Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1172

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1172 tat-30 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fir-rigward ta' miżuri ta' kontroll dwar il-kultivazzjoni tal-qanneb

    C/2017/4464

    ĠU L 170, 1.7.2017, p. 87–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R1173

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1172/oj

    1.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 170/87


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1172

    tat-30 ta' Ġunju 2017

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fir-rigward ta' miżuri ta' kontroll dwar il-kultivazzjoni tal-qanneb

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 58(4) u l-Artikolu 62(2)(e) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-regoli għall-verifika tal-kontenut ta' Δ9 tetraidrokannabinol (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “kontenut ta' THC”) ta' varjetajiet ta' qanneb ġew stabbiliti fl-Artikolu 45 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (2) u l-Anness ta' dak ir-Regolament. Jidher li jixraq li dawk ir-regoli jiġu inkorporati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (3) kif emendat bir-Regolament Delegat (UE) 2017/1155 (4). Għaldaqstant, l-Artikolu 45 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 u l-Anness ta' dak ir-Regolament jenħtieġ li jitħassru b'effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1155.

    (2)

    Ir-regoli għad-determinazzjoni ta' varjetajiet ta' qanneb u l-verifika tal-kontenut ta' THC huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li l-qanneb jiġi kkultivat bħala għalla ewlenija fir-rebbiegħa, iżda dawn mhumiex kompletament adattati għall-qanneb imkabbar bħala għelejjel intermedji. B'mod partikolari, id-data tat-30 ta' Ġunju bħala l-aħħar data għas-sottomissjoni tat-tikketti uffiċjali taż-żerriegħa stabbilita fl-Artikolu 17(7) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 hija kmieni wisq għall-qanneb imkabbar bħala għalla intermedja. Peress li dak il-metodu ta' kultivazzjoni wera li huwa xieraq għall-qanneb industrijali u kompatibbli mal-ħtiġijiet ambjentali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu data iktar tard minn hekk għall-qanneb imkabbar bħala għalla intermedja iżda li ma tkunx aktar tard mill-1 ta' Settembru.

    (3)

    Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 għandu jiġi emendat skont dan.

    (4)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Pagamenti Diretti,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 17(7), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “B'deroga mill-punt (c) tal-ewwel sottoparagrafu, meta ż-żrigħ iseħħ wara d-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, it-tikketti għandhom jitressqu sa mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju. Madanakollu, għall-qanneb imkabbar bħala għalla intermedja, it-tikketti għandhom jiġu ppreżentati sa data li għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri iżda li ma tkunx aktar tard mill-1 ta' Settembru. F'każ li t-tikketti jkunu jridu jitressqu wkoll lil awtoritajiet nazzjonali oħrajn, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li dawk it-tikketti jintbagħtu lura lill-benefiċjarju ladarba jkunu tressqu skont dak il-punt. Fuq it-tikketti mibgħutin lura għandu jiġi mmarkat li dawn intużaw għal applikazzjoni.”

    (2)

    L-Artikolu 45 jitħassar.

    (3)

    L-Anness jitħassar.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ġunju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta' appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta' dak ir-Regolament (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1155 tal-15 ta' Frar 2017 li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014 fir-rigward ta' miżuri ta' kontroll relatati mal-kultivazzjoni tal-qanneb, ċerti dispożizzjonijiet dwar il-pagament ekoloġiku, il-pagament għal bdiewa żgħażagħ li jkollhom fil-kontroll tagħhom persuna ġuridika, il-kalkolu tal-ammont għal kull unità fil-qafas ta' appoġġ volontarju akkoppjat, il-frazzjonijiet ta' drittijiet għall-pagament u ċerti rekwiżiti ta' notifika b'rabta mal-iskema ta' ħlas taż-żona unika u l-appoġġ volontarju akkoppjat, u li jemenda tal-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 167, 30.6.2017, p. 1).


    Top