Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0920

    Regolament (UE) 2017/920 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 531/2012 fir-rigward tar-regoli għas-swieq tar-roaming bl-ingrossa (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 147, 9.6.2017, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2022; Imħassar b' 32022R0612

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/920/oj

    9.6.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 147/1


    REGOLAMENT (UE) 2017/920 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-17 ta’ Mejju 2017

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 531/2012 fir-rigward tar-regoli għas-swieq tar-roaming bl-ingrossa

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jintroduċi approċċ komuni għar-regolazzjoni tar-roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni.

    (2)

    L-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa stabbilita fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2015 qieset il-pakkett tas-Suq Uniku fit-Telekomunikazzjoni, adottat sussegwentement mir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), bħala l-ewwel pass lejn l-eliminazzjoni tat-tariffi supplimentari għar-roaming bl-imnut, sabiex b’hekk jiġi appoġġat it-twaqqif ta’ suq uniku diġitali fl-Unjoni.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) 2015/2120 jistabbilixxi mekkaniżmu ġdid ta’ prezzijiet bl-imnut għas-servizzi tar-roaming regolati madwar l-Unjoni kollha sabiex jitneħħew it-tariffi supplimentari għar-roaming bl-imnut mill-15 ta’ Ġunju 2017 mingħajr ma tinħoloq distorsjoni tas-swieq domestiċi u miżjura.

    (4)

    It-tneħħija tat-tariffi supplimentari tar-roaming bl-imnut stabbilita permezz tar-Regolament (UE) 2015/2120, imsejħa wkoll “roam-like-at-home” (RLAH), hija meħtieġa sabiex tistabbilixxi u tiffaċilita l-funzjonament ta’ suq uniku diġitali madwar l-Unjoni. Madankollu, dak ir-Regolament waħdu mhuwiex biżżejjed biex jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq tar-roaming. Jenħtieġ li dan ir-Regolament, għalhekk, jikkontribwixxi biex il-mudelli tal-prezzijiet fis-swieq domestiċi ma jiġux affettwati mill-abolizzjoni tat-tariffi supplimentari tar-roaming bl-imnut.

    (5)

    It-tneħħija tat-tariffi supplimentari għar-roaming bl-imnut mill-15 ta’ Ġunju 2017 hija soġġetta għall-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att leġiżlattiv propost mill-Kummissjoni li jipprevedi miżuri xierqa wara r-rieżami tas-swieq tar-roaming bl-ingrossa.

    (6)

    Il-Kummissjoni għamlet rieżami komprensiv tas-swieq tar-roaming bl-ingrossa bil-għan li tivvaluta liema miżuri huma meħtieġa sabiex it-tariffi supplimentari għar-roaming bl-imnut ikunu jistgħu jitneħħew mill-15 ta’ Ġunju 2017.

    (7)

    Fid-dawl tas-sejbiet tar-rieżami tagħha, il-Kummissjoni adottat ir-rapport tagħha dwar ir-rieżami tas-suq tar-roaming bl-ingrossa fil-15 ta’ Ġunju 2016 (“ir-Rapport tal-Kummissjoni”). Ir-Rapport tal-Kummissjoni jsib li, sabiex jiġi żgurat li s-servizzi tar-roaming bl-imnut ikunu jistgħu jiġu pprovduti bi prezzijiet domestiċi bl-imnut, l-inputs tar-roaming bl-ingrossa jridu jkunu disponibbli f’livell li jippermetti lill-operaturi interni jipprovdu r-RLAH. Għalkemm l-eżistenza ta’ swieq nazzjonali tar-roaming kompetittivi għal kollox, fejn il-prezzijiet ikunu konformi mal-ispejjeż sottostanti tal-forniment tan-netwerks miżjura, ċertament tagħmel lir-RLAH aktar sostenibbli, ir-Rapport tal-Kummissjoni juri li dan ma huwiex il-każ. Ir-Rapport tal-Kummissjoni juri wkoll li huwa improbabbli ħafna li l-obbligu futur tar-RLAH bl-imnut waħdu jwassal għal swieq tar-roaming bl-ingrossa li jiffunzjonaw sewwa u li jippermettu l-forniment tar-RLAH fl-Unjoni mill-15 ta’ Ġunju 2017.

    (8)

    B’mod partikolari, il-funzjonament attwali tas-swieq tar-roaming bl-ingrossa jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni u l-investimenti fis-swieq domestiċi tal-operaturi interni minħabba t-tariffi eċċessivi għar-roaming bl-ingrossa mqabbla mal-prezzijiet bl-imnut domestiċi applikati għall-utenti finali. Dan japplika, b’mod partikolari, għal operaturi iżgħar, operaturi ta’ netwerk mobbli virtwali (MVNOs), jew operaturi netti ta’ roaming ’il barra, b’tali mod li jagħmel lir-RLAH strutturalment mhux sostenibbli.

    (9)

    Jenħtieġ li l-funzjonament tas-swieq tar-roaming bl-ingrossa jippermetti lill-operaturi jirkupraw l-ispejjeż kollha għall-provvista ta’ servizzi tar-roaming bl-ingrossa, inklużi spejjeż konġunti u komuni. Jenħtieġ li dan jippreserva l-inċentivi sabiex isir investiment fin-netwerks miżjura u tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni domestika fis-swieq miżjura kkawżata minn arbitraġġ regolatorju mill-operaturi li jużaw rimedji ta’ aċċess għar-roaming bl-ingrossa sabiex jikkompetu fi swieq miżjura domestiċi.

    (10)

    Fid-dawl tal-ostakoli identifikati, jenħtieġ li l-miżuri attwali applikabbli fis-swieq tar-roaming bl-ingrossa jiġu emendati sabiex ikun żgurat li l-livell tat-tariffi supplimentari għar-roaming bl-ingrossa jippermetti l-forniment sostenibbli tar-RLAH fl-Unjoni.

    (11)

    Sabiex ikun possibbli l-iżvilupp ta’ swieq aktar effikaċi, integrati u kompetittivi għas-servizzi tar-roaming, meta jinnegozjaw l-aċċess għar-roaming bl-ingrossa għall-iskop li jipprovdu servizzi tar-roaming bl-imnut, jenħtieġ li l-operaturi jingħataw l-alternattiva li jinnegozjaw skemi ta’ pprezzar bl-ingrossa innovattivi li ma jkunux direttament marbuta mal-volumi effettivament ikkonsmati, bħal pagamenti fissi, impenji bil-quddiem jew kuntratti bbażati fuq il-kapaċità, jew inkella skemi ta’ pprezzar li jirriflettu l-varjazzjonijiet tad-domanda matul is-sena. Jenħtieġ għalhekk li l-partijiet fin-negozjati jkollhom l-għażla li jaqblu li ma japplikawx tariffi regolati massimi tar-roaming bl-ingrossa tul il-ftehimiet ta’ roaming bl-ingrossa. Dan jeskludi l-possibbiltà għal kwalunkwe parti li sussegwentement titlob l-applikazzjoni ta’ tariffi massimi bl-ingrossa abbażi tal-volum għall-konsum proprju, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 531/2012. Jenħtieġ li din l-alternattiva tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi regolati tar-roaming bl-imnut skont dak ir-Regolament.

    (12)

    Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu inklużi fl-offerti ta’ referenza sabiex operaturi ta’ netwerk mobbli jkunu jistgħu jipprevjenu roaming permanenti jew użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għar-roaming bl-ingrossa jiġu ċċarati. Fejn l-operatur tan-netwerk miżjur, b’mod partikolari, għandu raġunijiet motivati sabiex iqis li qed isir roaming permanenti minn porzjon sinifikanti tal-klijenti tal-fornitur tar-roaming jew użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għar-roaming bl-ingrossa, jenħtieġ li hu jkun jista’ jitlob lill-fornitur tar-roaming biex jipprovdi, b’mod aggregat u f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti kemm dawk tal-Unjoni kif ukoll dawk nazzjonali f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tad-data, informazzjoni li tippermetti d-determinazzjoni dwar jekk porzjon sinifikanti tal-klijenti tal-fornitur tar-roaming jinsabx f’sitwazzjoni ta’ roaming permanenti jew jekk hemmx użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għal roaming bl-ingrossa, bħal informazzjoni dwar il-porzjon ta’ klijenti b’konsum domestiku insinifikanti meta mqabbel mal-konsum tar-roaming. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-terminazzjoni ta’ ftehimiet ta’ roaming bl-ingrossa bil-għan li tipprevjeni roaming permanenti jew użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għal roaming bl-ingrossa ssir biss meta miżuri anqas strinġenti jkunu naqsu milli jindirizzaw is-sitwazzjoni. Jenħtieġ li tali terminazzjoni tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-operatur tan-netwerk miżjur, waqt li tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) meta dan ikun ġie kkonsultat. Miżuri inqas strinġenti jistgħu jikkonsistu mill-iffissar ta’ tariffi ogħla bl-ingrossa li ma jaqbżux it-tariffi massimi bl-ingrossa previsti f’dan ir-Regolament għal volumi li jaqbżu volum aggregat speċifikat fil-ftehim.Jenħtieġ li tali tariffi ogħla bl-ingrossa jiġu stabbiliti minn qabel, jew mill-mument meta l-operatur tan-netwerk miżjur ikun stabbilixxa u informa l-operatur tan-netwerk intern li, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, qed iseħħ roaming permanenti minn porzjon sinifikanti ta’ klijenti tal-fornitur tar-roaming jew użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għal roaming bl-ingrossa. Miżuri anqas strinġenti jistgħu wkoll jikkonsistu fl-impenn mill-operatur tan-netwerk intern biex jadotta jew jirrevedi l-politiki tiegħu dwar użu ġust applikabbli għall-klijenti tiegħu f’konformità mar-regoli dettaljati adottati skont l-Artikolu 6d tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, jew il-possibbiltà għall-operatur tan-netwerk miżjur li jitlob li l-ftehim tar-roaming bl-ingrossa jiġi rivedut. Fl-interessi tat-trasparenza, jenħtieġ li l-awtorità regolatorja nazzjonali tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni li tikkonċerna talbiet għal awtorizzazzjoni sabiex jiġu tterminati ftehimiet ta’ roaming bl-ingrossa b’rispett għall-kunfidenzjalità kummerċjali.

    (13)

    Fir-rigward tar-regoli dwar it-tariffi bl-ingrossa, jenħtieġ li l-obbligi regolatorji fil-livell tal-Unjoni jinżammu minħabba li kwalunkwe miżura li tippermetti r-RLAH madwar l-Unjoni mingħajr ma tindirizza l-livell tal-ispejjeż bl-ingrossa assoċjati mal-forniment ta’ servizzi tar-roaming bl-ingrossa tista’ tirriskja li tħarbat is-suq intern għas-servizzi tar-roaming u, b’hekk, ma tkunx qed tinkoraġġixxi li jkun hemm aktar kompetizzjoni. Jenħtieġ li tariffi bl-ingrossa f’livell xieraq jiffaċilitaw il-kompetizzjoni sostenibbli, anke min-naħa ta’ parteċipanti ġodda, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u negozji ġodda.

    (14)

    Jenħtieġ li t-tariffi massimi bl-ingrossa jaġixxu bħala livell ta’ salvagwardja u jenħtieġ li dawn jiżguraw li l-operaturi jkunu jistgħu jirkupraw l-ispejjeż tagħhom, inklużi spejjeż konġunti u komuni. Jenħtieġ li huma jippermettu wkoll il-forniment sostenibbli mifrux tar-RLAH, filwaqt li fl-istess ħin iħallu marġini għal negozjati kummerċjali bejn l-operaturi.

    (15)

    L-istimi tal-ispejjeż għall-forniment ta’ servizzi tar-roaming bl-ingrossa, inklużi spejjeż konġunti u komuni, ġew ivvalutati abbażi ta’ diversi sorsi. Sors wieħed kien mudell tal-ispejjeż ġenerali għas-servizzi tar-roaming bl-ingrossa popolat b’data nazzjonali u bbażat fuq il-metodu użat mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sabiex jiddeterminaw il-limiti massimi tar-rati ta’ terminazzjoni mobbli skont id-dritt tal-Unjoni. Sors ieħor kien dak ta’ stimi tal-ispejjeż alternattivi bbażati fuq approċċi konsistenti madwar l-Unjoni dwar ir-regolazzjoni tar-rati ta’ terminazzjoni mobbli nazzjonali. Il-valutazzjoni ġiet ibbażata wkoll fuq it-tariffi attwali tar-roaming bl-ingrossa għat-traffiku mhux bilanċjat fl-Unjoni u fuq l-evidenza tat-tariffi attwali għall-aċċess bl-ingrossa fis-swieq domestiċi.

    (16)

    Fil-kunsiderazzjoni tal-istimi tal-ispejjeż, ġie kkunsidrat l-impatt potenzjali tan-natura staġjonali tat-traffiku tar-roaming fuq l-ispejjeż globali għall-provvista tas-servizzi tar-roaming bl-ingrossa fil-livell nazzjonali. Dawn l-istimi ħadu nota tal-effetti ta’ kontrobilanċ li jtaffu kwalunkwe żieda potenzjali fl-ispejjeż ikkawżata mill-istaġjonalità tat-traffiku tar-roaming. B’mod partikolari għas-servizzi tad-data, iż-żieda fid-domanda domestika tfisser li kwalunkwe domanda massima tat-traffiku staġjonali f’sena partikolari x’aktarx li tinqabeż mid-domanda domestika totali fis-sena/snin ta’ wara. Għaldaqstant, minħabba li n-netwerks ta’ komunikazzjoni mobbli terrestri pubbliċi huma dimensjonati sabiex ilaħħqu ma’ dik ix-xejra ġenerali ’l fuq xprunata mid-domanda domestika, kwalunkwe domanda massima fid-domanda totali tan-netwerk ikkawżata minn flussi ta’ roaming staġjonali mhux probabbli li tixpruna l-ispejjeż tad-dimensjonar tan-netwerk mobbli. Għat-telefonati bil-vuċi, fejn id-domanda hija aktar stabbli, f’xi pajjiżi tal-Istati Membri d-domandi massimi tar-roaming staġjonali jista’ jkollhom impatt fuq l-ispejjeż tad-dimensjonar tan-netwerk globali. Madankollu, dawn id-domandi massimi staġjonali fit-traffiku lokalizzati x’aktarx ukoll li jkunu xprunati miċ-ċaqlieq tal-utenti domestiċi lejnżoni turistiċi u jittaffew mill-effett kumpensatorju tal-utenti tas-servizzi tar-roaming fuq l-użu tal-kapaċità f’żoni metropolitani matul l-istaġun tal-btajjal tas-sajf.

    (17)

    L-użu tas-servizzi tad-data qed jikber b’mod mgħaġġel fl-Unjoni u madwar id-dinja. Jenħtieġ li l-introduzzjoni tar-RLAH mill-15 ta’ Ġunju 2017 tikkontribwixxi għal dan it-tkabbir fil-kuntest tar-roaming, li se jwassal biex il-kost għal kull unità ta’ data trażmessa jitnaqqas b’mod sinifikanti. Sabiex jittieħed kont taż-żieda fl-użu tas-servizzi tad-data u tat-tnaqqis fl-ispejjeż għal kull unità ta’ data trażmessa, jenħtieġ li t-tariffa massima bl-ingrossa għas-servizzi regolati tar-roaming tad-data tonqos kull sena u jenħtieġ li tiġi stabbilita f’euro għal kull gigabyte fejn gigabyte hija ekwivalenti għal 1 000 megabyte. Fl-iffissar tat-tariffa massima bl-ingrossa għas-servizzi regolati tar-roaming tad-data, ġew ikkunsidrati l-komponenti tal-aċċess kollha meħtieġa sabiex jippermettu l-forniment ta’ servizzi tar-roaming, inklużi l-ispejjeż ta’ tranżitu sabiex it-traffiku tad-data jitwassal f’punt ta’ skambju identifikat mill-operatur tan-netwerk intern.

    (18)

    Jenħtieġ li l-portafoll ta’ servizzi pprovduti minn kull fornitur tas-servizzi tar-roaming bl-ingrossa, u l-volumi ta’ traffiku mistennija tagħhom jiġu kkunsidrati meta jitqies ir-rwol ta’ salvagwardja tat-tariffi tar-roaming bl-ingrossa fil-kisba taż-żewġ għanijiet, jiġifieri li jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi tar-roaming bl-ingrossa jirkupraw l-ispejjeż rilevanti kollha tagħhom filwaqt li jiġi żgurat li n-nonsostenibbiltà tar-RLAH tibqa’ eċċezzjonali.

    (19)

    Jenħtieġ għalhekk li t-tariffi massimi eżistenti bl-ingrossa għas-servizzi tar-roaming tat-telefonati bil-vuċi, tal-SMS u tad-data jitbaxxew b’mod sostanzjali.

    (20)

    Filwaqt li jiżguraw il-kunfidenzjalità tan-negozju u sabiex jimmonitorjaw u jissorveljaw l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 u l-iżviluppi fis-swieq tar-roaming bl-ingrossa, jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu intitolati li jitolbu informazzjoni dwar il-ftehimiet ta’ roaming bl-ingrossa li ma jipprevedux l-applikazzjoni tat-tariffi massimi tar-roaming bl-ingrossa. Jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet jitħallew ukoll jitolbu informazzjoni dwar l-adozzjoni u l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet fil-ftehimiet ta’ roaming bl-ingrossa mmirati biex jipprevjenu r-roaming permanenti u kwalunkwe użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għal roaming bl-ingrossa għal skopijiet oħrajn għajr il-provvista ta’ servizzi tar-roaming regolati lill-klijenti tal-fornituri tar-roaming li jivvjaġġaw fl-Unjoni.

    (21)

    Ir-regolazzjoni speċifika tal-prezzijiet applikabbli għas-servizzi tar-roaming bl-ingrossa tinvolvi l-applikazzjoni ta’ limitu massimu ġenerali tal-Unjoni għal prodott kompost li jista’ jinkludi wkoll inputs oħrajn ta’ aċċess għal roaming bl-ingrossa u interkonnessjoni, inklużi, b’mod partikolari, dawk soġġetti għal regolazzjoni nazzjonali jew, potenzjalment, transfruntiera. F’dan ir-rigward, id-diverġenzi madwar l-Unjoni fir-regolazzjoni ta’ dawk l-inputs huma previsti li jonqsu, b’mod partikolari minħabba miżuri addizzjonali li jistgħu jittieħdu b’konformità mad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (Direttiva Kwadru) immirati biex jiżguraw konsistenza akbar tal-approċċi regolatorji. Sadanittant, jenħtieġ li kwalunkwe tilwima bejn l-operaturi tan-netwerk miżjura u operaturi oħrajn fuq ir-rati applikati għal dawk l-inputs regolati li huma meħtieġa għall-provvista ta’ servizzi tar-roaming bl-ingrossa tiġi indirizzata, wara li tiġi kkunsidrata l-opinjoni tal-BEREC, meta jkun ġie kkonsultat, b’konformità mal-obbligi regolatorji speċifiċi applikabbli għar-roaming, kif ukoll mad-Direttiva Kwadru u d-Direttivi 2002/19/KE (6), 2002/20/KE (7), u 2002/22/KE (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (22)

    Jenħtieġ li jiġu mmonitorjati u rieżaminati regolarment il-funzjonament tas-swieq tar-roaming bl-ingrossa u l-interrelazzjoni tagħhom mas-suq tar-roaming bl-imnut, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-iżviluppi kompetittivi u teknoloġiċi u l-flussi tat-traffiku. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni, sal-15 ta’ Diċembru 2018, tressaq rapport interim lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jiġbor fih l-effetti tal-abolizzjoni tat-tariffi supplimentari tar-roaming bl-imnut, filwaqt li jieħu kont ta’ kwalunke rapport rilevanti min-naħa tal-BEREC. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, sussegwentement, tressaq rapporti ta’ kull sentejn lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jenħtieġ li l-ewwel rapport tali jiġi ppreżentat sal-15 ta’ Diċembru 2019. Jenħtieġ li, fir-rapporti ta’ kull sentejn tagħha, il-Kummissjoni b’mod partikolari tivvaluta jekk ir-RLAH għandux xi impatt fuq l-evoluzzjoni ta’ pjanijiet ta’ tariffa disponibbli fis-suq bl-imnut. Dan jenħtieġ jinkludi, minn naħa, evalwazzjoni tal-introduzzjoni eventwali ta’ pjanijiet ta’ tariffi li jinkludu biss servizzi domestiċi u li jeskludu għal kollox is-servizzi tar-roaming bl-imnut, u li għalhekk jimminaw l-għan stess tar-RLAH u, min-naħa l-oħra, evalwazzjoni ta’ kwalunkwe tnaqqis fid-disponibbiltà ta’ pjanijiet ta’ tariffi b’rata fissa, li jista’ jirrappreżenta wkoll telf għall-klijenti u jimmina l-għanijiet tas-suq uniku diġitali. Jenħtieġ li r-rapporti ta’ kull sentejn tal-Kummissjoni, b’mod partikolari, janalizzaw sa liema punt it-tariffi supplimentari tar-roaming bl-imnut ġew awtorizzati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-kapaċità tal-operaturi tan-netwerks interni li jsostnu l-mudelli domestiċi tagħhom tat-tariffi u l-kapaċità tal-operaturi tan-netwerks miżjura li jirkupraw mill-ispejjeż imġarrba b’mod effiċjenti għall-provvista ta’ servizzi regolati ta’ roaming bl-ingrossa. Sabiex ikun iffaċilitat tali rapportar bil-għan li jivvaluta kif is-swieq tar-roaming jadattaw għar-regoli dwar ir-RLAH, jenħtieġ li tinġabar biżżejjed data dwar il-funzjonament ta’ dawk is-swieq wara l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-regoli.

    (23)

    Sabiex jivvaluta l-iżviluppi kompetittivi fis-swieq tar-roaming madwar l-Unjoni kollha u jirrapporta regolarment dwar il-bidliet fit-tariffi attwali tar-roaming bl-ingrossa għat-traffiku mhux bilanċjat bejn il-fornituri tas-servizzi tar-roaming, jenħtieġ li l-BEREC jiġbor data mingħand l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar it-tariffi attwali applikati għat-traffiku bilanċjat u mhux bilanċjat rispettivament. Jenħtieġ li l-BEREC jiġbor ukoll data f’każijiet fejn il-partijiet għal ftehim tar-roaming bl-ingrossa jkunu rtiraw mill-applikazzjoni tat-tariffi massimi tar-roaming bl-ingrossa jew ikunu implimentaw miżuri fil-livell bl-ingrossa mmirati biex jipprevjenu r-roaming permanenti jew l-użu anomalu jew abbużiv tal-aċċess għar-roaming bl-ingrossa għal skopijiet oħrajn għajr il-forniment ta’ servizzi regolati tar-roaming lill-klijenti tal-fornituri tar-roaming waqt li dawn tal-aħħar ikunu qed jivvjaġġaw perjodikament ġewwa l-Unjoni. Fuq il-bażi tad-data miġbura, jenħtieġ li l-BEREC jirrapporta regolarment dwar ir-rabta bejn il-prezzijiet bl-imnut, it-tariffi bl-ingrossa u l-ispejjeż bl-ingrossa għas-servizzi ta’ roaming.

    (24)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni, il-BEREC u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati jiżguraw b’mod sħiħ il-kunfidenzjalità kummerċjali meta jikkondividu informazzjoni għall-finijiet ta’ rieżami, sorveljanza u superviżjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 531/2012. Jenħtieġ li l-konformità mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità kummerċjali ma żżommx lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali milli jkunu jistgħu jikkondividu informazzjoni kunfidenzjali f’waqtha għal dawn il-finijiet.

    (25)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

    (26)

    Peress li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri, minħabba li l-miżuri nazzjonali ma jistgħux jiżguraw li r-regoli dwar is-swieq tar-roaming bl-ingrossa jkunu konsistenti mar-regoli tal-Unjoni dwar is-servizzi ta’ roaming bl-imnut, iżda jistgħu minflok, sforz l-effetti transfruntiera tas-swieq nazzjonali tar-roaming bl-ingrossa fuq il-provvista ta’ servizzi tar-roaming bl-imnut fi ħdan l-Unjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħaq dawk l-għanijiet.

    (27)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Ir-regoli dwar it-tariffi regolati ta’ roaming bl-ingrossa stipulati fl-Artikoli 7, 9 u 12 għandhom japplikaw għall-forniment tal-aċċess għall-komponenti kollha tal-aċċess għar-roaming bl-ingrossa msemmija fil-paragrafu 3, sakemm iż-żewġ partijiet għall-ftehim tar-roaming bl-ingrossa ma jkunux qablu espliċitament li kwalunkwe tariffa medja tar-roaming bl-ingrossa li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-ftehim ma tkunx soġġetta għat-tariffa regolata massima tar-roaming bl-ingrossa għall-perjodu ta’ validità tal-ftehim.”;

    (b)

    il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.   L-offerta ta’ referenza msemmija fil-paragrafu 5 għandha tkun suffiċjentement dettaljata u għandha tinkludi l-komponenti kollha neċessarji għal aċċess għal roaming bl-ingrossa kif imsemmi fil-paragrafu 3, filwaqt li tipprovdi deskrizzjoni tal-offerti rilevanti għal aċċess dirett għal roaming bl-ingrossa u aċċess għal bejgħ mill-ġdid ta’ roaming bl-ingrossa, u t-termini u l-kundizzjonijiet assoċjati.

    Dik l-offerta ta’ referenza tista’ tinkludi kundizzjonijiet li jimpedixxu roaming permanenti jew użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għal roaming bl-ingrossa għal skopijiet għajr il-forniment ta’ servizzi tar-roaming regolati lill-klijenti tal-fornituri tar-roaming filwaqt li dawn jivvjaġġaw perjodikament fl-Unjoni. Fejn speċifikat f’referenza tal-offerta, tali kundizzjonijiet għandhom jinkludu l-miżuri speċifiċi li l-operatur tan-netwerk miżjur jista’ jieħu biex jimpedixxi roaming permanenti jew użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għal roaming bl-ingrossa kif ukoll il-kriterji oġġettivi li abbażi tagħhom tali miżuri jistgħu jittieħdu. Tali kriterji jistgħu jirreferu għal informazzjoni aggregata dwar it-traffiku tar-roaming. Huma m’għandhomx jirreferu għal informazzjoni speċifika relatata ma’ traffiku individwali ta’ klijenti tal-fornitur tar-roaming.

    L-offerta ta’ referenza tista’, fost oħrajn, tipprovdi li, fejn l-operatur tan-netwerk miżjur ikollu raġunijiet motivati sabiex iqis li qed iseħħ roaming permanenti minn porzjon sinifikanti tal-klijenti tal-fornitur tar-roaming jew użu permanenti, anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għal roaming bl-ingrossa, l-operatur tan-netwerk miżjur jista’ jirrikjedi li l-fornitur tar-roaming jipprovdi, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data, informazzjoni li tippermettilu jiddetermina jekk porzjon sinifikanti tal-klijenti tal-fornitur tar-roaming jinsabx f’sitwazzjoni ta’ roaming permanenti jew jekk hemmx użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għar-roaming bl-ingrossa fuq in-netwerk miżjur tal-operatur, bħal informazzjoni dwar il-porzjon tal-klijenti li għalihom ikun stabbilit riskju ta’ użu anomalu jew abbużiv ta’ servizzi regolati tar-roaming bl-imnut provduti bi prezz domestiku bl-imnut applikabbli abbażi ta’ indikaturi oġġettivi f’konformita’ mar-regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tal-politika ta’ użu ġust adottati skont l-Artikolu 6d.

    L-offerta ta’ referenza, tista’, bħala l-aħħar miżura, fejn miżuri inqas stretti ma rnexxilhomx jindirizzaw is-sitwazzjoni, tipprevedi l-possibbiltà li jintemm ftehim ta’ roaming bl-ingrossa fejn l-operatur tan-netwerk miżjur ikun stabbilixxa li, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, qed iseħħ roaming permanenti minn porzjon sinifikanti ta’ klijenti tal-fornitur tar-roaming jew użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għal roaming bl-ingrossa, u jkun informa lill-operatur tan-netwerk intern dwar dan.

    L-operatur tan-netwerk miżjur jista’ jtemm il-ftehim ta’ roaming bl-ingrossa b’mod unilaterali għal raġunijiet ta’ roaming permanenti jew ta’ użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għal roaming bl-ingrossa biss b’awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-operatur tan-netwerk miżjur.

    Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi t-talba mill-operatur tan-netwerk miżjur għall-awtorizzazzjoni biex itemm ftehim ta’ roaming bl-ingrossa, l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-operatur tan-netwerk miżjur għandha, wara li tikkonsulta l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-operatur tan-netwerk intern, tiddeċiedi jekk tagħtix jew tiċħadx tali awtorizzazzjoni u għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar dan.

    L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-operatur tan-netwerk miżjur u tal-operatur tan-netwerk intern, kull waħda minnhom tista’ titlob lill-BEREC jadotta opinjoni dwar l-azzjoni li trid tittieħed bi qbil ma’ dan ir-Regolament. Il-BEREC għandu jadotta l-opinjoni tiegħu fi żmien xahar mill-wasla ta’ tali talba.

    Fejn il-BEREC ikun ġie kkonsultat, l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-operatur tan-netwerk miżjur għandha tistenna u tagħti l-akbar kunsiderazzjoni possibbli lill-opinjoni ta’ BEREC qabel tiddeċiedi, soġġetta għall-iskadenza tat-tliet xhur imsemmija fis-sitt subparagrafu, jekk tagħtix jew tiċħadx l-awtorizzazzjoni għat-tmiem tal-ftehim ta’ roaming bl-ingrossa.

    L-awtorità regolatorja nazzjonali tal-operatur tan-netwerk miżjur għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku informazzjoni li tikkonċerna awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu tterminati ftehimiet ta’ roaming bl-ingrossa, b’rispett għall-kunfidenzjalità kummerċjali.

    Il-ħames sad-disa’ subparagrafi ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-setgħa ta’ awtorità regolatorja nazzjonali li titlob il-waqfien immedjat ta’ ksur tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 16(6) u għad-dritt tal-operatur tan-netwerk miżjur li japplika miżuri adegwati sabiex jiġġieled il-frodi.

    Jekk meħtieġ, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimponu bidliet fl-offerti ta’ referenza, inkluż fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi li l-operatur tan-netwerk miżjur jista’ jieħu biex jimpedixxi roaming permenenti jew użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għal roaming bl-ingrossa, u l-kriterji oġġettivi li abbażi tagħhom l-operatur tan-netwerk miżjur jista’ jieħu tali miżuri, biex jagħmlu effettivi l-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu.”;

    (2)

    fl-Artikolu 7, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

    “1.   B’effett mill-15 ta’ Ġunju 2017, it-tariffa medja bl-ingrossa li l-operatur tan-netwerk miżjur jista’ jimponi fuq il-fornitur tar-roaming għall-forniment ta’ telefonata bir-roaming regolata li toriġina minn dak in-netwerk miżjur, bl-inklużjoni, fost l-oħrajn, tal-ispejjeż tal-oriġini, tat-tranżitu u tat-terminazzjoni, ma għandhiex tkun aktar minn limitu ta’ salvagwardja ta’ EUR 0,032 kull minuta. Dik it-tariffa massima bl-ingrossa għandha, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19, tibqa’ bir-rata ta’ EUR 0,032 sat-30 ta’ Ġunju 2022.

    2.   It-tariffa medja bl-ingrossa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika bejn kwalunkwe żewġ operaturi u għandha tiġi kkalkolata fuq perjodu ta’ 12-il xahar jew kwalunkwe perjodu iqsar tali li jkun fadal qabel tmiem il-perjodu tal-applikazzjoni ta’ tariffa medja massima bl-ingrossa, kif prevista fil-paragrafu 1 jew qabel it-30 ta’ Ġunju 2022.”;

    (3)

    fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   B’effett mill-15 ta’ Ġunju 2017, it-tariffa medja bl-ingrossa li l-operatur tan-netwerk miżjur jista’ jimponi fuq il-fornitur tar-roaming għall-forniment ta’ messaġġ SMS bir-roaming regolat li joriġina minn dak in-netwerk miżjur, ma għandhiex tkun aktar minn limitu ta’ salvagwardja ta’ EUR 0,01 għal kull messaġġ SMS u, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19, għandha tibqa’ bir-rata ta’ EUR 0,01 sat-30 ta’ Ġunju 2022.”;

    (4)

    fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   B’effett mill-15 ta’ Ġunju 2017, it-tariffa medja bl-ingrossa li l-operatur ta’ netwerk miżjur jista’ jimponi fuq il-fornitur tar-roaming għall-forniment ta’ servizzi regolati tar-roaming tad-data permezz ta’ dak in-netwerk miżjur ma għandhiex taqbeż limitu ta’ salvagwardja ta’ EUR 7,70 għal kull gigabyte ta’ data trażmessa. Dik it-tariffa massima bl-ingrossa għandha tonqos għal EUR 6,00 għal kull gigabyte fl-1 ta’ Jannar 2018, għal EUR 4,50 għal kull gigabyte fl-1 ta’ Jannar 2019, għal EUR 3,50 għal kull gigabyte fl-1 ta’ Jannar 2020, għal EUR 3,00 għal kull gigabyte fl-1 ta’ Jannar 2021 u għal EUR 2,50 għal kull gigabyte fl-1 ta’ Jannar 2022. Hija għandha, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19, tibqa’ bir-rata ta’ EUR 2,50 għal kull gigabyte ta’ data trażmessa sat-30 ta’ Ġunju 2022.”;

    (5)

    l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, fejn rilevanti, il-BEREC, għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli informazzjoni aġġornata dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 6a, 6b, 6c, 6e, 7, 9 u 12, b’mod li jippermetti li l-partijiet interessati jkollhom aċċess faċli għaliha.”;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “4a.   Fejn awtorità regolatorja nazzjonali tikkunsidra informazzjoni bħala kunfidenzjali skont ir-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali, il-Kummisjoni, il-BEREC u kwalunkwe awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata oħra għandhom jiżguraw dik il-kunfidenzjalità. Il-kunfidenzjalità kummerċjali m’għandhiex tipprevjeni il-kondiviżjoni f’waqtha ta’ informazzjoni bejn l-awtorità regolatorja nazzjonali, il-Kummissjoni, il-BEREC u kwalunkwe awtorità regolatorja nazzjonali oħra kkonċernata għall-finijiet ta’ rieżami, sorveljanza u superviżjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”;

    (6)

    fl-Artikolu 17(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Każijiet ta’ tilwim bejn l-operaturi tan-netwerk miżjur u operaturi oħrajn dwar ir-rati applikati għall-inputs meħtieġa għall-forniment ta’ servizzi tar-roaming bl-ingrossa regolati jistgħu jitressqu quddiem l-awtorità jew l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 20 jew 21 tad-Direttiva Qafas. F’każ bħal dan, l-awtorità jew l-awtoritajiet regolatorja/i nazzjonali kompetenti jistgħu jikkonsultaw lill-BEREC dwar l-azzjoni li trid tittieħed skont id-Direttiva Qafas, id-Direttivi Speċifiċi jew dan ir-Regolament għar-riżolviment tat-tilwima. Fejn il-BEREC ġie kkonsultat, l-awtorità jew l-awtoritajiet regolatorja/i nazzjonali kompetenti għandhom jistennew l-opinjoni tal-BEREC qabel jieħdu azzjoni sabiex jirrisolvu t-tilwima.”;

    (7)

    l-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Addizzjonalment, il-Kummissjoni għandha, sal-15 ta’ Diċembru 2018, tibgħat rapport interim lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jiġbor fih l-effetti tal-abolizzjoni tat-tariffi supplimentari għar-roaming bl-imnut, filwaqt li jqis kwalunkwe rapport rilevanti tal-BEREC. Il-Kummissjoni għandha sussegwentement, wara li tikkonsulta mal-BEREC, tippreżenta rapporti ta’ kull sentejn lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, jekk ikun xieraq, bi proposta leġiżlattiva li temenda t-tariffi massimi bl-ingrossa għas-servizzi regolati tar-roaming stipulati f’dan ir-Regolament.L-ewwel rapport tali għandu jiġi ppreżentat sal-15 ta’ Diċembru 2019.

    Dawk ir-rapporti ta’ kull sentejn għandhom jinkludu, fost affarijiet oħra, valutazzjoni ta’:

    (a)

    id-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi, inklużi dawk li huma alternattiva għas-servizzi tar-roaming regolati tat-telefonati bil-vuċi, tal-SMS u tad-data, b’mod partikolari meta wieħed iqis l-iżviluppi teknoloġiċi;

    (b)

    il-livell ta’ kompetizzjoni kemm fis-swieq bl-imnut kif ukoll f’dawk bl-ingrossa, b’mod partikolari s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operaturi żgħar, indipendenti jew li għadhom kemm bdew, u l-MVNOs, inklużi l-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ ftehimiet kummerċjali u l-livell ta’ interkonnessjoni bejn l-operaturi;

    (c)

    sa fejn l-implimentazzjoni tal-miżuri strutturali previsti fl-Artikoli 3 u 4, u, b’mod partikolari, abbażi tal-informazzjoni provduta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tal-proċedura għal awtorizzazzjoni minn qabel stabbilita fl-Artikolu 3(6), ipproduċiet riżultati fl-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq intern għal servizzi regolati ta’ roaming;

    (d)

    l-evoluzzjoni tal-pjanijiet disponibbli tat-tariffi bl-imnut;

    (e)

    bidliet fix-xejriet tal-konsum tad-data kemm għal servizzi domestiċi kif ukoll għal dawk ta’ roaming;

    (f)

    il-kapaċità tal-operaturi tan-netwerks interni li jsostnu l-mudell tat-tariffi domestiċi u sa liema punt it-tariffi supplimentari eċċezzjonali għar-roaming bl-imnut ġew awtorizzati skont l-Artikolu 6c;

    (g)

    il-kapaċità tal-operaturi ta’ netwerk miżjur li jirkupraw l-ispejjeż magħmulin b’mod effiċjenti biex jipprovdu servizzi tar-roaming bl-ingrossa regolati;

    (h)

    l-impatt tal-applikazzjoni tal-politiki dwar użu ġust minn operaturi bi qbil mal-Artikolu 6d, inkluża l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe inkonsistenza fl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ tali politiki dwar użu ġust.”;

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Sabiex jivvaluta l-iżviluppi kompetittivi fis-swieq tar-roaming madwar l-Unjoni kollha, il-BEREC għandu jiġbor regolarment data mingħand l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar l-iżviluppi fit-tariffi bl-ingrossa u bl-imnut għas-servizzi regolati ta’ telefonati bil-vuċi, SMS u roaming tad-data, inklużi t-tariffi bl-ingrossa applikati għat-traffiku tar-roaming bilanċjat u mhux bilanċjat, rispettivament. Għandu jiġbor ukoll data dwar il-ftehimiet ta’ roaming bl-ingrossa mhux soġġetti għat-tariffi massimi tar-roaming bl-ingrossa previsti fl-Artikoli 7, 9 jew 12 u dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri kuntrattwali fil-livell tal-ingrossa mmirati biex jipprevjenu r-roaming permanenti jew l-użu anomalu jew abbużiv ta’ aċċess għar-roaming bl-ingrossa għal skopijiet oħrajn għajr il-forniment ta’ servizzi tar-roaming regolati lill-klijenti tal-fornituri tar-roaming waqt li dawn tal-aħħar ikunu qed jivvjaġġaw perjodikament fl-Unjoni.

    Dik id-data għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni tal-anqas darbtejn fis-sena. Il-Kummissjoni għandha tippubblikaha.

    Fuq il-bażi tad-data miġbura, il-BEREC għandu jirrapporta regolarment dwar l-evoluzzjoni tat-tendenzi tal-prezzijiet u tal-konsum fl-Istati Membri kemm għal servizzi domestiċi kif ukoll għal dawk ta’ roaming, l-evoluzzjoni tar-rati reali tar-roaming bl-ingrossa għat-traffiku żbilanċjat bejn fornituri tas-servizzi tar-roaming, u dwar ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet bl-imnut, it-tariffi bl-ingrossa u l-ispejjeż bl-ingrossa għas-servizzi tar-roaming. Il-BEREC għandu jivvaluta kemm dawk l-elementi jirrelataw mill-qrib ma’ xulxin.

    Il-BEREC għandu wkoll ta’ kull sena jiġbor informazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar it-trasparenza u l-komparabbiltà ta’ tariffi differenti offruti mill-operaturi lill-klijenti tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik id-data u dawk is-sejbiet.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-punti 2, 3 u 4 tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-15 ta’ Ġunju 2017.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta’ Mejju 2017.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ABELA


    (1)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 162.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2017 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ April 2017.

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).

    (6)  Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7).

    (7)  Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21).

    (8)  Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51).


    Top