Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0343

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/343 tal-5 ta' Marzu 2018 li tikkonċerna t-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil

    ĠU L 67, 9.3.2018, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/343/oj

    9.3.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 67/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/343

    tal-5 ta' Marzu 2018

    li tikkonċerna t-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 186, flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Bid-Deċiżjoni 2005/781/KE (1), il-Kunsill approva l-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil (2) (“il-Ftehim”).

    (2)

    F'konformitá mal-Artikolu XII tal-Ftehim, il-Ftehim jidħol fis-seħħ fid-data li fiha ż-żewġ Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa biex il-Ftehim jidħol fis-seħħ ikunu tlestew. Il-Ftehim hu validu għal perijodu inizjali ta' ħames snin u jista' jiġġedded bi ftehim bejn il-Partijiet wara evalwazzjoni li ssir fis-sena ta' qabel l-aħħar sena ta' kull perijodu suċċessiv ta' tiġdid tal-Ftehim.

    (3)

    Bid-Deċiżjoni 2012/646/UE (3), il-Kunsill approva t-tiġdid tal-Ftehim għal perijodu ulterjuri ta' ħames snin.

    (4)

    L-iskambju ta' ittri bejn il-Partijiet, datati l-14 ta' Novembru 2016 u l-5 ta' Jannar 2017, ikkonferma l-interess tagħhom li jġeddu l-Ftehim għal ħames snin oħra.

    (5)

    It-tiġdid tal-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat f'isem l-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    It-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil, għal perijodu addizzjonali ta' ħames snin, huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna(i) bis-setgħa li tinnotifika/jinnotifikaw lill-Gvern tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil, f'isem l-Unjoni, li l-Unjoni lestiet il-proċeduri interni tagħha meħtieġa għat-tiġdid tal-Ftehim f'konformità mal-Artikolu XII(2) tal-Ftehim.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    N. DIMOV


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/781/KE tas-6 ta' Ġunju 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil (ĠU L 295, 11.11.2005, p. 37).

    (2)  ĠU L 295, 11.11.2005, p. 38.

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/646/UE tal-10 ta' Ottubru 2012 li tikkonċerna t-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil (ĠU L 287, 18.10.2012, p. 4).


    Top