This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D0116
Council Decision (EU) 2019/116 of 15 October 2018 on the conclusion of an Agreement in the form of an Exchange of Letters between the European Union and the Kingdom of Norway on the cumulation of origin between the European Union, the Swiss Confederation, the Kingdom of Norway and the Republic of Turkey in the framework of the Generalised System of Preferences
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/116 tal-15 ta' Ottubru 2018 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/116 tal-15 ta' Ottubru 2018 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi
ST/5883/2017/REV/2
ĠU L 24, 28.1.2019, p. 1–2
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/116/oj
28.1.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 24/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/116
tal-15 ta' Ottubru 2018
dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Taħt il-punt (b) tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (2), prodotti li nkisbu fin-Norveġja, fl-Iżvizzera jew fit-Turkija li jinkorporaw materjali li ma jkunux inkisbu kompletament hemmhekk għandhom jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw f'pajjiż benefiċjarju, dment li tali materjali jkunu għaddew minn xogħol jew ipproċessar suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 45 ta' dak ir-Regolament (“is-sistema ta' akkumulazzjoni”). |
(2) |
Taħt l-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2015/2446, is-sistema ta' akkumulazzjoni tapplika bil-kundizzjoni li n-Norveġja tagħti, b'mod reċiproku, l-istess trattament lill-prodotti li joriġinaw f'pajjiżi benefiċjarji li jinkorporaw materjali li joriġinaw fl-Unjoni. |
(3) |
Sa fejn hija kkonċernata n-Norveġja, is-sistema ta' akkumulazzjoni ġiet stabbilita inizjalment permezz ta' ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni u n-Norveġja. Dan l-iskambju ta' ittri seħħ fid-29 ta' Jannar 2001, wara li l-Kunsill kien ta l-approvazzjoni tiegħu permezz tad-Deċiżjoni 2001/101/KE (3). |
(4) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' kunċett tal-oriġini li jikkorrispondi għaldak stabbilit fir-regoli ta' oriġini tas-Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi (“SĠP”) tal-Unjoni, in-Norveġja mmodifikat ir-regoli tal-oriġini tas-SĠP tagħha. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi rivedut il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni u n-Norveġja. |
(5) |
Is-sistema ta' aċċettazzjoni reċiproka taċ-ċertifikati ta' oriġini ta' sostituzzjoni, Formola A, mill-Unjoni, min-Norveġja u mill-Iżvizzera għandha tkompli fl-ambitu tal-iskambju ta' ittri rivedut u tiġi applikata mit-Turkija b'mod kondizzjonali, sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn l-Unjoni, in-Norveġja, l-Iżvizzera u t-Turkija. |
(6) |
Barra minn hekk, ir-regoli tal-oriġini fis-SĠP tal-Unjoni, kif riformati fl-2010, jipprevedu l-implimentazzjoni ta' sistema ġdida għall-istabbiliment tal-provi ta' oriġini minn esportaturi reġistrati, li għandha tiġi applikata mill-1 ta' Jannar 2017. F'dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jsiru modifiki fl-iskambju ta' ittri. |
(7) |
Sabiex jantiċipa l-applikazzjoni ta' dik is-sistema ġdida u r-regoli relatati magħha, fit-8 ta' Marzu 2012 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja Ftehim man-Norveġja, fil-forma ta' skambju ta' ittri, dwar l-aċċettazzjoni reċiproka taċ-ċertifikati ta' oriġini ta' sostituzzjoni, Formola A, jew dikjarazzjonijiet ta' sostituzzjoni dwar l-oriġini u li jipprovdi li l-prodotti b'kontenut ta' oriġini Norveġiża, Żvizzera jew Torka għandhom jiġu ttrattati mal-wasla tagħhom fit-territorju doganali tal-Komunità bħala prodotti b'kontenut ta' oriġini mill-Unjoni. |
(8) |
In-negozjati man-Norveġja saru mill-Kummissjoni u rriżultaw fil-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (“il-Ftehim”). |
(9) |
Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fil-paragrafu 18 tal-Ftehim. (4)
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' Ottubru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
E. KÖSTINGER
(1) Il-Kunsens għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/101/KE tal-5 ta' Diċembru 2000 fir-rigward tal-approvazzjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità u kull wieħed mill-pajjiżi EFTA illi jagħti preferenzi fuq it-tariffi taħt is-Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi (in-Norveġja u l-Iżvizzera), illi jipprovdi illi l-merkanzija illi toriġina fin-Norveġja jew l-Iżvizzera għandha tiġi trattata hekk kif tidħol fit-territorju doganali tal-Komunità bl-istess mod tal-merkanzija illi jkollha kontenut tal-oriġini Komunitarja (ftehim reċiproku) (ĠU L 38, 8.2.2001, p. 24).
(4) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.