Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019H0780

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/780 tas-16 ta' Mejju 2019 dwar l-arranġamenti prattiċi għall-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet ta' sikurezza għall-maniġers tal-infrastruttura (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2019/3564

    ĠU L 139I, 27.5.2019, p. 390–405 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2019/780/oj

    27.5.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 139/390


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/780

    tas-16 ta' Mejju 2019

    dwar l-arranġamenti prattiċi għall-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet ta' sikurezza għall-maniġers tal-infrastruttura

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 12 tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (1) jeħtieġ li l-maniġers tal-infrastruttura jiksbu awtorizzazzjoni ta' sikurezza mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza fl-Istat Membru fejn tkun tinsab l-infrastruttura ferrovjarja biex jitħallew imexxu u joperaw infrastruttura ferrovjarja. Tali awtorizzazzjoni ta' sikurezza jenħtieġ li tikkonferma l-aċċettazzjoni tas-sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-maniġer tal-infrastruttura u tinkludi l-proċeduri u d-dispożizzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa għad-disinn, il-manutenzjoni u l-operazzjoni sikuri tal-infrastruttura ferrovjarja.

    Fid-9 ta' Marzu 2017, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) ippreżentat lill-Kummissjoni r-Rakkomandazzjoni ERA-REC-115-REC dwar ir-reviżjoni tal-metodi komuni tas-sikurezza għall-valutazzjoni tal-konformità u l-metodi komuni tas-sikurezza għas-superviżjoni. Dik ir-Rakkomandazzjoni inkludiet dispożizzjonijiet dwar l-arranġamenti prattiċi għall-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet ta' sikurezza għall-maniġers tal-infrastruttura.

    (2)

    Fil-laqgħa tiegħu tal-5 ta' Lulju 2017, il-Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Pilastru Tekniku tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju ssuġġerixxa lill-Kummissjoni li tinkorpora d-dispżizzjonijiet imsemmija hawn fuq f'Rakkomandazzjoni, hekk kif m'hemm l-ebda bażi ġuridika xierqa biex tinkludihom f'Regolament. Tali Rakkomandazzjoni tista' tkun ta' gwida biex jiġu stipulati l-arranġamenti prattiċi għall-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet ta' sikurezza għall-maniġers tal-infrastruttura. Tali gwida komuni jenħtieġ li tnaqqas il-kumplessità tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni nazzjonali billi tistabbilixxi l-metodoloġija komuni li għandha tintuża. Tista' wkoll tiżgura li l-objettivi tal-Artikolu 12 tad-Direttiva (UE) 2016/798 jintlaħqu b'mod aktar effettiv, u tiffaċilita l-kompiti ta' koordinazzjoni li jenħtieġ li jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza skont dak l-Artikolu. Għalhekk il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri jsegwu dawk id-dispożizzjonijiet.

    (3)

    F'konformità mal-Artikolu 12(1), l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li jiżviluppaw dokument ta' gwida għall-applikazzjoni għall-ġestjoni tal-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet ta' sikurezza, li jkun jinkludi l-proċedura li tkun trid tiġi segwita, bil-ħsieb li jitnaqqsu l-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi għall-applikant li jinħolqu mill-ipproċessar amministrattiv tal-applikazzjoni.

    (4)

    Il-limiti ta' żmien definiti mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fir-rigward tal-produzzjoni ta' informazzjoni addizzjonali mitluba mill-applikant jew fir-rigward tat-twettiq ta' żjarat, ta' spezzjonijiet u ta' verifiki jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-perjodu ta' żmien permess għall-valutazzjoni ta' applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

    (5)

    Skont l-Artikolu 12(5) tad-Direttiva (UE) 2016/798, fil-każ ta' infrastruttura transfruntiera, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza kkonċernati jenħtieġ li jikkoordinaw il-valutazzjoni tagħhom sabiex jevitaw, kemm jista' jkun, kwalunkwe duplikazzjonijiet ta' valutazzjoni u biex jiżguraw li jkun hemm konsistenza fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fir-rigward tal-infrastruttura ferrovjarja li tinsab fl-Istat Membru rispettiv tagħhom.

    (6)

    Fi ħdan il-qafas tal-attivitajiet tagħhom, il-maniġers tal-infrastruttura jaf ikollhom bżonn jinqdew b'ferroviji, b'vetturi ta' spezzjoni tal-infrastruttura, b'magni ta' fuq il-binarji jew b'vetturi speċjali oħra għal għanijiet differenti, ngħidu aħna għat-trasport ta' materjali jew persunal għall-kostruzzjoni jew għall-manutenzjoni tal-infrastruttura, għall-manutenzjoni tal-assi tal-infrastruttura jew għall-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza. F'dawn il-każijiet, il-maniġer tal-infrastruttura jenħtieġ li jkun kapaċi jopera fil-kapaċità ta' impriża ferrovjarja skont is-sistema tagħha ta' ġestjoni tas-sikurezza u ta' awtorizzazzjoni ta' sikurezza mingħajr il-ħtieġa li japplika għal ċertifikat ta' sikurezza uniku separat, irrispettivament minn jekk ikunx il-proprjetarju tal-vetturi jew le.

    (7)

    Ikun utli għall-maniġers tal-infrastruttura li tiġi armonizzata l-kategorizzazzjoni ta' kwistjonijiet li jistgħu jiġu identifikati matul il-proċess ta' valutazzjoni tal-applikazzjoni. Din l-armonizzazzjoni jenħtieġ li tiżgura li l-applikant jifhem il-gravità ta' kwalunkwe kwistjoni li titqajjem mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza. Din il-kategorizzazzjoni ta' kwistjonijiet hija partikolarment rilevanti għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fil-każ ta' infrastruttura transfruntiera,

    ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    SUĠĠETT U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

    (1)

    Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi linji gwida dwar il-valutazzjoni ta' applikazzjonijiet sottomessi minn maniġers tal-infrastruttura lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza bl-għan li jinħarġu, jiġġeddu jew jiġu aġġornati tali awtorizzazzjonijiet ta' sikurezza, kif previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva (UE) 2016/798.

    DEFINIZZJONIJIET

    (2)

    Għall-finijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, jenħtieġ li japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “data tal-wasla tal-applikazzjoni” tfisser l-ewwel jum tax-xogħol fl-Istat Membru kkonċernat wara l-konferma tal-wasla tal-fajl tal-applikazzjoni;

    (b)

    “impenn preliminari” tfisser fażi proċedurali qabel is-sottomissjoni ta' applikazzjoni, li matulha l-applikant jista' jitlob informazzjoni addizzjonali dwar l-istadji segwenti tal-proċess tal-valutazzjoni tas-sikurezza mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza;

    (c)

    “tħassib residwu” tfisser kwistjoni żgħira identifikata matul il-valutazzjoni ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta' sikurezza li ma timpedixxix il-ħruġ tagħha u li tista' tiġi posposta għal superviżjoni aktar tard.

    IR-RESPONSABBILTAJIET TAL-AWTORITÀ NAZZJONALI TAS-SIKUREZZA

    (3)

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tkun responsabbli għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-ħidma ta' valutazzjoni li twettaq b'rabta mal-ħruġ ta' awtorizzazzjoni ta' sikurezza.

    (4)

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li taċċetta impenn preliminari mitlub mill-applikant, u li tipprovdi kwalunkwe kjarifika li jitlob l-applikant dwar il-proċedura li trid tiġi segwita.

    (5)

    Għall-finijiet tal-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet ta' sikurezza, l-awtorità nazzjonali ta' sikurezza jenħtieġ li tiġbor l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-istadji differenti tal-proċedura ta' valutazzjoni, inkluż ir-raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed fil-kuntest ta' dik il-proċedura, bħall-ispezzjonijiet, kif ukoll kwalunkwe restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet tal-użu li jridu jiġu inklużi fl-awtorizzazzjoni ta' sikurezza;

    (b)

    ir-riżultat tal-proċedura ta' valutazzjoni, li jinkludi l-konklużjonijiet fil-qosor u, fejn xieraq, opinjoni dwar il-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ta' sikurezza.

    (6)

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li timmonitorja d-dati ta' skadenza tal-awtorizzazzjonijiet ta' sikurezza validi kollha biex tiffaċilita l-ippjanar tal-attivitajiet ta' valutazzjoni tas-sikurezza.

    (7)

    Sabiex tkun konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva (UE) 2016/798, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tippubblika gwida għall-applikazzjoni li tinkludi forom mudell bi spjega tar-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni ta' sikurezza u d-dokumenti meħtieġa, u li żżommha aġġornata. Dawk id-dokumenti jenħtieġ li jinkludu r-regoli nazzjonali li japplikaw għall-maniġer tal-infrastruttura u d-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali. Din il-gwida jenħtieġ li tkun mingħajr ħlas u tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-Internet tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza kkonċernata. Jenħtieġ li tindika wkoll l-arranġamenti ta' komunikazzjoni bejn l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza u l-applikant.

    Biex tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali ta' sikurezza f'dan il-kompitu, l-Aġenzija, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali ta' sikurezza jenħtieġ li tiżviluppa mudell ta' gwida għall-applikazzjoni, u li tippubblikaha u żżommha aġġornata.

    (8)

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tistabbilixxi arranġamenti jew proċeduri interni għall-ġestjoni tal-proċess tal-valutazzjoni tas-sikurezza. Dawk il-proċeduri jew arranġamenti jenħtieġ li jqisu l-ħtieġa għal kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tas-sikurezza bil-għan li tinħareġ awtorizzazzjoni ta' sikurezza f'każ ta' infrastruttura transfruntiera, kif previst fl-Artikolu 12(5) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

    (9)

    Meta jivvalutaw l-applikazzjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li jaċċettaw tipi oħra ta' awtorizzazzjonijiet, ċertifikati u kwalunkwe dokument ieħor rilevanti pprovdut mill-maniġers tal-infrastruttura jew mill-kuntratturi tagħhom maħruġa skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni, bħala prova tal-kapaċità tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/762 (2).

    IL-PREŻENTAZZJONI TA' APPLIKAZZJONI

    (10)

    Mingħajr preġudizzju għall-perjodu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva (UE) 2016/798 għall-ħruġ ta' deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, l-applikant jenħtieġ li jippreżenta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta' sikurezza, jew għall-aġġornament jew it-tiġdid ta' tali applikazzjoni, qabel id-dati li ġejjin, skont kif ikun xieraq:

    (a)

    id-data tal-bidu ppjanata ta' kwalunkwe operazzjoni ġdida ta' netwerk ferrovjarju;

    (b)

    id-data tal-bidu ppjanata ta' operazzjoni ta' netwerk ferrovjarju b'kundizzjonijiet differenti minn dawk stabbiliti fl-awtorizzazzjoni ta' sikurezza attwali, wara li tkun saret bidla sostanzjali fl-infrastruttura, fis-sistemi ta' sinjalar jew ta' enerġija, jew fil-prinċipji tal-operazzjoni u tal-manutenzjoni tagħhom;

    (c)

    id-data ta' skadenza tal-awtorizzazzjoni ta' sikurezza attwali.

    (11)

    Meta jissottometti applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta' sikurezza ġdida, l-applikant jenħtieġ li jipprovdi l-informazzjoni elenkata fl-Anness I.

    (12)

    Meta jissottometti applikazzjoni għall-aġġornament jew għat-tiġdid ta' awtorizzazzjoni ta' sikurezza, l-applikant jenħtieġ li jipprovdi l-informazzjoni elenkata fl-Anness I u jiddeskrivi l-bidliet li saru fis-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tiegħu mid-data ta' meta nħarġet l-awtorizzazzjoni attwali.

    Fejn tali bidliet jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni tas-sikurezza jew joħolqu riskji ta' sikurezza serji, jew fejn l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tidentifika xi oqsma oħra ta' tħassib fil-qafas tal-attivitajiet ta' superviżjoni tagħha, din jenħtieġ li tiddeċiedi jekk il-fajl tal-applikazzjoni kollu jridx jiġi vvalutat mill-ġdid.

    (13)

    Jekk l-applikant jitlob impenn preliminari, jenħtieġ li jissottometti l-informazzjoni elenkata fil-punti 1 sa 5 tal-Anness I lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza.

    (14)

    Meta l-fajl ippreżentat ikun fih kopji ta' dokumenti maħruġa minn entitajiet oħra għajr l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, l-applikant jenħtieġ li jżomm id-dokumenti oriġinali għal mill-inqas ħames snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' validità tal-awtorizzazzjoni ta' sikurezza. Fil-każ ta' tiġdid jew aġġornament, l-applikant jenħtieġ li jżomm l-oriġinali tad-dokumenti kollha ppreżentati għal dik l-applikazzjoni u maħruġa minn entitajiet oħra barra l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għal mill-inqas ħames snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' validità tal-awtorizzazzjoni ta' sikurezza mġedda jew aġġornata. L-applikant irid jagħmel dawk id-dokumenti oriġinali disponibbli fuq talba tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza.

    STADJI PROĊEDURALI U SKEDI TA' ŻMIEN

    (15)

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tapplika l-proċess stabbilit fl-Anness II.

    (16)

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tevalwa jekk l-applikazzjoni tinkludix id-dokumenti elenkati fil-punti 6 sa 8 tal-Anness I. Jenħtieġ li tinforma l-applikant, mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard minn xahar wara d-data tal-wasla tal-applikazzjoni, jekk l-applikazzjoni hix kompluta.

    (17)

    Fejn l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li minnufih titlob l-informazzjoni addizzjonali li tqis meħtieġa, u li tindika skeda ta' żmien raġonevoli għat-tweġiba tal-applikant. L-iskeda ta' żmien biex tiġi pprovduta l-informazzjoni supplimentari jenħtieġ li tkun raġonevoli, fi proporzjonalità mad-diffikultà li l-informazzjoni mitluba tiġi pprovduta u fi qbil mal-applikant hekk kif jiġi infurmat li l-fajl tal-applikazzjoni tiegħu mhux komplut. Jekk l-applikant ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fl-iskeda ta' żmien li jkun sar qbil dwarha, l-awtorità nazzjonali ta' sikurezza tista' tiddeċiedi li testendi l-iskeda ta' żmien għar-rispons tal-applikant jew li tinnotifika lill-applikant li l-applikazzjoni ġiet rifjutata.

    (18)

    Anki jekk il-fajl tal-applikazzjoni jkun komplut, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista' titlob aktar informazzjoni mill-applikant fi kwalunkwe ħin qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha. Jenħtieġ li tistabbilixxi data ta' skadenza raġonevoli għall-għoti ta' dik l-informazzjoni.

    (19)

    L-awtorizzazzjoni ta' sikurezza jenħtieġ li jkun fiha l-informazzjoni elenkata fl-Anness III.

    Jenħtieġ li jingħata numru ta' identifikazzjoni uniku għal kull awtorizzazzjoni ta' sikurezza.

    (20)

    Sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva (UE) 2016/798, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tittrażmetti l-informazzjoni elenkata fl-Anness III lill-Aġenzija.

    ĠESTJONI TAL-INFORMAZZJONI

    (21)

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tirreġistra l-informazzjoni kollha rilevanti dwar kull stadju tal-proċess tal-valutazzjoni tas-sikurezza u l-eżitu ta' dik il-valutazzjoni f'sistema ta' ġestjoni tal-informazzjoni, u li taġġornaha fuq bażi regolari.

    ARRANĠAMENTI GĦAL ŻJARAT U SPEZZJONIJIET FUQ IS-SIT TAL-MANIĠERS TAL-INFRASTRUTTURA U GĦALL-AWDITJAR

    (22)

    Fil-każ ta' żjarat, spezzjonijiet u awditjar imwettqa mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, l-applikant jenħtieġ li jindika l-persuna li tirrapreżentah u r-regoli u l-proċedura tas-sikurezza applikabbli tas-sit li jridu jiġu rrispettati mill-persunal tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza responsabbli miż-żjara, l-ispezzjoni jew l-awditjar. Il-qafas ta' żmien għaż-żjarat, l-ispezzjonijiet u l-awditi jenħtieġ li jkunu miftiehma bejn l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza u l-applikant.

    (23)

    Fil-każ ta' żjarat, spezzjonijiet jew awditi, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tabbozza rapport dwar il-kwistjonijiet identifikati matul il-valutazzjoni u li tispeċifika jekk issolvewx permezz tal-evidenza pprovduta matul iż-żjara, spezzjoni jew awditu u, jekk iva, kif. Dak ir-rapport jista' jinkludi wkoll kwistjonijiet oħra li jridu jissolvew mill-applikant fi ħdan l-iskeda ta' żmien miftiehma.

    KOOPERAZZJONI BEJN L-AWTORITAJIET NAZZJONALI TAS-SIKUREZZA FIL-KAŻ TA' INFRASTRUTTURI TRANSFUNTIERA

    (24)

    L-applikant jew l-applikanti jenħtieġ li jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom għal infrastruttura transfruntiera lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fl-Istati Membri kkonċernati. Kull awtorità nazzjonali tas-sikurezza kkonċernata jenħtieġ li tagħti l-awtorizzazzjoni ta' sikurezza għall-infrastruttura li tinsab fit-territorju tagħha.

    (25)

    L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li jiddiskutu kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-proċess tal-valutazzjoni tas-sikurezza, u kwalunkwe talba għal informazzjoni supplimentari li jkollha impatt fuq l-iskeda ta' żmien għall-valutazzjoni jew li jkollha l-potenzjal li taffettwa l-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza l-oħra kkonċernati.

    (26)

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista' titlob kwalunkwe informazzjoni rilevanti marbuta mal-applikant mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza l-oħra kkonċernati.

    (27)

    L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza kkonċernati jenħtieġ li jiskambjaw bejniethom l-informazzjoni rilevanti kollha li jista' jkollha impatt fuq il-proċess tal-valutazzjoni tas-sikurezza, inkluż fuq l-implimentazzjoni ta' regoli nazzjonali rilevanti, notifikata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri rispettivi tagħhom.

    (28)

    L-objettivi u l-ambitu tal-awditi, l-ispezzjonijiet u ż-żjarat, kif ukoll ir-rwol assenjat lil kull awtorità nazzjonali tas-sikurezza, jenħtieġ li jiġi deċiż mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza kkonċernati. Ir-rapporti ta' dawn l-ispezzjonijiet, iż-żjarat u l-awditi jenħtieġ li jkunu abbozzati mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza mfassla fil-qafas tal-kooperazzjoni u jsiru disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali ta' sikurezza l-oħra kkonċernati.

    (29)

    Qabel ma jiddeċiedu dwar il-ħruġ ta' awtorizzazzjoni ta' sikurezza għall-infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri rispettivi tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza kkonċernati jenħtieġ li jieħdu l-passi li ġejjin:

    (a)

    jiddiskutu r-riżultat tal-valutazzjonijiet rispettivi tagħhom;

    (b)

    jiftiehmu dwar kwalunkwe tħassib residwu biex jiġi pospost għal konsiderazzjoni waqt superviżjoni aktar tard;

    (c)

    jaqblu dwar kwalunkwe restrizzjoni jew kundizzjoni tal-użu li trid tiġi inkluża fl-awtorizzazzjoni ta' sikurezza, kif xieraq.

    (30)

    Fejn l-applikant ikun ħa azzjonijiet sabiex jindirizza t-tħassib residwu identifikat, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza kkonċernati jenħtieġ li jivverifikaw u jaqblu jekk dawn il-kwistjonijiet ikunux issolvew. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li jikkoordinaw, fejn xieraq, skont l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/761 (3).

    (31)

    Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta' sikurezza li l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza joħorġu għall-infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri rispettivi tagħhom tingħata diment li jkunu nħarġu l-awtorizzazzjonijiet ta' sikurezza l-oħra kollha relatati mal-infrastruttura transfruntierara kkonċernata.

    (32)

    L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li jżommu rekords tal-attivitajiet rispettivi tagħhom u jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza l-oħra kkonċernati.

    KATEGORIZZAZZJONI TAL-KWISTJONIJIET

    (33)

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tikkategorizza kwistjonijiet identifikati matul il-valutazzjoni tagħha tal-fajl ta' applikazzjoni kif ġej:

    (a)

    “Tip 1”: kwistjonijiet li jeħtieġu reazzjoni mill-applikant għall-fehim tal-fajl tal-applikazzjoni;

    (b)

    “Tip 2”: kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal emenda tal-fajl tal-applikazzjoni jew għal azzjoni minuri mill-applikant; l-azzjoni li tittieħed titħalla f'idejn l-applikant u ma timpedixxix il-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ta' sikurezza;

    (c)

    “Tip 3”: kwistjonijiet li jeħtieġu azzjoni speċifika li trid tittieħed mill-applikant, li t-tlestija tagħha tista' tiġi posposta sa wara li tingħata l-awtorizzazzjoni ta' sikurezza; l-applikant jipproponi azzjoni biex tissolva kwistjoni u jsir qbil dwarha mal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza li tkun identifikat il-kwistjoni;

    (d)

    “Tip 4”: kwistjonijiet li jeħtieġu emenda tal-fajl ta' applikazzjoni jew li jeħtieġu li tittieħed azzjoni speċifika mill-applikant; l-awtorizzazzjoni ta' sikurezza ma tingħatax sakemm il-kwistjoni ma tkunx issolviet jew sakemm ir-restrizzjonijiet jew il-kundizzjonijiet tal-użu ma jiġux inklużi fl-awtorizzazzjoni ta' sikurezza biex jindirizzaw il-kwistjoni; l-applikant jipproponi kwalunkwe azzjoni biex tissolva kwistjoni u jsir qbil dwarha mal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza li tkun identifikat il-kwistjoni.

    (34)

    Wara t-tweġiba jew l-azzjoni tal-applikant skont il-kwistjoni, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tevalwa mill-ġdid il-kwistjonijiet li identifikat, li tikklassifikahom mill-ġdid fejn ikun rilevanti u li tassenja status wieħed minn dawn li ġejjin għal kull waħda mill-kwistjonijiet identifikati:

    (a)

    “Kwistjoni pendenti” jekk l-evidenza pprovduta mill-applikant ma tkunx sodisfaċenti u tkun għadha meħtieġa informazzjoni addizzjonali;

    (b)

    “Tħassib residwu għas-superviżjoni” f'każ li jkun għad fadal tħassib residwu;

    (c)

    “Kwistjoni magħluqa” jekk it-tweġiba tal-applikant tkun sodisfaċenti u ma jkun għad fadal ebda tħassib residwu.

    KOMPETENZA TAL-PERSUNAL INVOLUT FIL-VALUTAZZJONIJIET

    (35)

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tiżgura li l-persunal involut fil-valutazzjonijiet ikollu l-kompetenzi li ġejjin:

    (a)

    għarfien dwar il-qafas regolatorju rilevanti;

    (b)

    għarfien dwar il-funzjonament tas-sistema ferrovjarja;

    (c)

    livell xieraq ta' analiżi kritika;

    (d)

    esperjenza fil-valutazzjoni ta' sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza jew sistema simili fis-settur ferrovjarju, jew sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza, f'settur li jkollu sfidi operattivi u tekniċi ekwivalenti;

    (e)

    kapaċità li jsolvi l-problemi, li jikkomunika u li jaħdem f'tim;

    (f)

    kwalunkwe kompetenza oħra meħtieġa minn valutazzjoni partikolari.

    Fil-każ ta' xogħol f'tim, il-kompetenzi jistgħu jiġu kondiviżi fost il-membri tat-tim.

    Il-persunal li jwettaq l-ispezzjonijiet u l-awditjar jenħtieġ li juri għarfien rigward l-għoti ta' intervisti, u li jkollu l-esperjenza f'dan il-qasam.

    (36)

    Sabiex jiġi żgurat li l-punt 35 jiġi applikat b'mod korrett, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tqiegħed fis-seħħ sistema ta' ġestjoni tal-kompetenzi, li tinkludi:

    (a)

    l-iżvilupp ta' profili ta' kompetenza għal kull impjieg, pożizzjoni jew rwol;

    (b)

    ir-reklutaġġ ta' persunal f'konformità mal-profili ta' kompetenza stabbiliti;

    (c)

    il-ħarsien, l-iżvilupp u l-valutazzjoni tal-kompetenza tal-persunal f'konformità mal-profili ta' kompetenza stabbiliti.

    RIEŻAMI

    (37)

    Kwalunkwe deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta' awtorizzazzjoni ta' sikurezza jew li tidentifika restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet ta' użu differenti minn dawk li jintalbu fl-applikazzjoni jenħtieġ li tkun ġustifikata kif xieraq.

    (38)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-applikanti jkunu jistgħu jitolbu rieżami tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, f'perjodu ta' żmien raġonevoli, u li l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jkollhom biżżejjed żmien mid-data tal-wasla tat-talba għal rieżami li fih jikkonfermaw jew jirrevokaw id-deċiżjonijiet tagħhom.

    (39)

    Il-proċedura ta' rieżami jenħtieġ li titwettaq b'mod imparzjali.

    (40)

    Il-proċedura ta' rieżami jenħtieġ li tiffoka fuq il-kwistjonijiet li kienu ġġustifikaw għalfejn id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza iddevjat mit-talba tal-applikant.

    (41)

    Fil-każ ta' infrastruttura transfruntiera, ir-rieżami jenħtieġ li jitwettaq f'koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza kkonċernati mill-infrastruttura transfruntiera.

    (42)

    Jekk tiġi kkonfermata d-deċiżjoni ta' rifjut tal-ħruġ ta' awtorizzazzjoni ta' sikurezza jew li tidentifika restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet ta' użu differenti minn dawk mitluba fl-applikazzjoni, l-applikant jista' jressaq appell quddiem il-ġurisdizzjoni kompetenti skont il-liġi nazzjonali.

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    (43)

    L-Istati Membri li ma nnotifikawx lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798 huma mitluba jagħtu effett lil din ir-Rakkomandazzjoni mis-16 ta' Ġunju 2019. L-Istati Membri kollha huma mitluba jagħtu effett mis-16 ta' Ġunju 2020.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Mejju 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Violeta BULC

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/762 tat-8 ta' Marzu 2018 li jistabbilixxi metodi ta' sikurezza komuni dwar ir-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1158/2010 u (UE) Nru 1169/2010 (ĠU L 129, 25.5.2018, p. 26).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/761 tas-16 ta' Frar 2018 li jistabbilixxi metodi komuni ta' sikurezza għas-superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza wara l-ħruġ ta' ċertifikat ta' sikurezza uniku jew ta' awtorizzazzjoni ta' sikurezza skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1077/2012 (ĠU L 129, 25.5.2018, p. 16).


    ANNESS I

    Kontenut tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta' sikurezza

    Nota:

    l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza huma mħeġġa jitolbu l-informazzjoni kollha elenkata f'dan l-Anness, inkluż id-dokumenti li jridu jiġu annessi ma' din l-applikazzjoni, għajr fejn hu immarkat b'“F” (fakultattiv). Fil-każ li l-maniġer tal-infrastruttura jkollu bżonn jistabbilixxi pjan ta' azzjoni korrettiva msemmi fil-punt 8, l-informazzjoni dwarha tkun obbligatorja.

    1.   Tip ta' applikazzjoni:

    1.1.   Ġdida

    1.2.   Tiġdid

    1.3.   Aġġornament

    1.4.   Numru ta' identifikazzjoni tal-awtorizzazzjoni preċedenti (fil-każ biss ta' applikazzjoni għal tiġdid jew għal aġġornament)

    2.   Dettalji dwar l-infrastruttura/i (agħżel waħda jew iktar)

    2.1.   Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)

    2.1.1.   Netwerk komprensiv TEN-T

    2.1.2.   Netwerk Ewlieni TEN-T għall-Merkanzija

    2.1.3.   Netwerk Ewlieni TEN-T għall-Passiġġieri

    2.1.4.   'Il barra min-Netwerk TEN-T

    2.2.   Enerġija

    2.2.1.   Linja ta' kuntatt sospiża

    2.2.2.   It-tielet linja ferrovjarja

    2.2.3.   Ir-raba' linja ferrovjarja

    2.2.4.   Mhux bl-elettriku

    2.3.   Kontroll - Ordnijiet u sinjalar

    2.3.1.   Sistema ta' Klassi A

    2.3.2.   Sistema ta' Klassi B

    2.4.   Oħrajn (speċifika)

    3.   Operazzjonijiet tan-netwerk ferrovjarju:

    3.1.   Data mistennija tal-bidu tas-servizzi/operazzjonijiet (F)

    3.2.   Stat(i) Membru/i fejn tinsab l-infrastruttura

    4.   Informazzjoni dwar l-applikant:

    4.1.   Denominazzjoni ġuridika

    4.2.   Akronimu (F)

    4.3.   Indirizz postali sħiħ

    4.4.   Telefown

    4.5.   Faks (F)

    4.6.   Posta elettronika

    4.7.   Sit web (F)

    4.8.   Numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali

    4.9.   Numru tal-VAT (F)

    4.10.   Informazzjoni rilevanti oħra (F)

    5.   Informazzjoni dwar il-persuna ta' kuntatt:

    5.1.   Isem

    5.2.   Kunjom

    5.3.   Titlu jew kariga

    5.4.   Indirizz postali sħiħ

    5.5.   Telefown

    5.6.   Faks (F)

    5.7.   Posta elettronika

    5.8.   Lingwa jew lingwi mitkellma

    DOKUMENTI LI JRIDU JIĠU MEHMUŻA MAL-APPLIKAZZJONI

    6.   Dokumenti sottomessi għall-parti tal-valutazzjoni dwar is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza:

    6.1.   Deskrizzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza u dokumenti oħra li juru konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2018/762.

    6.2.   Informazzjoni ta' kontroreferenzjar tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza (ara l-punt 6.1) mal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2018/762, inkluża indikazzjoni fid-dokumentazzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza li turi fejn huma ssodisfati r-rekwiżiti rilevanti dwar l-ispeċifikazzjoni teknika applikabbli għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-operat u l-ġestjoni tat-traffiku.

    7.   Dokumenti sottomessi għall-parti nazzjonali tal-valutazzjoni:

    7.1.   Deskrizzjoni jew turija oħra ta' kif l-arranġamenti tal-ġestjoni tas-sikurezza jindirizzaw ir-regoli nazzjonali rilevanti notifikati skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2016/798.

    7.2.   Informazzjoni ta' kontroreferenzjar tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza (ara l-punt 6.1) mar-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli nazzjonali rilevanti (ara l-punt 7.1).

    8.   Pjan(ijiet) ta' azzjoni korrettiva

    8.1.   L-istatus attwali tal-pjan jew pjanijiet ta' azzjoni stabbilit/i mill-maniġer tal-infrastruttura għas-soluzzjoni ta' kwalunkwe nuqqas ta' konformità serju u ta' kwalunkwe qasam ta' tħassib ieħor identifikat matul l-attivitajiet ta' superviżjoni minn meta saret il-valutazzjoni preċedenti.

    8.2.   L-istatus attwali tal-pjan jew pjanijiet ta' azzjoni stabbilit/i mill-maniġer tal-infrastruttura għas-soluzzjoni tat-tħassib residwu minn meta saret il-valutazzjoni preċedenti.


    ANNESS II

    Proċess tal-valutazzjoni tas-sikurezza

    1.   ĠENERALI

    1.1.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tiżviluppa proċess strutturat u li jista' jiġi awditjat għall-attività sħiħa li jikkunsidra l-elementi stabbiliti f'dan l-Anness. Il-proċess tal-valutazzjoni tas-sikurezza jenħtieġ li jkun iterattiv, kif jidher fid-dijagramma t'hawn taħt (ara l-Illustrazzjoni 1 fl-Appendiċi), jiġifieri l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tkun intitolata tagħmel talbiet raġonevoli għal aktar informazzjoni jew għal sottomissjoni mill-ġdid skont din ir-Rakkomandazzjoni.

    2.   WASLA TAL-APPLIKAZZJONI

    2.1.   Wara l-wasla ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta' sikurezza, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tirrikonoxxi l-wasla tal-applikazzjoni b'mod formali u mingħajr dewmien, u li tistabbilixxi l-fajl irreġistrat sabiex tiżgura l-immaniġġjar tal-informazzjoni f'kull stadju tal-proċess tal-valutazzjoni.

    2.2.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tassenja riżorsi kompetenti biex isir il-proċess tal-valutazzjoni.

    3.   SKRINJAR INIZJALI

    3.1.   Mal-wasla tal-applikazzjoni, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tibda skrinjar inizjali mingħajr dewmien sabiex tiċċekkja l-elementi li ġejjin:

    (a)

    l-applikant ikun ipprovda l-informazzjoni bażika meħtieġa mil-leġiżlazzjoni jew meħtieġa biex tiġi pproċessata b'mod effettiv;

    (b)

    il-fajl tal-applikazzjoni jkun jinkludi evidenza suffiċjenti, ikun strutturat u l-kontenut tiegħu jkun għadda minn proċess ta' kontroreferenzjar intern biex ikun jista' jiġi vvalutat b'mod xieraq billi jitqabbel mar-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza u mar-regoli nazzjonali rilevanti notifikati. L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza twettaq rieżami inizjali tal-kontenut reali tal-evidenza fl-applikazzjoni biex tagħmel ġudizzju inizjali dwar il-kwalità, is-suffiċjenza u l-adegwatezza tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza;

    (c)

    jekk applikabbli, jiġi inkluż l-istatus attwali tal-pjan (jew pjanijiet) ta' azzjoni stabbilit/i mill-maniġer tal-infrastruttura għas-soluzzjoni ta' kwalunkwe nuqqas ta' konformità serju u ta' kwalunkwe qasam ta' tħassib ieħor identifikat matul l-attivitajiet ta' superviżjoni mill-valutazzjoni preċedenti;

    (d)

    jekk applikabbli, jiġi inkluż l-istatus attwali tal-pjan (jew pjanijiet) ta' azzjoni stabbilit/i mill-maniġer tal-infrastruttura għas-soluzzjoni tat-tħassib residwu mill-valutazzjoni preċedenti.

    3.2.   Wara l-iskrinjar inizjali msemmi fil-punt 3.1 l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tiddeċiedi jekk hemmx xi oqsma, li jeħtieġu informazzjoni ulterjuri għal xi parti rispettiva tagħhom. Fil-każ li tkun meħtieġa iktar informazzjoni, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tfittex l-informazzjoni minnufih, sal-punt li tqis raġonevolment neċessarju biex tappoġġa l-valutazzjoni tagħha.

    3.3.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li taqra kampjun suffiċjenti mill-applikazzjoni biex tara li l-kontenut ikun jiftiehem. Jekk din b'mod ċar ma tkunx, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tiddeċiedi jekk tridx tintbagħat lura, b'talba għal verżjoni mtejba.

    3.4.   Meta tiġi vvalutata l-kapaċità tal-maniġer tal-infrastruttura biex jopera l-ferroviji, il-vetturi ta' spezzjoni tal-infrastruttura, il-magni ta' fuq il-binarji jew vetturi speċjali oħra, inkluż l-użu tal-kuntratturi fejn rilevanti, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tirreferi għar-rekwiżiti rilevanti ddefiniti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2018/762, b'mod partikolari l-punti 1, 5.1, 5.2 u 5.5 tiegħu.

    4.   VALUTAZZJONI DETTALJATA

    4.1.   Wara li titlesta l-ewwel fażi tal-iskrinjar, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tipproċedi bil-valutazzjoni dettaljata tal-fajl ta' applikazzjoni (ara l-Illustrazzjoni 2 fl-Appendiċi), bl-użu tar-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza u r-regoli nazzjonali rilevanti notifikati.

    4.2.   Meta titwettaq il-valutazzjoni dettaljata msemmija fil-punt 4.1, skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva (UE) 2016/798, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li teżerċita ġudizzju professjonali, tkun imparzjali u proporzjonata, tipprovdi r-raġunijiet iddokumentati għall-konklużjonijiet milħuqa.

    4.3.   Il-valutazzjoni tiddetermina jekk ir-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza u r-regoli nazzjonali notifikati rilevanti ikunux issodisfati jew jekk għandhiex tintalab informazzjoni ulterjuri. Waqt il-valutazzjoni, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tfittex ukoll evidenza li r-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza u r-regoli nazzjonali notifikati rilevanti ġew issodisfati mill-outputs tal-proċessi tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza, bl-użu ta' metodi għat-teħid ta' kampjuni fejn xieraq, biex jassiguraw li l-applikant fehem u jista' jissodisfa r-rekwiżiti skont it-tip u l-firxa tal-operazzjonijiet ferrovjarji sabiex ikun żgurat it-tħaddim sikur tal-ferrovija.

    4.4.   Kwalunkwe kwistjoni tat-tip 4 jenħtieġ li tissolva għas-sodisfazzjon tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza u twassal għall-aġġornament tal-fajl ta' applikazzjoni fejn xieraq qabel ma tkun tista' tinħareġ l-awtorizzazzjoni ta' sikurezza.

    4.5.   It-tħassib residwu jista' jiġi pospost għall-konsiderazzjoni għas-superviżjoni, inkella jistgħu jiġu miftiehma azzjonijiet mal-applikant, abbażi tal-proposta tiegħu għall-aġġornament tal-fajl ta' applikazzjoni, jew it-tnejn. F'każ bħal dan, ir-riżoluzzjoni formali tal-kwistjoni sseħħ wara l-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ta' sikurezza.

    4.6.   L-awtorizzazzjoni nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tkun trasparenti fil-mod kif tiġġudika s-severità ta' kull kwistjoni li tidentifika.

    4.7.   Meta tidentifika kwistjoni msemmija fil-punt 33, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tkun speċifika u tgħin lill-applikant jifhem il-livell tad-dettall mistenni fit-tweġiba. Għal dak il-għan, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tieħu l-passi li ġejjin:

    (a)

    tirreferi b'mod preċiż għar-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza u r-regoli nazzjonali notifikati rilevanti u tgħin lill-applikant jifhem il-kwistjonijiet identifikati;

    (b)

    tidentifika l-parti rilevanti tar-regolamenti u tar-regoli relatati;

    (c)

    tiddikjara għaliex ir-rekwiżit individwali tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza jew ir-regola nazzjonali notifikata, inkluża kwalunkwe leġiżlazzjoni relatata, mhix qed tiġi ssodisfata;

    (d)

    taqbel mal-applikant dwar iktar impenji, dokumenti u kwalunkwe informazzjoni ta' sostenn oħra li jridu jiġu pprovduti, kif inhu mitlub mil-livell tad-dettall tar-rekwiżit tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza jew tar-regola nazzjonali notifikata;

    (e)

    tispeċifika u taqbel mal-applikant dwar skeda ta' żmien għall-konformità, li tkun raġonevoli u proporzjonata mad-diffikultà biex tingħata l-informazzjoni mitluba.

    4.8.   Skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva (UE) 2016/798, jekk l-applikant idum b'mod sinifikanti biex jipprovdi l-informazzjoni mitluba, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista' tiddeċiedi li testendi l-iskeda ta' żmien għat-tweġiba tal-applikant jew li jirrifjuta l-applikazzjoni wara avviż.

    4.9.   L-iskeda ta' żmien għat-teħid tad-deċiżjoni dwar il-ħruġ ta' awtorizzazzjoni ta' sikurezza tista' tiġi estiża biss, sakemm tkun tressqet l-informazzjoni mitluba, b'deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza u bil-qbil tal-applikant f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:

    (a)

    kwistjonijiet tat-tip 1 li, ikkunsidrati individwalment jew kollettivament, jimpedixxu l-valutazzjoni jew partijiet minnha, milli titkompla;

    (b)

    kwistjonijiet tat-tip 4 jew kwistjonijiet multipli tat-tip 3 li, ikkunsidrati kollettivament, jistgħu jgħollu l-kategorija għal kwistjoni tat-tip 4, u b'hekk jimpedixxu l-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ta' sikurezza.

    4.10.   Biex ikunu sodisfaċenti, it-tweġibiet bil-miktub tal-applikant jenħtieġ li jkunu biżżejjed biex itaffu t-tħassib espress u biex juru li l-arranġamenti proposti se jissodisfaw il-kriterji jew ir-regoli nazzjonali notifikati rilevanti.

    4.11.   F'każ li t-tweġiba titqies bħala mhux sodisfaċenti, jenħtieġ li jiġi spjegat għaliex eżattament, billi tiġi identifikata l-informazzjoni jew turija addizzjonali meħtieġa mill-applikant biex din tkun sodisfaċenti.

    4.12.   Jekk ikun hemm tħassib li l-applikazzjoni tista' tiġi rrifjutata, jew li se tieħu aktar żmien sabiex tintlaħaq deċiżjoni milli l-iskeda ta' żmien permessa għall-valutazzjoni, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista' tikkunsidra miżuri possibbli ta' kontinġenza.

    4.13.   Meta jiġi konkluż jew li l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji kollha, jew li m'hemmx ċans għal progress biex jiġu żgurati risposti sodisfaċenti għal kwistjonijiet pendenti, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tlesti il-valutazzjoni bil-passi li ġejjin:

    (a)

    tiddikjara jekk ġewx issodisfati l-kriterji kollha jew jekk għadx hemm kwistjonijiet pendenti;

    (b)

    tidentifika kwalunkwe tħassib residwu;

    (c)

    tidentifika kwalunkwe restrizzjoni jew kundizzjoni tal-użu li trid tiġi inkluża fl-awtorizzazzjoni ta' sikurezza;

    (d)

    tirrapporta dwar is-segwitu ta' nuqqasijiet ta' konformità serji identifikati waqt l-attivitajiet ta' superviżjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/761, fejn xieraq;

    (e)

    tiżgura li l-proċess tal-valutazzjoni tas-sikurezza jkun ġie applikat b'mod korrett;

    (f)

    tikkompila r-riżultat tal-valutazzjoni, inkluż sommarju tal-konklużjonijiet u fejn xieraq, opinjoni dwar il-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ta' sikurezza.

    4.14.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tirreġistra u tiġġustifika bil-miktub is-sejbiet u l-ġudizzji kollha sabiex jiġu ffaċilitati kemm il-proċess tal-assigurazzjoni kif ukoll il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, minbarra li jassistu fi kwalunkwe appell kontra d-deċiżjoni li tinħareġ jew li ma tinħariġx l-awtorizzazzjoni ta' sikurezza.

    5.   TEĦID TA' DEĊIŻJONIJIET

    5.1.   Abbażi tal-konklużjonijiet tal-valutazzjoni kompluta, jenħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar jekk isirx tinħariġx awtorizzazzjoni ta' sikurezza tiġix rifjutata l-applikazzjoni. Meta tkun se tinħareġ awtorizzazzjoni ta' sikurezza, jista' jagħti l-każ li jiġi identifikat xi tħassib residwu. Awtorizzazzjoni ta' sikurezza ma tinħariġx jekk waqt il-valutazzjoni tiġi identifikata kwalunkwe kwistjoni tat-tip 4 u ma tkunx solvuta.

    5.2.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista' tiddeċiedi tirrestrinġix l-ambitu tal-awtorizzazzjoni ta' sikurezza, billi tidentifika restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet ta' użu, jekk dawn ir-restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet ta' użu jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni tat-tip 4 li ttellef milli tinħareġ l-awtorizzazzjoni ta' sikurezza. L-awtorizzazzjoni ta' sikurezza jentħieġ tiġi aġġornata fuq talba tal-applikant u wara li t-tħassib residwu kollu ikun ġie indirizzat fil-fajl tal-applikazzjoni tiegħu.

    5.3.   L-applikant jenħtieġ jiġi infurmat dwar id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, inkluż ir-riżultat tal-valutazzjoni, u tinħareġ awtorizzazzjoni ta' sikurezza skont kif xieraq.

    5.4.   Jekk l-applikazzjoni tiġi rrifjutata jew jekk l-awtorizzazzjoni ta' sikurezza jkun fiha restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet ta' użu differenti minn dawk definiti fl-applikazzjoni, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ tinforma lill-applikant, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, u tinnotifikah dwar il-proċedura biex jitlob rieżami jew biex jappella d-deċiżjoni.

    6.   VALUTAZZJONI FINALI

    6.1.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ ttemm l-għeluq amministrattiv billi jiżgura li d-dokumenti u r-rekords kollha jiġu eżaminati, organizzati u arkivjati. Biex itejjeb il-proċess tagħha kontinwament, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ tidentifika l-informazzjoni storika u dak li tgħallmet għall-użu ta' valutazzjonijiet futuri.

    7.   DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦAT-TIĠDID TA' AWTORIZZAZZJONI TA' SIKUREZZA

    7.1.   Qabel ma tiskadi l-validità tagħha u fuq talba tal-applikant awtorizzazzjoni ta' sikurezza tista'tiġġedded bil-għan li l-kontinwità tal-awtorizzazzjoni tkun żgurata.

    7.2.   Fil-każ ta' applikazzjoni għal tiġdid, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tivverifika d-dettalji tal-bidliet fl-evidenza mressqa fl-applikazzjonijiet preċedenti u li tqis ir-riżultati tal-attivitajiet ta' superviżjoni li jkunu saru qabel kif imsemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/761 sabiex tagħti prijorità lil jew timmira lejn ir-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza rilevanti u r-regoli nazzjonali notifikati li fuqhom tkun se tiġi vvalutata l-applikazzjoni għal tiġdid.

    7.3.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li ssegwi approċċ proporzjonat għall-valutazzjoni mill-ġdid, abbażi tan-natura tal-bidliet proposti.

    8.   DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦAT-TIĠDID TA' AWTORIZZAZZJONI TA' SIKUREZZA

    8.1.   Awtorizzazzjoni ta' sikurezza tiġi aġġornata kull meta jkun hemm bidla sostanzjali proposta għall-infrastruttura, għas-sinjalar, u għal kwalunkwe provvista tal-enerġija li tintuża b'rabta mal-infrastruttura, jew il-prinċipji tal-operazzjoni u l-manteniment ta' tali infrastruttura, tas-sinjalar, u tal-provvista tal-enerġija, f'konformità mal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

    8.2.   Meta tkun biħsiebha tagħmel kwalunkwe bidla msemmija fil-punt 8.1, il-maniġer tal-infrastruttura li jkollu l-awtorizzazzjoni ta' sikurezza javża lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza mingħajr dewmien.

    8.3.   Wara n-notifika mill-maniġer tal-infrastruttura kif imsemmi fil-punt 8.2, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jrid:

    (a)

    jiċċekkja li l-bidla relatata ma' kwalunkwe applikazzjoni potenzjali hija deskritta b'mod ċar u li r-riskji potenzjali għas-sikurezza jiġu vvalutati;

    (b)

    jiddiskuti mal-maniġer tal-infrastruttura li l-bżonn għal aġġornament tal-awtorizzazzjoni ta' sikurezza.

    8.4.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista' tagħmel inkjesti ulterjuri mal-applikant. Meta l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza taqbel li l-bidla proposta ma tkunx sostanzjali, tinforma lill-applikant bil-miktub li mhuwiex meħtieġ aġġornament, filwaqt li żżomm rekord tad-deċiżjoni għall-fajl irreġistrat.

    8.5.   Fil-każ ta' applikazzjoni għal aġġornament, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li ssegwi dawn il-passi:

    (a)

    tiċċekkja d-dettalji tal-bidliet fl-evidenza mressqa fl-applikazzjonijiet preċedenti li fuqha nħarġet l-awtorizzazzjoni ta' sikurezza attwali;

    (b)

    tikkunsidra r-riżultati ta' attivitajiet ta' superviżjoni passati kif imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/761, u b'mod partikolari, kwistjonijiet dwar l-abbiltà tal-applikant li jimplimenta u jimmonitorja effettivament il-proċess tiegħu ta' ġestjoni tat-tibdil;

    (c)

    tipprijoritizza jew timmira lejn ir-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza u r-regoli nazzjonali notifikati rilevanti sabiex tivvaluta l-applikazzjoni għal aġġornament.

    8.6.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li ssegwi approċċ proporzjonat għall-valutazzjoni mill-ġdid, abbażi tan-natura tal-bidliet proposti.

    8.7.   Jenħtieġ li applikazzjoni lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza biex tiġi aġġornata awtorizzazzjoni ta' sikurezza ma twassalx għall-estensjoni tal-perjodu ta' validità tagħha.

    8.8.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li tiddeċiedi fuq talba tal-applikant jekk awtorizzazzjoni ta' sikurezza tridx tiġi aġġornata jekk il-kundizzjonijiet li taħthom tkun inħarġet l-awtorizzazzjoni ta' sikurezza ikunux iridu jinbidlu mingħajr ebda impatt fuq l-infrastruttura, s-sinjalar, il-provvista tal-enerġija użata b'rabta mal-infrastruttura, jew il-prinċipji tal-operazzjoni u l-manteniment ta' tali infrastruttura, sinjalar jew provvista' tal-enerġija.

    Appendiċi

    PROĊESS TAL-VALUTAZZJONI TAS-SIKUREZZA

    Figura 1

    Proċess tal-valutazzjoni tas-sikurezza

    Image 1

    PROĊESS TAL-VALUTAZZJONI DETTALJATA

    Figura 2

    Proċess tal-valutazzjoni dettaljata

    Image 2


    ANNESS III

    Kontentut tal-awtorizzazzjoni ta' sikurezza

    1.   Numru ta' identifikazzjoni tal-awtorizzazzjoni ta' sikurezza

    2.   Identifikazzjoni tal-maniġer tal-infrastruttura:

    2.1.   Denominazzjoni ġuridika

    2.2.   Numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali

    2.3.   Numru tal-VAT

    3.   Identifikazzjoni tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza:

    3.1.   Organizzazzjoni

    3.2.   Stat Membru

    4.   Informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni:

    4.1.   Ġdida

    4.2.   Tiġdid

    4.3.   Aġġornament

    4.4.   Numru ta' identifikazzjoni tal-awtorizzazzjoni preċedenti (f'każ ta' tiġdid jew ta' aġġornament biss)

    4.5.   Dati tal-bidu u tat-tmiem tal-validità

    4.6.   Dettalji tal-infrastruttura/i

    5.   Leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli

    6.   Restrizzjonijiet u kundizzjonijiet tal-użu

    7.   Informazzjoni addizzjonali

    8.   Data tal-ħruġ u firmatarju awtorizzat/timbru tal-awtorità

    Appendiċi

    Huwa rakkomandat il-mudell standard għall-awtorizzazzjoni ta' sikurezza li ġej:

    Image 3

    AWTORIZZAZZJONI TA' SIKUREZZA

    Awtorizzazzjoni ta' sikurezza li tikkonferma li qed tiġi aċċettata s-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza fi ħdan l-Unjoni Ewropea, f'konformità tad-Direttiva (UE) 2016/798 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli

    NUMRU TA' IDENTIFIKAZZJONI:

     

    1.   MANIĠER TAL-INFRASTRUTTURA AWTORIZZAT

    Denominazzjoni ġuridika:

    Isem il-maniġer tal-infrastruttura:

    Akronimu:

    Numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali:

    Nru tal-VAT:

    2.   L-AWTORITÀ LI TOĦROĠ L-AWTORIZZAZZJONI

    Awtorità:

    Stat Membru:

    3.   INFORMAZZJONI DWAR L-AWTORIZZAZZJONI

    Din hija

    awtorizzazzjoni ġdida

     

    Numru ta' identifikazzjoni tal-awtorizzazzjoni ta' sikurezza preċedenti:

     

     

     

    awtorizzazzjoni mġedda

     

     

     

     

    awtorizzazzjoni aġġornata

     

    Validità minn:

    sa:

    Dettalji tal-infrastruttura/i:

     

    4.   LEĠIŻLAZZJONI NAZZJONALI APPLIKABBLI

     

    5.   RESTRIZZJONIJIET U KUNDIZZJONIJIET TAL-UŻU

     

    6.   INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

     

    Data tal-ħruġ

    Firma

     

     

     

     

    Numru ta' referenza interna

    Timbru tal-awtorità

     

     


    Top