This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R0777
Commission Implementing Regulation (EU) 2017/777 of 4 May 2017 initiating a review of Council Implementing Regulation (EU) No 501/2013 (extending the definitive anti-dumping duty on imports of bicycles originating in the People's Republic of China to imports of bicycles consigned from Indonesia, Malaysia, Sri Lanka and Tunisia, whether declared as originating in Indonesia, Malaysia, Sri Lanka and Tunisia or not) for the purposes of determining the possibility of granting an exemption from those measures to one Tunisian exporting producer, repealing the anti-dumping duty with regard to imports from that exporting producer and making imports from that exporting producer subject to registration
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/777 tal-4 ta' Mejju 2017 li jagħti bidu għal rieżami tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 (li jestendi d-dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le) għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil produttur esportatur Tuneżin wieħed, li jirrevoka d-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur u li l-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur jagħmilhom soġġetti għar-reġistrazzjoni
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/777 tal-4 ta' Mejju 2017 li jagħti bidu għal rieżami tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 (li jestendi d-dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le) għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil produttur esportatur Tuneżin wieħed, li jirrevoka d-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur u li l-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur jagħmilhom soġġetti għar-reġistrazzjoni
C/2017/2845
ĠU L 116, 5.5.2017, p. 20–25
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
5.5.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 116/20 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/777
tal-4 ta' Mejju 2017
li jagħti bidu għal rieżami tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 (li jestendi d-dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le) għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil produttur esportatur Tuneżin wieħed, li jirrevoka d-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur u li l-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur jagħmilhom soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4), 13(4) u 14(5) tiegħu,
Wara li infurmat lill-Istati Membri,
Billi:
1. TALBA
(1) |
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal eżenzjoni mill-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, estiżi għal importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le, skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament antidumping bażiku. |
(2) |
It-talba ġiet imressqa fit-13 ta' Settembru 2016 minn Look Design System SA (“l-applikant”), produttur esportatur tal-biċikletti fit-Tuneżija (“il-pajjiż ikkonċernat”). |
2. PRODOTT TAĦT RIEŻAMI
(3) |
Il-prodott taħt rieżami huwa biċikletti u roti oħrajn tagħhom (inkluż triċikletti għat-tqassim, imma esklużi l-uniċikli), mhux motorizzati, ikkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le, attwalment koperti mill-kodiċijiet NM ex 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (il-kodiċijiet TARIC 8712003010 u 8712007091). |
3. IL-MIŻURI EŻISTENTI
(4) |
Fid-29 ta' Mejju 2013, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (UE) Nru 502/2013 (2), emenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 (3) li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw mir-RPĊ wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (4). |
(5) |
Fl-istess jum, il-Kunsill, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 501/2013 (5) estenda l-miżuri għal importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le. |
(6) |
Fit-18 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni, permezz ta' Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/776 (6), estendiet il-miżuri għal importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le. |
4. RAĠUNIJIET GĦAR-RIEŻAMI
(7) |
L-applikant allega li ma huwa marbut ma' ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, li ttieħdu miżuri antidumping fil-konfront tagħhom għall-prodott taħt rieżami. |
(8) |
Barra minn hekk, l-applikant allega li ma esportax il-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni użat fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri estiżi, jiġifieri mill-1 ta' Settembru 2011 sal-31 ta' Awwissu 2012. |
(9) |
Minbarra dan, l-applikant allega li ma evitax il-miżuri eżistenti. |
(10) |
Fl-aħħar nett, l-applikant ipprovda evidenza li huwa kien esporta l-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni f'Awwissu 2016. |
5. PROĊEDURA
5.1. Il-bidu
(11) |
Wara li ġiet eżaminata l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika t-tnedija ta' investigazzjoni skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament antidumping bażiku għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li l-applikant jingħata eżenzjoni mill-miżuri estiżi. L-industrija tal-Unjoni li kien magħruf li kienet ikkonċernata ġiet infurmata bit-talba għal rieżami u ngħatat l-opportunità li tikkummenta, iżda ma wasal l-ebda kumment. |
5.2. It-tħassir tal-miżuri antidumping eżistenti u r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet
(12) |
Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament antidumping bażiku, id-dazju antidumping fis-seħħ għandu jitħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott rieżaminat li huma prodotti u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-applikant. |
(13) |
Fl-istess waqt, tali importazzjonijiet għandhom isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku, sabiex jiġi żgurat li, jekk ir-rieżami juri li teżisti ċirkomvenzjoni fir-rigward tal-applikant, id-dazji antidumping ikunu jistgħu jiġu imposti mid-data tar-reġistrazzjoni ta' dawn l-importazzjonijiet. L-ammont tar-responsabilitajiet futuri possibbli tal-applikant ma jistax jiġi stmat f'dan l-istadju tal-investigazzjoni. |
5.3. Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami
(14) |
L-investigazzjoni se tkopri l-perjodu mill-1 ta' April 2016 sal-31 ta' Marzu 2017 (“il-perjodu ta' investigazzjoni ta' rieżami”). |
5.4. L-investigazzjoni tal-applikant
(15) |
Sabiex tkun tista' tikseb it-tagħrif li hija tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant. L-applikant għandu jippreżenta l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament antidumping bażiku. |
5.5. Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub
(16) |
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. |
5.6. Possibbiltà ta' smigħ mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni
(17) |
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi tal-bidu tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet. |
5.7. Istruzzjonijiet għal sottomissjonijiet bil-miktub u sabiex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija kif ukoll il-korrispondenza
(18) |
L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta' partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b'mod espliċitu (a) lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta' dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f'għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. |
(19) |
Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f'dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li jkun intalab trattament kunfidenzjali għalihom jiġu mmarkati “Limited” (7) (“Ristrett”). |
(20) |
Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament antidumping bażiku, li jiġu tikettati “For inspection by interested parties” (“Għal spezzjoni minn partijiet interessati”). Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitlubin, din l-informazzjoni tista' tiġi injorata. |
(21) |
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skennjati ta' prokuri u ta' ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' tweġibiet voluminużi li jiġu mressqa fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta' ittra reġistrata. Permezz ta' ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F'KAŻIJIET TA' DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta' kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b'mezz ieħor ta' komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta' komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq. L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
6. NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI
(22) |
F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskritti stipulati, jew tfixkel b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament antidumping bażiku. |
(23) |
Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli. |
(24) |
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u s-sejbiet għalhekk jissejsu fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament antidumping bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat. |
(25) |
In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta' kooperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li biex tippreżenta t-tweġiba kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament. |
7. L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA
(26) |
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' punt ta' kuntatt bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta' żmien u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta' smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b'mod sħiħ. L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi l-partijiet u li jippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji. |
(27) |
It-talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta jenħtieġ li ssir bil-miktub u għandhom jiġu speċifikati r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet. |
(28) |
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/ |
8. L-ISKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI
(29) |
L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament antidumping bażiku, fi żmien disa' xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament. |
9. IPPROĊESSAR TA' DEJTA PERSONALI
(30) |
Kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Rieżami tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 501/2013, huwa b'dan mibdi skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 sabiex jiġi stabbilit jekk l-importazzjonijiet ta' biċikletti u roti oħrajn tagħhom (inkluż triċikletti għat-tqassim, imma esklużi l-uniċikli), mhux motorizzati, ikkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le, attwalment koperti mill-kodiċijiet NM ex 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (il-kodiċi TARIC 8712003010 u 8712007091), prodotti minn Look Design System SA (Kodiċi addizzjonali TARIC C206), għandhomx jiġu soġġetti għal miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013.
Artikolu 2
Id-dazju antidumping impost bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 huwa b'dan revokat fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament preżenti.
Artikolu 3
L-awtoritajiet Doganali għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) 2016/1036.
Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Mejju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 tad-29 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 153, 5.6.2013, p. 17).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 tat-3 ta' Ottubru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 261, 6.10.2011, p. 2).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 tad-29 ta' Mejju 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le (ĠU L 153, 5.6.2013, p. 1).
(6) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/776 tat-18 ta' Mejju 2015 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal fuq importazzjonijiet ta' roti kkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le (ĠU L 122, 19.5.2015, p. 4).
(7) Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' tali data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).