EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0640

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/640 tal-15 ta' April 2019 dwar l-allokazzjoni ta' fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-fini tar-riforniment tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika

ST/7921/2019/INIT

ĠU L 109, 24.4.2019, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/640/oj

24.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/24


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/640

tal-15 ta' April 2019

dwar l-allokazzjoni ta' fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-fini tar-riforniment tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), l-Unjoni sa issa impenjat total ta' EUR 1 627 300 000 għall-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA) biex tipprovdi appoġġ finanzjarju għar-reazzjonijiet tal-Unjoni Afrikana għal kriżijiet tas-sigurtà li għaddejjin bħalissa u dawk emerġenti fl-Afrika. Dan l-impenn favur il-paċi u s-sigurtà fil-kontinent Afrikan jenħtieġ li jitkompla għall-perjodu 2019-2020.

(2)

Il-ħtiġijiet tal-FPA għall-perjodu 2019-2020 huma stmati għal EUR 814 860 000.

(3)

Hemm lok biex jintużaw fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-għaxar FEŻ sabiex il-finanzjament tal-FPA jiġi żgurat sa tmiem l-2020.

(4)

Jenħtieġ li dawk il-fondi jiffinanzjaw l-attivitajiet tal-FPA, inkluż l-appoġġ għall-operazzjonalizzazzjoni tal-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà, l-appoġġ għal inizjattivi mmirati għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitt vjolenti f'każ ta' ħtiġijiet urġenti u imprevisti f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Bikrija) u appoġġ għall-Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi mmexxija mill-Afrika, u jenħtieġ li jkopru n-nefqa ta' appoġġ li ssir mill-Kummissjoni.

(5)

Jenħtieġ li dawk il-fondi jintużaw f'konformità mal-programm ta' azzjoni multiannwali rilevanti tal-FPA u mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-11-il FEŻ, kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Kunsill (UE) 2015/322 (2) u (UE) 2018/1877 (3),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għandu jiġi allokat ammont sa massimu ta' EUR 445 860 000 mill-fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għall-fini tar-riforniment tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA) għall-perjodu 2019-2020.

Minn dak l-ammont, sa massimu ta' EUR 14 860 000 għandhom jiġu allokati għan-nefqa ta' appoġġ li ssir mill-Kummissjoni.

Dawk il-fondi għandhom jintużaw f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-11-il FEŻ.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' April 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

P. DAEA


(1)  ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 58, 3.3.2015, p. 1).

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta' Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li jħassar ir- Regolament (UE) 2015/323 (ĠU L 307, 3.12.2018, p. 1).


Top