatur ekonomiku jistqarr li qed jikkummerċjalizza legalment il- merkanzija tiegħu, jekk l-awtorità kompetenti jkollha bżonn tivverifika xi informazzjoni pprovduta mill-operatur ekonomiku.
8. Meta jkunu qegħdin iwettqu valutazzjoni skont il-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-destinazzjoni għandhom iqisu b'mod debitu l-kontenut tar-rapporti tat-testijiet jew taċ-ċertifikati maħruġa minn korp ta' valutazzjoni tal-konformità li jkunu ġew ipprovduti minn kwalunkwe operatur ekonomiku bħala parti mill-valutazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-destinazzjoni ma għandhomx jirrifjutaw rapporti ta' testijiet jew ċertifikati li jkunu nħarġu minn korp ta' valutazzjoni tal-konformità akkreditat għall-qasam xieraq tal-attività ta' valutazzjoni tal-konformità skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għal raġunijiet relatati mal-kompetenza ta' dak il-korp.
9. Jekk, mat-tlestija ta' valutazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tad-destinazzjoni tieħu deċiżjoni amministrattiva fir-rigward tal- merkanzija li tkun ivvalutat, hija għandha tinnotifika dik id-deċiżjoni amministrattiva mingħajr dewmien lill-operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika wkoll dik id-deċiżjoni amministrattiva lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mhux aktar tard minn 20 jum ta' xogħol wara li tkun ħadet id-deċiżjoni. Għal dan il-għan, hija għandha tuża s-sistema msemmija fl-Artikolu 11.
10. Id-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 9 għandha tistipula r-raġunijiet għad-deċiżjoni b'mod li jkun suffiċjentement dettaljat u motivat sabiex tiffaċilita valutazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.
11. B'mod partikolari, għandha tiġi inkluża l-informazzjoni li ġejja fid-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 9:
(a) |
ir-regola teknika nazzjonali li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni amministrattiva; |
(b) |
ir-raġuni ta' interess pubbliku leġittimu li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regola teknika nazzjonali li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni amministrattiva; |
(c) |
l-evidenza teknika jew xjentifika li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' destinazzjoni tkun ikkunsidrat, inkluż, fejn applikabbli, kwalunkwe bidla rilevanti fl-ogħla livell ta' żvilupp tekniku li tkun seħħet minn mindu daħlet fis-seħħ ir-regola teknika nazzjonali; |
(d) |
sommarju tal-argumenti mressqa mill-operatur ekonomiku kkonċernat li jkunu rilevanti għall-valutazzjoni skont il-paragrafu 1, jekk ikun hemm; |
(e) |
l-evidenza li turi li d-deċiżjoni amministrattiva hija adatta sabiex jintlaħaq l-għan segwit u li d-deċiżjoni amministrattiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan. |
12. Id-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu għandha tispeċifika r-rimedji disponibbli skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tad-destinazzjoni u l-limiti taż-żmien applikabbli għal dawk ir-rimedji. Hija għandha tinkludi wkoll referenza għall-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jużaw SOLVIT u l-proċedura skont l-Artikolu 8.
13. Id-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 9 ma għandhiex issir effettiva qabel ma tkun ġiet innotifikata lill-operatur ekonomiku kkonċernat skont dak il-paragrafu.
Artikolu 6
Sospensjoni temporanja tal-aċċess għas-suq
1. Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tkun qiegħda twettaq valutazzjoni tal- merkanzija skont l-Artikolu 5, hija tista' tissospendi temporanjament it-tqegħid ta' dik il- merkanzija fis-suq f'dak l-Istat Membru biss jekk:
(a) |
f'kundizzjonijiet normali jew raġonevolment prevedibbli ta' użu, il- merkanzija joħolqu riskju serju għas-sikurezza jew is-saħħa tal-persuni jew għall-ambjent, inkluż wieħed fejn l-effetti ma jkunux immedjati, li jirrikjedi intervent rapidu mill-awtorità kompetenti; jew |
(b) |
it-tqegħid tal-merkanzija, jew ta' merkanzija ta' dak it-tip, fis-suq ta' dak l-Istat Membru jkun ġeneralment ipprojbit f'dak l-Istat Membru għal raġunijiet ta' moralità pubblika jew ta' sigurtà pubblika. |
2. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tinnotifika immedjatament lill-operatur ekonomiku kkonċernat, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe sospensjoni temporanja skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. In-notifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra għandha ssir permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 11. F'każijiet li jaqgħu taħt il-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, in-notifika għandha tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni teknika jew xjentifika dettaljata li turi għaliex il-każ jaqa' fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dak il-punt.
Artikolu 7
Notifika permezz ta' RAPEX jew RASFF
Jekk id-deċiżjoni amministrattiva msemmija fl-Artikolu 5 jew is-sospensjoni temporanja msemmija fl-Artikolu 6 tkun ukoll miżura li trid tiġi nnotifikata permezz tas-sistema ta' Skambju Rapidu ta' Informazzjoni (RAPEX) f'konformità mad-Direttiva 2001/95/KE jew permezz tas-sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 178/2002, ma għandhiex tkun meħtieġa notifika separata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra skont dan ir-Regolament, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
in-notifika bir-RAPEX jew l-RASFF tindika li n-notifika tal-miżura sservi bħala notifika skont dan ir-Regolament; u |
(b) |
l-evidenza ta' sostenn meħtieġa għad-deċiżjoni amministrattiva skont l-Artikolu 5 jew għas-sospensjoni temporanja skont l-Artikolu 6 tkun inkluża man-notifika bir-RAPEX jew l-RASFF. |
Artikolu 8
Proċedura għas-soluzzjoni ta' problemi
1. Meta operatur ekonomiku affettwat minn deċiżjoni amministrattiva jkun ippreżentaha lil SOLVIT u meta, matul il-proċedura tas-SOLVIT, iċ-Ċentru Domestiku jew iċ-Ċentru Ewlieni jitlob lill-Kummissjoni tagħti opinjoni sabiex tassisti fis-soluzzjoni tal-każ, iċ-Ċentru Domestiku u ċ-Ċentru Ewlieni tas-SOLVIT għandhom jagħtu lill-Kummissjoni d-dokumenti rilevanti kollha relatati mad-deċiżjoni amministrattiva kkonċernata.
2. Wara li tirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk id-deċiżjoni amministrattiva hijiex kompatibbli mal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.
3. Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra d-deċiżjoni amministrattiva nnotifikata skont l-Artikolu 5(9) u d-dokumenti u l-informazzjoni pprvduta fil-proċedura tas-SOLVIT. Meta jenħtieġu informazzjoni jew dokumenti addizzjonali għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, titlob liċ-ċentru SOLVIT rilevanti biex jagħmel kuntatt mal-operatur ekonomiku kkonċernat jew mal-awtoritajiet kompetenti li jkunu ħadu d-deċiżjoni amministrattiva, bil-għan li tikseb tali informazzjoni jew dokumenti addizzjonali.
4. Fi żmien 45 jum ta' xogħol minn meta tirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tlesti l-valutazzjoni tagħha u toħroġ opinjoni. Meta jkun xieraq, l-opinjoni tal-Kummissjoni għandha tidentifika kwalunkwe tħassib li jenħtieġ li jiġi indirizzat fil-każ SOLVIT jew għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet biex tassisti fis-soluzzjoni tal-każ. Il-perijodu ta' 45 jum ta' xogħol ma jinkludix il-ħin meħtieġ biex il-Kummissjoni tirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti addizzjonali previsti fil-paragrafu 3.
5. Meta l-Kummissjoni tkun ġiet infurmata li l-każ huwa solvut waqt il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni ma għandhiex tkun meħtieġa toħroġ opinjoni.
6. L-opinjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi kkomunikata permezz taċ-Ċentru SOLVIT rilevanti lill-operatur ekonomiku kkonċernat u lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti. Dik l-opinjoni għandha tiġi notifikata mill-Kummissjoni lill-Istati Membri kollha permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 11. L-opinjoni għandha tiġi kkunsidrata waqt il-proċedura tas-SOLVIT imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
KAPITOLU III
KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA, MONITORAĠĠ U KOMUNIKAZZJONI
Artikolu 9
Kompiti tal-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti
1. L-Istati Membri għandhom jaħtru u jżommu Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti fit-territorju tagħhom u għandhom jiżguraw li l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti tagħhom ikollhom setgħat suffiċjenti u riżorsi adegwati għat-twettiq xieraq tal-kompiti tagħhom. Huma għandhom jiżguraw li l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti jagħtu s-servizzi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1724.
2. Il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja online:
(a) |
informazzjoni dwar il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom, inkluż informazzjoni dwar il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5; |
(b) |
id-dettalji ta' kuntatt, li permezz tagħhom l-awtoritajiet kompetenti f'dak l-Istat Membru ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati direttament, inkluż id-dettalji tal-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli tekniċi nazzjonali applikabbli fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom; |
(c) |
ir-rimedji u l-proċeduri disponibbli fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu f'każ ta' tilwima bejn l-awtorità kompetenti u operatur ekonomiku, inkluż il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8. |
3. Fejn ikun meħtieġ sabiex jikkomplementaw l-informazzjoni pprovduta online skont il-paragrafu 2, il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti għandhom jipprovdu, fuq talba ta' operatur ekonomiku jew ta' awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor, kwalunkwe informazzjoni utli, bħal kopji elettroniċi ta' jew aċċess online għar-regoli tekniċi nazzjonali u l-proċeduri amministrattivi nazzjonali applikabbli għal merkanzija speċifika jew merkanzija ta' tip speċifiku fit-territorju li fih ikun stabbilit il-Punt ta' Kuntatt għall-Prodotti jew informazzjoni dwar jekk dik il- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip ikunux soġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel skont il-liġi nazzjonali.
4. Il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti għandhom iwieġbu fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu kwalunkwe talba skont il-paragrafu 3.
5. Il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti ma għandhom jitolbu l-ebda ħlas għall-għoti tal-informazzjoni skont il-paragrafu 3.
Artikolu 10
Kooperazzjoni amministrattiva
1. Il-Kummissjoni għandha tipprevedi u tiżgura kooperazzjoni effiċjenti bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti tal-Istati Membri differenti permezz tal-attivitajiet li ġejjin:
(a) |
tal-faċilitazzjoni u l-koordinazzjoni tal-iskambju u l-ġbir ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku; |
(b) |
tal-appoġġ għall-funzjonament tal-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti u t-titjib tal-kooperazzjoni transfruntiera tagħhom; |
(c) |
tal-faċilitazzjoni u l-koordinazzjoni tal-iskambju ta' uffiċjali bejn l-Istati Membri u l-organizzazzjoni ta' programmi komuni ta' taħriġ u sensibilizzazzjoni għall-awtoritajiet u n-negozji. |
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti tagħhom jipparteċipaw fl-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.
3. Fuq talba minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni skont l-Artikolu 5(7), l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn operatur ekonomiku jsostni li qiegħed jikkummerċjalizza legalment il- merkanzija tiegħu għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' destinazzjoni fi żmien 15-il jum ta' xogħol kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-verifika tad-data u d-dokumenti mogħtija mill-operatur ekonomiku waqt il-valutazzjoni skont l-Artikolu 5 relatata ma' dik il- merkanzija. Il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti jistgħu jintużaw biex jiffaċilitaw il-kuntatti bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti skont il-limitu ta' żmien għall-għoti ta' informazzjoni rikjesta stabbiliti fl-Artikolu 9(4).
Artikolu 11
Sistema ta' informazzjoni u komunikazzjoni
1. Għall-finijiet tal-Artikoli 5, 6 u 10 ta' dan ir-Regolament, għandha tintuża s-sistema ta' informazzjoni u komunikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, ħlief kif previst fl-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw id-dettalji u l-funzjonalitajiet tas-sistema msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).
KAPITOLU IV
FINANZJAMENT
Artikolu 12
Finanzjament ta' attivitajiet b'appoġġ għal dan ir-Regolament
1. L-Unjoni tista' tiffinanzja l-attivitajiet li ġejjin b'appoġġ għal dan ir-Regolament:
(a) |
kampanji ta' sensibilizzazzjoni; |
(b) |
edukazzjoni u taħriġ; |
(c) |
skambju ta' uffiċjali u tal-aqwa prattiki; |
(d) |
kooperazzjoni bejn il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti u l-awtoritajiet kompetenti, u l-appoġġ tekniku u loġistiku għal din il-kooperazzjoni; |
(e) |
il-ġbir ta' data relatata mal-funzjonament tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-impatt tiegħu fuq is-Suq Uniku għall-merkanzija. |
2. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fir-rigward tal-attivitajiet b'appoġġ ta' dan ir-Regolament għandha tiġi implimentata skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), jew direttament jew billi l-kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit jiġu fdati lill-entitajiet elenkati fil-punt (c) tal-Artikolu 62(1) ta' dak ir-Regolament.
3. L-approprjazzjonijiet allokati għall-attivitajiet imsemmija f'dan ir-Regolament għandhom ikunu stabbiliti kull sena mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju fis-seħħ.
Artikolu 13
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li, meta jiġu implimentati attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu mħarsa permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti li ma kellhomx jitħallsu u, fejn ikun xieraq, permezz ta' penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta' verifika, abbażi ta' dokumenti u ta' spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji ta' għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.
3. L-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (20) bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe tip ta' attività irregolari oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjat skont dan ir-Regolament.
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet ta' għotja u d-deċiżjonijiet ta' għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.
KAPITOLU V
EVALWAZZJONI U PROĊEDURA TA' KUMITAT
Artikolu 14
Evalwazzjoni
1. Sal-20 ta' April 2025, u kull erba' snin wara dan, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament fid-dawl tal-objettivi li jsegwi u għandha tippreżenta rapport dwar dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tuża l-informazzjoni disponibbli fis-sistema msemmija fl-Artikolu 11 u kwalunkwe data miġbura matul l-attivitajiet imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 12(1). Il-Kummissjoni tista' titlob ukoll lill-Istati Membri jippreżentaw kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor għall-evalwazzjoni tal-effettività ta' dan ir-Regolament, kif ukoll valutazzjoni tal-funzjonament tal-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti.
Artikolu 15
Proċedura ta' kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 16
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 huwa mħassar b'effett mid-19 ta' April 2020.
Referenzi għar-Regolament mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mid-19 ta' April 2020.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
G. CIAMBA
(1) ĠU C 283, 10.8.2018, p. 19.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Marzu 2019.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 21).
(4) Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).
(6) Id-Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4).
(7) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).
(10) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
(11) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(12) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE tas-17 ta' Settembru 2013 fuq il-prinċipji li jirregolaw is-SOLVIT (ĠU L 249, 19.9.2013, p. 10).
(13) Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta' assistenza u ta' soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).
(14) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(15) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(16) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(17) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(18) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(19) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(20) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
ANNESS
Dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku għall-finijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)
Parti I
1. Identifikatur uniku għall-merkanzija jew it-tip ta' merkanzija: … [Nota: daħħal in-numru ta' identifikazzjoni tal-prodotti jew markatur ieħor ta' referenza li jidentifika b'mod uniku l- merkanzija jew it-tip ta' merkanzija]
2. L-isem u l-indirizz tal-operatur ekonomiku: … [Nota: daħħal l-isem u l-indirizz tal-firmatarju tal-Parti I tad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku: il-produttur u, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, jew l-importatur, jew id-distributur]
3. Deskrizzjoni tal- merkanzija jew tat-tip ta' merkanzija soġġetta għad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku: … [Nota: id-deskrizzjoni għandha tkun suffiċjenti sabiex tippermetti li l- merkanzija tiġi identifikata għal raġunijiet ta' traċċabilità. Hija tista' tkun akkumpanjata b'ritratt, fejn ikun xieraq]
4. Dikjarazzjoni u informazzjoni dwar il-legalità tal-kummerċjalizzazzjoni tal- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip: …
4.1. Il- merkanzija jew tip ta' merkanzija deskritta hawn fuq, inkluż il-karatteristiċi tagħha, jikkonformaw mar-regoli li ġejjin applikabbli fi ... [Nota: identifika l-Istat Membru fejn huwa sostnut li l- merkanzija jew ta' merkanzija ta' dak it-tip hija kummerċjalizzata legalment]: … [Nota: daħħal it-titolu u r-referenza uffiċjali tal-pubblikazzjoni, f'kull każ, tar-regoli rilevanti applikabbli f'dak l-Istat Membru u r-referenza tad-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni jekk il- merkanzija kienet soġġetta għal proċedura ta' awtorizzazzjoni minn qabel],
jew
il- merkanzija jew tip ta' merkanzija deskritta hawn fuq mhijiex soġġetta għal kwalunkwe regola rilevanti fi ... [Nota: identifika l-Istat Membru fejn huwa sostnut li l- merkanzija jew dak merkanzija ta' dak it-tip hija kummerċjalizzata legalment].
4.2. Referenza tal-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità applikabbli għall- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip, jew referenza għar-rapporti tat-test għal kwalunkwe test imwettaq minn korp ta' valutazzjoni tal-konformità, inkluż l-isem u l-indirizz ta' dak il-korp (jekk twettqet proċedura ta' dan it-tip jew saru xi testijiet ta' dan it-tip): …
5. Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali kkunsidrata rilevanti għal valutazzjoni ta' jekk il- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip hijiex kummerċjalizzata legalment fl-Istat Membru indikat fil-punt 4.1: …
6. Din il-parti tad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku ġiet imfassla taħt ir-responsabbiltà unika tal-operatur ekonomiku identifikat skont il-punt 2.
Iffirmat għal u f'isem:
(post u data):
(isem, funzjoni) (firma):
Parti II
7. Dikjarazzjoni u informazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip
7.1. Il- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip tqiegħed fis-suq għall-utenti finali fl-Istat Membru indikat fil-punt 4.1.
7.2. Informazzjoni li l- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip issir disponibbli għall-utenti finali fl-Istat Membru indikat fil-punt 4.1, inkluż dettalji tad-data meta l- merkanzija tqiegħdet għall-ewwel darba fis-suq għall-utenti finali f'dak l-Istat Membru: …
8. Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali kkunsidrata rilevanti għal valutazzjoni ta' jekk il- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip hijiex kummerċjalizzata legalment fl-Istat Membru indikat fil-punt 4.1: …
9. Din il-parti tad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiprokuhija mġiet imfassla taħt ir-responsabbiltà unika ta' … [Nota: daħħal l-isem u l-indirizz tal-firmatarju tal-Parti II tad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku: il-produttur u, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, jew l-importatur, jew id-distributur].
Iffirmat għal u f'isem:
(post u data):
(isem, funzjoni) (firma):
(1) Ir-Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-19 ta' Marzu 2019 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' merkanzija mqiegħda fis-suq legalment fi Stat Membru ieħor u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 1).