Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1838

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1838 tad-19 ta' Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna min-naħa l-oħra

    ST/13499/2018/INIT

    ĠU L 298, 23.11.2018, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1838/oj

    23.11.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 298/11


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1838

    tad-19 ta' Novembru 2018

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    F'konformità mal-Artikolu 323(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”), mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ (il-“Kumitat tal-Kummerċ”) irid jistabbilixxi l-lista ta' individwi li huma lesti u li huma kapaċi jservu bħala arbitri fil-proċeduri ta' soluzzjoni tat-tilwim.

    (2)

    F'konformità mal-Artikolu 323(1) tal-Ftehim, l-Unjoni u l-Ukrajna pproponew il-kandidati rispettivi tagħhom li huma lesti u kapaċi jservu ta' arbitri, u ftiehmu wkoll dwar ħames individwi li mhumiex ċittadini ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet li jridu jservu bħala president ta' bord tal-arbitraġġ.

    (3)

    L-Ukrajna pproponiet erba' individwi biss. Il-ħames kandidat Ukren jenħtieġ li jiġi propost mill-Ukrajna mill-aktar fis possibbli.

    (4)

    Sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Ftehim, huwa xieraq li tiġi stabbilita lista ta' 14-il individwu li huma lesti u kapaċi jservu ta' arbitri fi proċeduri ta' soluzzjoni tat-tilwim mingħajr aktar dewmien.

    (5)

    Id-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ jenħtieġ li tiġi ppubblikata wara l-adozzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni mlaqqa' fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-adozzjoni tal-lista ta' individwi li huma lesti u kapaċi jservu ta' arbitri, f'konformità mal-Artikolu 323(1) tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' dak il-Kumitat mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 3

    Id-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Novembru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. KÖSTINGER


    (1)  ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru …/2018 TAL-KUMITAT TA' ASSOĊJAZZJONI UE-UKRAJNA FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ

    ta'…

    dwar l-istabbiliment tal-lista ta' arbitri msemmija fl-Artikolu 323(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra

    IL-KUMITAT TA' ASSOĊJAZZJONI FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (1), iffirmat fi Brussell fis-27 ta' Ġunju 2014 (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikoli 323(1), u 465(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    F'konformità mal-Artikolu 323(1) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni mlaqqa' fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ (il-“Kumitat tal-Kummerċ”) irid, mhux aktar tard minn sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, jistabbilixxi lista ta' individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri.

    (2)

    L-Unjoni pproponiet ħames individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri, filwaqt li l-Ukrajna pproponiet erba'. L-Unjoni u l-Ukrajna qablu fuq ħames individwi li mhumiex ċittadini ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet li jridu jservu bħala presidenti ta' bord tal-arbitraġġ.

    (3)

    Sabiex jiġi evitat aktar dewmien fit-twaqqif tal-lista ta' individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri u b'hekk jiżguraw il-funzjonament xieraq tal-Ftehim, b'mod partikolari l-Kapitolu 14 tat-Titolu IV tiegħu, jenħtieġ li l-Kumitat tal-Kummerċ japprova dik il-lista fuq il-bażi tal-proposti mressqa.

    (4)

    L-Ukrajna jenħtieġ li tippreżenta l-proposta tagħha għall-ħames kandidat lill-Kumitat tal-Kummerċ mill-aktar fis possibbli,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-lista tal-individwi li huma lesti u kapaċi jservu ta' arbitri skont l-Artikolu 323(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    2.   L-Ukrajna għandha tippreżenta l-proposta tagħha għall-ħames kandidat li huwa lest u kapaċi jservi bħala arbitru lill-Kumitat tal-Kummerċ mill-aktar fis possibbli.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi …,

    Għall-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

    Il-President

    Is-Segretarji

    Għall-Ukrajna

    Għall-UE


    (1)  ĠU UE L 161, 29.5.2014, p. 3.

    ANNESS

    IL-LISTA TAL-ARBITRI SKONT L-ARTIKOLU 323(1) TAL-FTEHIM

     

    L-arbitri proposti mill-Unjoni:

    1.

    Claus–Dieter EHLERMANN

    2.

    Giorgio SACERDOTI

    3.

    Jacques BOURGEOIS

    4.

    Pieter Jan KUIJPER

    5.

    Ramon TORRENT

     

    L-arbitri proposti mill-Ukrajna:

    1.

    Serhiy HRYSHKO

    2.

    Taras KACHKA

    3.

    Victor MURAVYOV

    4.

    Yuriy RUDYUK

     

    Il-Presidenti magħżula mill-Partijiet:

    1.

    William DAVEY (L-Istati Uniti)

    2.

    Helge SELAND (In-Norveġja)

    3.

    Maryse Robert (Il-Kanada)

    4.

    Christian HÄBERLI (L-Iżvizzera)

    5.

    Merit JANOW (L-Istati Uniti)


    Top