Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2154

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2154 tat-22 ta' Settembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar arranġamenti tal-ikklerjar indirett (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/6268

ĠU L 304, 21.11.2017, p. 6–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/2154/oj

21.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/6


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2154

tat-22 ta' Settembru 2017

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar arranġamenti tal-ikklerjar indirett

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 30(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-arranġamenti tal-ikklerjar indirett ma jesponux lill-kontropartijiet ċentrali (central counterparties, CCPs), lill-membri tal-ikklerjar, lill-klijenti, lill-klijenti indiretti jew livelli oħra ta' klijenti indiretti għal riskju addizzjonali tal-kontroparti, u jenħtieġ li l-assi u l-pożizzjonijiet tal-klijenti indiretti jibbenefikaw minn livell xieraq ta' protezzjoni. Għaldaqstant huwa essenzjali li kwalunkwe tip ta' arranġament tal-ikklerjar indirett jikkonforma mal-kundizzjonijiet minimi biex tiġi żgurata s-sigurtà tiegħu. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-partijiet involuti fl-arranġamenti tal-ikklerjar indirett ikunu soġġetti għal obbligi speċifiċi, u jenħtieġ li l-arranġamenti tal-ikklerjar indirett jiġu permessi meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet definiti f'dan ir-Regolament.

(2)

Billi jenħtieġ li l-assi u l-pożizzjonijiet tal-kontroparti li jiġu pprovduti servizzi tal-ikklerjar indirett għalihom jibbenefikaw minn protezzjoni b'effett ekwivalenti għal dak imsemmi fl-Artikoli 39 u 48 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-kunċetti differenti tal-klijent indirett huma kruċjali għal dan ir-Regolament u jenħtieġ li jiġu definiti fih.

(3)

Meta wieħed iqis li jenħtieġ li l-membri tal-ikklerjar jikkwalifikaw bħala parteċipanti fis-sens tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta' protezzjoni għall-klijenti indiretti bħal dak mogħti lill-klijenti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, jenħtieġ li l-klijenti li jipprovdu servizzi tal-ikklerjar indirett ikunu istituzzjonijiet ta' kreditu, ditti tal-investiment, jew entitajiet ta' pajjiżi terzi ekwivalenti għal istituzzjonijiet ta' kreditu jew ditti tal-investiment.

(4)

Il-livell ogħla ta' attivita ta' intermedjazzjoni bejn CCP u l-livelli differenti ta' klijenti indiretti jitlob passi operattivi addizzjonali, kontijiet addizzjonali kif ukoll soluzzjonijiet teknoloġiċi u flussi ta' proċessar aktar kumplessi. Dan jirriżulta f'żieda fil-kumplessità ta' arranġamenti tal-ikklerjar indirett meta mqabbla ma' arranġamenti tal-ikklerjar tal-klijenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li dak il-livell ogħal ta' intermedjazzjoni jittaffa b'rekwiżiti għal għażla alternattiva u aktar sempliċi fil-livell operattiv ta' strutturi tal-kontijiet għal arranġamenti tal-ikklerjar indirett milli għal arranġamenti tal-ikklerjar tal-klijenti.

(5)

L-arranġamenti tal-ikklerjar tal-klijenti jirrikjedu l-għoti ta' kontijiet segregati individwalment. Madankollu, għal arranġamenti tal-ikklerjar indirett, jenħtieġ li tiġi rikjesta offerta ta' struttura tal-kontijiet indiretti omnibus gross b'mekkaniżmu biex jiġi trasferit marġni appellat biss u, jekk jintlaħaq ftehim, marġni li jaqbeż il-marġni appellat, mill-klijent indirett sas-CCP, u mingħajr ma jiġi permess l-ebda nettjar ta' pożizzjonijiet ta' klijenti indiretti differenti fl-istess kont indirett omnibus gross, apparti l-kontijiet indiretti omnibus li jippermettu dan l-innettjar. Dan il-mekkaniżmu jippermetti li ssir identifikazzjoni, b'mod ekwivalenti għal kontijiet segregati individwalment, bejn il-kollateral u l-pożizzjonijiet miżmuma għall-kont ta' klijent indirett speċifiku, fuq naħa waħda, u l-kollateral u l-pożizzjonijiet miżmuma għall-kont tal-klijent jew klijenti indiretti oħrajn fuq in-naħa l-oħra.

(6)

Barra minn hekk, anke jekk l-assi u l-pożizzjonijiet miżmuma fi struttura ta' kont omnibus gross għal arranġamenti ta' kklerjar indirett jistgħu xorta jibqgħu esposti għat-telf ta' klijent indirett ieħor billi dawk l-assi u l-pożizzjonijiet jitħalltu f'kont wieħed, il-veloċità li biha dawk l-assi u l-pożizzjonijiet jistgħu jiġu identifikati fejn meħtieġ biex jillikwidawhom wara inadempjenza, tikkontribwixxi biex timminimizza dak it-telf potenzjali.

(7)

Fl-istess ħin, dan il-mekkaniżmu jippermetti struttura ta' kont aktar sempliċi li tnaqqas l-ispejjeż u l-kumplessità meta mqabbel ma' kontijiet segregati individwalment filwaqt li jippermetti li ssir distinzjoni tal-kollateral u l-pożizzjonijiet ta' klijenti indiretti differenti u għaldaqstant jiżgura livell ta' protezzjoni li huwa ekwivalenti għal-livell ta' protezzjoni offrut minn kont segregat individwalment. Madankollu, jenħtieġ li r-rikjesta għal offerta ta' kontijiet indiretti omnibus gross ma tipprekludix il-possibbiltà li jiġu offruti kontijiet segregati individwalment għal klijenti indiretti fl-arranġamenti tal-ikklerjar li jikkonsistu f'CCP, membru tal-ikklerjar, klijent u livell uniku ta' klijenti indiretti.

(8)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ikklerjar ċentrali, billi jiġu razzjonalizzati s-servizzi tal-ikklerjar u jiġu ssimplifikati r-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-membri tal-ikklerjar, il-klijenti u l-klijenti indiretti, xi gruppi joffru servizzi tal-ikklerjar billi jużaw żewġ entitajiet mill-istess grupp li jaġixxu bħala intermedjarji fil-forniment ta' dawn is-servizzi. Għal raġunijiet simili, il-grupp tal-klijent xi kultant juża entità waħda biex jittratta direttament mal-membru tal-ikklerjar u ma' entità differenti biex tjttratta direttament mal-klijent indirett, tipikament għax dik it-tieni entità hija stabbilita fil-ġuriżdizzjoni tal-klijent indirett. F'dawn il-każijiet, is-servizzi tal-ikklerjar huma razzjonalizzati matul l-attivitajiet ekonomiċi differenti tal-grupp u r-relazzjoni kummerċjali bejn il-membri tal-ikklerjar, il-klijenti u l-klijenti indiretti hija ssimplifikata wkoll. Dment li dawn it-tipi ta' arranġamenti jissodisfaw kundizzjonijiet speċifiċi li jiżguraw li r-riskju tal-kontroparti ma jiżdiedx u li jingħata livell xieraq ta' protezzjoni lill-ikklerjar indirett, dawn jinħtieġ li jiġu permessi.

(9)

Fi ktajjen ta' kklerjar indirett li jinvolvu aktar minn CCP, membru tal-ikklerjar, klijent u livell uniku ta' klijenti indiretti, l-użu ta' kontijiet segregati individwalment jista' jwassal għal diffikultajiet tekniċi mhux mistennija billi jkollha tiġi ġestita l-inadempjenza potenzjali ta' kontroparti waħda jew aktar f'dik il-katina u għadd ta' kontijiet segregati individwalment. L-offerta ta' kontijiet segregati individwalment f'dawk il-ktajjen itwal tista' tqarraq bil-kontropartijiet li jkunu qed ifittxu l-livell ta' protezzjoni normalment assoċjat ma' kontijiet segregati individwalment billi dak il-livell ta' protezzjoni ma jistax jinkiseb f'xi wħud minn dawk il-ktajjen itwal. Sabiex jiġu evitati r-riskji li jirriżultaw minn dik is-suppożizzjoni falza, jenħtieġ li f'dawn il-ktajjen itwal ta' kklerjar indirett jiġi permess li jintużaw biss kontijiet segregati omnibus, dment li l-kontropartijiet li jikklerjaw permezz ta' dawn l-arranġamenti jkunu infurmati b'mod sħiħ bil-livell ta' segregazzjoni u r-riskji assoċjati ma' dak it-tip ta' kont.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li l-ammont tal-marġni msejjaħ fi struttura ta' kont indirett omnibus gross ikun l-istess bħall-ammont li kien jissejjaħ kieku ntuża kont tal-ikklerjar indirett segregat individwalment, jenħtieġ li CCP jirċievi informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet li ttieħdu għall-kont tal-klijent indirett biex jiġi kkalkulat l-appell għall-marġni assoċjat dwar klijent indirett b'bażi tal-klijenti indiretti.

(11)

Sabiex tiġi żgurata l-ekwivalenza fl-ikklerjar tal-klijenti, jenħtieġ li membru tal-ikklerjar ikollu proċeduri fis-seħħ biex jiffaċilita t-trasferiment ta' pożizzjonijiet ta' klijenti indiretti għal klijent alternattiv wara n-nuqqas ta' klijent milli jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li membru tal-ikklerjar ikollu proċeduri biex jillikwida l-pożizzjonijiet u l-assi tal-klijenti indiretti u biex jirritorna r-rikavati minn likwidazzjoni lil dawn il-klijenti indiretti meta jkunu magħrufa. Meta, għal kwalunkwe raġuni, ir-rikavati minn likwidazzjoni ma jkunux jistgħu jiġu rritornati direttament lill-klijenti indiretti kkonċernati, jenħtieġ li r-rikavati minn likwidazzjoni jiġu rritornati lill-klijent inadempjenti għall-kont tal-klijenti indiretti tiegħu.

(12)

Jenħtieġ li jitpoġġew proċeduri fis-seħħ sabiex, f'każ ta' inadempjenza tal-klijent, l-informazzjoni dwar l-identità tal-klijenti indiretti tkun tista' tiġi magħrufa u l-membru tal-ikklerjar ikun jista' jidentifika liema assi u pożizzjonijiet jappartjenu lil liema klijent indirett.

(13)

Jenħtieġ li klijent li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett jippreżenta għażla ta' strutturi ta' kontijiet lill-klijent indirett. Madankollu, huwa possibbli li klijent indirett ma jkunx ta struzzjonijiet lill-klijent fi żmien raġonevoli. F'dak il-każ, jenħtieġ li dak il-klijent jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett lil dak il-klijent indirett billi juża kwalunkwe struttura ta' kontijiet, dment li dak il-klijent jinforma lill-klijent indirett bl-istruttura tal-kont użata, ir-riskji assoċjati ma' dak il-kont u l-livell ta' segregazzjoni tiegħu, u l-possibbiltà li jibdel l-istruttura tal-kontijiet fi kwalunkwe żmien.

(14)

L-arranġamenti tal-ikklerjar indirett jistgħu jwasslu għal riskji speċifiċi. Għaldaqstant jeħtieġ li l-partijiet kollha li jipparteċipaw fl-arranġamenti tal-ikklerjar indirett, inkluż il-membri tal-ikklerjar u s-CCPs, jidentifikaw, jissorveljaw u jġestixxu kull riskju materjali li jirriżulta minn dawn l-arranġamenti fuq bażi kontinwa. Tqassim xieraq tal-informazzjoni bejn il-klijenti u l-membri tal-ikklerjar huwa importanti b'mod speċjali għal dawn l-iskopijiet. Madankollu, jenħtieġ li l-membri tal-ikklerjar jiżguraw li dik l-informazzjoni tintuża biss għal skopijiet ta' ġestjoni tar-riskju u ta' proviżjonament ta' marġni u biex dik l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva ma tintużax ħażin.

(15)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 japplikaw mill-istess data.

(16)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(17)

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“klijent” tfisser klijent kif definit fl-Artikolu 2(15) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(b)

“klijent indirett” tfisser klijent ta' klijent kif definit fil-punt (a);

(c)

“arranġamenti tal-ikklerjar indirett” tfisser is-sett ta' relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-fornituri u r-riċeventi tas-servizzi tal-ikklerjar indirett ipprovduti min klijent, klijent indirett jew it-tieni klijent indirett;

(d)

“tieni klijent indirett” tfisser klijent ta' klijent indirett kif definit fil-punt (b);

(e)

“tielet klijent indirett” tfisser klijent tat-tieni klijent indirett kif definit fil-punt (d);

Artikolu 2

Rekwiżiti għall-forniment ta' servizzi tal-ikklerjar indirett minn klijenti

1.   Klijent jista' jipprovdi biss servizzi tal-ikklerjar indirett lil klijenti indiretti dment li jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet kollha:

(a)

il-klijent ikun istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata jew ditta tal-investiment jew entità stabbilita f'pajjiż terz li titqies bħala istituzzjoni ta' kreditu jew ditta tal-investiment kieku dik l-entità kienet stabbilita fl-Unjoni;

(b)

il-klijent jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett b'termini kummerċjali raġonevoli u jiddivulga pubblikament it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali li bihom iipprovdi dawn is-servizzi;

(c)

il-membru tal-ikklerjar ikun qabel mat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali msemmija fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu.

2.   Il-klijent imsemmi fil-paragrafu 1 u l-klijent indirett għandhom jikkonkludu, bil-miktub, arranġament tal-ikklerjar indirett. L-arranġament tal-ikklerjar indirett għandu jinkludi mill-inqas dawn it-termini kuntrattwali li ġejjin:

(a)

it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali msemmija fil-paragrafu 1(b);

(b)

l-impenn tal-klijent li jonora l-obbligi kollha tal-klijent indirett lejn il-membru tal-ikklerjar fir-rigward tat-tranżazzjonijiet koperti mill-arranġament tal-ikklerjar indirett.

L-aspetti kollha tal-arranġament tal-ikklerjar indirett għandhom jiġu dokumentati b'mod ċar.

3.   CCP ma għandhiex tipprevjeni l-konklużjoni tal-arranġamenti tal-ikklerjar indirett li tkun daħlet fihom fuq termini kummerċjali raġonevoli.

Artikolu 3

Obbligi tas-CCPs

1.   CCP għandha tiftaħ u żżomm kwalunkwe wieħed mill-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 4(4) skont it-talba tal-membru tal-ikklerjar.

2.   CCP li żżomm l-assi u l-pożizzjonijiet ta' diversi klijenti indiretti f'kont kif imsemmi fl-Artikolu 4(4)(b) għandha żżomm reġistri separati tal-pożizzjonijiet ta' kull klijent indirett, tikkalkula l-marġini fir-rigward ta' kull klijent indirett u tiġbor l-ammont ta' dawk il-marġni fuq bażi gross, abbażi tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3).

3.   CCP għandu jidentifika, jissorvelja u jġestixxi kull riskju materjali li jirriżulta mid-dispożizzjoni ta' servizzi tal-ikklerjar indirett li seta' jaffettwa r-reżiljenza tas-CCP għal żviluppi avversi tas-suq.

Artikolu 4

Obbligi tal-membri tal-ikklerjar

1.   Membru tal-ikklerjar li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett għandu jagħmel dan fuq termini kummerċjali raġonevoli u għandu jiddivulga pubblikament it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali li bihom jipprovdi dawn is-servizzi.

It-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu r-riżorsi finanzjarji minimi u r-rekwiżiti tal-kapaċità operattiva għal klijenti li jipprovdu servizzi tal-ikklerjar indirett.

2.   Membru tal-ikklerjar li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett għandu jiftaħ u jżomm mill-inqas dawn il-kontijiet li ġejjin skont it-talba tal-klijent:

(a)

kont omnibus bl-assi u l-pożizzjonijiet miżmuma minn dak il-klijent għall-kont tal-klijenti indiretti tiegħu;

(b)

kont omnibus bl-assi u l-pożizzjonijiet miżmuma minn dak il-klijent għall-kont tal-klijenti indiretti tiegħu, li fihom il-membru tal-ikklerjar għandu jiżgura li l-pożizzjonijiet ta' klijent indirett ma jpaċux il-pożizzjonijiet ta' klijent indirett ieħor u li l-assi ta' klijent indirett ma jistgħux jintużaw biex ikopru l-pożizzjonijiet ta' klijent indirett ieħor.

3.   Membru tal-ikklerjar li jżomm assi u pożizzjonijiet għall-kont ta' diversi klijenti indiretti f'kont kif imsemmi fil-paragrafu 2(b) għandu jipprovdi s-CCP fuq bażi ta' kuljum bl-informazzjoni kollha meħtieġa li tippermetti li s-CCP tidentifika l-pożizzjonijiet miżmuma għall-kont ta' kull klijent indirett. Din l-informazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(4).

4.   Membru tal-ikklerjar li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett għandu mill-inqas jiftaħ u jżomm dawn il-kontijiet li ġejjin fis-CCP skont it-talba li tkun saret mill-klijent:

(a)

kont segregat għall-iskop esklużiv li jinżammu l-assi u l-pożizzjonijiet ta' klijenti indiretti miżmuma mill-membru tal-ikklerjar f'kont kif imsemmi fil-paragrafu 2(a);

(b)

kont segregat għall-iskop esklużiv li jinżammu l-assi u l-pożizzjonijiet ta' klijenti indiretti ta' kull klijent, miżmum mill-membru tal-ikklerjar f'kont kif imsemmi fil-paragrafu 2(b);

5.   Membru tal-ikklerjar għandu jistabbilixxi proċeduri għall-ġestjoni ta' inadempjenza ta' klijent li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett.

6.   Membru tal-ikklerjar li jżomm l-assi u l-pożizzjonijiet ta' klijenti indiretti f'kont kif imsemmi fil-paragrafu 2(a) għandu:

(a)

jiżgura li l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 5 jippermettu l-likwidazzjoni fil-pront ta' dawk l-assi u pożizzjonijiet wara l-inadempjenza ta' klijent, inkluż il-likwidazzjoni ta' dawk l-assi u pożizzjonijiet fil-livell tas-CCP, u jinkludi proċedura dettaljata biex jikkomunika mal-klijenti indiretti dwar l-inadempjenza tal-klijent u l-prejodu ta' żmien mistenni biex jiġu likwidati l-assi u l-pożizzjonijiet ta' dawk il-klijenti indiretti;

(b)

warali jitlesta l-proċess tal-ġestjoni tal-inadempjenza għall-inadempjenza ta' klijent, jirritorna fil-pront għand dak il-klijent, għall-kont tal-klijenti indiretti, kwalunkwe bilanċ dovut mil-likwidazzjoni ta' dawk l-assi u pożizzjonijiet.

7.   Membru tal-ikklerjar li jżomm assi u pożizzjonijiet ta' klijenti indiretti f'kont kif imsemmi fil-paragrafu 2(b) għandu:

(a)

jinkludi fil-proċeduri msemmija fil-paragrafu 5:

(i)

il-passi biex jittrasferixxi l-assi u l-pożizzjonijiet miżmuma minn klijent inadempjenti għall-kont tal-klijenti indiretti tiegħu lil klijent ieħor jew lil membru tal-ikklerjar;

(ii)

il-passi biex iħallas lil kull klijent indirett ir-rikavati mil-likwidazzjoni tal-assi u l-pożizzjonijiet ta' dak il-klijent indirett;

(iii)

proċedura dettaljata li tikkomunika lill-klijenti indiretti l-inadempjenza tal-klijent u l-perjodu ta' żmien mistenni biex jiġu likwidati l-assi u l-pożizzjonijiet ta' dawn il-klijenti indiretti;

(b)

jimpenja ruħu b'kuntratt li jiskatta l-proċeduri għat-trasferiment tal-assi u l-pożizzjonijiet miżmuma minn klijent inadempjenti għall-kont tal-klijenti indiretti tiegħu għal klijent jew membru tal-ikklerjar ieħor li nħatar mill-klijenti indiretti rilevanti tal-klijent inadempjenti, fuq talba minn dawk il-klijenti indiretti u mingħajr ma jikseb il-kunsens tal-klijent inadempjenti. Il-klijent jew il-membru tal-ikklerjar l-ieħor għandu jkun obbligat jaċċetta dawn l-assi u l-pożizzjonijiet biss meta dan il-klijent jew il-membru tal-ikklerjar l-ieħor ikun daħal minn qabel f'relazzjoni kuntrattwali ma' dawn il-klijenti indiretti rilevanti biex ikun impenjat li jagħmel dan;

(c)

jiżgura li l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 5 jippermettu l-likwidazzjoni fil-pront ta' dawk l-assi u pożizzjonijiet wara l-inadempjenza ta' klijent, inkluż il-likwidazzjoni ta' dawk l-assi u pożizzjonijiet fil-livell tas-CCP, f'każ li t-trasferiment imsemmi fil-punt (b) ma jkunx seħħ għal xi raġuni f'perjodu ta' żmien ta' trasferiment predefinit speċifikat fl-arranġament tal-ikklerjar indirett;

(d)

wara l-likwidazzjoni ta' dawn l-assi u l-pożizzjonijiet, jimpenja ruħu b'kuntratt biex jiskatta l-proċeduri għall-pagament tar-rikavati minn likwidazzjoni għal kull klijent indirett;

(e)

meta l-membru tal-ikklerjar ma jkunx seta' jidentifika l-klijenti indiretti jew itemm il-pagament tar-rikavati minn likwidazzjoni msemmija fil-punt (d) għal kull klijent indirett, jirritorna fil-pront lill-klijent għall-kont tal-klijenti indiretti kwalunkwe bilanċ dovut mil-likwidazzjoni ta' dawn l-assi u pożizzjonijiet.

8.   Membru tal-ikklerjar għandu jidentifika, jissorvelja u jġestixxi kwalunkwe riskju materjali li jirriżulta mid-dispożizzjoni ta' servizzi tal-ikklerjar indirett li seta' jaffettwa r-reżiljenza tiegħu għal żviluppi avversi tas-suq. Il-membru tal-ikklerjar għandu jistabbilixxi l-proċeduri interni biex jiżgura li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(8) ma tkunx tista' tintuża għal skopijiet kummerċjali.

Artikolu 5

Obbligi tal-klijenti

1.   Klijent li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett għandu joffri għażla lill-klijenti indiretti bejn mill-inqas it-tipi ta' kontijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u għandu jiżgura li dawk il-klijenti indiretti jkunu infurmati b'kollox dwar il-livelli tas-segregazzjoni u r-riskji assoċjati ma' kull tip ta' kont.

2.   Il-klijent imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jassenja wieħed mit-tipi ta' kontijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) lill-klijenti indiretti li ma jkunux għażlu wieħed f'perjodu ta' żmien raġonevoli stabbilit mill-klijent. Il-klijent għandu jinforma lill-klijent indirett dwar ir-riskji assoċjati mat-tip ta' kont assenjat mingħajr dewmien żejjed. Il-klijent indirett jista' jagħżel tip differenti ta' kont fi kwalunkwe ħin billi jitlob dan bil-miktub lill-klijent.

3.   Klijent li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett iżomm rekords u kontijiet separati li jippermettulu jiddistingwi bejn l-assi u l-pożizzjonijiet tiegħu stess u dawk miżmuma għall-kont tal-klijenti indiretti tiegħu.

4.   Meta l-assi u l-pożizzjonijiet ta' diversi klijenti indiretti jinżammu mill-membru tal-ikklerjar f'kont kif imsemmi fl-Artikolu 4(2)(b), il-klijent għandu jipprovdi lill-membru tal-ikklerjar bl-informazzjoni meħtieġa fuq bażi ta' kuljum biex jippermetti li l-membru tal-ikklerjar jidentifika l-pożizzjonijiet miżmuma għall-kont ta' kull klijent indirett.

5.   Klijent li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett għandu, skont l-għażla tal-klijenti indiretti tiegħu, jitlob lill-membru tal-ikklerjar biex jiftaħ u jżomm fis-CCP il-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 4(4).

6.   Klijent għandu jipprovdi lill-klijenti indiretti tiegħu b'biżżejjed informazzjoni biex jippermetti li dawn il-klijenti indiretti jidentifikaw is-CCP u l-membru tal-ikklerjar użati biex jikklerjaw il-pożizzjonijiet tagħhom.

7.   Meta l-assi u l-pożizzjonijiet ta' wieħed mill-klijenti indiretti jew aktar jinżammu mill-membru tal-ikklerjar f'kont kif imsemmi fl-Artikolu 4(2)(b), il-klijent għandu jinkludi t-termini u l-kundizzjonijiet kollha fl-arranġament tal-ikklerjar mal-klijenti indiretti tiegħu biex jiżgura li, fil-każ ta' inadempjenza ta' dak il-klijent, il-membru tal-ikklerjar jista' jirritorna fil-pront lill-klijenti indiretti r-rikavati mil-likwidazzjoni tal-pożizzjonijiet u l-assi miżmuma għall-kont ta' dawn il-klijenti indiretti skont l-Artikolu 4(7).

8.   Klijent għandu jipprovdi lill-membru tal-ikklerjar biżżejjed informazzjoni biex jidentifika, jissorvelja u jġestixxi kwalunkwe riskju materjali li jirriżulta mid-dispożizzjoni ta' servizzi tal-ikklerjar indirett li seta' jaffettwa r-reżiljenza tal-membru tal-ikklerjar.

9.   Klijent għandu jkollu arranġamenti fis-seħħ biex jiżgura li, meta jsir inadempjenti, l-informazzjoni kollha li għandu fir-rigward tal-klijenti indiretti tiegħu tkun disponibbli għall-membru tal-ikklerjar, inkluż l-identità tal-klijenti indiretti msemmija fl-Artikolu 5(4).

Artikolu 6

Rekwiżiti għall-forniment ta' servizzi tal-ikklerjar indirett minn klijenti indiretti

1.   Klijent indirett jista' jipprovdi biss servizzi tal-ikklerjar indirett lit-tieni klijenti indiretti dment li l-partijiet għall-arranġamenti tal-ikklerjar indirett jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2 u li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-klijent indirett ikun istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata jew ditta tal-investiment jew entità stabbilita f'pajjiż terz li titqies bħala istituzzjoni ta' kreditu jew ditta tal-investiment kieku dik l-entità kienet stabbilita fl-Unjoni;

(b)

il-klijent indirett u t-tieni klijent indirett jikkonkludu, bil-miktub, arranġament tal-ikklerjar indirett. L-arranġament tal-ikklerjar indirett għandu jinkludi mill-inqas dawn it-termini kuntrattwali li ġejjin:

(i)

it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali msemmija fl-Artikolu 2(1)(b);

(ii)

l-impenn tal-klijent indirett li jonora l-obbligi kollha tat-tieni klijent indirett lejn il-klijent fir-rigward ta' tranżazzjonijiet koperti mill-arranġament tal-ikklerjar indirett;

(c)

l-assi u l-pożizzjonijiet tat-tieni klijent indirett jinżammu mill-membru tal-ikklerjar f'kont kif imsemmi fl-Artikolu 4(2)(a).

L-aspetti kollha tal-arranġament tal-ikklerjar indirett imsemmija fil-punt (b) għandhom jiġu ddokumentati b'mod ċar.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-partijiet għall-arranġamenti tal-ikklerjar indirett għandhom jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-membru tal-ikklerjar u l-klijent huma parti mill-istess grupp, iżda l-klijent indirett mhuwiex parti minn dak il-grupp;

(b)

il-klijent u l-klijent indirett huma parti mill-istess grupp, iżda la l-membru tal-ikklerjar u lanqas it-tieni klijent indirett ma huma parti minn dak il-grupp.

3.   Għall-arranġamenti tal-ikklerjar indirett li jkunu daħlu fihom il-partijiet fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(a):

(a)

l-Artikoli 4(1), 4(5), 4(6) u 4(8) għandhom japplikaw għall-klijent bħallikieku dak il-klijent kien membru tal-ikklerjar;

(b)

l-Artikoli 2(1)(b), 5(2), 5(3), 5(6), 5(8) u 5(9) għandhom japplikaw għall-klijent indirett bħallikieku dak il-klijent indirett kien klijent.

4.   Għall-arranġamenti tal-ikklerjar indirett li jkunu daħlu fihom il-partijiet fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(b):

(a)

l-Artikoli 4(5) u 4(6) għandhom japplikaw għall-klijent bħallikieku dak il-klijent kien membru tal-ikklerjar;

(b)

l-Artikoli 2(1)(b), 5(2), 5(3), 5(6), 5(8) u 5(9) għandhom japplikaw għall-klijent indirett bħallikieku dak il-klijent indirett kien klijent.

Artikolu 7

Rekwiżiti għall-forniment ta' servizzi tal-ikklerjar indirett mit-tieni klijenti indiretti

1.   It-tieni klijent indirett jista' jipprovdi biss servizzi tal-ikklerjar indirett lit-tielet klijenti indiretti dment li jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet kollha:

(a)

il-klijent indirett u t-tieni klijent indirett ikunu istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati jew ditti tal-investiment jew entitajiet stabbiliti f'pajjiż terz li jitqiesu bħala istituzzjoni ta' kreditu jew ditta tal-investiment kieku dawk l-entitajiet kienu stabbiliti fl-Unjoni;

(b)

il-membru tal-ikklerjar u l-klijent huma parti mill-istess grupp, iżda l-klijent indirett mhuwiex parti minn dak il-grupp;

(c)

il-klijent indirett u t-tieni klijent indirett ikunu parti mill-istess grupp, iżda l-klijent t-tielet klijent indirett ma jkunux parti minn dak il-grupp.

(d)

it-tieni klijent indirett u t-tielet klijent indirett jikkonkludu, bil-miktub, arranġament tal-ikklerjar indirett. L-arranġament tal-ikklerjar indirett għandu jinkludi mill-inqas dawn it-termini kuntrattwali li ġejjin:

(i)

it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali msemmija fl-Artikolu 2(1)(b);

(ii)

l-impenn tat-tieni klijent indirett li jonora l-obbligi kollha tat-tielet klijent indirett lejn il-klijent indirett fir-rigward ta' tranżazzjonijiet koperti mill-arranġament tal-ikklerjar indirett;

(e)

l-assi u l-pożizzjonijiet tat-tielet klijent indirett jinżammu mill-membru tal-ikklerjar f'kont kif imsemmi fl-Artikolu 4(2)(a).

L-aspetti kollha tal-arranġament tal-ikklerjar indirett imsemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu dokumentati b'mod ċar.

2.   Meta t-tieni klijenti indiretti jipprovdu servizzi tal-ikklerjar indirett skont il-paragrafu 1:

(a)

l-Artikoli 4(1), 4(5), 4(6) u 4(8) għandhom japplikaw kemm għall-klijent kif ukoll għall-klijent indirett bħallikieku kienu membri tal-ikklerjar;

(b)

l-Artikoli 2(1)(b), 5(2), 5(3), 5(6), 5(8) u 5(9) għandhom japplikaw kemm għall-klijent indirett kif ukoll għat-tieni klijent indirett bħallikieku kienu klijenti.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1)

(3)  Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


Top