EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D2107

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2107 tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tar-reviżjoni tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 (Faċilitazzjoni) għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-istandards u l-prattiki rakkomandati dwar id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri

ST/14014/2019/INIT

ĠU L 318, 10.12.2019, p. 117–122 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/2107/oj

10.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 318/117


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2107

tat-28 ta’ Novembru 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tar-reviżjoni tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 (Faċilitazzjoni) għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-istandards u l-prattiki rakkomandati dwar id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-punt (a) tal-Artikolu 87(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), li tirregola t-trasport bl-ajru internazzjonali, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(2)

L-Istati Membri tal-Unjoni huma partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u Stati Membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO, inkluż fl-Assemblea u f’korpi tekniċi oħra.

(3)

Skont il-punt (l) tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO għandu jadotta standards u prattiki rakkomandati internazzjonali (“SARPs”).

(4)

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) iddeċieda fir-riżoluzzjoni tiegħu 2396 (2017) tal-21 ta’ Diċembru 2017 (“UNSCR 2396 (2017)”) li l-Istati Membri tan-NU għandhom jiżviluppaw il-kapaċità li jiġbru, jipproċessaw u janalizzaw, b’segwitu għas-SARPs tal-ICAO, id-data tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) u jiżguraw li d-data tal-PNR tintuża mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha tagħhom kif ukoll tiġi kondiviża magħhom kollha, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, għall-fini ta’ prevenzjoni, identifikazzjoni u investigazzjoni ta’ reati ta’ terroriżmu u vjaġġar relatat magħhom.

(5)

L-UNSCR 2396 (2017) ħeġġet ukoll lill-ICAO biex taħdem mal-Istati Membri tan-NU biex tistabbilixxi standard għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR.

(6)

Is-SARPs għall-PNR huma stabbiliti fil-Partijiet A u D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 (“Faċilitazzjoni”) għall-Konvenzjoni ta’ Chicago. Dawk is-SARPs huma kkomplementati minn gwida addizzjonali, b’mod partikolari mid-Dokument 9944 tal-ICAO li jistabbilixxi l-“Linji Gwida dwar id-data tal-PNR”.

(7)

F’Marzu 2019, il-Kumitat tat-Trasport bl-Ajru (ATC) tal-ICAO stabbilixxa task force li tikkonsisti minn esperti minn dawk l-Istati Membri tal-ICAO li jipparteċipaw fil-Bord ta’ Faċilitazzjoni tal-ICAO, biex tikkunsidra proposti dwar SARPs ġodda li jirrigwardaw il-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR f’konformità mar-UNSCR 2396 (2017) (it-“Task Force”). Għadd ta’ Stati Membri tal-Unjoni huma rappreżentati fit-Task Force. Il-Kummissjoni tieħu sehem fit-Task Force bħala osservatur.

(8)

L-40 sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO saret mill-24 ta’ Settembru sal-4 ta’ Ottubru 2019. Ir-riżultati tal-Assemblea tal-ICAO ser jiddefinixxu d-direzzjoni politika tal-ICAO għas-snin li ġejjin, inkluż fir-rigward tal-adozzjoni tas-SARPs il-ġodda dwar il-PNR.

(9)

Fis-16 ta’ Settembru 2019, il-Kunsill approva dokument ta’ informazzjoni dwar “standards u prinċipji dwar il-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR għall-preżentazzjoni lill-40 sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (Id-"dokument ta’ informazzjoni”). Id-dokument ta’ informazzjoni ġie ppreżentat lill-Assemblea tal-ICAO mill-Finlandja f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Membri l-oħra tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili.

(10)

Id-dokument ta’ informazzjoni jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-prinċipji fundamentali għall-konformità li jikkontribwixxu biex jiġi żgurat ir-rispett tar-rekwiżiti kostituzzjonali u regolatorji dwar id-drittijiet fundamentali għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data meta tiġi pproċessata d-data tal-PNR għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja. L-ICAO ġiet mistiedna tinkludi tali prinċipji f’kull standard futur dwar il-PNR kif ukoll fil-Linji Gwida riveduti dwar id-data tal-PNR tal-ICAO (Dok. 9944).

(11)

L-Unjoni adottat regoli komuni dwar id-data tal-PNR fil-forma tad-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), li l-ambitu tagħha jikkoinċidi b’mod sinifikanti mal-qasam li għandu jiġi kopert mis-SARPs il-ġodda previsti. Id-Direttiva (UE) 2016/681 tinkludu, b’mod partikolari, ġabra komprensiva ta’ regoli li jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, fil-kuntest ta’ trasferiment tad-data tal-PNR mingħand trasportaturi tal-ajru għall-Istati Membri għall-finijiet ta’ prevenzjoni, identifikazzjoni, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ kriminalità serja.

(12)

Żewġ ftehimiet internazzjonali dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-data tal-PNR li huma attwalment fis-seħħ bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, jiġifieri mal-Awstralja (2) u l-Istati Uniti (3). Fis-26 ta’ Lulju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat Opinjoni dwar il-ftehim previst bejn l-Unjoni u l-Kanada, ffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2014 (4) (“Opinjoni 1/15”).

(13)

Huwa adatt li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO, peress li kwalunkwe SARP futur fil-qasam tad-data tal-PNR, b’mod partikolari l-emendi għall-Kapitolu 9 tal-Anness 9 (“Faċilitazzjoni”) għall-Konvenzjoni ta’ Chicago, ser jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2016/681 u l-ftehimiet internazzjonali eżistenti dwar id-data tal-PNR. Skont id-dmir ta’ kooperazzjoni leali, l-Istati Membri tal-Unjoni għandhom jiddefendu din il-pożizzjoni matul il-ħidma fl-ICAO għall-elaborazzjoni tas-SARPs.

(14)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni, kif imniżżla fl-Anness, hija stabbilita skont il-qafas legali applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u d-data tal-PNR, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u d-Direttiva (UE) 2016/681, kif ukoll it-Trattat u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif interpretati fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Opinjoni 1/15.

(15)

Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi espressa mill-Istati Membri tagħha li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt.

(16)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bid-Direttiva (UE) 2016/681 u għalhekk qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(17)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tar-reviżjoni tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 (Faċilitazzjoni) għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-istandards u l-prattiki rakkomandati dwar id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri għandha tkun kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

T. HARAKKA


(1)  Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132).

(2)  ĠU L 186, 14.7.2012, p. 4.

(3)  ĠU L 215, 11.8.2012, p. 5.

(4)  Opinjoni 1/15 tal-Qorti (Awla Manja), tas-26 ta’ Lulju 2017, ECLI:EU:C:2017:592.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


ANNESS

IL-POŻIZZJONI LI GĦANDHA TITTIEĦED F’ISEM L-UNJONI EWROPEA FIL-KUNSILL TAL-ORGANIZZAZZJONI TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI INTERNAZZJONALI FIR-RIGWARD TAR-REVIŻJONI TAL-KAPITOLU 9 TAL-ANNESS 9 (FAĊILITAZZJONI) GĦALL-KONVENZJONI DWAR L-AVJAZZJONI ĊIVILI INTERNAZZJONALI FIR-RIGWARD TAL-ISTANDARDS U L-PRATTIKI RAKKOMANDATI DWAR ID-DATA TAR-REĠISTRU TAL-ISMIJIET TAL-PASSIĠĠIERI

Prinċipji ġenerali

Fil-qafas tal-attivitajiet tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tar-reviżjoni tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 (Faċilitazzjoni) għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-iżvilupp ta’ standards u prattiki rakkomandati (SARPs) dwar id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR), l-Istati Membri tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, għandhom:

(a)

jaġixxu f’konformità mal-objettivi li għandha l-Unjoni skont il-qafas tal-politika tal-PNR tagħha, b’mod partikolari biex jiżguraw is-sigurtà, jipproteġu l-ħajja u s-sikurezza tal-persuni, u jiżguraw ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali;

(b)

iqajmu kuxjenza fost l-Istati Membri kollha tal-ICAO, rigward l-istandards u l-prinċipji tal-Unjoni relatati mat-trasferiment tad-data tal-PNR, kif jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni rilevanti u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

(c)

jippromwovu l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet multilaterali konformi mad-drittijiet fundamentali dwar it-trasferiment tad-data tal-PNR mil-linji tal-ajru lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, sabiex tiġi pprovduta ċ-ċertezza legali u r-rispett għad-drittijiet fundamentali u sabiex jiġu ssimplifikati l-obbligi imposti fuq it-trasportaturi tal-ajru;

(d)

jippromwovu l-iskambju tad-data tal-PNR u r-riżultati tal-ipproċessar ta’ din id-data fost l-Istati Membri tal-ICAO, meta dan jitqies bħala meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ kriminalità serja, b’rispett sħiħ għad-drittijiet u għal-libertajiet fundamentali;

(e)

ikomplu jappoġġaw l-iżvilupp, min-naħa tal-ICAO, tal-istandards għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR, f’konformità mal-UNSCR 2396 (2017);

(f)

ikomplu jappoġġaw fl-Istati Membri kollha tal-ICAO, l-iżvilupp tal-kapaċità biex tinġabar, tiġi pproċessata u analizzata, apparti l-SARPs tal-ICAO, id-data tal-PNR filwaqt li jiżguraw li d-data tal-PNR tintuża u tiġi kondiviża mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha tal-Istati Membri tal-ICAO, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, għall-fini tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u tal-ivvjaġġar relatat, kif meħtieġ mill- UNSCR 2396 (2017);

(g)

jużaw bħala informazzjoni ta’ sfond id-dokument ta’ informazzjoni dwar ‘standards u prinċipji dwar il-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR (Dok. A40-WP/530) ippreżentat għall-40 sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO mill-Finlandja f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Membri l-oħra tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili;

(h)

jippromwovu l-iżvilupp ta’ ambjent li fih it-trasport bl-ajru internazzjonali jkun jista’ jiżviluppa f’suq miftuħ, liberalizzat u globali kif ukoll ikompli jikber mingħajr ma tiġi kompromessa s-sikurezza, filwaqt li tiġi żgurata l-introduzzjoni ta’ salvagwardji rilevanti.

Orjentazzjonijiet

L-Istati Membri tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, għandhom jappoġġaw l-inklużjoni tal-istandards u l-prinċipji li ġejjin fi kwalunkwe SARP futur tal-ICAO dwar id-data tal-PNR:

1.

Dwar il-modalitajiet tat-trasmissjoni tal-PNR:

(a)

Metodu ta’ trasmissjoni: sabiex tiġi protetta d-data personali li tinsab fis-sistemi tat-trasportaturi tal-ajru u sabiex jiġi żgurat li jibqgħu fil-kontroll ta’ dawn is-sistemi, id-data għandha tiġi trasmessa bl-użu esklużiv tas-sistema “push”.

(b)

Protokolli ta’ Trasmissjoni: l-użu ta’ protokolli standard xierqa, siguri u miftuħa bħala parti mill-protokolli ta’ referenza aċċettati internazzjonalment għat-trasmissjoni tad-data tal-PNR għandu jiġi mħeġġeġ bl-għan li jiżdied gradwalment l-użu tagħhom u eventwalment jiġu sostitwiti l-istandards de facto.

(c)

Frekwenza tal-komunikazzjoni: il-frekwenza u l-iskeda tat-trasmissjonijiet tad-data tal-PNR ma għandhomx joħolqu piż li ma jkunx raġonevoli fuq it-trasportaturi tal-ajru u għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà tal-fruntieri biex jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità serja.

(d)

It-trasportaturi tal-ajru mhumiex obbligati jiġbru data addizzjonali: it-trasportaturi tal-ajru ma għandhomx ikunu obbligati jiġbru data addizzjonali tal-PNR meta mqabbel ma’ dak li diġà jagħmlu, jew li jiġbru ċerti tipi ta’ data, iżda li jittrasmettu biss dak li diġà jiġbru bħala parti mill-attivitajiet tagħhom.

2.

Dwar il-modalitajiet tal-ipproċessar tal-PNR:

(a)

Twaqqit tat-trasmissjoni u tal-ipproċessar: soġġett għall-garanziji xierqa għall-protezzjoni tal-privatezza tal-persuni kkonċernati, id-data tal-PNR tista’ tkun disponibbli ferm qabel il-wasla jew it-tluq ta’ titjira, u b’hekk tipprovdi lill-awtoritajiet b’aktar żmien għall-ipproċessar u għall-analiżi tad-data, u potenzjalment biex jieħdu azzjoni.

(b)

Tqabbil ma’ kriterji u bażijiet ta’ data predeterminati: l-awtoritajiet għandhom jipproċessaw id-data tal-PNR permezz ta’ kriterji u bażijiet ta’ data li jkunu bbażati fuq l-evidenza u li huma rilevanti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja.

3.

Fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali:

(a)

Il-legalità, il-ġustizzja u t-trasparenza tal-ipproċessar: jeħtieġ li jkun hemm bażi legali għall-ipproċessar tad-data personali, sabiex l-individwi jsiru konxji tar-riskji, is-salvagwardji u d-drittijiet b’rabta mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u dwar kif jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar.

(b)

Limitazzjoni tal-għan: l-għanijiet li għalihom id-data tal-PNR tista’ tintuża mill-awtoritajiet għandhom jiġi stabbiliti b’mod ċar u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ fid-dawl tal-għanijiet li jridu jinkisbu, b’mod partikolari għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà tal-fruntieri, biex jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità serja.

(c)

Ambitu tad-data tal-PNR: l-elementi tad-data tal-PNR li għandhom jiġu trasferiti mil-linji tal-ajru għandhom ikunu identifikati b’mod ċar u elenkati b’mod eżawrjenti. Din il-lista għandha tkun standardizzata biex jiġi żgurat li tali data tinżamm għall-minimu possibbli, filwaqt li jiġi evitat l-ipproċessar ta’ data sensittiva, inkluża d-data li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika tal-persuna, l-opinjonijiet politiċi jew, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna.

(d)

L-użu tad-data tal-PNR: l-ipproċessar ulterjuri tad-data tal-PNR għandu jkun limitat għall-finijiet ta’ trasferiment oriġinali, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u soġġett għal kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli għat-trasferimenti tad-data personali.

(e)

L-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR: l-ipproċessar awtomatizzati għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u affidabbli, prestabbiliti u ma għandux jintuża bħala l-unika bażi għal xi deċiżjoni li jkollha effetti legali negattivi jew li taffettwa serjament persuna.

(f)

Żamma ta’ data: il-perijodu taż-żamma tad-data tal-PNR għandu jkun ristrett u ma jkunx itwal milli meħtieġ għall-objettiv fil-mira oriġinali. It-tħassir tad-data għandu jiġi żgurat skont ir-rekwiżiti legali tal-pajjiż ta’ oriġini. Fl-aħħar tal-perjodu taż-żamma, id-data tal-PNR għandha titħassar jew tiġi anonimizzata.

(g)

Id-divulgazzjoni tad-data tal-PNR lill-awtoritajiet awtorizzati: id-divulgazzjoni ulterjuri lil awtoritajiet oħra tal-gvern fl-istess Stat jew lil Stati Membri oħra tal-ICAO, skont il-każ li jkun, jista’ jseħħ biss jekk l-awtorità riċeventi teżerċita funzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu jew kontra l-kriminalità transnazzjonali serja, u tiżgura l-istess protezzjoni bħal dik mogħtija mill-awtorità li tiżvelaha.

(h)

Sigurtà tad-data: iridu jittieħdu miżuri xierqa biex is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data tal-PNR jiġu protetti.

(i)

Trasparenza u notifika: soġġett għar-restrizzjonijiet meħtieġa u proporzjonati, l-individwi għandhom jiġu notifikati bl-ipproċessar tad-data tal-PNR tagħhom, u għandhom jiġu infurmati dwar id-drittijiet u l-mezzi ta’ rimedju disponibbli għalihom.

(j)

Aċċess, rettifika u tħassir: soġġett għar-restrizzjonijiet meħtieġa u proporzjonati, l-individwi għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għad-data tal-PNR tagħhom, u d-dritt ta’ rettifika.

(k)

Rimedjar: l-individwi għandu jkollhom id-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv f’każ li jqisu li d-drittijiet tagħhom għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data ġew miksura.

(l)

Sorveljanza u r-responsabbiltà: l-awtoritajiet li jużaw id-data tal-PNR għandhom ikunu responsabbli quddiem awtorità pubblika indipendenti u għandhom jiġu sorveljati minnha, li jkollha setgħat effettivi ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar filwaqt li għandha tkun f’pożizzjoni li twettaq il-kompiti tagħha ħielsa minn kull influwenza, b’mod partikolari mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

4.

Dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni tal-PNR bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi:

(a)

Promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni: skont il-każ li jkun, l-iskambji ta’ data tal-PNR bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri differenti tal-ICAO għandhom jiġu promossi sabiex titjieb il-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-terroriżmu u tal-kriminalità serja.

(b)

Is-sigurtà fl-iskambju tal-informazzjoni: il-kondiviżjoni tal-informazzjoni għandha ssir permezz ta’ mezzi xierqa li jiżguraw is-sigurtà adegwata tad-data u jkunu kompletament konformi mal-oqfsa legali internazzjonali u nazzjonali għall-protezzjoni tad-data personali.


Top